Language of document : ECLI:EU:T:2019:567

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

10 ta’ Settembru 2019 (*)

“Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova r-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni mir-regoli tal-Unjoni dwar l-isfruttament tal-pipeline tal-gass OPAL li jikkonċernaw l-aċċess għal terzi u r-regolamentazzjoni tariffarja – Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 – Prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika”

Fil-Kawża T‑883/16 R,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, K. Rudzińska u M. Kawnik, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn I. Kucina, G. Bambāne u V. Soņeca, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika tal-Litwanja, inizjalment irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, R. Dzikovič u R. Krasuckaitė, sussegwentement minn Dzikovič, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn T. Henze u R. Kanitz, sussegwentement minn Kanitz, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6950 finali, tat-28 ta’ Ottubru 2016, dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL, mogħtija mid-Direttiva 2003/55/KE, għar-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u mar-regolamentazzjoni tariffarja,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: F. Oller, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-kuntest ġuridiku

1        Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2 p. 230), ġiet imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).

2        L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73, li huwa identiku għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55, għandu l-kontenut li ġej:

“L-aċċess għal partijiet terzi

1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti, għall-klijenti kollha eliġibbli, inklużi l-impriżi ta’ provvista, sistema ta’ aċċess ta’ terzi għan-netwerks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni kif ukoll l-installazzjonijiet ta’ GNL. Din is-sistema, ibbażata fuq tariffi ppubblikati, għandha tiġi applikata oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tan-netwerk. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ konformement mal-Artikolu 41 minn awtorità regolatorja msemmija fl-Artikolu 39(1) u li dawk it-tariffi — u l-metodoloġiji, fejn il-metodoloġiji biss ikunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.      L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikollhom aċċess għan-network ta’ operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni oħrajn, jekk dan ikun meħtieġ għall-fini tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom inkluż f’relazzjoni ma’ trasmissjoni transkonfinali.

3.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jipprevjenu l-konklużjoni ta’ appalti fit-tul sa fejn dawn iħarsu r-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.”

3        L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, li ssostitwixxa l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55, jaqra kif ġej:

“Infrastruttura ġdida

1.      Infrastrutturi maġġuri ġodda tal-gass, jiġifieri interkonnetturi, faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ LNG jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu definit ta’ żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 32, 33 u 34, u l-Artikoli 41(6), (8) u (10) taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      l-investiment għandu jtejjeb il-kompetizzjoni fil-fornitura tal-gass u jtejjeb is-sigurtà tal-fornitura;

b)      il-livell tar-riskju għall-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx kemm-il darba ma tingħatax eżenzjoni;

c)      l-infrastruttura għandha tkun il-proprjetà ta’ persuna naturali jew legali li hija separata għall-inqas f’termini tal-forma legali tagħha, mill-operatur tas-sistema li fis-sistemi tiegħu sejra tinbena dik l-infrastruttura;

d)      id-drittjiet jiġu imposti fuq l-utenti ta’ dik l-infrastruttura; u

e)      l-eżenzjoni m’hix detrminetali [detrimentali] għall-kompetizzjoni jew għall-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass naturali jew il-funzjonament effettiv tas-sistema regolata li l-infrastruttura hija mqabbda magħha.

[…]

3.      L-awtorità regolatorja [nazzjonali] tista’, fejn ikun il-każ, tiddeċiedi dwar l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

[…]

6.      Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha tal-infrastruttura l-ġdida, jew tal-infrastruttura eżistenti b’kapaċità miżjuda b’mod sinifikanti.

Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandu jitqies, fuq bażi ta’ kull każ individwalment, għall-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-durata tal-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. Meta tittieħed deċiżjoni rigward dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità żejda li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-medda ta’ żmien prevista għall-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

[…]

8.      L-awtorità regolatorja għandha tibgħat lill-Kummissjoni minnufih kopja ta’ kull talba għal eżenzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-awtorità kompetenti lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni relevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-inforazzjoni tista’ tingħata lill-Kummmissjoni fil-forma aggregata, li tippermetti lill-Kummissjoni li tilħaq deċiżjoni fuq bażi tajba. B’mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun fiha:

a)      ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom l-awtorità regolatorja, jew l-Istat Membru, taw jew irrifjutaw eżenzjoni flimkien ma’ referenza għall-paragrafu 1 inklużi l-punt jew punti relevanti ta’ dak il-paragrafu li fuqhom tkun ibbażata din id-deċiżjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

b)      l-analiżi li tikun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-operat effettiv tas-suq intern tal-gass li jirriżultaw mill-għotja ta’ l-eżenzjoni;

c)      ir-raġunijiet għall-perjodu ta’ żmien u s-sehem tal-kapaċità totali ta’ l-infrastruttura tal-gass in kwistjoni li għaliha ngħatat l-eżenzjoni;

d)      f’każ li l-eżenzjoni tirrigwarda interkonnettur, ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati; u

e)      il-kontribut tal-infrastruttura għad-diversifikazzjoni tal-fornitura tal-gass.

9.      Fi żmien xahrejn mill-jum tar-riċezzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li l-awtorità regolatorja temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perijodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’perijodu addizzjonali ta’ xahrejn fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda l-għada tar-riċezzjoni tal-informazzjoni kompleta. Il-perijodu inizjali ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż ukoll bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtorità regolatorja.

[…]

L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tirtira d-deċiżjoni ta’ eżenzjoni fi żmien xahar, u għandha tinforma lill-Kummissjoni kif ikun meħtieġ.

