Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' April 2009 - Trelleborg vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-148/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Trelleborg AB (Trelleborg, L-Iżvezja) (rappreżentanti: J. Joshua, barrister u E. Aliende Rodríguez, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti u fi kwalunkwe każ, għall-anqas sa fejn tikkonstata t-twettiq ta' kwalunkwe ksur mir-rikorrenti qabel il-21 ta' Ġunju 1999;

tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 2 sabiex tikkoreġi l-iżbalji manifesti li jinsabu fid-deċiżjoni;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 428 finali, tat-28 ta' Jannar 2009 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 - pajpijiet marittimi) sa fejn tqisha responsabbli għal partiċipazzjoni fi ksur wieħed u kontinwu fil-qasam tal-pajpijiet marittimi fiż-ŻEE, li kien jikkonsisti fl-għoti ta' kuntratti, fl-iffissar ta' prezzijiet, ta' kwoti u ta' kundizzjonijiet ta' bejgħ, fit-tqassim tas-suq ġeografiku u fl-iskambju ta' informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, fil-volumi tal-bejgħ u fis-sejħiet għal offerti. Barra minn hekk, hija qed titlob it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ressqet żewġ motivi.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-poter tal-Kummissjoni li timponi multi għal kwalunkwe perijodu qabel il-21 ta' Ġunju 1999 huwa preskritt skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 peress li r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' fatt u ta' liġi meta ddeċidiet li r-rikorrenti kienet wettqet ksur wieħed u kontinwu.

Fit-tieni lok, hija ssostni li l-Kummissjoni m'għandha ebda interess leġittimu li tikkonstata ksur għall-ewwel perijodu li ntemm f'Mejju 1997.

____________