Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' April 2009 - Ningbo Yonghong Fasteners vs Il-Kunsill

(Kawża T-150/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ningbo Yonghong Fasteners Co. Ltd (rappreżentanti: F. Graafsma u J. Cornelis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill tas-26 ta' Jannar 2009 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina1 fuq il-bażi ta' allegat ksur tal-Artikoli 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 384/962 u fuq il-bażi ta' żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti meta ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal trattament ta' ekonomija tas-suq ("TES").

Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu deċiżjoni fuq TES fit-terminu statutorju skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Nru 384/96. Qed jiġi sostnut li billi għamlet deċiżjoni TES wara li kienet irċiviet l-informazzjoni kollha mitluba fil-kwestjonarju dwar l-antidumping, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha stabbilit fid-dispożizzjoni msemmija qabel maħsuba sabiex tiżgura li l-kwistjoni dwar jekk produttur jissodisfax il-kriterji TES huwiex deċiż fuq il-bażi tal-effett tagħha fuq il-kalkolu tal-marġni tad-dumping.

Fit-tieni nett, ir-rikorrenti tissottometti li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkonkluda li l-ispejjeż tad-dħul prinċipali tar-rikorrenti, vireg tal-wajer tal-azzar, ma jirriflettux sostanzjalment il-valuri tas-suq skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 384/96. Qed jiġi sostnut li dan l-iżball manifest ta' evalwazzjoni huwa attribwibbli mill-ksur tal-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-obbligu tagħhom ta' diliġenza u amministrazzjoni tajba billi ma eżaminawx b'mod imparzjali l-evidenza rilevanti kollha quddiemhom.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tissottometti li l-interpretazzjoni tal-Kunsill tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 tikkostitwixxi interpretazzjoni mhux permessa u għalhekk ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni tal-Kunsill tal-Artikolu 2(7)(b)(ċ) mhux biss ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-evalwazzjoni TES għandha ssir fil-livell speċifiku għal kumpannija, imma l-interpretazzjoni tal-Kunsill timponi wkoll oneru ta' prova irraġonevoli. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Kunsill, skont ir-rikorrenti, tirrendi l-possibbiltà li jaġġusta l-ispejjeż tal-produzzjoni li huma distorti minn sitwazzjoni partikolari tas-suq skont l-Artikolu tar-Regolament (KE) Nru 384/96 mingħajr skop u għalhekk hija f'kunflitt mal-obbligu ta' interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju skont il-kuntest u l-iskop tagħha.

____________

1 - ĠU 2009, L 29, p. 1

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea