Language of document : ECLI:EU:T:2013:451

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Spezzjonijiet sanitarji — Miżuri ta’ protezzjoni f’sitwazzjoni ta’ kriżi — Miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-preżenza ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi — Projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi — Nuqqas manifest u gravi li jiġu osservati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali — Direttivi 91/496/KE u 92/65/KE — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Dmir ta’ diliġenza — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑333/10,

Animal Trading Company (ATC) BV, stabbilita f’Loon op Zand (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Avicentra NV, stabbilita f’Malle (il-Belġju),

Borgstein birds and Zoofood Trading vof, stabbilita f’Wamel (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Bird Trading Company Van der Stappen BV, stabbilita f’Dongen (il-Pajjiżi l-Baxxi),

New Little Bird’s Srl, stabbilita f’Anagni (l-Italja),

Vogelhuis Kloeg, stabbilita f’Zevenbergen (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Giovanni Pistone, residenti f’Westerlo (il-Belġju),

irrappreżentati minn M. Osse u J. Houdijk, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Jimeno Fernández u B. Burggraaf, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti minħabba l-adozzjoni, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/760/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2005, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ suspett ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta’ għasafar maqbudin (ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 519), kif ipprorogata, u, it-tieni nett, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2007, tat-23 ta’ Marzu 2007, li [j]istipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom (ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 165),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, S. Frimodt Nielsen u M. Kancheva (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Preżentazzjoni tar-rikorrenti

1        Ir-rikorrenti, Animal Trading Company (ATC) BV, Avicentra NV, Borgstein birds and Zoofood Trading vof, Bird Trading Company Van der Stappen BV, New Little Bird’s Srl, Vogelhuis Kloeg u Giovanni Pistone, jeżerċitaw attività ta’ importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom u maħsuba sabiex jinżammu f’gaġeġ għal finijiet ta’ esibizzjoni, b’mod partikolari ta’ għasafar tal-familja Psittaciformes bħalma huma l-pappagalli, il-parrukketti u l-kakatuwi, kif ukoll ta’ għasafar tal-ordni Passeriformes. Ir-rikorrenti huma stabbiliti jew huma residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Belġju u fl-Italja. Ir-rikorrenti huma membri tal-European Association of Im- and Exporters of Birds and Live Animals (Assoċjazzjoni Ewropea tal-importaturi u tal-esportaturi ta’ għasafar u ta’ annimali ħajjin, iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar”).

B –  Fuq id-Direttivi 91/496 u 92/65

2        Fil-15 ta’ Lulju 1991, il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 37 KE li jirregola l-politika agrikola komuni, id-Direttiva 91/496/KEE, li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 58).

3        Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni hija awtorizzata taħt dawn il-kundizzjonijiet:

“Jekk kull marda li għaliha saret referenza fid-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali ġewwa l-Komunità, kull żoonożi jew kull marda jew fenomenu ieħor li jista’ jkun ta’ theddida serja għall-ħajja tal-annimali jew għal bniedem iseħħ jew jinfirex fit-territorju ta’ kull pajjiż terz, jew jekk kull raġuni oħra serja ta’ saħħa ta’ l-annimali jew tal-bniedem hekk titlob, b’mod partikolari fid-dawl tas-sejbiet ta’ l-esperti veterinarji tagħha, il-Kummissjoni tista, b’azzjoni fuq inizjattiva tagħha nnifisha jew fuq talba ta’ kull Stat Membru, tadotta wieħed mill-miżuri li ġejjin bla dewmien u skond il-gravità tas-sitwazzjoni:

–        tissospendi l-importazzjonijiet li ġejjin mill-pajjiż terz jew parti mill-pajjiż terz ikkonċernat, u fejn xieraq mill-pajjiż terz tal-vjaġġ [tat-tranżitu],

–        tistabbilixxi kundizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ annimali li jkunu ġejjin mill-pajjiż terz kollu jew minn parti minnu.”

4        Barra minn hekk, l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 91/496 jipprovdi li d-deċiżjonijiet li jestendu, jemendaw jew iħassru l-miżuri adottati skont l-Artikolu 18(1) sa (3) u (6) ta’ din l-istess direttiva għandhom jittieħdu skont il-proċedura tal-kumitat prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KE, tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 9, p. 214).