[…]”

4        L-Artikolu 28a(1) tal-Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz – EnWG) (il-Liġi Ġermaniża dwar il-Provvista ta’ Elettriku u ta’ Gass) tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1970, 3621, iktar ’il quddiem l-“EnWG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-każ, jippermetti lill-Bundesnetzagentur (il‑BNetzA, l-Aġenzija Federali tan-Netwerks, il-Ġermanja), b’mod partikolari, li teżenta minn dispożizzjonijiet dwar l-aċċess minn terzi l-interkonnessjonijiet bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Stati oħra. Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28a tal-EnWG jikkorrispondu, essenzjalment, ma’ dawk tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Fit-13 ta’ Marzu 2009, il-BNetzA, l-awtorità regolatorja nazzjonali Ġermaniża, ikkomunikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej żewġ deċiżjonijiet tal-25 ta’ Frar 2009, li jeskludu l-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-proġett ta’ pipeline Ostseepipeline-Anbindungsleitung (OPAL) mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ aċċess tat-terzi previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55 u tar-regoli tariffarji previsti mill-Artikolu 25(2) sa (4) tagħha. Il-pipeline OPAL huwa l-parti li tgħaddi mill-art, fil-Punent, tal-pipeline ta’ Nord Stream 1, li l-punt ta’ dħul tiegħu jinsab qrib il-lokalità ta’ Lubmin, qrib Greifswald, fil-Ġermanja, u l-punt ta’ ħruġ fil-lokalità ta’ Brandov, fir-Repubblika Ċeka. Iż-żewġ deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw is-sehem miżmum rispettivament miż-żewġ proprjetarji tal-pipeline OPAL.

6        Fil-fatt, il-pipeline OPAL huwa miżmum minn WIGA Transport Beteiligungs-GmbH, Co. (iktar ’il quddiem “WIGA”, qabel W Beteiligungs-GmbH, Co. KG, preċedentement Wingas GmbH u Co. KG) li għandha sehem ta’ 80 % tal-imsemmi pipeline, u E.ON Ruhrgas AG, li għandha sehem ta’ 20 %. WIGA hija kkontrollata konġuntament minn OAO Gazprom u BASF SE. Il-kumpannija li topera l-parti tal-pipeline OPAL li tappartjeni lil WIGA hija OPAL Gastransport GmbH (iktar ’il quddiem l-“OGT”).

7        Permezz tad-Deċiżjoni C(2009) 4694 finali (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni inizjali”) tat-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni talbet lill-BNetzA, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2003/55 (li sar l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73), temenda d-deċiżjonijiet tagħha tal-25 ta’ Frar 2009, billi żżid fihom il-kundizzjonijiet li ġejjin:

“a)      Mingħajr preġudizzjoni għar-regola li tinsab fil-punt (b), impriża dominati fuq wieħed jew diversi swieq kbar tal-gass naturali upstream jew downstream li jkopru r-Repubblika Ċeka ma hijiex awtorizzata li tirriżerva, matul sena, iktar minn 50 % tal-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline OPAL għall-fruntiera Ċeka. Ir-riżervazzjonijiet tal-impriżi li jappartjenu fl-istess grupp, bħal Gazprom u Wingas, għandhom jiġu eżaminati flimkien. Ir-riżervazzjonijiet tal-impriżi domaninanti/tal-gruppi tal-impriżi dominanti li kkonkludew kuntratti kbar ta’ żmien twil ta’ provvista ta’ gass għandhom jiġu eżaminati b’mod aggregat […].

b)      Il-limitu ta’ 50 % tal-kapaċitajiet jista’ jinqabeż jekk l-impriża kkonċernata tittrasferixxi fis-suq volum ta’ 3 biljun m³ ta’ gass fuq il-pipeline tal-gass OPAL, skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja (“programm ta’ trasferiment ta’ gass”). Il-kumpannija amministrattriċi tal-pipeline tal-gass jew l-impriża marbuta li twettaq il-programm għandha tiżgura d-disponibbiltà tal-kapaċitajiet għat-trasport korrispondenti u l-għażla libera tal-punt ta’ ħruġ (‘programm ta’ trasferiment ta’ kapaċitajiet’). Il-forma tal-programmi ta’ ‘trasferiment ta’ gass’ u ta’ ‘trasferiment ta’ kapaċitajiet’ hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-BNetzA.”

8        Fis-7 ta’ Lulju 2009, il-BNetzA emendat id-deċiżjonijiet tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 billi adattathom għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq previsti mid-Deċiżjoni inizjali. Id-deroga mir-regoli ngħatat mill-BNetzA għal perijodu ta’ 22 sena.

9        Il-pipeline OPAL daħal fis-servizz fit-13 ta’ Lulju 2011 u għandu kapaċità ta’ madwar 36.5 biljun m³ fis-sena fuq il-parti tat-Tramuntana, bejn Greifswald u l-punt ta’ dħul ta’ Groß-Köris fin-Nofsinhar ta’ Berlin (il-Ġermanja). Min-naħa l-oħra, il-parti tan-Nofsinhar tal-pipeline OPAL, bejn Groß-Köris u l-punt ta’ ħruġ fi Brandov, għandha kapaċità ta’ 32 biljun m³ fis-sena. Id-differenza ta’ 4.5 biljuni kienet intiża li tinbiegħ fiż-żona tal-kummerċ Gaspool, li tinkludi t-Tramuntana u l-Lvant tal-Ġermanja.

10      Bis-saħħa tad-Deċiżjoni inizjali u tad-deċiżjonijiet tal-BNetzA tal-25 ta’ Frar 2009, kif emendati bid-deċiżjonijiet tagħha tas-7 ta’ Lulju 2009, il-kapaċitajiet tal-pipeline tal-gass OPAL ġew totalment eżentati mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-aċċess irregolat tat-terzi u dwar ir-regoli tariffarji abbażi tad-Direttiva 2003/55.

11      Fil-konfigurazzjoni teknika attwali, il-gass naturali ma jistax jiġi pprovdut fil-punt ta’ dħul tal-pipeline tal-gass qrib Greifswald ħlief permezz tal-pipeline tal-gass Nord Stream 1, użat mill-grupp Gazprom sabiex jittrasporta l-gass ta’ provenjenza minn depożiti Russi. Peress li Gazprom ma implimentatx il-programm ta’ trasferiment ta’ gass imsemmi fid-Deċiżjoni inizjali, il-50 % mhux irriżervati tal-kapaċità ta’ dan il-pipeline tal-gass qatt ma ntużaw, b’mod li 50 % biss tal-kapaċità ta’ trasport tal-pipeline tal-gass OPAL intużaw.

