Language of document : ECLI:EU:T:2013:135

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

19 ta’ Marzu 2013 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jirrigwardaw l-abbozz tal-Ftehim Kummerċjali internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACAC-ACTA) – Dokumenti li jirrigwardaw in-negozjati – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interess pubbliku fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑301/10,

Sophie in ’t Veld, residenti f’Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn O. W. Brouwer u J. Blockx, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn C. Hermes u C. ten Dam, sussegwentement minn M. Hermes u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett inizjali talba għal annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni SG.E.3/HP/psi – Ares (2010) 234950, tal-4 ta’ Mejju 2010, sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw l-abbozz ta’ Ftehim Kummerċjali internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACAC),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-17 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti Sophie in ’t Veld, ippreżentat, taħt ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 01, Vol. 03, p. 331), l-ewwel talba għal aċċess għad-dokumenti kollha li jirrigwardaw il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ACAC”). Ir-rikorrenti rċeviet risposta għal din it-talba.

2        Sussegwentement għal din l-ewwel proċedura ta’ aċċess, li ma hijiex ikkontestata f’din il-kawża, ir-rikorrenti, permezz ta’ posta elettronika tal-1 ta’ Diċembru 2009, talbet l-aċċess, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-“dokumenti kollha ġodda li jirrigwardaw l-ACAC wara din l-[ewwel] talba, b’mod partikolari d-dokumenti ta’ negozjati li seħħew f’Seul (il-Korea t’Isfel) f’Novembru [2009]”.

3        Fir-risposta tiegħu tal-21 ta’ Jannar 2010, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea kkomunika lir-rikorrenti lista – diviża fi tlettax-il sezzjoni li għandhom ir-referenzi a) sa m) – dokumenti li jirrigwardaw l-ACAC li kellha l-Kummissjoni. Huwa ta aċċess għal dokumenti elenkati taħt is-sezzjonijiet a) sa d) tal-lista u rrifjuta l-aċċess għal dokumenti elenkati taħt id-disa’ sezzjonijiet l-oħra [e) sa m)], peress li dawn l-aħħar imsemmija dokumenti kienu koperti mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

4        B’mod partikolari, is-sezzjonijiet f), k) u l) tal-lista kontenuta fir-risposta tal-21 ta’ Jannar 2010 kienu intitolati hekk kif ġej:

“f)      Il-kummenti tal-Unjoni fuq il-kapitolu li jirrigwarda r-repressjoni tar-reati kriminali – l-aħħar verżjoni datata t-30 ta’ Ottubru 2009. Jeżistu wkoll varji dokumenti preparatorji u ta’ ħidma ġejjin mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar din id-domanda, peress li n-negozjati ta’ dan il-kapitolu dwar ir-repressjoni tar-reati kriminali huma mmexxija mill-Presidenza b’rotazzjoni.

k)      Noti ta’ trażmissjoni lill-Kumitat 133 li jikkontjenu d-dokumenti ta’ negozjati msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll dokumenti tal-Kummissjoni b’evalwazzjoni tal-proposti ta’ partijiet oħra, li jinkludu żewġ noti fuq l-abbozz tal-kapitolu dwar ir-repressjoni tar-reati diġitali.

l)      il-korrispondenza kwotidjana permezz ta’ posta elettronika flimkien mal-imsieħba l-oħra tal-ACAC”

5        Fl-10 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti bagħtet talba ta’ konferma lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kummerċ”.

6        B’ittra tat-3 ta’ Marzu 2010, il-kap tat-taqsima responsabbli fi ħdan is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni informa lir-rikorrenti li, b’mod konformi mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-terminu tar-risposta għat-talba tagħha ta’ konferma kienet ġiet prorogata bi ħmistax-il ġurnata, jiġifieri sal-24 ta’ Marzu 2010.

7        B’ittra tal-24 ta’ Marzu 2010, imbagħad permezz ta’ e-mails tat-23 u tat-30 ta’ April 2010, il-kap tat-taqsima responsabbli informa lir-rikorrenti li ma kienx għadu possibbli li jieħu deċiżjoni dwar it-talba tagħha ta’ konferma ta’ aċċess, iżda li kollox kien implementat sabiex jippermetti l-adozzjoni mgħaġġla ta’ din id-deċiżjoni.

8        F’April 2010, il-partijiet għan-negozjati tal-ACAC għamlu aċċessibbli għall-pubbliku, dokument intitolat “Consolidated Text Prepared for Public Release – Anti-Counterfeiting Trade Agreement – PUBLIC Predecisional/Deliberative Draft: April 2010” (test konsolidat ippreparat sabiex ikun aċċessibbli għall-pubbliku – Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni – Abbozz PUBBLIKU predeċiżjonali/deliberattiv– ta’ April 2010) (iktar ’il quddiem it-“test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC”).

9        Fl-4 ta’ Mejju 2010, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni adotta u nnotifika lir-rikorrenti d-Deċiżjoni SG.E.3/HP/psi – Ares (2010) 234950 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010”). Fil-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni identifikat 49 dokument, enumerati minn 1 sa 49.

10      Is-Segretarju Ġenerali ta aċċess sħiħ lil wieħed minn dawn id-dokumenti (dokument nru 49 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010) u l-aċċess parzjali għal erba’ dokumenti (dokumenti nri 45 sa 48 ta’ din il-lista), peress li d-dokument nru 49 u l-partijiet ikkonċernati tad-dokumenti nri 45 sa 48 ma kinux koperti minn ebda eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

11      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti nri 1 sa 44 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 kif ukoll il-partijiet l-oħra tad-dokumenti nri°45 sa 48 ta’ din il-lista, is-Segretarju Ġenerali kkonferma r-rifjut għal aċċess notifikat mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kummerċ”, fuq il-bażi tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża.

13      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-25 ta’ Ottubru 2010, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

14      Sussegwentement għall-ammissjoni tiegħu sabiex jintervjeni, ir-Renju tad-Danimarka, b’ittra tal-10 ta’ Frar 2011, talab l-irtirar tal-intervent tiegħu.

15      B’digriet tas-17 ta’ Marzu 2011, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħa din it-talba ta’ irtirar u ordna, fin-nuqqas ta’ osservazzjonijiet tal-partijiet prinċipali f’dan ir-rigward, li dawn u r-Renju tad-Danimarka jbatu rispettivament l-ispejjeż tagħhom fir-rigward tat-talba għal intervent.

16      Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Fir-rikors, ir-rikorrenti kkritikat, b’mod partikolari, il-fatt li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, peress li ma semmietx id-dokumenti previsti fis-sezzjonijiet f), k) u l) tar-risposta tal-21 ta’ Jannar 2010 – bl-eċċezzjoni madankollu ta’ żewġ dokumenti identifikati taħt in-nri°27 u 28 fil-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 – kienet irrifjutat impliċitament l-aċċess għal dawn id-dokumenti mingħajr ma tispjega r-raġunijiet ta’ dan ir-rifjut.

18      Fir-risposta, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors sa fejn id-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 tikkontjeni deċiżjoni espliċita ta’ rifjut għal aċċess;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

19      Fir-risposta, il-Kummissjoni żiedet li, sa fejn id-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 tikkontjeni rifjut impliċitu ta’ aċċess f’dak li jirrigwarda ċerti dokumenti, hija tadotta kemm jista’ jkun malajr deċiżjoni espliċita fir-rigward tagħhom u tinforma lir-rikorrenti u lill-Qorti Ġenerali.

20      Fid-9 ta’ Diċembru 2010, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni adotta din id-deċiżjoni, taħt ir-referenza SG.E.3/HP/MM/psi – Ares (2010) 924119 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010”).

21      Il-Kummissjoni bagħtet id-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 lir-rikorrenti permezz ta’ posta elettronika fl-istess jum u kkomunikatha lill-Qorti Ġenerali b’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2010, irreġistrata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Diċembru 2010.

22      Fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fakkar il-kritika espressa mir-rikorrenti fir-rigward tar-rifjut impliċitu ta’ aċċess li kienet tikkontjeni d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, fir-rigward ta’ dokumenti msemmija fis-sezzjonijiet f), k) u l) tar-risposta tal-21 ta’ Jannar 2010.

23      Imbagħad, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni indika li, hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet fir-risposta tagħha, ċerti dokumenti li jaqgħu taħt dawk it-tliet sezzjonijiet ma kinux effettivament issemmew fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

24      Is-Segretarju Ġenerali żied li l-għan tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 kien b’hekk limitat għal tlett sezzjonijiet. Huwa tenna l-fatt li, hekk kif diġà indikat fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, it-talba għal aċċess tal-1 ta’ Diċembru 2009 kienet mifhuma bħala li tkopri d-dokumenti kollha ulterjuri fis-17 ta’ Novembru 2008 u li jikkontjenu informazzjoni sostanzjali fuq in-negozjati tal-ACAC.

25      Barra minn hekk, is-segretarju ġenerali pproċeda bl-eżami tat-talba għall-aċċess.

26      Minn naħa, is-Segretarju Ġenerali eskluda mill-għan tal-eżami tiegħu diversi dokumenti li jaqgħu taħt wieħed jew ieħor mit-tliet sezzjonijiet f), k) jew l) tar-risposta tal-21 ta’ Jannar 2010, għar-raġuni kemm li dawn id-dokumenti kienu diġà ġew evalwati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, jew ma kinux ġew evalwati għaliex, peress li ma kinux jikkontjenu informazzjoni sostanzjali fuq in-negozjati tal-ACAC, huma ma kinux jaqgħu fil-għan tat-talba għal aċċess.

27      Min-naħa l-oħra, is-Segretarju Ġenerali identifika ħames dokumenti addizzjonali li, għalkemm rilevanti ta’ sezzjoni waħda jew l-oħra msemmija, ma kinux ġew eżaminati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

28      Dawn id-dokumenti addizzjonali huma identifikati, fil-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, taħt in-nri 27a, 40a, 50, 51 u 52.

29      Is-Segretarju Ġenerali pproċeda bl-eżami tat-talba għall-aċċess sa fejn din tikkonċerna dawn il-ħames dokumenti addizzjonali.

30      Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-dokumenti nri 27a u 40a tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, is-Segretarju Ġenerali oppona rifjut għal aċċess ibbażat fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

31      Fir-rigward, barra minn hekk tad-dokumenti nri 50 sa 52 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, is-Segretarju Ġenerali ta aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti, u r-rifjut għal aċċess għall-kumplament kien ibbażat fuq, għal darb’oħra, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

32      Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Jannar 2011 fuq id-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti kkontestat ċerti rifjuti ta’ aċċess kontenuti f’din id-deċiżjoni, u aċċetta oħrajn u talbet lill-Kummissjoni li jiġi ppreżentat dokument quddiem il-Qorti Ġenerali.

33      B’digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011”), il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li kkonstata li r-rikors preżenti kellu l-għan li jannulla parzjalment id-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Diċembru 2010, ordna lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 65(b), tal-Artikolu 66(1), u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tippreżenta d-dokumenti kollha li hija kienet irrifjutat li tagħti l-aċċess f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet.

34      Il-Kummissjoni ssodisfat dan id-digriet permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2011.

35      Barra minn hekk, u bħala risposta għal istedina tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, permezz ta’ att tal-1 ta’ Lulju 2011, ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2011.

36      Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-1 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni talbet iċ-ċaħda tal-appell, hekk kif adattat mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2011, kif ukoll il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż.

37      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2011 li ġiet ippreżentata fl-istess jum fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni indika li skopra li wieħed mid-dokumenti kkomunikati b’mod kunfidenzjali lill-Qorti Ġenerali b’ittra tat-8 ta’ Lulju 2011, in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011, jiġifieri d-dokument identifikat f’din l-ittra, fit-tabella I, taħt in-numru 47, ma jikorrispondix mad-dokument parzjalment ikkomunikat lir-rikorrenti permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 u identifikat taħt in-numru 47 fil-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni.

38      Il-Kummissjoni b’hekk ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali, bħala rettifika għal ittra tagħha tat-8 ta’ Lulju 2011, id-dokument kunfidenzjali li jikkorrispondi għad-dokument nru 47 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

39      Il-Kummissjoni żżid li kkonstatat, fl-okkażjoni tal-verifika tal-fajl tagħha, li, għal dak li jirrigwarda mhux biss is-sitt sessjoni (round) ta’ negozjati tal-ACAC – li minnhom id-dokument nru 47 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 huwa rapport –, iżda wkoll għal dak li jirrigwarda r-raba’, il-ħames u s-seba’ sessjonijiet ta’ negozjati tal-ACAC, żewġ rapporti – u mhux wieħed biss – jeżistu għal kull sessjoni tan-negozjati fl-arkivji tal-Kummissjoni.