5        Fit-13 ta’ Lulju 1992, il-Kunsill adotta d-Direttiva 92/65/KEE, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (1) ta’ Direttiva 90/425/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 154). Din id-direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti partikolari li għandhom jiġu sodisfatti mill-pajjiż u mill-operatur ta’ oriġini, tistabbilixxi r-regoli dwar iċ-ċertifikati dwar l-ispezzjonijiet sanitarji li għandu jkollhom l-annimali u tiddetermina liema eżamijiet għandhom ikunu suġġetti għalihom l-annimali.

6        L-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 92/65 jipprevedi, b’mod partikolari u essenzjalment, li huma biss l-annimali ġejjin minn pajjiż terz inkluż f’lista ta’ pajjiżi terzi jew ta’ partijiet ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu garanziji ekwivalenti għar-rekwiżiti applikabbli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni li jistgħu jkunu importati fl-Unjoni.

C –  Fuq id-Deċiżjoni 2000/666

7        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/666/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimal u ċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjoni ta’ għasafar, barra min[n] tjur u l-kundizzjonijiet għal kwarantina (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 431), kienet tawtorizza, bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti regoli, fosthom iż-żamma fi kwarantina għal perijodu ta’ mill-inqas tletin jum, l-importazzjonijiet ta’ għasafar minn pajjiżi terzi membri tal-Office international des épizooties (OIE) [Uffiċċju internazzjonali tal-epiżutija, li sar l-Organisation mondiale de la santé animale (Organizzazzjoni dinjija tas-saħħa tal-annimali)].

D –  Fuq l-ewwel opinjoni tal-EFSA

8        Fl-14 u fil-15 ta’ Settembru 2005, wara talba magħmula mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat opinjoni xjentifika dwar l-aspetti tas-saħħa u tal-benesseri tal-annimali fir-rigward tal-influwenza tat-tjur [The EFSA Journal (2005) 266, 1-21, iktar ’il quddiem l-“ewwel opinjoni tal-EFSA”].

9        Fid-dawl tal-mandat li kien ingħatalha, f’din l-opinjoni l-EFSA ħadet pożizzjoni biss dwar ir-riskju ta’ infezzjoni għat-tjur tar-razzett fl-Unjoni mill-influwenza tat-tjur.

10      Fl-introduzzjoni tal-opinjoni tagħha, l-EFSA fakkret li l-influwenza tat-tjur, jew “bird flu”, kienet tidher f’żewġ forom kliniċi distinti fit-tjur tar-razzett, l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (iktar ’il quddiem l-“ITPGħ”) u l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa. L-ITPGħ hija kkawżata minn virus tas-sottotipi H5 u H7, li jimmanifestaw ċerti karatteristiċi mollekulari li jistgħu jikkawżaw infezzjoni sistematika, karatteristiċi li ma jinsabux fil-każ tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità baxxa. Il-virus H5N1 huwa wieħed minn dawn is-sottotipi ta’ virus li jikkawżaw l-ITPGħ.

11      Barra minn hekk, l-EFSA indikat li t-tixrid sostanzjali ta’ virus li jikkawża l-influwenza tat-tjur fl-Asja fil-mument tal-adozzjoni tal-opinjoni tagħha seta’ jkun il-kawża ta’ virus pandemiku għall-bniedem u li kienu tqajmu numru kbir ta’ kwistjonijiet bil-għan li jinstab mezz sabiex tiġi miġġielda l-kriżi ta’ influwenza tat-tjur li kienet għaddejja. L-EFSA kkunsidrat, fuq il-bażi tad-data xjentifika disponibbli, li, fl-opinjoni tagħha, hija setgħet tifformula numru ta’ konklużjonijiet fir-rigward ta’ ċerti kwistjonijiet koperti mill-mandat tagħha iżda indikat li dawn il-konklużjonijiet ma kinux jikkonċernaw l-aspetti marbuta mas-saħħa tal-bniedem tal-infezzjonijiet mill-influwenza tat-tjur.