12      Fit-12 ta’ April 2013, OGT, OAO Gazprom u Gazprom Eksport LLC talbu formalment lill-BNetzA temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-deroga mogħtija fl-2009.

13      Fit-13 ta’ Mejju 2016, il-BNetzA kkomunikat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73, bl-intenzjoni tagħha, wara t-talba ppreżentata minn OGT, OAO Gazprom u Gazprom Eksport, li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-deroga mogħtija fl-2009 dwar il-parti tal-pipeline OPAL operata minn OGT, billi kkonkludiet ma’ din tal-aħħar kuntratt taħt id-dritt pubbliku, li jikkostitwixxi, taħt id-dritt Ġermaniż, deċiżjoni amministrattiva.

14      Essenzjalment, l-emenda prevista mill-BNetzA kienet tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet li jistgħu jiġu rriżervati minn impriżi dominanti, imposta b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni inizjali (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), bl-obbligu, għal OGT, li toffri mill-inqas 50 % tal-kapaċità operata minnha, jiġifieri, 15 864 532 kWh/h (madwar 12.3 biljun m³ fis-sena) fil-kuntest ta’ rkant, li minnhom 14 064 532 kWh/h (madwar 10.98 biljun m³ fis-sena) fil-forma ta’ kapaċitajiet magħluqa dinamikament attribwibbli (feste dynamisch zuordenbare Kapazitäten, DZK) u 1 800 000 kWh/h (madwar 1.38 biljun m3 fis-sena) fil-forma ta’ kapaċitajiet magħluqa dinamikament attribwibbli (feste frei zuordenbare Kapazitäten, FZK) fil-punt tal-ħruġ ta’ Brandov. Fil-każ fejn, matul sentejn konsekuttivi, it-talba għal kapaċitajiet FZK kellha taqbeż l-offerta inizjali ta’ 1 800 000 kWh/h, OGT kienet marbuta, taħt ċerti kundizzjonijiet, li żżid l-offerta ta’ tali kapaċitajiet sa limitu ta’ 3 600 000 kWh/h (madwar 2.8 biljun m³ fis-sena).

15      Fit-28 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73, id-Deċiżjoni C(2016) 6950 finali, dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL, mogħtija bis-saħħa tad-Direttiva 2003/55, għar-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u għar-regolamentazzjoni tariffarja (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni kkontestata”), li hija indirizzata lill-BNetzA. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55, li kkostitwixxiet il-bażi legali tad-Deċiżjoni inizjali. Id-Deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni fit-3 ta’ Jannar 2017.

16      Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabel kollox irrilevat, fil-premessi 18 sa 21 tagħha, li, minkejja li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 ma pprevediex dispożizzjoni li tirrigwarda speċifikament il-possibbiltà li tiġi emendata deroga, bħal dik li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni inizjali, awtorizzata skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt amministrattiv kien jirriżulta li deċiżjonijiet li kellhom effett fit-tul setgħu jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid. Għalhekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ paralleliżmu tar-rekwiżiti formali u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, il-Kummissjoni qieset li f’dan il-każ kien xieraq li jiġi eżaminat l-abbozz ta’ emenda tad-deroga inizjali, kif sottomess mill-BNetzA, fid-dawl tal-proċedura prevista fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73 għall-installazzjonijiet ġodda. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi li kellhom isegwu tali emenda, hija qieset li, fl-assenza ta’ klawżoli speċifiċi ta’ eżami mill-ġdid, il-bidliet magħmula fil-portata ta’ deroga mogħtija preċedentement jew fil-kundizzjonijiet li jirregolaw din id-deroga kellhom ikunu ġġustifikati u li, f’dan ir-rigward, żviluppi fattwali ġodda li seħħew wara d-Deċiżjoni inizjali ta’ eżenzjoni setgħu jikkostitwixxu raġuni valida sabiex isir eżami mill-ġdid tad-Deċiżjoni inizjali.

17      Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, approvat il-modifiki tas-sistema derogatorja, previsti mill-BNetzA, bla ħsara għal ċerti emendi, jiġifieri, b’mod partikolari:

–        l-offerta inizjali ta’ kapaċitajiet irkantati kellha tirrigwarda 3 200 000 kWh/h (madwar 2.48 biljun m³ fis-sena) ta’ kapaċitajiet FZK u 12 664 532 kWh/h (madwar 9.83 biljun m³ fis-sena) ta’ kapaċitajiet DZK;

–        żieda fil-volum tal-kapaċitajiet FZK irkantati kellha sseħħ, għas-sena ta’ wara, meta t-talba kienet taqbeż, matul irkant annwali, 90 % tal-kapaċitajiet offruti u kellha ssir permezz ta’ porzjonijiet ta’ 1 600 000 kWh/h (madwar 1.24 biljun m³ fis-sena), sa limitu ta’ 6 400 000 kWh/h (madwar 4.97 biljun m³ fis-sena);

–        impriża jew grupp ta’ impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti fir-Repubblika Ċeka jew li jikkontrollaw iktar minn 50 % tal-gass li jasal fi Greifswald setgħet tipparteċipa fl-irkant ta’ kapaċitajiet FZK biss għall-prezz bażiku, li ma kellux ikun iktar mill-prezz bażiku medju tat-tariffa rregolata fuq in-netwerk ta’ trasport taż-żona Gaspool lejn ir-Repubblika Ċeka għal prodotti paragunabbli fl-istess sena.