40      Il-Kummissjoni indikat li dan kien dovut għall-fatt li, fi tmiem ta’ kull sessjoni ta’ negozjati, is-servizzi tagħha ppreparaw l-ewwel rapport għall-informazzjoni mħaffa tad-direzzjoni tad-DĠ “Kummerċ”, filwaqt li barra minn hekk ġie stabbilit it-tieni rapport bl-intenzjoni tal-“grupp ta’ ħidma ‘Kummerċ’ tal-Kunsill”, preċedentement magħruf bħala l-“kumitat tal-Artikolu 133”.

41      Il-Kummissjoni, b’hekk ikkonstatat li wieħed biss miż-żewġ rapporti għal kull wieħed minn dawn is-sessjonijiet ta’ negozjati tal-ACAC ġie identifikat u eżaminat fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni), annunċjat li hija kienet ser tadotta deċiżjoni kumplimentari addizzjonali, li fiha hija teżamina t-talba għal aċċess f’dak li jirrigwarda d-dokumenti ġodda identifikati.

42      Il-Kummissjoni indikat li hija sejra tinforma lill-Qorti Ġenerali dwar ir-riżultat ta’ dan l-eżami u li hija kienet sejra tagħtiha, b’mod konformi mad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011, il-verżjoni kompluta ta’ dawn id-dokumenti.

43      Mistoqsija, b’ittra tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Diċembru 2011, dwar l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kumplimentari addizzjonali, il-Kummissjoni, b’ittra tad-9 ta’ Jannar 2012, indikat li s-servizzi tagħha kienu fil-proċess li jippreparaw din id-deċiżjoni, għal adozzjoni fi żmien ġimagħtejn.

44      Fis-27 ta’ Jannar 2012, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni adotta d-deċiżjoni kumplimentari addizzjonali annunċata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012”), li huwa ttrażmetta, fl-1 ta’ Frar 2012, lir-rikorrenti u, l-għada, lill-Qorti Ġenerali.

45      Anness għal din id-deċiżjoni hemm tmien dokumenti, fejn wieħed (korrispondenti għad-dokument nru 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010) huwa nieqes minn partijiet oskurati u seba’ l-oħra huma parzjalment oskurati.

46      Tlieta minn seba’ minn dawn l-aħħar imsemmija dokumenti jikkorrispondu għad-dokumenti nri 45 sa 47 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010. L-erba’ dokumenti l-oħra huma verżjonijiet oħra tad-dokumenti nri 45 sa 48 ta’ din il-lista. Dawn l-erba’ verżjonijiet l-oħra huma, iktar ’il quddiem, identifikati bħala id-dokumenti nri 45a, 46a, 47a u 48a annessi mad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012.

47      Is-Segretarju Ġenerali indika li eżamina t-talba għal aċċess, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti nri 45a, 46a, 47a u 48a annessi mad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012, fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi fid-data ta’ din id-deċiżjoni. Huwa żied ukoll li, sabiex jiġi evitat li jkun hemm differenzi, eżamina mill-ġdid il-verżjonijiet l-oħra ta’ dawn id-dokumenti diġà eżaminati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

48      Is-Segretarju Ġenerali indika li, għal dawn it-tmien dokumenti, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

49      Is-Segretarju Ġenerali bbaża l-oskuramenti kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirrigwardaw l-ismijiet tad-delegati u għall-paragrafu intitolat “Dettalji” tad-dokument nru 47 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, fuq l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 (parti 4.1 tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012). Huwa bbaża l-oskuramenti tal-ismijiet tad-delegati fuq l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 (parti 4.2 tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012), u l-oskurament tal-paragrafu intitolat “Dettalji”, imsemmi qabel, fuq l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament (parti 4.3 tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012).

50      Is-Segretarju Ġenerali kkonċeda:

–        aċċess parzjali għad-dokumenti nri 45 sa 47 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, li kien usa’ minn dak li kien ingħata f’din l-aħħar deċiżjoni;

–        aċċess sħiħ għad-dokument nru 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010;

–        aċċess parzjali għad-dokumenti nri°45a, 46a, 47a u 48a annessi mad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012.

51      B’ittra tat-28 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012.

52      Ir-rikorrenti tindika li hija għandha interess tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010. Hija kkontestat li l-legalità tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 tista’ tkun żgurata permezz tal-invokar ex post factum ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess mhux invokati f’din id-deċiżjoni, u indikat li hija b’hekk ma kinitx ser teżamina dawn l-eċċezzjonijiet l-oħra. Skont ir-rikorrenti, l-aċċess parzjali usa’ mogħti permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 tikkjarifika l-validità tar-raġunament tal-Kummissjoni li kien ta’ bażi għall-oskuramenti li saru għad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010. Fil-fatt, in-natura tal-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 tqajjem dubju serju fir-rigward tal-interpretazzjoni li saret mill-Kummissjoni tal-motivi għal oskuramenti invokati minnha fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, liema motivi kienu ġew konkretement interpretati u applikati sew lil hinn mill-portata raġonevoli tagħhom.

53      Ir-rikorrenti żżid li kkonstatat li, minħabba żball informatiku fit-trażmissjoni bil-posta elettronika li l-Kummissjoni kienet għamlitilha fl-4 ta’ Mejju 2010 tad-deċiżjoni tal-istess jum, hija kienet fil-prattika rċeviet komunikazzjoni tal-verżjonijiet sħaħ tad-dokumenti nri°45 sa 48 tal-lista annessa mal-imsemmija deċiżjoni. Ir-rikorrenti, fuq il-bażi tal-għarfien tal-imsemmija verżjonijiet sħaħ, ikkritikat ċerti oskuramenti li jirrigwardaw proposti ta’ parti negozjatriċi li jistgħu jmorru lil hinn mill-acquis communautaire, li jiksru l-ħtiġijiet tat-trasparenza msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 59).

54      B’digriet tal-15 ta’ Marzu 2012, il-President tat-tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ordna lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 65(b) tal-Artikolu 66(1), u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tipproduċi l-erba’ dokumenti eżaminati għall-ewwel darba fid-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012.

55      Il-Kummissjoni ssodisfat dan id-digriet permezz ta’ ittra ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2012.

56      Barra minn hekk, permezz ta’ att tal-istess jum, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Frar 2012.

57      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Lulju 2012, il-Parlament Ewropew talab sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Din it-talba, ppreżentata wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċeduri orali, ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-president tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Awwissu 2012.

 Id-dritt

58      Preliminarjament, għandha tiġi ddeterminata l-portata tar-rikors preżenti fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni bħala risposta għat-talba għal aċċess u tad-dokumenti diversi eżaminati f’dawn id-deċiżjonijiet.

A –  Fuq il-portata tar-rikors

1.     Fuq il-portata tar-rikors fir-rigward ta’ ċerti rifjuti ta’ aċċess opposti fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010

59      Permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni ppronunċat ruħha fuq it-talba għal aċċess fir-rigward tad-dokumenti nri 1 sa 49 fil-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni. Hija tat l-aċċess għad-dokument nru 49. Hija rrifjutat totalment l-aċċess għad-dokumenti nri 1 sa 44, u parzjalment fir-rigward tad-dokumenti nri 45 sa 48.

60      Il-Kummissjoni ssostni li, minkejja t-talbiet fir-rikors bil-għan tal-annullament tad-“deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010”, ir-rikors ma jipprovdix għall-annullament sħiħ ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tikkontjeni rifjut għal aċċess.

61      Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrenti tafferma, fir-rigward tad-dokumenti nri°30 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, li “hija ma tikkontestax id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti”. Ir-rikors ikun b’hekk esklużivament dirett kontra r-rifjut milli jingħata aċċess għal dokumenti oħra minbarra d-dokumenti nri 30 sa 48 ta’ din il-lista.

62      Ir-rikorrenti tikkontesta dan il-qari tar-rikors tagħha mill-Kummissjoni. Hija tirrikonoxxi, ċertament, li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għall-elementi dwar l-ambizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u għall-aspetti tal-istrateġija tagħha fin-negozjati tal-ACAC.

63      Madankollu, hija ssostni li hija ma tikkontestax anqas il-validità tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, dwar il-possibbiltà li jiġu żvelati parzjalment id-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

64      Għandu jingħad li, fl-iżvilupp tar-rikors dwar it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001, ir-rikorrenti, wara li kkontestat ir-rifjut għal aċċess f’dak li jirrigwarda d-dokumenti nri°1 sa 29 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, indikat, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti nri 30 sa 48 ta’ din il-lista, li “hija ma tikkontest[ax] ir-rifjut tal-Kummissjoni milli tagħti aċċess għal dawn id-dokumenti”.

65      Madankollu, għandu wkoll jiġi kkonstatat li, insegwitu tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni, fl-istadju tar-raba’ motiv, li, fir-rigward tad-dokumenti riċevuti minnha fil-forma redatta – b’hekk preċiżament id-dokumenti nri°45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 – il-Kummissjoni kienet eċċessivament rrediġiet dawn id-dokumenti. Ir-rikorrenti żiedet li, għalkemm huwa impossibbli li jiġu identifikati l-partijiet preċiżi tat-testi li ġew esklużi li għandhom jiġu żvelati, jidher, minn ċerti partijiet li ġew oskurati mill-Kummissjoni, li din l-istituzzjoni kienet ħadet approċċ eċċessivament restrittiv u dejjaq.

66      Fir-replika, ir-rikorrenti kompliet tallega ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 biss f’dak li jirrigwarda d-dokumenti nri°1 sa 29 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010. Madankollu, fl-iżviluppi li jirrigwardaw ir-raba’ motiv, hija sostniet l-argumenti tagħha fir-rigward tad-dokumenti nri°45 sa 48 u ssostni li hija kienet diġà ressqet dawn l-argumenti fir-rikors.

67      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti nri 30 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, ir-rikors preżenti ma jipprekludix l-applikazzjoni għal dawn id-dokumenti tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, iżda tillimita ruħha li tikkontesta, fir-rigward biss tad-dokumenti nri°45 sa 48 ta’ din il-lista, il-karattru allegatament restrittiv wisq ta’ aċċess parzjali mogħti lil dawn id-dokumenti.

68      Bħala konklużjoni, ir-rikors preżenti jikkontesta biss, konkretement, id-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 sa fejn dan jirrigwarda, minn naħa, id-dokumenti nri°1 sa 29 tal-lista li jidhru fl-anness għal din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, id-dokumenti nri°45 sa 48 ta’ din il-lista, fejn ġie ppreċiżat, fir-rigward ta’ dawn l-aħħar imsemmija dokumenti, li r-rikorrenti tikkunsidra biss li l-aċċess parzjali mogħti mill-Kummissjoni għall-imsemmija dokumenti seta’ kien wisq restrittiv.

2.     Fuq il-portata tar-rikors sussegwentement għad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 u fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2011

69      Permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar it-talba għal aċċess fir-rigward ta’ dokumenti li jaqgħu taħt din it-talba, iżda mhux eżaminati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, jiġifieri d-dokumenti nri 27a, 40a u 50 sa 52 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni rrifjutat totalment l-aċċess għad-dokumenti nri 27a u 40a, u b’mod partikolari fir-rigward tad-dokumenti nri 50 sa 52.

70      Fl-ewwel lok, għandu jingħad li, hekk kif issostni l-Kummissjoni fil-kontroreplika, din l-istituzzjoni, permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, ipproċediet sabiex tirtira d-deċiżjoni impliċita tar-rifjut għal aċċess għall-imsemmija dokumenti mressqa preċedentement u li jirriżultaw mill-assenza ta’ deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni fuq dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 45, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2010, Jurašinović vs Il-Kunsill, T‑359/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

71      B’hekk jirriżulta, sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, li r-rikors preżenti sar mingħajr skop sa fejn huwa għandu bħala għan l-annullament ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut għal aċċess li ma tidhirx iktar fis-sistema ġuridika tal-Unjoni. B’hekk, ma hemmx iktar lok li tittieħed deċiżjoni f’dan ir-rigward, bla ħsara, madankollu, għall-evalwazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż.

72      Fit-tieni lok, għandu jingħad li, fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Jannar 2011 fuq id-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, ippreżentati fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors, ir-rikorrenti kkontestat ċertu rifjut għal aċċess kontenut f’din id-deċiżjoni.