12      L-EFSA ppreċiżat ukoll, ftit ta’ żmien qabel l-adozzjoni tal-opinjoni tagħha u b’reazzjoni għal sitwazzjoni endemika inabitwali tal-virus H5N1 fit-tjur tar-razzett f’ċerti pajjiżi Asjatiċi, li l-virus H5N1 kien infetta l-popolazzjoni ta’ tjur selvaġġi. Din is-sitwazzjoni epidemjoloġika, li, skont l-EFSA, qatt ma kienet immaterjalizzat fil-passat, seta’ jkollha konsegwenzi imprevedibbli. Madankollu, fid-dawl tan-nuqqas ta’ għarfien fir-rigward tal-infezzjonijiet tat-tip ITPGħ fl-għasafar selvaġġi, l-EFSA kkunsidrat li evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u previżjonijiet fir-rigward ta’ żviluppi futuri ma setgħux ikunu ssostanzjati permezz ta’ data xjentifika suffiċjenti. Għalhekk, skont l-EFSA, il-konsegwenza tal-epidemija ta’ ITPGħ marbuta mal-virus H5N1 fix-Xlokk tal-Asja kienet li din l-infezzjoni kienet infirxet fil-popolazzjoni ta’ għasafar selvaġġi li ma jpassux u li jpassu, sitwazzjoni din li setgħat tammonta għal mod kif dan il-virus seta’ jolqot lill-Unjoni. Madankollu, l-EFSA kkunsidrat li kien meħtieġ sforz multidixxiplinarju sabiex jiġu ċċarati l-probabbiltà u l-implikazzjonijiet ta’ tali ipoteżi.

13      Fir-rigward tar-riskju li kienu jirrappreżentaw għat-tjur tar-razzett fl-Unjoni l-għasafar miżmuma f’gaġeġ, li jinkludu b’mod partikolari l-għasafar maħsuba sabiex jinżammu għal finijiet ta’ esibizzjoni u bħala annimali tad-dar, l-EFSA kkunsidrat li dawn l-għasafar setgħu jkunu infettati b’virus tal-influwenza tat-tjur, inklużi l-virus tat-tip H5 u H7, u għalhekk, fil-każ ta’ importazzjoni, setgħu jirrappreżentaw riskju li dawn il-virus jiġu introdotti fl-Unjoni. Madankollu, l-EFSA kkunsidrat li, fil-każ tal-għasafar ikkummerċjalizzati legalment, dan ir-riskju kien imnaqqas ferm minħabba l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjoni ta’ għasafar li ma jkunux tjur tar-razzett.

E –  Fuq id-Deċiżjoni 2005/760

14      Fis-27 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/760/KE, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ suspett ta’ [ITPGħ] f’ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta’ għasafar maqbudin (ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 519), li ssospendiet l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ għasafar ħajjin, bl-esklużjoni tat-tjur tar-razzett.

15      Dan id-deċiżjoni ttieħdet b’reazzjoni għall-iskoperta, fil-21 ta’ Ottubru 2005, tal-preżenza tal-virus H5N1 tal-ITPGħ f’żewġ għasafar importati li kienu ilhom minn Settembru 2005 f’ċentru ta’ kwarantina li jinsab f’Essex, fir-Renju Unit. Dawn l-għasafar kienu ddikjarati bħala li ġejjin, rispettivament, mit-Tajwan u mis-Surinam.

16      Fil-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2005/760, il-Kummissjoni mmotivat din is-sospensjoni billi kkunsidrat, l-ewwel nett, li l-influwenza tat-tjur kienet marda virali li tittieħed fit-tjur tar-razzett u fl-għasafar u li tikkawża l-mewt kif ukoll disturbi li malajr setgħu jikbru għal proporzjonijiet epiżotiċi ta’ natura li jkunu ta’ theddida serja għas-saħħa tal-annimali u għas-saħħa pubblika u ta’ natura li jnaqqsu b’mod kbir ħafna l-profitabbiltà tal-irziezet tat-tjur. Hija indikat ukoll li kien hemm riskju li l-aġent tal-marda jiġi introdott permezz tal-kummerċ internazzjonali f’għasafar ħajjin li ma jkunux tjur tar-razzett. Barra minn hekk, minħabba l-iskoperta tal-preżenza ta’ ITPGħ fl-għasafar importati li kienu jinsabu fi kwarantina fir-Renju Unit, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien jidher opportun li jiġu sospiżi l-importazzjonijiet ta’ għasafar minn ċerti żoni ta’ riskju u, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dawn iż-żoni, li tibbaża ruħha fuq il-kummissjonijiet reġjonali korrispondenti tal-OIE.