18      Fit-28 ta’ Novembru 2016, il-BNetzA emendat l-eżenzjoni mogħtija permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 fir-rigward tal-porzjon tal-pipeline tal-gass OPAL operat minn OGT, konformement mad-Deċiżjoni kkontestata, billi kkonkludiet ma’ din tal-aħħar kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku, li jikkostitwixxi, taħt id-dritt Ġermaniż, deċiżjoni amministrattiva.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet din il-kawża.

20      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet talba għal miżuri provviżorji, li ġiet miċħuda b’digriet tal-21 ta’ Lulju 2017, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (T‑883/16 R, EU:T:2017:542). L-ispejjeż ġew irriżervati.

21      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fid-19 ta’ Jannar, fl-20 u fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni f’din il-proċedura, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, filwaqt li r-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja. Peress li l-partijiet prinċipali ma qajmux oġġezzjonijiet, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet għal intervent.

22      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Marzu 2017.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu 2017, ir-Repubblika tal-Polonja, wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, li seħħet fit-3 ta’ Jannar 2017, ippreżentat nota komplementari għar-rikors u qajmet motiv supplimentari.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota tar-Repubblika tal-Polonja tat-13 ta’ Marzu 2017.

25      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-2 ta’ Ġunju u fil-31 ta’ Awwissu 2017.

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja talbet, konformement mal-Artikolu 28(1) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li l-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja jew, tal-inqas, quddiem awla sedenti b’ħames Imħallfin. Fis-16 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tipproponix li l-kawża tintbagħat quddiem l-Awla Manja u ħadet nota tal-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 28(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kawża kienet assenjata lill-Ewwel Awla Estiża.

27      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-Repubblika tal-Polonja u lill-Kummissjoni jipproduċu ċerti dokumenti u jwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub. Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni osservaw dawn it-talbiet.

28      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2018.

29      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30      Ir-Repubblika tal-Latvja titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Ir-Repubblika tal-Litwanja titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni kkontestata.

32      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        ma tiħux inkunsiderazzjoni, minħabba inammissibbiltà, in-nota tar-Repubblika tal-Polonja tat-13 ta’ Marzu 2017;

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

IV.    Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà tan-nota tar-Repubblika tal-Polonja tat-13 ta’ Marzu 2017

33      Ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat ir-rikors tagħha fis-16 ta’ Diċembru 2016, abbażi biss tal-istqarrija għall-istampa dwar id-Deċiżjoni kkontestata, ippubblikata mill-Kummissjoni fil-jum tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-28 ta’ Ottubru 2016. Id-Deċiżjoni kkontestata, min-naħa tagħha, ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar 2017 fis-sit internet tal-Kummissjoni.

34      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li kien biss wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata fis-sit internet tal-Kummissjoni li hija setgħet tieħu konjizzjoni tal-kontenut preċiż tal-imsemmija deċiżjoni. B’hekk, kien wara li eżaminat id-Deċiżjoni kkontestata, kif ippubblikata, li hija ppreżentat, fit-13 ta’ Marzu 2017, “suppliment relatat mar-rikors” (iktar ’il quddiem in-“nota komplementari”), li fiha hija, minn naħa, ippreżentat argumenti supplimentari insostenn tal-ewwel motiv tagħha u, min-naħa l-oħra, qajmet motiv supplimentari.

35      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tan-nota komplementari. L-ewwel nett, hija ssostni li, permezz tar-rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2016, ir-Repubblika tal-Polonja eżawriet id-dritt ta’ rikors tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE billi bdiet id-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ibbażat fuq id-data li fiha tieħu konjizzjoni tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata u ma setgħetx tibbenefika minn terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors minħabba l-pubblikazzjoni ulterjuri tad-Deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-possibbiltà li “tissupplimenta” rikors ma hijiex prevista fir-Regoli tal-Proċedura, peress li motivi ġodda bbażati fuq fatti li sussegwentement jidhru jistgħu jitqajmu fir-replika, skont l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura. It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li n-nota komplementari, li tinvoka terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors, hija forma ta’ “rikors supplimentari”, inammissibbli minħabba lis alibi pendens, peress li, b’mod partikolari, il-preżentata tar-rikors, fis-16 ta’ Diċembru 2016, ippermettiet lir-Repubblika tal-Polonja tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż dik tal-miżuri provviżorji.

36      Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-kawżi previsti f’dan l-artikolu għandhom jitressqu f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, mill-komunikazzjoni tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata li fiha r-rikorrent ikun ħa konjizzjoni tiegħu.

37      Għaldaqstant, f’dan il-każ, peress li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar 2017, kien minn din id-data li beda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Konformement mal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dan it-terminu għandu jiżdied darba b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza. Konsegwentement, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors f’din il-kawża skada fit-13 ta’ Marzu 2017.

38      B’hekk, in-nota komplementari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Marzu 2017, tressqet fl-aħħar jum tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu. Konsegwentement, hemm lok li tiġi ddikjarata ammissibbli.

39      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni.

40      L-ewwel nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li r-Repubblika tal-Polonja eżawriet id-dritt ta’ rikors tagħha billi bdiet id-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors fuq il-bażi tad-data li fiha ħadet konjizzjoni tal-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata.

41      Fil-fatt, minn naħa, hija ġurisprudenza stabbilita li t-termini għall-preżentata ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti, peress li ġew stabbiliti sabiex jiżguraw iċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex jevitaw kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, EU:T:1997:132, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li, fil-każ fejn ir-rikorrent jippreżenta rikors qabel ma t-terminu jkun beda jiddekorri, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jsegwix li t-terminu stabbilit minn dan l-aħħar artikolu, minħabba f’hekk, jinbidel. Konsegwentement, f’dan il-każ, it-terminu għall-preżentata tar-rikors ma bediex jiddekorri fid-data tal-preżentata tar-rikors, iżda, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fid-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA, C‑626/11 P, EU:C:2013:595, punti 38 u 39).