73      B’hekk jirriżulta, ukoll kif intqal fid-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), li r-rikors preżenti għandu wkoll bħala għan l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010.

74      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat ukoll li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2011 ma jinkludux kontestazzjoni fir-rigward ta’ wieħed mir-rifjuti għal aċċess li sar oppożizzjoni għalih fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010.

75      B’hekk, fir-rigward tad-dokument tal-25 ta’ Frar 2009 intitolat “Note on informal meeting of 4 March 2009” (nota fuq il-laqgħa informali tal-4 ta’ Marzu 2009) (dokument nru 50 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010), li għalih ġie mogħti l-aċċess totali bl-eċċezzjoni ta’ sentenza li tikkontjeni evalwazzjonijiet suġġettivi li hemm riskju li jiġu mifhuma b’mod ħażin mill-parti negozjatriċi inkwistjoni (punt 2.2.3 tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010), ir-rikorrenti ddikjarat, essenzjalment, li ma kkontestatx dan l-oskurament.

76      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-korrispondenza permezz tal-posta elettronika bejn il-partijiet negozjaturi, msemmija fil-punt 2.3 tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 u tal-iskambji odjerni bejn il-partijiet negozjaturi fuq kwistjonijiet purament amministrattivi, għandu jingħad, li r-rikorrenti essenzjalment ma tikkontestax, li dawn it-tip ta’ dokumenti ma jaqgħux fit-talba tagħha għall-aċċess.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 u fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2011, ir-rikors preżenti għal annullament jestendi għar-rifjut għal aċċess mill-Kummissjoni, f’din id-deċiżjoni, fir-rigward tad-dokumenti nri 27a, 40a, 51 u 52 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni.

3.     Fuq il-portata tar-rikors sussegwentement għad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 u fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Frar 2012

78      Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni eżaminat it-talba għal aċċess fir-rigward tal-erba’ dokumenti ġodda (dokumenti nri 45a, 46a, 47a u 48a annessi mad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012) u eżaminat mill-ġdid l-aċċess għal erba’ verżjonijiet oħra ta’ dawn l-istess dokumenti li kienu diġà ġew evalwati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010).

79      Il-Kummissjoni indikat li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 tissostitwixxi, għal dawn it-tmien dokumenti, id-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010. Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ April 2012, hija sostniet li, peress li r-rikorrenti ma indikatx lill-Qorti Ġenerali li hija riedet tinkludi d-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 fil-kamp tat-talba tagħha għall-annullament, ir-rikors preżenti kellu biss bħala għan l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 u tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010.

80      Fuq l-ewwel punt, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 tabbroga u tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 mhux għal tmien dokumenti, hekk kif tindika l-Kummissjoni, iżda biss għall-erba’ dokumenti (nri 45 sa 48) diġà eżaminati minnha f’Mejju 2010. Għall-erba’ dokumenti l-oħra (nri°45a sa 48a), mhux eżaminati preċedentement, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 tammonta għal deċiżjoni oriġinali.

81      Fuq it-tieni punt, għandu jiġi kkonstatat li, effettivament, imkien fl-osservazzjonijiet tagħha tat-28 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ma biddlet, u lanqas ma talbet li tbiddel, il-konklużjonijiet tar-rikors tagħha fir-rigward tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012. Hekk kif sostniet korrettement il-Kummissjoni stess fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ April 2012, ir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-28 ta’ Frar 2012, tikkonċentra – deliberatament – il-kritika kollha tagħha fuq id-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 u l-oskuramenti mwettqa permezz tad-deċiżjoni fid-dokumenti nri 45 sa 48.

82      B’hekk, meta r-rikorrenti tinvoka l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012, ma huwiex sabiex titlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, iżda sabiex issostni t-talba tagħha għal annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010. Ir-rikorrenti tikkonkludi, min-naħa l-oħra, l-osservazzjonijiet tagħha tat-28 ta’ Frar 2012 fejn issostni li “l-provi mressqa mid-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 turi b’mod ċar li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 tapplika b’mod żbaljat l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°1049/2001”.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors preżenti ma għandux bħala għan l-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012, iżda l-annullament biss tad-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Diċembru 2010.

84      Inċidentalment għandu jingħad li din l-assenza ta’ talba għal annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 bl-ebda mod ma rriżultat minn ommissjoni tar-rikorrenti, iżda pjuttost minn volontà minn naħa tagħha li tikkonstata l-illegalitajiet allegatament imwettqa fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, mingħajr ma tipperikola li dawn l-illegalitajiet jistgħu jkunu “koperti” minn evalwazzjonijiet ulterjuri tal-Kummissjoni, magħmula fid-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012. B’hekk, ir-rikorrenti tirrifjuta speċifikament milli teżamina l-ġustifikazzjonijiet – miżjuda skont din “ex post factum” – invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012.

4.     Konklużjoni fuq il-portata tar-rikors

85      Hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi u mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 59 sa 84 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikors preżenti għandu bħala għan l-annullament tad-:

–        deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, sa fejn din topponi rifjut ta’ aċċess għal dokumenti nri°1 sa 29 u nri 45 sa 48 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni;

–        deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, sa fejn din topponi rifjut ta’ aċċess għal dokumenti nri 27a, 40a, 51 u 52 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni.

B –  Fuq il-mertu

86      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru°1049/2001. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tal-istess regolament. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001 u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru°1049/2001 u tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

87      Fir-rigward ta’ dan il-motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx, fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, ċerti dokumenti li saret referenza għalihom fir-risposta tal-21 ta’ Jannar 2010, diġà ġie kkonstatat, fil-punt 71 iktar ’il fuq, li, sussegwentement għad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, ir-rikors preżenti sar mingħajr skop sa fejn dan għandu bħala għan l-annullament ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut għal aċċess ta’ ċerti dokumenti msemmija fir-risposta tal-21 ta’ Jannar 2010 u mhux eżaminati ulterjorment mill-Kummissjoni.

88      B’hekk jirriżulta li l-motiv preżenti, li sar insostenn ta’ din it-talba għal annullament, huwa stess tilef l-għan tiegħu u b’hekk ma hemmx lok li jiġi eżaminat.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001

89      Fir-rikors, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li applikat l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru°1049/2001 bħal li kieku kien jinkludi eċċezzjoni materjali għad-dritt ta’ aċċess, mentri hija biss regola proċedurali. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, bi ksur tal-funzjoni proċedurali biss ta’ din id-dispożizzjoni, kienet, fil-prattika, tat lil terzi dritt ta’ veto fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-dokumenti li joħorġu minnhom.

90      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 hija esklużivament ibbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001.

91      Għandu jiġi kkonstatat li, bħal fil-każ tal-Kummissjoni, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru°1049/2001 bl-ebda mod ma ġie invokat fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 bħala l-bażi ta’ din id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 tirriżulta bbażata esklużivament fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001.

92      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv, hekk kif imsemmi fir-rikors, huwa bbażat fuq premessa żbaljata u għandu jiġi miċħud.

93      Fir-replika, ir-rikorrenti min-naħa l-oħra ma tikkontestax iktar il-fatt li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 hija bbażata esklużivament fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001. Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li jidhru fir-risposta, ir-rikorrenti tinnota u titlob speċifikament li d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 hija bbażata esklużivament fuq din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni. Hija b’hekk ma ssostnix iktar li l-Kummissjoni kienet użat l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru°1049/2001 bħala eċċezzjoni materjali, sabiex tkun ta’ bażi għar-rifjut għal aċċess.

94      Madankollu, fir-replika, ir-rikorrenti ppreżentat ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru°1049/2001 din id-darba kkunsidrata bħala dispożizzjoni proċedurali.

95      Ir-rikorrenti b’hekk tosserva wkoll li, fil-każ tad-dokumenti ta’ terzi, il-Kummissjoni għandha, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, tikkonsulta lit-terzi sabiex tiddetermina jekk eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess tapplikax, sakemm ma jkunx ċar li d-dokument għandux jiġi kkomunikat jew le. Mill-kliem tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru°1049/2001 jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex diskrezzjoni wiesgħa sabiex tiddetermina jekk għandhomx jiġu kkonsultati jew le terzi. Il-Qorti Ġenerali għandha b’hekk tiddeċiedi fuq din id-domanda mingħajr ma tikkunsidra s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001. Jekk jirriżulta li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li d-dokumenti inkwistjoni kellhom karattru manifestament ta’ dannu, hija tkun kisret l-obbligu tagħha li tikkonsulta lil terzi, li għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010. Ir-rikorrenti tirreferi f’dan ir-rigward għas-segwitu tar-replika.

96      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment huwa inammissibbli, sakemm mhux saħansitra infondat.

97      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Soluzzjoni simili tapplika fir-rigward ta’ lment invokat insostenn ta’ motiv (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 156, u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Għandu jingħad li l-ilment preżenti li permezz tiegħu r-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni dwar il-ksur tal-obbligu proċedurali tal-konsultazzjoni tat-terzi meta ma huwiex ċar li d-dokument inkwistjoni għandu jew ma għandux jiġi żvelat, ma jidhirx fir-rikors u b’hekk jammonta għal ilment ġdid.

99      Barra minn hekk, dan l-ilment ġdid ma huwiex ibbażat fuq ebda punt ta’ fatt jew ta’ dritt li tqajjem fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, peress li la r-risposta tal-21 ta’ Jannar 2010 u lanqas id-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 ma jsemmu l-konsultazzjoni ta’ terzi skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru°1049/2001, ir-rikorrenti kellha evidenza li tippermettilha, jekk hija riedet, tinvoka, mill-preżentata tar-rikors, il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni proċedurali. Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni fir-risposta mqajma mir-rikorrenti u li skont din “ma kien hemm l-ebda dubju għall-Kummissjoni dwar il-karattru ta’ dannu ta’ komunikazzjoni bħal din”, dan ma jinkludi l-ebda punt ta’ fatt jew ta’ dritt ġdid.

100    Barra minn hekk, dan l-ilment ġdid ma jammontax għal amplifikazzjoni la tal-motiv preżenti, li, hekk kif ifformulat fir-rikors, jirrigwarda kwistjoni totalment differenti (dik tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru°1049/2001 bħala eċċezzjoni materjali għad-dritt ta’ aċċess), u lanqas ta’ xi motiv ieħor tar-rikors.

101    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li dan l-ilment ġdid, minflok ma jkun konness mill-qrib ma’ motiv ieħor tar-rikors, jaqa’ pjuttost f’oppożizzjoni mat-teżi tar-rikors (ara l-punt 89 iktar ’il fuq), li skont din, il-Kummissjoni hija suġġetta għall-pożizzjoni ta’ terzi bħal li kieku kien veto. Fil-fatt, din it-teżi, li hija bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bl-aspettattivi ta’ terzi fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti tagħhom ta’ negozjar, ma tagħmel l-ebda lment proċedurali ulterjuri fejn takkuża lil din l-istituzzjoni li ma kkonsultathomx.

102    Barra minn hekk, ir-rikorrenti fl-ebda mument ma tissuġġerixxi, fir-replika, li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni ta’ terzi tkun il-kawża ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni suġġett tat-tielet motiv. Għal kuntrarju, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni argument purament proċedurali.

103    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru°1049/2001, ikkunsidrat bħala dispożizzjoni proċedurali, jammonta għal ilment ġdid inammissibbli bis-saħħa tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

104    Ir-rikorrenti ssostni li r-raġunijiet ta’ ordni ġenerali invokati mill-Kummissjoni sabiex jirrifjutaw l-aċċess huma bbażati fuq interpretazzjoni ħażina tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001. L-eżistenza ta’ ftehim ta’ kunfidenzjalità bejn il-partijiet għan-negozjati tal-ACAC ma jiġġustifikawx ir-rifjut għal aċċess li ġie opponut mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni allegatament ma ddistingwitx il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati tal-ACAC tal-pożizzjonijiet mhux Ewropej, b’mod li ma jeżistix riskju marbut mal-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, l-iżvelar tad-dokumenti dwar l-ACAC kull ma jista’ jagħmel huwa li jsaħħaħ l-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali.

105    Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti. Hija ssostni li hija kienet fondata, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001, li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti. Fil-fatt, l-iżvelar unilaterali tagħhom mill-Unjoni, fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali li huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka bejn il-partijiet negozjaturi, kien ippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali. Il-ftehim ta’ kunfidenzjalità li seħħ bejn il-partijiet għall-ACAC kien biss element ta’ evalwazzjoni fost oħrajn fl-applikazzjoni f’din il-kawża tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tad-distinzjoni li saret mir-rikorrenti bejn il-pożizzjoni tal-Unjoni u l-pożizzjonijiet ta’ partijiet oħra negozjaturi u dik imsemmija li n-negozjati tal-ACAC kienu għadhom ma ntlaħqux.

106    Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001, “[l]-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ l-interess pubbliku fir-rigward ta’ […] relazzjonijiet internazzjonali”.

107    Għandu jitfakkar li l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa l-prinċipju, u l-possibbiltà ta’ rifjut hija l-eċċezzjoni. Deċiżjoni ta’ rifjut hija valida biss jekk tkun ibbażata fuq waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont ġurisprudenza stabbilita, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod restrittiv, sabiex ma jostakolawx l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali stabbilit f’dan ir-regolament (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 45; ara, b’analoġija, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑211/00, Ġabra p. II‑485, punt 55). Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-eċċezzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punt 28).

108    Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li n-natura partikolarment sensittiva u essenzjali tal-interessi mħarsa minn din id-dispożizzjoni, flimkien man-natura mandatorja tar-rifjut ta’ aċċess għandha, skont l-imsemmija dispożizzjoni, tiġi opponuta mill-istituzzjoni, meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument jippreġudika dawn l-interessi, tagħti lid-deċiżjoni li għandha b’hekk tittieħed mill-istituzzjoni natura kumplessa u delikata li teħtieġ grad ta’ prudenza partikolari ħafna. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkonstatat li deċiżjoni bħal din teħtieġ marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 35).

109    Konsegwentement, l-istħarriġ li tagħmel il-Qorti Ġenerali fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti abbażi tal-eċċezzjonijiet relattivi għall-interess pubbliku previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punt 34, u s-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li mit-termini tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001 jirriżulta li, fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ir-rifjut tal-istituzzjoni huwa mandatorju meta l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dokument huwa ta’ natura li jista’ jippreġudika l-interessi mħarsa bl-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma hemm lok, f’każ bħal dan u għad-differenza ta’ dak li jipprovdi b’mod partikolari l-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, li jiġu bbilanċjati l-eżiġenzi marbuta mal-ħarsien ta’ dawn l-interessi ma’ dawk li jirriżultaw minn interessi oħra (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punti 46 sa 48; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punti 51 sa 55; tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, T‑264/04, Ġabra p. II‑911, punt 44; tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑300/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 124, u tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il-Kunsill, T‑465/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 sa 49).

111    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi evalwata jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001.

112    Ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li r-raġunijiet ta’ ordni ġenerali invokati mill-Kummissjoni sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni. L-eżistenza ta’ ftehim ta’ kunfidenzjalità bejn l-imsieħba ta’ negozjati tal-ACAC ma tiġġustifikax ir-rifjut għal aċċess li ġiet opponuta mill-Kummissjoni.

113    Fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni fakkret li “filwaqt li qablet dwar il-pubblikazzjoni tat-[test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC], il-partijiet għan-negozjati fuq l-ACAC ikkonfermaw mill-ġdid l-importanza li żżomm il-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom f’dawn in-negozjati”. Il-Kummissjoni indikat “li kien importanti li jingħad li, fl-istat tan-negozjati fuq l-ACAC, għandhom iridu jinstabu kompromessi bejn il-pajjiżi differenti u kellhom isiru arbitraġġi fil-livell nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-pożizzjoni finali li għandha tiġi adottata” (l-ewwel subparagrafu tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010).

114    Il-Kummissjoni żiedet li “fuq livell ġenerali, huwa naturali li s-suċċess tan-negozjati internazzjonali jeħtieġu l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, li jiddependi, fil-parti l-kbira, mill-eżistenza ta’ klima ta’ fiduċja reċiproka”. Hija ssostni li “dan huwa partikolarment minnu fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali fis-seħħ, li jitrattaw suġġetti sensittivi u jkopru oqsma varji, bħall-politika ekonomika, l-interessi kummerċjali u l-kunsiderazzjonijiet politiċi” (ir-raba’ subparagrafu tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010).

115    Il-Kummissjoni indikat li, fuq il-bażi ta’ eżami b’reqqa tad-dokumenti kollha kkonċernati mit-talba għal aċċess, kien jidher ċar li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, jekk tintlaqa’ totalment din it-talba kien ikollha effett negattiv fuq l-ambjent ta’ fiduċja reċiproka bejn il-partijiet negozjaturi u b’hekk tillimita kemm il-possibbiltajiet li n-negozjati jseħħu b’suċċess, u jiġu imminati l-isforzi tan-negozjaturi, kif ukoll il-prospetti ta’ kooperazzjoni futura. Il-Kummissjoni żiedet li jekk l-imsieħba ta’ negozjati tal-Unjoni kellhom raġunijiet sabiex jaħsbu li l-pożizzjonijiet tagħhom espressi fin-negozjati kunfidenzjali setgħu jkunu magħmula pubbliċi unilateralment mill-Unjoni, dan kien ikollu impatt negattiv fuq negozjati futuri (il-ħames subparagrafu tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010).

116    Il-Kummissjoni żżid li kien importanti, f’dan il-kuntest, li jiġi kkunsidrat il-fatt li, waqt in-negozjati tal-ACAC, hija kienet favur żvelar ta’ test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC kemm jista’ jkun malajr u li hija, b’mod kontinwu, infurmat lill-pubbliku dwar is-suġġett tal-għanijiet u tal-orjentazzjoni ġenerali tan-negozjati. Il-Kummissjoni indikat li hija għamlet pubbliċi, wara kull ċiklu ta’ negozjati, rapporti sommarji approvati mill-partijiet kollha negozjaturi kif ukoll deskrizzjoni dettaljata tal-istat ta’ progress tan-negozjati. Barra minn hekk, hija kienet organizzat tliet konferenzi pubbliċi fuq l-ACAC, fl-2008, fl-2009 u fl-2010, sabiex tinforma lill-pubbliku fuq l-għanijiet tal-ACAC u tal-istat ta’ progress tan-negozjati u sabiex tiġbor il-kummenti kollha tal-partijiet ikkonċernati (is-sitt subparagrafu tal-punt 4.1 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010).

117    Il-Kummissjoni indikat li “f’dak li jirrigwarda d-dokumenti li joriġinaw minn terzi, [hija] stess iddeterminat jekk wieħed mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 kienx applikabbli” u li “wieħed mill-fatturi kkunsidrati f’din l-evalwazzjoni huwa l-fatt li kien jinjora t-talba ta’ terzi li d-dokumenti tagħhom ma jkunux żvelati, kien jikkomprometti b’mod gravi l-kontinwazzjoni tan-negozjati u kien jippreġudika l-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni”. Il-Kummissjoni żżid li “dan huwa iktar il-każ peress li waħda mill-kwistjonijiet dibattuti fil-kuntest tan-negozjati kien il-livell aċċettabbli tat-trasparenza f’dak li jirrigwarda l-kuntest tan-negozjati stess”. Il-Kummissjoni, “b’kunsiderazzjoni minn naħa, tal-ftehim riċenti bejn il-partijiet negozjaturi li jagħmlu pubbliku t-[test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC] u, min-naħa l-oħra, il-konferma mill-ġdid minn din tal-kunfidenzjalità tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom” kkunsidrat li “l-iżvelar minnha tal-imsemmija pożizzjonijiet, espressi fil-kuntest tan-negozjati tal-ACAC, tippreġudika l-kredibbiltà tal-Unjoni fin-negozjati u għall-fiduċja fil-partijiet l-oħra” (it-tieni subparagrafu tal-punt 4.2 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010).

118    L-ewwel nett, dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jindikaw li, jekk il-Kummissjoni effettivament għamlet referenza għall-ftehim tal-partijiet negozjaturi sabiex iżommu kunfidenzjali l-pożizzjonijiet tan-negozjati, hija bl-ebda mod ma invokat dan il-ftehim sabiex topponi t-talba għall-aċċess bħala ftehim ġuridikament vinkolanti li kien obbligaha, skont il-liġi, tiċħad din it-talba. Il-Kummissjoni għall-kuntrarju, ibbażat legalment ir-rifjut tagħha għal aċċess biss fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001.

119    Barra minn hekk, ma jkunx ikkontestat, u r-rikorrenti min-naħa l-oħra tammetti hija stess fir-replika, li n-negozjati ta’ ftehim internazzjonali jistgħu jiġġustifikaw, sabiex tiġi żgurata l-effikaċità tan-negozjati, ċertu livell ta’ diskrezzjoni li tippermetti li tiġi ggarantita l-fiduċja reċiproka tan-negozjaturi u l-iżvilupp ta’ dibattitu ħieles u effettiv. Hekk kif sostniet il-Kummissjoni, kull forma ta’ negozjati jimplikaw neċessarjament ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet tattiċi minn naħa tan-negozjaturi, u l-kooperazzjoni indispensabbli bejn il-partijiet jiddependi, fil-parti l-kbira, mill-eżistenza ta’ klima ta’ fiduċja reċiproka.

120    Min-naħa l-oħra għandu jingħad li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-inizjattiva u t-tmexxija tan-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali huma, bħala regola ġenerali, ta’ responsabbiltà tal-eżekuttiv, u li l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċedura dwar in-negozjazzjoni u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija neċessarjament limitata, fir-rigward tal-interess leġittimu li l-elementi strateġiċi tan-negozjati ma jiġux żvelati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2012, in ’t Veld vs Il-Kunsill, T‑529/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 88; ara wkoll il-punti 57 u 59, in fine, tas-sentenza).

121    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, ikkunsidrati fihom infushom, ir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 bħala bażi għar-rifjut tagħha għal aċċess la jinjoraw u lanqas ma huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001.

122    Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li, fi kwalunkwe każ, l-iżvelar lill-pubbliku tal-pożizzjonijiet proprji adottati mill-Unjoni ma tkunx ippreżentat l-ebda riskju għal terzi. Skont ir-rikorrenti, ma għandux ikun hemm ebda diffikultà sabiex isiru pubbliċi d-dokumenti u l-informazzjoni li l-Unjoni diġà kkomunikat lill-imsieħba tagħha ta’ negozjar.

123    Indipendentement mill-fatt stess li huwa diffiċli li din il-pożizzjoni tirrikonċilja ruħha mal-ammissjoni x’imkien ieħor (ara l-punt 119 iktar ’il fuq) tan-neċessità ta’ ċerta kunfidenzjalità, għandu jingħad li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, ma huwiex eskluż li l-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’negozjati internazzjonali tista’ tippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

124    Minn naħa, ma huwiex eskluż li dan l-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni fin-negozjati jista’ jiżvela, indirettament, dawk ta’ partijiet oħra għan-negozjati. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-pożizzjoni tal-Unjoni hija espressa b’referenza għal dik ta’ parti oħra negozjatriċi, jew meta l-eżami tal-pożizzjoni tal-Unjoni jew tal-evoluzzjoni tagħha fin-negozjati tippermetti li tiddeduċi, b’mod kemm xejn preċiż, il-pożizzjoni ta’ parti negozjatriċi jew iktar.

125    Min-naħa l-oħra, għandu jingħad li, fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali, il-pożizzjonijiet meħuda mill-Unjoni, skont in-natura tagħhom, jistgħu jevolvu skont l-iżvolġiment ta’ dawn in-negozjati, ta’ konċessjonijiet u ta’ kompromessi kkonsentiti f’dan il-kuntest mil-partijiet differenti involuti. Hekk kif diġà ġie żvelat, il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tan-negozjati tista’ timplika ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet tattiċi minn naħa tan-negozjaturi, inkluża l-Unjoni stess. F’dan il-kuntest, ma jkunx eskluż li l-iżvelar mill-Unjoni, lill-pubbliku, tal-pożizzjonijiet proprji tagħha ta’ negozjati, anki jekk il-pożizzjonijiet ta’ negozjati ta’ partijiet oħra jibqgħu sigrieti, jista’ jkollu bħala konsegwenza li fil-prattika, jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċità ta’ negozjar tal-Unjoni.