17      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2005/760 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni mill-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li jagħmlu parti mill-Kummissjonijiet Reġjonali elenkati fl-Anness ta’:

a)      għasafar ħajjin għajr it-tjur tar-razzett, kif definiti fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2000/666/KE,

[…]”

18      L-Anness tad-Deċiżjoni 2005/760 jippreċiża:

“Pajjiżi terzi li jagħmlu parti mill-Kummissjonijiet Reġjonali ta’ l-OIE, kif imsemmija fl-Artikolu 1, ta:

–        L-Afrika,

–        L-Amerika (ta’ Fuq u t’Isfel)

–        L-Ażja, il-Lvant Imbiegħed u l-Oċeanja,

–        L-Ewropa, u

–        Il-Lvant Nofsani.”

19      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/760 jipprovdi li din id-deċiżjoni kellha tapplika sat-30 ta’ Novembru 2005.

F –  Fuq ir-rapport tal-Grupp nazzjonali ta’ urġenzi epidemjoloġiċi tar-Renju Unit

20      Fil-11 ta’ Novembru 2005, in-National Emergency Epidemiology Group (Grupp nazzjonali ta’ urġenzi epidemjoloġiċi, ir-Renju Unit) ippubblika dokument intitolat “Epidemiological Report on Avian Influenza in Birds in a Quarantine Premises in Essex” (Rapport epidemjoloġiku dwar l-influwenza tat-tjur f’għasafar f’ċentru ta’ kwarantina f’Essex). Skont dan ir-rapport, fiċ-ċentru ta’ kwarantina f’Essex, il-preżenza tal-virus H5N1 kienet instabet biss fuq żewġ għasafar mit-Tajwan, fl-Asja, u mhux mis-Surinam, fl-Amerika t’Isfel. L-iżball fir-rigward tas-Surinam kien il-konsegwenza ta’ inverżjoni fil-kampjuni meħuda fiċ-ċentru ta’ kwarantina.

G –  Fuq l-ewwel erba’ deċiżjonijiet ta’ proroga

21      Permezz tad-Deċiżjoni 2005/862/KE, tat-30 ta’ Novembru 2005, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE dwar il-miżuri għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur f’għasafar oħra għajr it-tjur tal-irziezet (ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 641), il-Kummissjoni pprorogat il-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni 2005/760 sal-31 ta’ Jannar 2006.

22      Fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2005/862, il-Kummissjoni mmotivat din il-proroga billi indikat li, peress li kienu ġew irrapportati każijiet ġodda ta’ influwenza tat-tjur f’ċerti pajjiżi membri tal-OIE, kien meħtieġ li tiġi estiża s-sospensjoni taċ-ċaqliq ta’ għasafar tad-dar u tal-importazzjonijiet ta’ għasafar oħra minn ċerti żoni ta’ riskju.

23      Permezz ta’ ittri tas-7 ta’ Diċembru 2005 u tat-3 u tat-18 ta’ Jannar 2006, l-Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi tal-projbizzjoni, b’mod partikolari r-riskju li jinħoloq suq ta’ importazzjonijiet illegali li jwassal għal riskju ikbar li tinfirex l-influwenza tat-tjur fl-Unjoni. Barra minn hekk, din l-assoċjazzjoni talbet lill-Kummissjoni sabiex tiltaqa’ mar-rappreżentanti tagħha u sabiex ma tadottax prorogi ġodda fir-rigward tal-projbizzjoni. Mal-ittra tagħha tat-3 ta’ Jannar 2006, l-Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar inkludiet id-dokument intitolat “Report on the Independent Review of Avian Quarantine” (Rapport dwar reviżjoni indipendenti tal-kwarantina tal-għasafar), adottat fis-7 ta’ Diċembru 2005 mid-Department for Environment, Food and Rural Affairs (Dipartiment għall-ambjent, għall-ikel u għall-affarijiet rurali) fi ħdan il-Gvern tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem ir-“rapport DEFRA”).