42      Min-naħa l-oħra, id-data ta’ pubblikazzjoni ta’ stqarrija għall-istampa eventwali li tikkonstata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, titqies li tibda d-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. B’mod partikolari, minn tali stqarrija għall-istampa li tinkludi biss sunt qasir tad-deċiżjoni inkwistjoni, ma jistax jiġi preżunt li l-qari tagħha jiswa bħala “konjizzjoni” tad-Deċiżjoni kkontestata fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

43      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li tiġi ppreżentata nota komplementari għar-rikors wara l-preżentata tiegħu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-Unjoni Ewropea hija komunità ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat, il-modalitajiet proċedurali applikabbli għar-rikorsi li l-qorti tal-Unjoni tiġi adita bihom għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’tali mod li dawn il-modalitajiet ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 45).

44      Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux espressament il-possibbiltà li tiġi ppreżentata nota komplementari għar-rikors wara li jiġi ppreżentat l-imsemmi rikors ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeskludi tali possibbiltà, sakemm din in-nota komplementari għar-rikors tkun ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

45      Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fil-preżenza ta’ fatt ġdid li jkun ġie żvelat matul il-proċedura, motivi ġodda jew argumenti għandhom jitqajmu waqt it-tieni skambju ta’ noti, ma jirriżultax minn din id-dispożizzjoni li, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u qabel ma tiġi ppreżentata replika, ir-rikorrenti tipproduċi att separat sabiex tippreżenta l-motivi u l-argumenti tagħha dwar id-deċiżjoni kkontestata li tkun ġiet ippubblikata wara l-preżentata tar-rikors tagħha, dan l-att separat ikun inammissibbli.

46      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tirrispondi għall-motivi u għall-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Polonja fin-nota komplementari tagħha. Wara stedina tal-Qorti Ġenerali, hija ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota komplementari fid-9 ta’ Ġunju 2017. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li n-nota addizzjonali tiġi ddikjarata ammissibbli ma jippreġudikax il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirrispondi għall-motivi u għall-argumenti tar-rikorrenti f’dan il-każ.

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, in-nota komplementari għar-rikors ippreżentata mir-Repubblika tal-Polonja fit-13 ta’ Marzu 2017, għaldaqstant qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

48      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka sitt motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ solidarjetà; it-tieni, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73; it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(b) tad-Direttiva 2009/73; ir-raba’, fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) u (e) tad-Direttiva 2009/73; il-ħames, fuq il-ksur tal-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom hija parti l-Unjoni; u, is-sitta, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

49      Qabel kollox għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ solidarjetà

50      Fil-premessi 49 sa 53 tad-Deċiżjoni kkontestata, wara li fakkret li, fid-Deċiżjoni inizjali, hija waslet għall-konklużjoni li l-pipeline OPAL kien ser itejjeb is-sigurtà tal-provvista, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-modifiki tas-sistema operattiva proposti mill-BNetzA setgħux iwasslu għal evalwazzjoni differenti. Hija waslet għall-konklużjoni li dan ma kienx il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-kapaċità addizzjonali li tista’ effettivament tintuża fuq il-pipeline Nord Stream 1, wara ż-żieda fil-kapaċità effettivament użata tal-pipeline OPAL, ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġu ssostitwiti b’mod sħiħ il-kwantitajiet ta’ gass li kienu jgħaddu sa dak iż-żmien permezz tal-pipelines Braterstwo u Yamal.

51      Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, issostni li d-Deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ sigurtà enerġetika kif ukoll il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika u għalhekk tmur kontra l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE. Fil-fehma tagħha, l-għoti ta’ deroga ġdida dwar il-pipeline OPAL jhedded is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Unjoni, b’mod partikolari fl-Ewropa Ċentrali. B’mod partikolari, it-tnaqqis tat-trasport tal-gass permezz tal-pipelines Yamal u Braterstwo jista’ jwassal għal tnaqqis fis-sigurtà enerġetika tal-Polonja u jxekkel b’mod kunsiderevoli d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tal-gass.

a)      Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73

52      Ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar li, skont l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, deroga leġiżlattiva ma tistax tingħata favur infrastruttura tal-gass ġdida ħlief jekk l-investiment fl-infrastruttura kkonċernata jtejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-gass, kriterju li għandu, fil-fehma tagħha, jiġi interpretat b’mod koerenti fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU 2010, L 295, p. 1), u fid-dawl tal-għan prinċipali tal-politika enerġetika tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 194(1) TFUE, jiġifieri, li tiġi ggarantita s-sigurtà enerġetika tal-Unjoni fl-intier tagħha u tal-Istati Membri tagħha individwalment.

53      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkontesta dawn l-argumenti.

54      Skont l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, “[l]-infrastrutturi ewlenin ġodda tal-gass, jiġifieri l-interkonnessjonijiet, jistgħu, fuq talba, jibbenefikaw għal perijodu determinat ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet [b’mod partikolari fuq l-aċċess tat-terzi], fil-kundizzjonijiet li ġejjin: a) l-investiment għandu jtejjeb il-kompetizzjoni fil-fornitura tal-gass u jtejjeb is-sigurtà tal-fornitura”.

55      Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li dan il-kriterju huwa applikabbli f’dan il-każ għar-raġuni li d-Deċiżjoni kkontestata tagħti deroga ġdida għall-aċċess ta’ terzi.

56      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma approvatx l-introduzzjoni ta’ deroga ġdida, iżda l-emenda ta’ deroga eżistenti. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, bis-saħħa tad-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Frar 2009 tal-BNetzA, kif emendati bid-deċiżjonijiet tas-7 ta’ Lulju 2009 (ara l-punti 5 u 8 iktar ’il fuq), il-kapaċitajiet ta’ trasport transkonfinali tal-pipeline OPAL kienu diġà jibbenefikaw minn deroga fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ aċċess tat-terzi previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/55 u tar-regoli tariffarji previsti mill-Artikolu 25(2) sa (4) tagħha. Kif ġie espost fil-punti 14 u 16 iktar ’il fuq, is-sistema proposta fit-13 ta’ Mejju 2016 mill-BNetzA, kif emendata skont id-Deċiżjoni kkontestata, kienet iżżomm, bħala prinċipju, din id-deroga, u emendat il-kundizzjonijiet marbuta magħha.