126    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skont dan, essenzjalment, kellu jkun possibbli għall-Kummissjoni li tiżvela l-pożizzjonijiet differenti meħuda fin-negozjati mingħajr ma jiġu identifikati l-partijiet negozjaturi li jiddefendu dawk il-pożizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali, l-iżvelar unilaterali minn parti negozjatriċi tal-pożizzjoni ta’ negozjati ta’ parti waħda jew iktar, anki jekk prima face dan jidher anonimu, jista’ jkun ta’ natura li jikkawża dannu serju, lill-parti negozjatriċi li l-pożizzjoni tagħha tkun saret pubblika, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-partijiet l-oħra negozjaturi li huma xhieda ta’ dan l-iżvelar, il-klima ta’ fiduċja reċiproka indispensabbli għall-effettività ta’ dawn in-negozjati. Hekk kif sostniet il-Kummissjoni, l-istabbiliment u s-salvagwardja ta’ klima ta’ fiduċja reċiproka fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali huma eżerċizzju delikat ħafna.

127    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienet żbaljata meta ssuġġeriet li, sussegwentement għall-iżvelar tat-test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC, seta’ jkun ikkunsidrat li n-negozjati li seħħew qabel dan l-iżvelar kienu ġew ikkompletati u kellhom, minħabba dan il-fatt, ikunu żvelati. Fil-fatt, u mingħajr ħsara għall-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-relazzjonijiet internazzjonali tistax tiġġustifika ż-żamma tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti ta’ negozjati għal ċertu perijodu wara t-tmiem ta’ dawn in-negozjati, għandu jingħad li t-test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC ma jammontax għal abbozz ta’ ftehim u li, fl-iżvelar tiegħu, in-negozjati kienu għadhom sejrin.

128    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti kienet żbaljata meta sostniet li l-iżvelar tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni jew ta’ partijiet oħra għan-negozjati tal-ACAC ma setax jippreġudika l-interess protett mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001.

129    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument li skont dan l-iżvelar tad-dokumenti dwar l-ACAC kull ma seta’ jagħmel huwa li jsaħħaħ l-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali u jevita l-kontroversji marbuta mal-pubblikazzjoni klandestina ta’ ċerti proposti, għandu jitfakkar li, jekk huwa minnu li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu bħala għan li jiżgura t-trasparenza massima billi jingħata l-ikbar effett possibbli għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Unjoni (premessa 4 tar-regolament), madankollu jipprovdi eċċezzjonijiet għad-dritt għal aċċess li għandu bħala għan li jipproteġi ċerti interessi pubbliċi jew privati u, f’din il-kawża, l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

130    Issa, jirriżulta b’mod iktar preċiż mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li l-motivi mressqa mill-Kummissjoni, f’din il-kawża, sabiex jiġi llimitat l-aċċess ma jinkludux, fihom infushom u indipendentement mill-kwistjoni tal-implementazzjoni konkreta tagħhom fid-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Diċembru 2010, ebda interpretazzjoni żbaljata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), tar-Regolament Nru°1049/2001.

131    Barra minn hekk u sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu bħala għan, essenzjalment, li jinvoka l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ interess pubbliku għola għall-iżvelar, għandu jitfakkar li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001 li jammontaw għal eċċezzjonijiet obbligatorji ma jinkludux, bid-differenza ta’ eċċezzjonijiet oħra għad-dritt ta’ aċċess, ebda referenza għall-kunsiderazzjoni ta’ interess bħal dan. Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ rifjut għal aċċess ibbażat fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001, kull argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar għandu jkun meħud bħala mhux effettiv (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq).

132    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-motiv preżenti għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

133    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni konkreta tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001, għad-dokumenti kontenzjużi tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 kif ukoll għal ċerti dokumenti li huma s-suġġett tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010.

134    Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti u ssostni li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess invokata fid-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju 2010 u tad-9 ta’ Diċembru 2010 tapplika wkoll għad-dokumenti inkwistjoni.

 Fuq it-test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC, il-kapitoli tiegħu u tal-abbozz ta’ proposta fuq il-kooperazzjoni teknika (dokumenti nri 1 sa 22 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

135    Fir-rigward tad-dokumenti nri 1 sa 21 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-pożizzjoni tar-rikorrenti tikkonsisti f’li ssostni li, jekk il-pożizzjonijiet u s-suġġerimenti li dawn id-dokumenti jinkludu ġew inklużi fit-test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC, huma ma kinux iktar suxxettibbli li jkunu eżaminati mill-ġdid u l-iżvelar tagħhom ma kellux jikkawża diffikultajiet. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, sa fejn dawn id-dokumenti kienu jikkontjenu l-opinjonijiet tal-Kummissjoni, li hija kienet qasmet mal-imsieħba tagħha għan-negozjati, ma kienx hemm raġuni li ma jingħatax l-aċċess għal dawn l-opinjonijiet. Fir-rigward tad-dokument nru 22 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, li ma ġiex inkluż fit-test ikkonsolidat tal-abbozz ta’ ACAC, ir-rikorrenti ssostni li l-iżvelar ta’ dokument li jirreferi sempliċement għall-kooperazzjoni teknika ftit kellu l-possibbiltà li jtellef in-negozjati.

136    B’hekk jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (punt 5.1) kif ukoll mill-eżami tad-dokumenti komunikati mill-Kummissjoni in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011, li d-dokumenti nri 1 sa 20 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 dwar kapitoli differenti tal-abbozz ta’ ACAC u jikkontjenu, b’mod partikolari permezz tal-użu tal-funzjoni tat-track changes, il-pożizzjonijiet u s-suġġerimenti ta’ partijiet negozjaturi differenti espressi fil-kuntest tan-negozjati. Id-dokument nru 21 jammonta għal lista ta’ kwistjonijiet għad-diskussjoni. Fir-rigward tad-dokument nru 22, dan jesprimi l-proposti ta’ parti negozjatriċi fil-qasam tal-kooperazzjoni teknika.

137    B’hekk jeħtieġ, hekk kif issostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (punt 5.1), li jitfakkar li n-negozjati tal-ACAC kienu pendenti fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u li t-test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC, li kien sar pubbliku, ma jammontax għal abbozz ta’ ftehim.

138    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fil-punt 5.1 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, li l-iżvelar tad-dokumenti nri 1 sa 20 u 22 lir-rikorrenti u, b’hekk, tal-pożizzjonijiet ta’ negozjati tal-partijiet negozjaturi kif ukoll tal-Unjoni, kienu jippreġudikaw il-klima ta’ fiduċja reċiproka neċessarja għall-espressjoni ħielsa, minn kull wieħed tal-partijiet għan-negozjati, tal-pożizzjonijiet tagħhom, u kien affettwa l-kapaċitajiet ta’ negozjar tal-Unjoni.

139    Il-fatt li d-dokument nru 22 ikun proposta dwar il-kooperazzjoni teknika ma jnaqqasx mill-fatt li jammonta għal dokument ta’ negozjar ġej minn parti negozjatriċi u l-iżvelar tiegħu kien, b’hekk, ta’ natura li jippreġudika l-klima ta’ fiduċja reċiproka neċessarja għan-negozjati.

140    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dokument nru 21 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, għandu jingħad li dan ma huwiex dokument li jesprimi pożizzjoni ta’ negozjati ta’ parti waħda jew iktar, iżda l-iktar, huwa lista ta’ domandi għad-diskussjoni, mingħajr implikazzjonijiet indiretti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċaħda tat-talba għal aċċess fir-rigward ta’ dan id-dokument huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-relazzjonijiet internazzjonali.

141    B’hekk jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tagħha tal-marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001, ma wettqitx żball manifest meta rrifjutat, għall-motivi indikati fil-punt 5.1 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, l-aċċess għal dokumenti nri 1 sa 20 u 22 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, b’hekk jeħtieġ, min-naħa l-oħra, li tintlaqa’ l-parti preżenti tat-tielet motiv f’dak li jirrigwarda d-dokument nru 21 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni.

 Fuq id-dokumenti li jirrigwardaw il-linja li għandha tiġi adottata fir-rigward tat-talbiet għal ammissjoni għan-negozjati (dokumenti nri 23 u 24 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

142    Ir-rikorrenti tikkontesta r-rifjut għal aċċess peress li dawn id-dokumenti jirreferu, qabel kollox, għall-opzjonijiet ta’ kunsiderazzjoni, mill-partijiet għan-negozjati, tal-adeżjoni ta’ partijiet ġodda għal dawn in-negozjati. Konsegwentement, dawn id-dokumenti jidhru li huma ta’ natura ġenerali sa fejn dawn jikkunsidraw sempliċement l-approċċi differenti u talbiet possibbli ta’ adeżjoni għan-negozjati minn naħa ta’ pajjiżi oħra.

143    Jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (punt 5.2) kif ukoll mill-eżami tad-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011, li d-dokumenti nri°23 u 24 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni jikkonċernaw il-kwistjoni tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata fir-rigward tat-talbiet ta’ terzi li jiġu integrati fin-negozjati tal-ACAC jew li jaċċedu għall-ACAC wara li dan il-ftehim ikun ġie nnegozjat u konkluż. Id-dokument nru 23 ġej minn parti negozjatriċi u jippreżenta għażliet f’dan ir-rigward, peress li d-dokument nru 24, ibbażat fuq it-test tad-dokument nru 23, huwa dokument komuni għall-partijiet kollha negozjaturi, li jinkludu elementi ta’ risposta għat-talbiet ta’ terzi li jintegraw in-negozjati. Id-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 tindika li dan huwa dokument ta’ diskussjoni.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

145    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mis-suġġett u mill-kontenut ta’ dawn id-dokumenti u hekk kif sostniet essenzjalment il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (punt 5.2), tali żvelar kien ta’ natura li jaffettwa kemm il-kredibbiltà tal-Kummissjoni bħala msieħba tan-negozjati fir-rigward tal-partijiet l-oħra negozjaturi kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-partijiet kollha negozjaturi – u b’hekk tal-Unjoni – ma’ pajjiżi terzi eventwali li jixtiequ jidħlu fin-negozjati.

146    B’hekk jirriżulta li l-parti preżenti tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda l-imsemmija dokumenti nri 23 u 24.

 Fuq id-dokumenti li jirrigwardaw il-pożizzjonijiet ta’ partijiet oħra negozjaturi fuq ċerti domandi (dokumenti nri 25 u 26 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

147    Ir-rikorrenti tindika li hija tifhem li dawn id-dokumenti juru l-pożizzjonijiet ta’ terzi (third parties) kif ukoll il-perspettivi tal-Unjoni f’dan ir-rigward, dwar l-istruttura istituzzjonali futura tal-ACAC u d-dispożizzjonijiet tal-ACAC dwar l-Internet. Ir-rikorrenti ma tarax kif l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti, li l-Kummissjoni diġà qassmet lill-partijiet l-oħra għan-negozjati, tista’ tillimita l-marġni tagħha ta’ manuvrar.

148    Fil-punt 5.3 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni indikat li d-dokumenti nri°25 u 26 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni jirreflettu direttament il-pożizzjonijiet tal-partijiet negozjaturi kif ukoll il-perspettiva tal-Unjoni fuq dawn il-pożizzjonijiet, għal dak li jirrigwarda, rispettivament, id-dispożizzjonijiet tal-ACAC dwar l-internet u l-istruttura istituzzjonali futura tal-ACAC.

149    Mill-eżami tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011 li jekk id-dokument nru 26 jirrifletti effettivament, hekk kif indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (punt 5.3), il-pożizzjoni ta’ parti negozjatriċi kif ukoll il-perspettiva tal-Unjoni fuq din il-pożizzjoni, min-naħa l-oħra, ma jidhirx li dan huwa l-każ tad-dokument nru 25.

150    Fil-fatt, id-dokument nru 25 jieħu l-forma ta’ dokument tal-Unjoni b’kontenut essenzjalment deskrittiv u ġenerali, dwar id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, fir-rigward tal-Internet. Dan ma jirreferix għall-pożizzjoni ta’ xi parti negozjatriċi u ma jesprimix, minkejja dak li setgħet issostni l-Kummissjoni matul is-seduta, xi pożizzjoni preċiża tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ pożizzjoni ta’ parti bħal din.

151    B’hekk jirriżulta li, jekk ir-rifjut għal aċċess għad-dokument nru 26 ma jinkludi, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-kontenut ta’ dan id-dokument u għall-kunsiderazzjonijiet ġustament espressi mill-Kummissjoni fil-punt 5.3 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, min-naħa l-oħra, għandha tintlaqgħa l-parti preżenti tat-tielet motiv f’dak li jirrigwarda d-dokument nru 25 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni.