24      Permezz tad-Deċiżjoni 2006/79/KE, tal-31 ta’ Jannar 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom (ĠU L 188M, 8.5.2007, p. 138), il-Kummissjoni pprorogat il-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni 2005/760 sal-31 ta’ Mejju 2006.

25      Fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2006/79, il-Kummissjoni mmotivat il-proroga taż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni billi indikat li, peress li kienu ġew irrapportati każijiet ġodda ta’ influwenza tat-tjur f’ċerti pajjiżi membri tal-OIE, kien meħtieġ li jinżammu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċaqliq ta’ għasafar tad-dar u tal-importazzjonijiet ta’ għasafar oħra minn ċerti żoni ta’ riskju.

26      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni wieġbet għall-ittri msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq. F’din l-ittra, il-Kummissjoni spjegat li kien hemm provi reċenti, li n-numru tagħhom kien qiegħed dejjem jikber, li kienu jindikaw li l-għasafar selvaġġi seta’ kellhom rwol prinċipali fit-tixrid tal-ITPGħ u li l-ewwel każ ta’ ITPGħ ta’ oriġini Asjatika skopert fl-Ewropa f’ċentru ta’ kwarantina, f’Ottubru 2005, kien wassal lill-Kummissjoni sabiex tissospendi l-importazzjonijiet kollha ta’ għasafar għajr it-tjur tar-razzett. Barra minn hekk, hija indikat li din is-sospensjoni kienet ġiet ipprorogata sal-31 ta’ Mejju 2006 permezz tad-Deċiżjoni 2006/79 fid-dawl tal-iskoperta tal-marda fit-Turkija, fejn kienet infirxet b’mod rapidu, u fid-dawl tal-fatt li ftit kien hemm informazzjoni disponibbli dwar is-sorveljanza tal-influwenza tat-tjur mill-Istati li jmissu mat-Turkija. Fl-aħħar nett, hija żiedet li, għalkemm il-portata tal-problema fir-rigward tal-għasafar selvaġġi kienet għadha ma hijiex ċara, kien qed ikun hemm dejjem iktar u iktar provi li t-theddida ma kinitx limitata għal pajjiż terz wieħed u li kien għalhekk li l-importazzjoni mill-pajjiżi terzi kollha kienet ġiet sospiża.

27      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2006, l-Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali dwar l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi minn pajjiżi terzi.

28      Permezz tad-Deċiżjoni 2006/405/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/710/KE, 2005/734/KE, 2005/758/KE, 2005/759/KE, 2005/760/KE, 2006/247KE u 2006/265/KE rigward ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-[ITPGħ] (ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 858), il-Kummissjoni pprorogat il-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni 2005/760 sal-31 ta’ Lulju 2006.

29      Fil-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2006/405, il-Kummissjoni mmotivat din il-proroga billi indikat li t-theddida għall-Unjoni kkawżata mill-varjant Asjatiku tal-virus tal-influwenza tat-tjur ma kinitx naqset u li l-marda kienet għadha preżenti fl-għasafar selvaġġi fl-Unjoni u fl-għasafar selvaġġi u fit-tjur tar-razzett f’diversi pajjiżi terzi, inklużi f’pajjiżi membri tal-OIE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-virus kien jidher li qed isir dejjem iktar endemiku għal ċerti partijiet tad-dinja. Fil-premessa 11 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat, barra minn hekk, li, fl-interess tas-saħħa tal-annimali u fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, kien meħtieġ li tiġi żgurata l-applikazzjoni mingħajr waqfien tal-miżuri ta’ protezzjoni previsti, b’mod partikolari, fid-Deċiżjoni 2005/760, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2006/405 kellhom jingħataw effett retroattiv.

