Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ April 2023 minn European Association of Non-Integrated Metal Importers & distributors (Euranimi) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-7 ta’ Frar 2023 fil-Kawża T-81/22, Euranimi vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-252/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: European Association of Non-Integrated Metal Importers & distributors (Euranimi) (rappreżentanti: M. Campa, D. Rovetta, V. Villante, avvocati, P. Gjørtler, advokat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara ammissibbli dan l-appell;

tannulla d-digriet appellat u tiddikjara l-appell ippreżentat minn Euranimi ammissibbli;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-mertu tar-rikors ta’ Euranimi;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż legali ta’ dan l-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka tliet aggravji prinċipali:

L-ewwel motiv: żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ “inċidenza diretta u individwali” – klassifikazzjoni żbaljata tal-fatti.

It-tieni motiv: żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u r-rekwiżit u l-kunċett ta’ att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni - kwalifika żbaljata tal-fatti u distorsjoni tal-provi.

It-tielet motiv: kwalifika żbaljata tal-fatti u distorsjoni tal-provi.

____________