 Fuq il-kummentarji tal-Unjoni fuq ir-repressjoni tar-reati (dokumenti nri 27 sa 29 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

152    Fir-rigward tad-dokumenti nri 27 sa 29 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 u għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fir-rigward tad-dokumenti nri°25 u 26 ta’ din il-lista, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx li l-eċċezzjoni għad-dritt għall-aċċess ibbażata fuq il-protezzjoni tar-relazzjonijiet internazzjonali kienet sodisfatta.

153    Jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (punt 5.4) kif ukoll mill-eżami tad-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011, li d-dokumenti nri 27 sa 29 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni huma dokumenti ta’ negozjar tal-Unjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-ACAC fuq ir-repressjoni tar-reati kriminali.

154    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fil-punt 5.4 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti taffettwa l-pożizzjoni tan-negozjati tal-Unjoni u b’hekk jippreġudikaw il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

155    B’hekk jirriżulta li l-parti preżenti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda f’dak li tirrigwarda d-dokumenti nri 27 sa 29, imsemmija iktar ’il fuq.

 Fuq l-osservazzjonijiet tal-Istati Membri u d-dokumenti ta’ ħidma u rapporti interni (dokumenti nri 30 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

156    Preliminarjament, għandu jitfakkar (ara l-punti 64 sa 68 iktar ’il fuq) li r-rikors preżenti ma jikkontestax ir-rifjut għal aċċess fir-rigward tad-dokumenti nri°30 sa 44 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, iżda jipprevedi biss, fir-rigward tad-dokumenti nri°45 sa 48 ta’ din il-lista, li l-aċċess parzjali mogħti mill-Kummissjoni lil dawn id-dokumenti seta’ jkun wisq restrittiv u, b’hekk, essenzjalment, seta’ mar kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità.

157    Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-28 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ paragun tal-partijiet tad-dokumenti nri°45 sa 48 oskurati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 u sussegwentement żvelati fid-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012, issostni li l-oskuramenti mwettqa f’Mejju 2010 ma kinux ġustifikati, kemm għaliex huma jitrattaw elementi purament deskrittivi u li ma jistgħux jippreġudikaw ir-relazzjonijiet mal-imsieħba l-oħra għan-negozjati, kif ukoll għaliex huma jirrigwardaw elementi li ma jistgħux jiżvelaw pożizzjonijiet tal-partijiet negozjaturi jew l-istrateġija ta’ negozjati tal-Kummissjoni.

158    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti, billi tibbaża ruħha fuq dak li taf – miksub sussegwentement għal żball informatiku tal-Kummissjoni – kontenut sħiħ tad-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, ikkritikat l-approċċ tal-Kummissjoni. B’hekk, fid-dokument nru 47 ta’ din il-lista, ir-rikorrenti tikkritika l-oskurament mill-Kummissjoni, fil-qiegħ tal-paġna 2 u fil-paġna 3 ta’ dan id-dokument, ta’ ċerta informazzjoni li r-rikorrenti tqis kemm mhux kunfidenzjali u importanti għall-pubbliku.

159    Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-provi mressqa mid-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 turi li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°1049/2001 u b’hekk ipproċediet sabiex taħbi l-fatt li hija kienet iddevjat ruħha mill-ħatriet tagħha fil-qasam tat-trasparenza.

160    Il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ April 2012, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

161    Minn naħa, hija tirrepeti l-argumenti tagħha li jidhru fir-risposta u fil-kontroreplika li skont dan ir-rikors ma kienx ikopri r-rifjuti għal aċċess opposti fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 fir-rigward tad-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni.

162    Madankollu, għandu jitfakkar li dawn l-argumenti ġew diġà eżaminati u miċħuda fil-punti 59 sa 67 iktar ’il fuq.

163    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, wara li fakkret il-marġni wiesa’ tagħha ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001 u l-istħarriġ ġudizzjarju limitat li jirriżulta, tikkunsidra li r-rikorrenti, permezz tal-eżami dettaljat tagħha tal-oskuramenti li saru fid-dokumenti nri 45 sa 48 permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 mbagħad żvelati fl-2012, jinjoraw il-limiti tal-imsemmi stħarriġ ġudizzjarju.

164    Għandu jingħad, madankollu, li l-eżistenza, f’din il-kawża, ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma tipprojbixxi lir-rikorrenti milli tipproċedi b’paragun tad-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju 2010 u tas-27 ta’ Jannar 2012, sabiex issib evidenza insostenn tal-argument tagħha li skont dan, il-Kummissjoni kienet wettqet, fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni konkreta tagħha, għad-dokumenti kontenzjużi, tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex vjolata minħabba dan il-fatt, u lanqas ma hija modifikata l-portata tal-istħarriġ tal-Qorti.

165    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-eżami li b’hekk seħħ mir-rikorrenti bl-ebda mod ma juri, għall-kuntrarju, li l-oskuramenti mwettqa fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 kienu manifestament inġustifikati.

166    Għandu jingħad li jidher kemm mid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (punt 5.6) kif ukoll mill-eżami tad-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni ineżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011 li d-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni huma erba’ dokumenti interni tal-Kummissjoni li jagħmlu sunt tan-negozjati tal-impriżi fir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ sessjonijiet (rounds) tal-ACAC.

167    Fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni indikat li l-partijiet oskurati tad-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni tikkontjeni ċerti elementi tal-ambizzjonijiet tal-Unjoni u tal-aspetti tal-istrateġija tagħha ta’ negozjar fil-kuntest tan-negozjati tal-ACAC. Il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar ta’ dawn l-elementi lill-pubbliku jpoġġuha f’sitwazzjoni diffiċli ħafna fin-negozjati attwali tal-ACAC fir-rigward tal-partijiet l-oħra għan-negozjati, li jkunu totalment informati fir-rigward tal-għanijiet u tal-kunsiderazzjonijiet politiċi tal-Unjoni u li b’hekk jistgħu wkoll jevalwaw b’liema mod l-Unjoni hija disposta tagħmel paraguni. Dan inaqqas b’mod kunsiderevoli l-marġni ta’ manuvrar tal-Kummissjoni u jikkomprometti l-andament ġenerali tan-negozjati attwali, li jkun ta’ dannu għall-interess tal-Unjoni għall-andament effettiv ta’ tali negozjati.

168    Il-Kummissjoni żżid li, b’mod ġenerali, ma kienx possibbli li tkun iktar preċiża għal dak li jirrigwarda l-kontenut konkret tal-elementi oskurati, peress li dan ikollu bħala effett li jiżvela l-kontenut u, minħabba dan il-fatt, tiċħad l-eċċezzjoni applikabbli mill-għan tagħha.

169    Mill-eżami tal-partijiet oskurati tad-dokumenti nri 45 sa 48 jirriżulta li, fil-parti l-kbira tagħhom, dawn jikkontjenu, effettivament, informazzjoni fuq l-ambizzjonijiet tal-Unjoni, il-pożizzjonijiet tagħha tan-negozjati u ċerti aspetti tal-istrateġija tagħha tan-negozjati, kif ukoll informazzjoni fuq il-pożizzjonijiet u l-inizjattivi tal-partijiet negozjaturi.

170    B’hekk, dan huwa partikolarment il-każ, fir-rigward tal-oskuramenti speċifikament ikkontestati mir-rikorrenti, ta’ dawk li saru fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-punt 4 tal-paġna 1 tad-dokument nru 45. Fil-fatt, dawn l-oskuramenti, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, jikkontjenu informazzjoni fuq il-pożizzjonijiet tal-partijiet negozjaturi u fuq l-evoluzzjoni tan-negozjati, informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tiddeċiedi li ma tiżvelax.

171    Dan huwa wkoll il-każ tal-oskurament, ikkontestat mir-rikorrenti, imwettaq fil-paġna 3 tad-dokument nru 45, taħt l-inċiż “Consultation of stakeholders/Transparency”, l-aħħar sentenza. Iċ-ċirkustanza mressqa mir-rikorrenti li l-pożizzjonijiet tal-Unjoni u tal-partijiet negozjaturi setgħu, fuq ċerti punti, ikunu kunsenswali, bl-ebda mod ma jimplika li l-iżvelar ta’ dawn il-pożizzjonijiet, f’dan l-istadju tan-negozjati u anki jekk ma seħħ l-ebda iffirmar, ma jippreġudika l-interess pubbliku għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

172    Barra minn hekk, l-istess japplika għall-oskuramenti kkontestati mir-rikorrenti, imwettqa, fid-dokument nru 46 fil-paġna 1, taħt it-titolu “Summary”, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi, u fil-paġna 3, l-ewwel subparagrafu, u punt 5, sub a). Dawn l-oskuramenti, li jiddeskrivu l-pożizzjonijiet tal-partijiet u tal-Unjoni fuq, minn naħa, l-adeżjoni tal-pajjiżi l-ġodda lill-ACAC u, min-naħa l-oħra, il-perspettivi futuri ta’ dan il-ftehim, jirrigwardaw informazzjoni li l-Kummissjoni tista’, f’dan l-istadju tan-negozjati u fl-eżerċizzju tal-marġni tagħha ta’ diskrezzjoni, tikkunsidra li l-iżvelar jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

173    Fir-rigward tal-oskurament ikkontestat mir-rikorrenti u mwettaq fil-paġna 1 taħt it-titolu “Summary”, it-tieni subparagrafu tad-dokument nru 46, dan jikkonċerna, bħal fil-każ tal-oskurament imwettaq fl-aħħar sentenza tal-punt 4 tal-paġna 1 tad-dokument nru 45 (ara l-punt 170 iktar ’il fuq), il-pożizzjonijiet tal-partijiet fin-negozjati.

174    Fir-rigward tal-informazzjoni oskurata fil-paġni 2 u 3 tad-dokument nru 47 [sub a) sa ċ), li jidhru taħt il-frażi “EU comments focused on”], ir-rikorrenti, tibbaża ruħha fuq l-għarfien tagħha ta’ dan id-dokument miksub fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq, jikkunsidraw li huma ma setgħux jippreġudikaw in-negozjati peress li huma jiddeskrivu sempliċement il-kontenut ta’ proposta skambjata bejn il-partijiet kollha. Barra minn hekk, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma setax ipoġġi fid-dubju l-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati, peress li n-natura tal-kummenti tal-Unjoni ma kellhiex interess għall-partijiet negozjaturi l-oħra, b’mod li hija kellha, min-naħa l-oħra, importanza partikolari għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

175    Madankollu għandu jingħad li indipendentement mill-fatt li l-Kummissjoni kienet fondata sabiex toskura l-kummenti tagħha fuq il-pożizzjoni ta’ parti, l-oskuramenti inkwistjoni jammontaw, fir-realtà, mhux għal tali kummenti iżda għal deskrizzjoni tal-pożizzjoni ta’ parti oħra għan-negozjati. Billi tagħmel dan, dawn l-oskuramenti kienu totalment ġustifikati mill-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali. Il-fatt li din il-pożizzjoni kienet ippreżentata mill-parti negozjatriċi inkwistjoni lill-partijiet l-oħra kollha negozjaturi bl-ebda mod ma tista’ tpoġġi fid-dubju din il-konstatazzjoni.

176    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skont dan il-kontenut tal-oskuramenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-proposti ta’ parti negozjatriċi li jmorru lil hinn mill-acquis communautaire, ikollhom importanza partikolari għaċ-ċittadin Ewropew, li seta’ jixtieq ikun jaf dwar id-dibattitu fis-seħħ sabiex jinfluwenzah, jeħtieġ, hekk kif diġà ssemma fil-punti 110 u 131 iktar ’il fuq, li jitfakkar li t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001 jammonta għal eċċezzjoni obbligatorja li ma tinkludix, bid-differenza ta’ eċċezzjonijiet oħra għad-dritt ta’ aċċess, il-kunsiderazzjoni ta’ interess pubbliku eventwali superjuri għall-iżvelar.

177    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kienet żbaljata meta invokat, insostenn tal-pożizzjoni tagħha, is-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna rifjut għal aċċess ibbażat fuq eċċezzjoni oħra li tinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ interess pubbliku bħal dan superjuri għall-iżvelar (it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru°1049/2001).

178    Huwa wkoll għal xejn li r-rikorrenti tirreferi għall-istess sentenza sabiex issostni li l-qorti tal-Unjoni hawnhekk ikkreat preżunzjoni favur l-iżvelar tad-dokumenti leġiżlattivi.

179    Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti jippruvaw, permezz ta’ din ir-referenza, li jassimilaw id-dokumenti ta’ negozjati tal-ACAC għal dokumenti leġiżlattivi, għandu jiġi kkonstatat li tali assimilazzjoni, anki jekk tkun ikkunsidrata eżatta, ma jkollha, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punt 41), l-ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti seta’ jippreġudika l-interessi protetti mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 jew, għalhekk, dwar jekk l-aċċess mitlub għal tali dokumenti kellu jiġi rrifjutat.

