Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka

(Kawża C-214/23)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Samnadda u C. Vang, bħala aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tad-Danimarka

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE 1 , billi ma adottax, mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2021, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva, jew fi kwalunkwe każ, billi naqas milli jinforma lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi;

tordna lir-Renju tad-Danimarka jħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ EUR 3 642 kull jum b’effett mill-għada tad-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva, jiġifieri t-8 ta’ Ġunju 2021, u sad-data li fiha jintemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jew, fl-assenza ta’ tali tmiem, sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, u mhux inqas minn EUR 1 456 000;

fil-każ li n-nuqqas imsemmi fil-punt 1 jissokta wara l-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka jħallas lill-Kummissjoni multa ta’ EUR 21 840 għal kull jum ta’ dewmien, b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza sad-data li fiha r-Renju tad-Danimarka jkun issodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva;

tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE, taġġorna r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-teknoloġija diġitali li bidlet il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-aċċess ta’ kontenut kreattiv. Skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva, din kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali sas-7 ta’ Ġunju 2021, u li l-Istati Membri kienu marbuta jinformaw lill-Kummissjoni b’dan mill-iktar fis possibbli.

Ir-Renju tad-Danimarka ma osservax dan l-obbligu. Fl-24 ta’ Ġunju 2021, ir-Renju tad-Danimarka kkomunika lill-Kummissjoni t-traspożizzjoni tiegħu tal-Artikoli 15 u 17 tad-Direttiva, iżda mhux it-traspożizzjoni tal-kumplament tad-Direttiva. Għaldaqstant, fit-23 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet lid-Danimarka ittra ta’ intimazzjoni. Fl-24 ta’ Settembru 2021, il-Gvern Daniż wieġeb għall-ittra ta’ intimazzjoni u rrikonoxxa li d-Direttiva ma kinitx ġiet trasposta kompletament fid-dritt Daniż. Fid-19 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni bagħtet lid-Danimarka opinjoni motivata, li fir-rigward tagħha, il-Gvern Daniż wieġeb fit-30 ta’ Ġunju 2022. F’din it-tweġiba, il-Gvern Daniż indika li d-Direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta fl-intier tagħha fid-dritt Daniż. Il-Gvern Daniż indika l-aħħar f’Marzu 2023 li r-Renju tad-Danimarka kien għadu ma adottax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva.

Id-Direttiva ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u għaldaqstant il-kawża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE. Id-Danimarka għadha ma ssodisfatx l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva li tqiegħed fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi għall-finijiet ta’ konformità mad-Direttiva sas-7 ta’ Ġunju 2021 u li tinforma lill-Kummissjoni b’dan mill-iktar fis possibbli. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE huma ssodisfatti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Renju tad-Danimarka jħallas somma f’daqqa u multi skont l-Artikolu 260(3) TFUE, u tistabbilixxi sanzjonijiet konformement mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sanzjonijiet finanzjarji fi proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

____________

1 ĠU 2019, L 130, p. 92