57      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan il-kuntest, li, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, id-Deċiżjoni kkontestata ma tbiddilx id-Deċiżjoni inizjali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 36(3) tad-Direttiva 2009/73, hija l-awtorità regolatorja nazzjonali li tiddeċiedi dwar id-deroga msemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. Għalhekk, hija l-BNetzA li ħadet id-deċiżjoni ta’ deroga tal-2009 (ara l-punti 5 u 8 iktar ’il fuq) u li, fl-2016, bidlet il-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga, meta kkonkludiet kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku ma’ OGT (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni sempliċement eżerċitat is-setgħa ta’ stħarriġ mogħtija lilha mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(4) tad-Direttiva 2003/55 u sussegwentement mill-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2009/73, billi talbet lill-BNetzA tagħmel tibdil fid-deċiżjonijiet tagħha. Id-Deċiżjoni inizjali u d-Deċiżjoni kkontestata għalhekk kienu jikkostitwixxu żewġ deċiżjonijiet indipendenti li kull waħda minnhom ippronunzjat ruħha dwar miżura prevista mill-awtoritajiet Ġermaniżi, jiġifieri, minn naħa, id-deċiżjonijiet tal-BNetzA tal-25 ta’ Frar 2009 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt taħt id-dritt pubbliku kkomunikat fit-13 ta’ Mejju 2016 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), li jikkostitwixxu deċiżjoni amministrattiva.

58      Fir-rigward tal-kriterju dwar it-titjib tas-sigurtà tal-provvista, mill-kliem tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li ma hijiex id-deroga mitluba iżda l-investiment li għandu jissodisfa dan il-kriterju — jiġifieri, f’dan il-każ, il-kostruzzjoni tal-pipeline OPAL. Konsegwentement, kien fil-mument tad-Deċiżjoni inizjali li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiżgura li l-investiment prospettat kien jissodisfa dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li teżamina l-imsemmi kriterju fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, li kien sempliċement qed japprova bidla fil-kundizzjonijiet li magħhom kienet marbuta d-deroga. Fil-fatt, peress li ebda investiment ġdid ma kien prospettat f’dan l-istadju u t-tibdil tal-kundizzjonijiet tal-operat, propost mill-BNetzA, ma kienx ser ibiddel il-pipeline tal-gass OPAL bħala infrastruttura, din il-kwistjoni fl-2016 ma setgħetx tirċievi risposta oħra ħlief fl-2009.

59      Issa, il-fatt li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet eżami mhux meħtieġ mil-leġiżlazzjoni applikabbli ma jistax iwassal lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiemha, fid-dawl ta’ kriterju mhux previst mil-liġi.

60      Għaldaqstant, l-ewwel motiv, sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

b)      Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 194(1) TFUE

61      Fir-rigward tal-Artikolu 194(1) TFUE, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, tenfasizza li l-prinċipju ta’ solidarjetà li jissemma fih huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika enerġetika. Fil-fehma tagħha, dan il-prinċipju jobbliga kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jimplimentaw il-politika enerġetika tal-Unjoni fi spirtu ta’ solidarjetà. B’mod partikolari, il-miżuri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jikkompromettu s-sigurtà enerġetika ta’ ċerti reġjuni jew ta’ ċerti Stati Membri, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-gass tagħhom, imorru kontra l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika.

62      Ir-Repubblika tal-Polonja tesponi li d-Deċiżjoni kkontestata tippermetti lil Gazprom u lill-entitajiet tal-grupp Gazprom jerġgħu jindirizzaw fis-suq tal-Unjoni volumi supplimentari ta’ gass billi jużaw b’mod sħiħ il-kapaċitajiet tal-pipeline Nord Stream 1. Fid-dawl tal-assenza ta’ tkabbir notevoli fid-domanda ta’ gass naturali fl-Ewropa ċentrali, dan ikollu biss bħala konsegwenza possibbli influwenza fuq il-kundizzjonijiet ta’ provvista u ta’ użu tas-servizzi ta’ trasport fuq il-pipelines tal-gass kompetituri ta’ OPAL, jiġifieri l-pipelines Braterstwo u Yamal, taħt forma ta’ tnaqqis jew saħansitra ta’ interruzzjoni kompleta tat-trasport tal-gass permezz ta’ dawn iż-żewġ pipelines.

63      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tibża’ li tali limitazzjoni jew interruzzjoni tat-trasport mill-pipeline Braterstwo jkollha l-effett li tirrendi impossibbli ż-żamma tal-provvista fit-territorju tal-Polonja permezz ta’ dan il-pipeline mill-Ukraina, fatt li jwassal għal impossibbiltà li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-provvista lill-klijenti fit-territorju tal-Polonja, bil-konsegwenzi li ġejjin, li apparentement ma ġewx eżaminati mill-Kummissjoni:

–        impossibbiltà, għall-impriżi responsabbli, li jwettqu l-obbligu tagħhom ta’ garanzija fir-rigward tal-provvista tal-gass lill-klijenti protetti;

–        impossibbiltà ta’ funzjonament tajjeb tas-sistema tal-gass u tal-allokazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ użu kummerċjali tal-faċilitajiet ta’ ħażna tal-gass;

–        riskju ta’ żieda kunsiderevoli fl-ispejjeż għall-kisba tal-gass.