180    Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenza Sison vs Il-Kunsill, filwaqt li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li d-dokumenti redatti jew riċevuti fil-kuntest tal-proċeduri għandhom bħala għan l-adozzjoni ta’ atti legalment vinkolanti fi ħdan l-Istati Membri jew dawn għandhom ikunu direttament aċċessibbli, dan iżid madankollu li dan għandu japplika biss bla ħsara għall-Artikoli 4 u 9 ta’ dan l-istess Regolament (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punt 41).

181    Barra minn hekk u b’mod inċidentali, għandu jitfakkar li l-andament tan-negozjati fid-dawl tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali huwa, bħala prinċipju, fil-kompetenza tal-eżekuttiv (sentenza in ’t Veld vs Il-Kunsill, punt 120 iktar ’il fuq, punt 88) u li dawn in-negozjati bl-ebda mod ma jippreġudikaw id-diskussjoni pubblika li tista’ tiżviluppa, la darba l-ftehim internazzjonali jiġi ffirmat, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ratifika.

182    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilha fil-kuntest tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma wettqitx żball manifest meta kkunsidrat li żvelar ta’ informazzjoni msemmi fil-punt 174 iktar ’il fuq setgħa jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-relazzjonijiet internazzjonali.

183    Jekk il-kritiki tar-rikorrenti fir-rigward tal-oskurament imwettaq mid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 fid-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa għal din id-deċiżjoni b’hekk jidhru, fil-parti l-kbira, mhux ġustifikati, madankollu, r-rikorrenti ġustament issostni li huma manifestament żbaljati ċerti oskuramenti li saru mill-Kummissjoni f’dawn id-dokumenti.

184    Dan huwa l-każ tal-oskuramenti mwettqa fid-dokument nru 45, fil-paġna 2, taħt it-titolu “Participants”, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu; fid-dokument nru 47, fil-paġna 1, taħt it-titolu “Participants”, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu; fid-dokument nru°47, fil-paġna 2, taħt it-titolu “1. Digital Environment (including Internet)”, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu; fid-dokument nru 48, fil-paġna 2, is-subparagrafu taħt il-punt 4, tmiem tas-sentenza.

185    Fil-fatt, ma jidhirx li dawn l-oskuramenti jirrigwardaw pożizzjonijiet tan-negozjati tal-Kummissjoni jew ta’ partijiet oħra negozjaturi, jew fuq informazzjoni oħra li l-iżvelar tagħha tkun ta’ natura li tippreġudika l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali. B’mod partikolari u hekk kif sostniet ir-rikorrenti, l-istqarrija tal-Kummissjoni, oskurata fil-paġna 2 tad-dokument nru 48 (subparagrafu taħt il-punt 4, tmiem tas-sentenza), li skont din, din ma kinitx tkun kontra żvelar tad-dokumenti ta’ negozjati kieku kien eżista ftehim bejn il-partijiet negozjaturi f’dan is-sens, kienet informazzjoni li l-iżvelar tagħha ma kienx ta’ natura li jippreġudika l-fiduċja reċiproka tal-partijiet negozjaturi.

186    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-parti preżenti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda f’dak li jirrigwarda d-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, ħlief għal dak li jirrigwarda l-oskuramenti msemmija fil-punt 184 iktar ’il fuq.

 Fuq id-dokumenti nri 27a, 40a, 51 u 52 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010

–       Fuq id-dokument tal-21 ta’ Settembru 2009 intitolat “Working document ‘Friends of the Presidency’ meeting” (dokument ta’ ħidma laqgħa tal-‘Ħbieb tal-Presidenza’) (dokument nru 27a tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010)

187    Jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 (ir-raba’ subparagrafu tal-punt 2.1) kif ukoll mill-eżami tad-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011 li d-dokument nru 27a tal-lista anness ma’ din id-deċiżjoni huwa dokument ta’ ħidma tal-Kunsill, li jikkontjeni abbozz tat-test li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kriminali tal-ACAC, ippreparati għall-finijiet ta’ diskussjoni fi ħdan il-grupp tal-“Ħbieb tal-presidenza” u li għandhom l-għan li jippermettu li tirtira l-pożizzjoni tal-presidenza f’dak li jirrigwarda n-negozjati fuq dan il-punt.

188    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fir-rigward ta’ dokument li jirrigwarda l-pożizzjonijiet tan-negozjati tal-Unjoni kif ukoll, f’ċerti rigwardi, l-pożizzjonijiet tat-terzi, huwa mingħajr twettiq ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni, għall-motivi indikati fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 (ir-raba’ sas-seba’ subparagrafi tal-punt 2.1), ċaħdet it-talba ta’ aċċess fir-rigward ta’ dan id-dokument.

189    Din il-konklużjoni ma ġietx iddubitata mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tad-19 ta’ Jannar 2011 fuq id-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, liema argumenti jirrepetu, essenzjalment, dawk imressqa fl-istadju tar-rikors u diġà miċħuda mill-Qorti Ġenerali fil-punti 111 sa 127 iktar ’il fuq.

–       Fuq id-dokument tas-26 ta’ Ottubru 2009 intitolat “Draft Position of the Member States on the criminal provisions in chapter 2” (Abbozz ta’ pożizzjoni tal-Istati Membri fuq il-provvedimenti kriminali fil-Kapitolu 2) (dokument nru 40a tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010)

190    Jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 (ir-raba’ subparagrafu tal-punt 2.1) kif ukoll mill-eżami tad-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011 li d-dokument nru 40a tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni hija dokument ta’ ħidma, tas-26 ta’ Ottubru 2009, li tirrefletti l-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kriminali fil-Kapitolu 2 tal-ACAC.

191    Barra minn hekk, jeħtieġ li jingħad li dan id-dokument huwa identiku, minbarra għat-titolu tiegħu u tal-header u footer, għad-dokument nru 28 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, li għalih diġà ġie kkonstatat (ara l-punti 152 sa 155 iktar ’il fuq), li r-rifjut għal aċċess ma kienx ivvizzjat minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Konsegwentement u għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fl-imsemmija punti, għandu jiġi miċħud il-motiv preżenti fir-rigward tad-dokument nru 40a.

–       Fuq id-dokument tat-8 ta’ Ġunju 2009 intitolat “Transmission note with agenda for meeting of 11 June 2009” (nota ta’ trażmissjoni flimkien mal-programm tal-laqgħa tal-11 ta’ Ġunju 2009) (dokument nru 51 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010)

192    Fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 [punt 2.2, sub 1)], il-Kummissjoni tat l-aċċess għal dan id-dokument, bl-eċċezzjoni ta’ paragrafu li għalih opponiet l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-relazzjonijiet internazzjonali, peress li dan il-paragrafu kien jinkludi informazzjoni dwar talba ta’ Stat terz sabiex jingħaqad man-negozjati tal-ACAC u li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika r-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ dan l-Istat terz kif ukoll tal-partijiet negozjaturi l-oħra.

193    Jirriżulta kemm mill-ispjegazzjonijiet fornuti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 kif ukoll tal-eżami tad-dokument ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011, li l-passaġġ oskurat ta’ dan id-dokument jikkonċerna effettivament it-trattament ta’ talba ta’ Stat terz dwar integrazzjoni eventwali ta’ dan l-Istat terz għan-negozjati tal-ACAC. F’dawn iċ-ċirkustanzi u kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-iżvelar tal-passaġġ oskurat ta’ dan id-dokument jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali.

–       Fuq id-dokument tat-30 ta’ Settembru 2009 intitolat “Transmission of an information note for the committee (deputies)” [trażmissjoni ta’ nota ta’ informazzjoni għall-kumitat (deputati)] (dokument nru 52 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010)

194    Dan id-dokument, li huwa nota ta’ informazzjoni destinata għall-kumitat previst mill-Artikolu 133 KE (li sar l-Artikolu 207 TFUE) jirrigwarda l-kapitolu tal-abbozz ta’ ACAC dwar l-internet, kien is-suġġett ta’ aċċess parzjali fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010.

195    Fir-rigward tal-estratt mhux żvelat ta’ dan id-dokument, jirriżulta kemm mill-ispjegazzjonijiet fornuti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 kif ukoll mill-eżami tad-dokument ikkomunikat lill-Qorti Ġenerali in eżekuzzjoni tad-Digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011 li dan l-estratt jinkludi informazzjoni fornuta lill-Kummissjoni minn parti negozjatriċi fuq il-pożizzjoni ta’ din il-parti fin-negozjati.

196    F’dawn iċ-ċirkustanzi u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, kien mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtix aċċess għal din il-parti tad-dokument.

197    Bħala konklużjoni tal-kunsiderazzjonijiet kollha imsemmija iktar ’il fuq dwar it-tieni parti tal-motiv preżenti, din il-parti għandha tiġi miċħuda, ħlief sa fejn din tikkontesta r-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti nri 21 u 25 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 u l-oskuramenti tad-dokumenti nri 45, 47 u 48 ta’ din il-lista, imsemmija fil-punt 184 iktar ’il fuq.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-prinċipju tal-proporzjonalità

198    Ir-rikorrenti ssostni li saret applikazzjoni skorretta tal-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament u li l-prinċipju ta’ proporzjonalità nkiser, sa fejn il-Kummissjoni ma pprovdietx għall-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti u li jiġi limitat ir-rifjut għal aċċess lill-partijiet tad-dokumenti fejn dan kien ġustifikat u strettament neċessarju.

199    Il-Kummissjoni ssostni li l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali ġie debitament u korrettement eżaminat.

200    Mill-kliem tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru°1049/2001 jirriżulta li, jekk parti biss mid-dokument mitlub huwa kopert minn xi eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. Min-naħa l-oħra, il-prinċipju tal-proporzjonalità jeħtieġ li l-eċċezzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imħaddan (sentenza Il-Kunsill vs Hautala, punt 107 iktar ’il fuq, punt 28).

201    F’din il-kawża, mid-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Diċembru 2010 jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkuntentatx ruħha li topponi rifjut għal aċċess sħiħ fuq il-bażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001, iżda eżaminat il-possibbiltà ta’ żvelar parzjali b’mod konformi mal-Artikolu 4(6) tal-istess regolament.

202    B’hekk, fil-punt 3 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, wara eżami bir-reqqa tat-talba ta’ aċċess u tad-dokumenti kkonċernati, kien jidher li aċċess sħiħ seta’ jingħata għad-dokument nru 49 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 u li aċċess parzjali seta’ jingħata għad-dokumenti nri 45 sa 48 ta’ din il-lista, fir-rigward tal-partijiet ta’ dawn id-dokumenti li ma jaqgħux fil-portata ta’ eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess. Il-Kummissjoni indikat li l-partijiet l-oħra tal-imsemmija dokumenti nri 45 sa 48, kif ukoll id-dokumenti l-oħra kollha msemmija fil-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, ma setgħux jiġu kkomunikati lir-rikorrenti.

203    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni tat aċċess parzjali għad-dokumenti nri°50 sa 52 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni.

204    B’hekk, ir-rikorrenti kienet żbaljata meta sostniet li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali.

205    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti tqis, fir-rigward tad-dokumenti nri 1 sa 21 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, li l-aċċess parzjali kellu jingħata, peress li għall-inqas ċerti partijiet ta’ dawn id-dokumenti kienu ġew riprodotti fit-test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC, b’konsegwenza li rifjut għal aċċess għal dawn il-partijiet ma kienx iktar neċessarji. Barra minn hekk, il-partijiet ta’ dawn id-dokumenti li jirrigwardaw il-pożizzjonijiet tal-Unjoni, jew inkella dawk inqas importanti peress li huma tekniċi, kellhom jiġu żvelati.

206    Madankollu jeħtieġ, hekk kif diġà intqal fil-punt 137 iktar ’il fuq, li jitfakkar li n-negozjati tal-ACAC kienu pendenti u li t-test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC magħmul pubbliku jammonta biss għal abbozz ta’ ftehim. F’dawn iċ-ċirkustanzi u bla ħsara għall-kwistjoni mqajma fil-punt 127 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-għoti lir-rikorrenti ta’ aċċess għall-pożizzjonijiet tan-negozjati, anki jekk huma ta’ natura teknika, tal-partijiet negozjaturi u tal-Unjoni kontenuti fid-dokumenti nri 1 sa 20 u 22 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 [ir-rifjut għal aċċess għad-dokument nru 21 ta’ din il-lista li kienu diġà annullati (ara l-punt 141 iktar ’il fuq)] kienu ppreġudikaw l-interess pubbliku previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru°1049/2001. Il-Kummissjoni b’hekk bl-ebda mod ma kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta rrifjutat lir-rikorrenti aċċess parzjali li kien wassal sabiex tkun taf il-pożizzjonijiet tan-negozjati tal-partijiet negozjaturi u tal-Unjoni.