30      Permezz tad-Deċiżjoni 2006/522/KE, tal-25 ta’ Lulju 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE rigward ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-[ITPGħ] u l-movimenti ta’ ċerti għasafar ħajjin fil-Komunità (ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 1006), il-Kummissjoni pprorogat il-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni 2005/760 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

31      Fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2006/522, il-Kummissjoni indikat li, b’reazzjoni għad-dehra tal-influwenza tat-tjur, dovuta għal varjant b’patoġeniċità għolja ħafna tal-virus, fix-Xlokk tal-Asja fl-2004, hija kienet adottat diversi miżuri ta’ protezzjoni kontra din il-marda, inkluża d-Deċiżjoni 2005/760. Fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2006/522, il-Kummissjoni indikat li, f’dak l-istadju, emenda sostanzjali tar-regoli ddefiniti fid-Deċiżjoni 2005/760 kienet ser tqarraq bl-operaturi u bil-partijiet ikkonċernati l-oħra fir-rigward tal-iżvilupp possibbli tal-politika Ewropea f’dan il-qasam. Hija kkunsidrat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-influwenza tat-tjur u fl-istennija tal-adozzjoni tal-opinjoni tal-EFSA prevista f’Ottubru 2006, kien meħtieġ li jinżammu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet dwar l-importazzjonijiet ta’ għasafar għajr it-tjur tar-razzett u, għaldaqstant, li l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760 tiġi pprorogata sal-31 ta’ Diċembru 2006.

32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Awwissu 2006, l-Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar u tliet rikorrenti oħra ressqu talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2006/522 u bil-għan li jittieħdu miżuri provviżorji f’dan ir-rigward, filwaqt li ppreżentaw, permezz ta’ att separat, rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Din it-talba u dan ir-rikors ġew miċħuda, rispettivament, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2006, European Association of Im–and Exporters of Birds and live Animals et vs Il-Kummissjoni (T‑209/06 R, mhux ippubblikat fil-Ġabra), u permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2008, European Association of Im–and Exporters of Birds and live Animals et vs Il-Kummissjoni (T‑209/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra).

33      Fis-26 ta’ Settembru 2006, l-Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar bagħtet ittra lill-Kummissjoni fejn enfasizzat, essenzjalment, in-natura sproporzjonata tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni mid-dinja kollha stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2005/760 u permezz tad-deċiżjonijiet ta’ proroga, filwaqt li avżatha dwar il-konsegwenzi gravi u irreparabbli ta’ dawn id-deċiżjonijiet għall-membri tal-assoċjazzjoni.

H –  Fuq it-tieni opinjoni tal-EFSA

34      Fis-27 ta’ Ottubru 2006, bi tweġiba għal talba tal-Kummissjoni tal-25 ta’ April 2005, l-EFSA tat opinjoni xjentifika dwar ir-riskji, għas-saħħa u għall-benesseri tal-annimali, li jirriżultaw mill-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi għajr it-tjur tar-razzett fl-Unjoni [The EFSA Journal (2006) 410, 1-55, iktar ’il quddiem it-“tieni opinjoni tal-EFSA”]. Din l-opinjoni tifformula diversi rakkomandazzjonijiet għas-saħħa u għall-benesseri tal-għasafar maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom. F’din l-opinjoni, l-EFSA ħadet inkunsiderazzjoni diversi aġenti ta’ infezzjoni għall-għasafar, fosthom l-influwenza tat-tjur.

35      Fir-rigward tal-aspetti relatati mas-saħħa, l-EFSA kkunsidrat li l-probabbiltà li aġenti ta’ infezzjoni kienu ġew introdotti fl-Unjoni wara l-ħruġ mill-kwarantina ta’ għasafar selvaġġi maqbuda kienet tvarja minn waħda negliġibbli sa għolja ħafna. Skont l-EFSA, il-probabbiltà li għasfur selvaġġ maqbud ikun infettat meta jinħareġ mill-kwarantina tvarja minn speċi għal oħra u tiddependi mill-probabbiltà ta’ infezzjoni fi stadji fejn is-sintomi jkunu għadhom ma sarux apparenti. Dawn il-konstatazzjonijiet wasslu lill-EFSA sabiex tirrakkomanda li n-neċessità li titkompla l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda tiġi eżaminata b’attenzjoni kbira.