64      It-tieni nett, fid-dawl tat-tmiem fl-2020 tal-kuntratt ta’ trasport ta’ gass permezz tal-pipeline Yamal lejn l-Ewropa tal-Punent, segwit mit-tmiem fl-2022 tal-kuntratt ta’ provvista ta’ gass lejn il-Polonja permezz ta’ dan l-istess pipeline, ir-Repubblika tal-Polonja tibża’ li jkun hemm riskju ta’ tnaqqis jew anki ta’ interruzzjoni kompleta tal-provvista ta’ gass permezz tal-pipeline Yamal, li jkollha effetti negattivi fuq:

–        id-disponibbiltà tal-kapaċitajiet ta’ importazzjoni lejn il-Polonja mill-Ġermanja u mir-Repubblika Ċeka;

–        il-livell tat-tariffi ta’ trasport minn dawn iż-żewġ pajjiżi;

–        id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista tal-gass fil-Polonja u fl-Istati Membri l-oħra tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

65      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. B’mod partikolari, hija ssostni li s-solidarjetà enerġetika hija kunċett politiku li jinsab fil-komunikazzjonijiet u fid-dokumenti tagħha, filwaqt li d-Deċiżjoni kkontestata kellha tissodisfa l-kriterji legali stabbiliti fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73. Fil-fehma tagħha, essenzjalment, il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri, stabbilit fl-Artikolu 194(1) TFUE, minn naħa, huwa indirizzat lil-leġiżlatur u mhux lill-amministrazzjoni li tapplika l-leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, jikkonċerna biss is-sitwazzjonijiet ta’ kriżi ta’ provvista jew ta’ funzjonament tas-suq intern tal-gass, filwaqt li d-Direttiva 2009/73 tistabbilixxi l-prinċipji dwar il-funzjonament normali ta’ dan is-suq. Fi kwalunkwe każ, il-kriterju ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista, stabbilit fl-Artikolu 36(1) tal-imsemmija direttiva, li hija eżaminat fid-Deċiżjoni kkontestata, jista’ jitqies li jieħu inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ solidarjetà enerġetika. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-pipeline Nord Stream 1 huwa proġett irrikonoxxut ta’ interess komuni li jikkostitwixxi t-twettiq ta’ proġett prijoritarju ta’ interess komuni Ewropew previst mid-Deċiżjoni 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, li tistabbilixxi linji gwida dwar in-netwerks trans‑Ewropej u li tħassar id-Deċiżjoni 96/391/KE u d-Deċiżjoni 1229/2003/KE (ĠU 2006, L 262, p. 1), u li l-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tista’ tippermetti li jiżdied l-użu ta’ tali infrastruttura huwa konformi mal-interessi komuni u Ewropej.

66      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li l-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL, approvata mid-Deċiżjoni kkontestata, tista’ tippreġudika s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant b’mod ġenerali jew b’mod partikolari tal-Polonja.

1)      Fuq il-portata tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

67      L-Artikolu 194(1) TFUE jgħid hekk:

“Fil-kuntest ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b’ kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib ta’ l-ambjent, il-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam ta’ l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri:

tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;

tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni;

(ċ) tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta’ l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli; u

tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ l-enerġija.”

68      Din id-dispożizzjoni, li ġiet introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, daħħlet fit-Trattat FUE bażi legali espressa għall-politika tal-Unjoni fil-qasam enerġetiku li qabel kienet tistrieħ, b’mod partikolari, fuq dak li kien l-Artikolu 95 KE, relatat mat-twettiq tas-suq intern (li sar l-Artikolu 114 TFUE).

69      L-“[i]spirtu ta’ solidarjetà” msemmi fl-Artikolu 194(1) TFUE huwa l-espressjoni speċifika, f’dan il-qasam, tal-prinċipju ġenerali ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, imsemmi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2 TUE, fl-Artikolu 3(3) TUE u fl-Artikolu 24(2) u (3) TUE, kif ukoll fl-Artikolu 122(1) TFUE u fl-Artikolu 222 TFUE. Dan il-prinċipju huwa l-fundament tas-sistema kollha tal-Unjoni, konformement mal-impenn stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza, 6/69 u 11/69, mhux ippubblikata, EU:C:1969:68, punt 16).

70      Fir-rigward tal-kontenut tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ solidarjetà jinkludi drittijiet u obbligi kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Minn naħa, l-Unjoni hija marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà fir-rigward tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà bejniethom u fir-rigward tal-interess komuni tal-Unjoni u tal-politiki mwettqa minnha.

71      Fil-kuntest tal-politika fil-qasam enerġetiku, din timplika, b’mod partikolari, obbligi ta’ assistenza reċiproka fil-każ fejn, wara pereżempju katastrofi naturali jew atti ta’ terroriżmu, Stat Membru jkun jinsab f’sitwazzjoni kritika jew fi stat ta’ emerġenza, fir-rigward tal-provvista tiegħu tal-gass. Madankollu, kontra dak li ssostni l-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jistax jiġi llimitat għal sitwazzjonijiet straordinarji bħal dawn, li jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni — kompetenza implimentata, fid-dritt derivat, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 994/2010 (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2017, dwar miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista ta’ gass naturali u li jħassar ir-Regolament Nru 994/2010 (ĠU 2017, L 280, p. 1)).

72      Għall-kuntrarju, il-prinċipju ta’ solidarjetà jinvolvi wkoll obbligu ġenerali, min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet l-oħra.

73      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-politika tal-Unjoni fil-qasam enerġetiku, dan jimplika li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu kollu tagħhom, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom taħt din il-politika, li jevitaw li jieħdu miżuri li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri l-oħra, fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, tal-vijabbiltà ekonomika u politika tagħha u tad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvista jew tal-provvista, u dan sabiex jassumu l-interdipendenza u s-solidarjetà tagħhom fil-fatt.

74      Fil-kuntest tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73, dawn il-kunsiderazzjonijiet jimmanifestaw ruħhom, b’mod partikolari, fil-kunċetti ta’ “funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-gass naturali” u ta’ “funzjonament effettiv tas-sistema regolata li l-infrastruttura hija mqabbda magħha”, stabbiliti fl-inċiż (e) tal-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr madankollu ma huma limitati għalihom.