207    Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-argumenti tar-rikorrenti li skont dawn, fir-rigward tad-dokumenti nru 45 sa nru 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, li kienu s-suġġett ta’ aċċess parzjali, il-Kummissjoni kienet iċċensurat b’mod eżaġerat dawn id-dokumenti u ħadet approċċ eċċessivament strett tal-aċċess, u b’hekk jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jingħad li dan l-argument, essenzjalment, diġà ġie eżaminat fil-punti 156 sa 186 iktar ’il fuq u li ntlaqa’ parzjalment.

208    B’hekk jirriżulta li l-motiv preżenti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru°1049/2001 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-possibbiltà ta’ aċċess parzjali u, alternattivament, implementata b’mod strett wisq, għandha tiġi miċħuda, suġġetta, madankollu, għall-kunsiderazzjonijiet espressi fil-punt preċedenti.

5.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

209    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni meta rrifjutat impliċitament l-aċċess għal ċerti dokumenti li jaqgħu fit-talba għal aċċess, iżda mhux eżaminati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

210    Fir-rigward tad-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni ma fornietx raġunijiet li jispjegaw b’liema mod, il-fatt li jkollha aċċess sħiħ jippreġudika l-interess pubbliku. Ir-raġuni fil-qosor li skont din dawn id-dokumenti “jikkontjenu elementi tal-ambizzjonijiet tal-Unjoni u aspetti tal-istrateġija tagħha tan-negozjati” jidhru li huma irrilevanti fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti li l-Kummissjoni kienet għamlet pubbliċi parzjalment.

211    Fir-rigward tad-dokumenti nri 1 sa 29 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni kellha t-tendenza li tinvoka raġunijiet ġenerali sabiex tispjega r-rifjut għal aċċess u l-iktar trattat id-dokumenti kollettivament, fejn naqset milli tikkunsidra kull dokument individwalment.

212    Il-Kummissjoni tfakkar li, sa fejn dan il-motiv jikkonċerna d-dokumenti mhux eżaminati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, hija tirrikonoxxi li llimitat b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-portata tat-talba għall-aċċess.

213    Għall-kumplament, il-Kummissjoni tikkontesta li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

214    Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, l-obbligu li d-deċiżjonijiet jiġu mmotivati jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 166 u 181, u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    Madankollu, jeħtieġ l-ewwel nett li jitfakkar li, sussegwentement għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, ir-rikors preżenti sar mingħajr għan sa fejn dan għandu bħala għan l-annullament ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut għal aċċess għal ċerti dokumenti msemmija fir-risposta tal-21 ta’ Jannar 2010 u mhux eżaminati fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010. B’hekk jirriżulta li l-motiv preżenti, sa fejn jikkritika n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ rifjut impliċitu ta’ aċċess fir-rigward tad-dokumenti li l-Kummissjoni naqset milli teżamina f’din id-deċiżjoni, tilef l-għan tiegħu u b’hekk ma hemmx lok li jiġi eżaminat.

216    Barra minn hekk u sa fejn il-motiv preżenti jallega ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tar-rifjut parzjali ta’ aċċess għal dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, fil-punt 5.6 ta’ din id-deċiżjoni, iżda wkoll fil-parti 4 ta’ din id-deċiżjoni, immotivat b’mod suffiċjenti dan ir-rifjut parzjali ta’ aċċess.

217    B’hekk, fil-punt 5.6 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni, wara li indikat li d-dokumenti 45 sa 48 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni kienu rapporti ta’ ċikli differenti ta’ negozjati tal-ACAC u annunċat li aċċess parzjali għal dawn ir-rapporti kien mogħti (l-ewwel subparagrafu tal-punt 5.6), indika li l-partijiet oskurati ta’ dawn id-dokumenti kienu jikkontjenu ċerti elementi tal-ambizzjonijiet tal-Unjoni u tal-aspetti tal-istrateġija tagħha ta’ negozjati fil-kuntest tan-negozjati tal-ACAC. Il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar ta’ dawn l-elementi jpoġġuha f’sitwazzjoni diffiċli ħafna fin-negozjati attwali tal-ACAC fir-rigward ta’ partijiet oħra, li jkunu totalment informati fir-rigward tal-għanijiet u kunsiderazzjonijiet politiċi tal-Unjoni u li jistgħu, b’hekk, jevalwaw b’liema mod din tal-aħħar hija disposta tagħmel kompromessi. Il-Kummissjoni indikat li dan inaqqas b’mod kunsiderevoli l-marġni tagħha ta’ manuvrar u tikkomprometti l-andament ġenerali tan-negozjati attwali, li jkun ta’ dannu għall-interess tal-Unjoni fid-dawl tal-andament effettiv ta’ tali negozjati (it-tieni subparagrafu tal-punt 5.6, tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010).

218    Il-Kummissjoni żżid li, b’mod ġenerali, ma kienx possibbli għaliha tkun iktar preċiża f’dak li jikkonċerna l-kontenut konkret ta’ dawn l-elementi, peress li dan ikollu bħala effett li jiżvela l-kontenut tagħhom, u b’hekk, tiċħad l-eċċezzjoni applikabbli milli tkun effettiva (it-tielet subparagrafu tal-punt 5.6, tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010).

219    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-motiv ta’ oskurament li jirrigwarda mhux biss il-protezzjoni tal-pożizzjonijiet tan-negozjati tal-Kummissjoni stess, iżda għal dawk tal-pożizzjonijiet ta’ partijiet negozjaturi oħra, filwaqt li dik ir-raġuni ma hijiex imsemmija speċifikament fil-punt 5.6 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, madankollu jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-parti 4 tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, liema parti tirreferi, b’mod partikolari, għad-dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

220    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni, anki jekk hija ma setgħetx tkun speċifika ħafna, għar-raġunijiet ġustifikati, tfakkar fil-punt 218 iktar ’il fuq, f’dak li jirrigwarda l-kontenut konkret tal-oskuramenti li seħħew, li ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rifjut parzjali ta’ aċċess għal dokumenti nri 45 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010.

221    Fl-aħħar nett, sa fejn il-motiv preżenti jikkritika l-fatt li, fir-rigward tad-dokumenti nri 1 sa 29 fil-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni kellha t-tendenza tinvoka raġunijiet ġenerali sabiex tispjega r-rifjut għal aċċess u kienet, fuq kollox, itrattat id-dokumenti kollettivament u mhux individwalment, jeħtieġ li dan jiġi miċħud.

222    Fil-fatt mid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 jirriżulta li l-Kummissjoni, wara li, fil-parti 4 ta’ din id-deċiżjoni, esponiet b’mod ċirkustanzjat ir-raġunijiet li għalihom l-aċċess mitlub għad-dokumenti ta’ negozjar tal-ACAC jippreġudikaw il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-relazzjonijiet internazzjonali, fil-parti 5 ta’ din id-deċiżjoni, esponiet l-eżami konkret u individwali tagħha tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dokumenti previsti fit-talba għal aċċess u, b’mod partikolari, id-dokumenti nri 1 sa 29 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 (ara, għal dawn id-dokumenti, il-punti 5.1 sa 5.4 ta’ din id-deċiżjoni). Billi tagħmel dan, il-Kummissjoni forniet motivazzjoni suffiċjenti, li tippermetti lir-rikorrenti li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u għall-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

223    Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jeħtieġ li l-motiv preżenti jiġi miċħud.

C –  Konklużjonijiet

224    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud, ħlief sa fejn jikkontesta r-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti nri 21 u 25 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 kif ukoll l-oskuramenti, msemmija fil-punt 184 iktar ’il fuq, imwettqa fid-dokumenti nri 45, 47 u 48 tal-lista annessa ma’ din l-istess deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

225    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(3) tal-istess Regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

226    F’din il-kawża, jekk ir-rikorrenti titlef fil-parti l-kbira, xorta jibqa’ l-fatt, minn naħa, li r-rikors preżenti huwa fondat fir-rigward ta’ ċerti dokumenti u oskuramenti u, min-naħa l-oħra, u l-iktar, li t-trattament ftit diliġenti tat-talba għal aċċess mill-Kummissjoni u n-neċessità li fiha din l-istituzzjoni kienet, minħabba dan il-fatt, kellha tissuplimenta darbtejn ir-risposta tagħha għal din id-domanda, għamlet iktar diffiċli l-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u, b’hekk, l-ispejjeż tar-rikorrenti.

227    Hekk kif jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tittieħed deċiżjoni li r-rikorrenti tbati biss nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

228    Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2010, bir-referenza SG.E.3/HP/psi – Ares (2010) 234950, hija annullata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti nri°21 u 25 tal-lista annessa ma’ din id-deċiżjoni kif ukoll għas-segwenti oskuramenti li saru f’dokumenti oħra ta’ din il-lista:

–        dokument nru 45, fil-paġna 2, taħt it-titolu “Participants”, it-tieni subparagrafu, l-aħħar sentenza;

–        dokument nru 47, fil-paġna 1, taħt it-titolu “Participants”, it-tieni subparagrafu, l-aħħar sentenza;

–        dokument nru 47, fil-paġna 2, taħt it-titolu “1. Digital Environment (including Internet)”, it-tieni subparagrafu, l-aħħar sentenza;

–        dokument nru 48, fil-paġna 2, is-subparagrafu taħt il-punt 4, tmiem tas-sentenza.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Sophie in ’t Veld għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż ta’ S. in ’t Veld.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Marzu 2013.


Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq il-portata tar-rikors

1.  Fuq il-portata tar-rikors fir-rigward ta’ ċerti rifjuti ta’ aċċess opposti fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010

2.  Fuq il-portata tar-rikors sussegwentement għad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010 u fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2011

3.  Fuq il-portata tar-rikors sussegwentement għad-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2012 u fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-28 ta’ Frar 2012

4.  Konklużjoni fuq il-portata tar-rikors

B –  Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

Fuq it-test konsolidat tal-abbozz ta’ ACAC, il-kapitoli tiegħu u tal-abbozz ta’ proposta fuq il-kooperazzjoni teknika (dokumenti nri 1 sa 22 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

Fuq id-dokumenti li jirrigwardaw il-linja li għandha tiġi adottata fir-rigward tat-talbiet għal ammissjoni għan-negozjati (dokumenti nri 23 u 24 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

Fuq id-dokumenti li jirrigwardaw il-pożizzjonijiet ta’ partijiet oħra negozjaturi fuq ċerti domandi (dokumenti nri 25 u 26 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

Fuq il-kummentarji tal-Unjoni fuq ir-repressjoni tar-reati (dokumenti nri 27 sa 29 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

Fuq l-osservazzjonijiet tal-Istati Membri u d-dokumenti ta’ ħidma u rapporti interni (dokumenti nri 30 sa 48 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010)

Fuq id-dokumenti nri 27a, 40a, 51 u 52 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010

–  Fuq id-dokument tal-21 ta’ Settembru 2009 intitolat “Working document ‘Friends of the Presidency’ meeting” (dokument ta’ ħidma laqgħa tal-‘Ħbieb tal-Presidenza’) (dokument nru 27a tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010)

–  Fuq id-dokument tas-26 ta’ Ottubru 2009 intitolat “Draft Position of the Member States on the criminal provisions in chapter 2” (Abbozz ta’ pożizzjoni tal-Istati Membri fuq il-provvedimenti kriminali fil-Kapitolu 2) (dokument nru 40a tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010)

–  Fuq id-dokument tat-8 ta’ Ġunju 2009 intitolat “Transmission note with agenda for meeting of 11 June 2009” (nota ta’ trażmissjoni flimkien mal-programm tal-laqgħa tal-11 ta’ Ġunju 2009) (dokument nru 51 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010)

–  Fuq id-dokument tat-30 ta’ Settembru 2009 intitolat “Transmission of an information note for the committee (deputies)” [trażmissjoni ta’ nota ta’ informazzjoni għall-kumitat (deputati)] (dokument nru 52 tal-lista annessa mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010)

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-prinċipju tal-proporzjonalitŕ

5.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

C –  Konklużjonijiet

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.