36      Barra minn hekk, l-EFSA osservat li 95 % tal-għasafar importati fl-Unjoni kienu jappartjenu lil waħda minn tliet familji komposti, rispettivament, mill-Passeriformes (64 %), mill-Psittaciformes (17 %) u mill-Galliformes (14 %). Barra minn hekk, skont din l-opinjoni, fl-2005, 88 % tal-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi oriġinaw mill-Afrika filwaqt li 78 % oriġinaw minn ħames pajjiżi Afrikani.

37      L-EFSA indikat ukoll li l-għasafar selvaġġi setgħu jkunu infettati permezz ta’ kontaminazzjoni laterali minn għasafar selvaġġi oħra li jkunu infettati, permezz ta’ ambjent ikkontaminat jew permezz ta’ tjur tar-razzett li jkunu infettati.

38      Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-influwenza tat-tjur, l-EFSA kkunsidrat li l-ispeċi ta’ għasafar li l-iktar ikunu importati, jiġifieri l-Passeriformes u l-Psittaciformes, ma għandhomx rwol kbir fl-epidemjoloġija tal-influwenza tat-tjur. Hija indikat ukoll li l-virus kollha tat-tip ITPGħ li jinsabu fl-għasafar kellhom potenzjal żooniku limitat. Madankollu, skont l-EFSA, peress li l-ġenotip tal-virus tal-influwenza tat-tjur, jew parti minnu, kien implikat f’pandemiji kbar fil-passat u, fil-mument tat-tfassil tal-opinjoni, fil-pandemija tal-virus H5N1, programm tajjeb ta’ sorveljanza seta’ jevita li l-virus tal-influwenza tat-tjur jiddaħħal fl-Unjoni permezz ta’ għasafar importati legalment. Barra minn hekk, l-EFSA osservat li, b’mod partikolari għall-Passeriformes u għall-Galliformes, il-virus ITPGħ kellhom perijodu ta’ inkubazzjoni u perijodu fejn jidhru s-sintomi qosra ħafna, b’rata ta’ mortalità għolja fi ftit jiem, filwaqt li, għall-Anseriformes, il-perijodu ta’ inkubazzjoni seta’ jkun ħafna itwal. Barra minn hekk, l-EFSA kkunsidrat li, fid-dawl tal-perijodu qasir ta’ inkubazzjoni, għasfur li jkun wasal fil-kwarantina diġà infettat b’virus tal-influwenza tat-tjur jew li jkun ġie infettat b’dan il-virus matul il-perijodu ta’ kwarantina, jibda juri sintomi tal-marda matul il-perijodu ta’ kwarantina. Hija għalhekk ikkunsidrat li l-probabbiltà li tali għasfur jinħareġ mill-kwarantina mingħajr ma l-marda tkun skoperta, kienet żgħira ħafna, jekk mhux ukoll negliġibbli. Hija madankollu indikat li kien hemm riskju li għasafar infettati iżda mingħajr sintomi jiġu rrilaxxati minkejja li jkunu infettati.

39      Fl-aħħar nett, l-EFSA rrakkomandat li tiġi evalwata b’attenzjoni kbira n-neċessità li titkompla l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi jew li tingħata preferenza lill-importazzjoni ta’ bajd, u dan fid-dawl tar-riskju li jiġu introdotti numru kbir ta’ aġenti ta’ infezzjoni fl-Unjoni. Barra minn hekk, hija rrakkomandat li ssir evalwazzjoni regolari tar-riskju ta’ importazzjoni ta’ mard li jittieħed sabiex jiġu identifikati ż-żoni u l-pajjiżi b’riskju għoli u l-ispeċi b’riskju għoli, u dan minħabba li dawn ivarjaw fuq perijodu ta’ żmien.