75      F’dan ir-rigward, hekk kif fakkar il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 4 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ April 2013, dwar il-linji gwida għall-infrastrutturi tal-enerġija trans-Ewropej, u li tħassar id-Deċiżjoni 1364/2006/KE u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39), il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 enfasizza l-ħtieġa li jiġu mmodernizzati u żviluppati l-infrastrutturi tal-enerġija tal-Ewropa u li jiġu konnessi n-netwerks lil hinn mill-fruntieri, sabiex jirrendi effettiva s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, li jiġu pprovduti mezzi ta’ provvista jew ta’ tranżitu u sorsi enerġetiċi rinnovabbli u li jiġu żviluppati sorsi enerġetiċi li jiġġeddu flimkien mas-sorsi enerġetiċi tradizzjonali. Saret enfasi li ebda Stat Membru ma għandu jibqa’ iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku wara l-2015, jew li jara s-sigurtà enerġetika tiegħu tiġi pperikolata minħabba nuqqas ta’ konnessjonijiet xierqa.

76      Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument, imressaq mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li, essenzjalment, billi ammetta li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73 jimplimenta l-prinċipju ta’ solidarjetà stabbilit fl-Artikolu 194(1) TFUE, il-Kummissjoni debitament ħadet inkunsiderazzjoni dan il-prinċipju bis-sempliċi fatt li eżaminat il-kriterji previsti fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2009/73.

77      B’dan, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma jfissirx li l-politika tal-Unjoni fil-qasam enerġetiku ma għandha fl-ebda każ ikollha effetti negattivi għall-interessi partikolari ta’ Stat Membru fil-qasam enerġetiku. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-imsemmija politika, l-interessi kemm tal-Unjoni kif ukoll tad-diversi Stati Membri u jibbilanċjaw dawn l-interessi fil-każ ta’ kunflitti.

78      Fid-dawl ta’ din il-portata tal-prinċipju ta’ solidarjetà, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tad-Deċiżjoni kkontestata, li għandha tevalwa jekk il-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL, proposta mill-awtorità regolatorja Ġermaniża, setgħetx taffettwa l-interessi fil-qasam enerġetiku ta’ Stati Membri oħra u, fl-affermattiv, li dawn l-interessi jiġu bbilanċjati mal-interess li l-imsemmija bidla tfisser għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, jekk ikun il-każ, l-Unjoni.

2)      Fuq il-kwistjoni jekk id-Deċiżjoni kkontestata tiksirx il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika

79      Għandu jiġi kkonstatat li l-eżami msemmi fil-punt 78 iktar ’il fuq huwa nieqes fid-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mhux biss il-prinċipju ta’ solidarjetà ma huwiex imsemmi fid-Deċiżjoni kkontestata, iżda din ma turix li l-Kummissjoni, fil-fatt, wettqet eżami ta’ dan il-prinċipju.

80      Huwa minnu li, fil-punt 4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata (premessi 48 sa 53), il-Kummissjoni għamlet osservazzjonijiet dwar il-kriterju ta’ titjib fis-sigurtà tal-provvista. B’hekk, wara riferiment għall-eżami ta’ dan il-kriterju mwettaq fil-kuntest tad-Deċiżjoni inizjali, fejn hija kienet ikkonkludiet li dan il-kriterju kien issodisfatt, hija kkonstatat li l-proposta li ġiet ippreżentata lilha mill-BNetzA ma kinitx tbiddel din il-konklużjoni.

81      Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li kemm l-eżami li jinsab fid-Deċiżjoni inizjali kif ukoll l-eżami komplementari fid-Deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw biss l-effett tat-tħaddim u taż-żieda tal-kapaċità effettivament użata tal-pipeline OPAL fuq is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni b’mod ġenerali. B’hekk, il-Kummissjoni esponiet b’mod partikolari, fil-punt 4.2 tad-Deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li d-disponibbiltà ta’ kapaċitajiet addizzjonali ta’ trasport mal-fruntiera Ġermano-Ċeka kienet ta’ benefiċċju għar-reġjuni kollha aċċessibbli minn dan il-post minn infrastrutturi eżistenti jew futuri u, min-naħa l-oħra, li l-kapaċità supplimentari ma kinitx tippermetti s-sostituzzjoni sħiħa ta’ mezzi oħra ta’ tranżitu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ma wettqitx eżami tal-effetti tal-bidla fis-sistema operattiva tal-pipeline OPAL fuq is-sigurtà tal-provvista tal-Polonja.

82      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-aspetti iktar wiesgħa tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika ma humiex indirizzati fid-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, ma jidhirx li l-Kummissjoni eżaminat x’setgħu jkunu l-konsegwenzi, fi żmien medju, b’mod partikolari għall-politika fil-qasam enerġetiku tar-Repubblika tal-Polonja, tat-trasferiment lejn it-triq ta’ tranżitu Nord Stream 1/OPAL ta’ parti mill-volumi ta’ gass naturali ttrasportati mill-pipelines Yamal u Braterstwo, u lanqas li hija bbilanċjat dawn l-effetti maż-żieda fis-sigurtà ta’ provvista fuq livell tal-Unjoni, ikkonstatata minnha.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, kif ifformulat fl-Artikolu 194(1) TFUE.

84      Konsegwentement, l-ewwel motiv imqajjem mir-Repubblika tal-Polonja għandu jintlaqa’ sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju.

85      Jirriżulta minn dak li ntqal li r-rikors għandu jintlaqa’ u li d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

2.      Fuq il-motivi l-oħrajn

86      Peress li d-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata abbażi tal-ewwel motiv, ma hemmx iktar lok li l-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mqajma mir-Repubblika tal-Polonja.

V.      Fuq l-ispejjeż

87      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.

88      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu f’kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 6950 finali, tat-28 ta’ Ottubru 2016, dwar ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni tal-pipeline tal-gass OPAL, mogħtija mid-Direttiva 2003/55/KE, għar-regoli relatati mal-aċċess minn terzi u mar-regolamentazzjoni tariffarja, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Litwanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Settembru 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.