I –  Fuq l-aħħar żewġ deċiżjonijiet ta’ proroga

40      Fit-13 u fit-23 ta’ Novembru u fid-9 ta’ Diċembru 2006, kif ukoll fit-8 ta’ Jannar 2007, l-Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar reġgħet bagħtet ittri lill-Kummissjoni fejn enfasizzat, essenzjalment, in-natura sproporzjonata tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni mid-dinja kollha stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2005/760 u permezz tad-deċiżjonijiet ta’ proroga, filwaqt li avżatha dwar il-konsegwenzi gravi u irreparabbli ta’ dawn id-deċiżjonijiet għall-membri tal-assoċjazzjoni.

41      Permezz tad-Deċiżjoni 2007/21/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Deċiżjoni 2005/760/KE rigward il-miżuri ta’ ħarsien li għandhom x’jaqsmu mal-[ITPGħ] u l-importazzjonijiet ta’ għasafar għajr it-tjur [tar-razzett] fil-Komunità (ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 30), il-Kummissjoni pprorogat il-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni 2005/760 sal-31 ta’ Marzu 2007.

42      Fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2007/21, il-Kummissjoni tenniet li hija kienet adottat id-Deċiżjoni 2005/760 b’reazzjoni għad-dehra, fix-Xlokk tal-Asja, fl-2004, ta’ postijiet fejn infirxet l-influwenza tat-tjur ikkawżata minn varjant b’patoġeniċità għolja tal-virus. Barra minn hekk, fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2007/21, il-Kummissjoni indikat li hija kienet bdiet l-evalwazzjoni tat-tieni opinjoni tal-EFSA hekk kif din kienet ingħatat. Madankollu, hija kkunsidrat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa dinjija fir-rigward tal-influwenza tat-tjur, kien meħtieġ li r-restrizzjonijiet previsti fid-Deċiżjoni 2005/760 jiġu pprorogati għal perijodu tranżitorju qasir sabiex l-Istati Membri, kif ukoll il-Kummissjoni b’kollaborazzjoni mill-qrib magħhom, ikunu jistgħu jtemmu din l-evalwazzjoni u jippreparaw il-miżuri li għandhom jittieħdu.

43      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni wieġbet għall-ittri msemmija fil-punti 33 u 41 iktar ’il fuq u indikat li l-għasafar selvaġġi kellhom rwol importanti fit-tixrid tal-influwenza tat-tjur fl-2006, filwaqt li qabel il-preżunzjoni kienet dejjem li r-rwol tal-għasafar selvaġġi kien wieħed żgħir minħabba r-rata għolja ta’ mortalità tal-għasafar infettati b’virus b’patoġeniċità għolja. Hija kienet għalhekk iddeċidiet li tipproroga l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni mid-dinja kollha ta’ għasafar selvaġġi sal-1 ta’ Lulju 2007. Il-Kummissjoni indikat ukoll li, minn wara dik id-data, kellhom japplikaw regoli oħra li ma kinux maħsuba sabiex tiġi pprojbita l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi iżda li kienu jimponu kundizzjonijiet iktar severi fir-rigward tal-importazzjoni, kundizzjonijiet dawn li kienu maħsuba sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji għas-saħħa. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għal raġunijiet marbuta mas-saħħa tal-annimali, ikun aħjar jekk ikun hemm programmi ta’ tkabbir fi ħdan l-Istati Membri tal-Unjoni minflok ma jiġu importati fl-Unjoni għasafar ħajjin li jkunu tkabbru f’pajjiżi terzi. Hija għalhekk stiednet lill-Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar sabiex tagħti iktar importanza lil din il-possibbiltà.

44      Fl-aħħar nett, permezz tad-Deċiżjoni 2007/183/KE, tat-23 ta’ Marzu 2007, li temenda d-Deċiżjoni 2005/760 (ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 380), il-Kummissjoni pprorogat il-miżuri adottati permezz tad-Deċiżjoni 2005/760 sat-30 ta’ Ġunju 2007. Fil-premessi 4 sa 6 tad-Deċiżjoni 2007/183, il-Kummissjoni mmotivat din il-proroga billi osservat, l-ewwel nett, li, peress li l-kundizzjonijiet ġodda dwar l-ispezzjonijiet sanitarji previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 318/2007, tat-23 ta’ Marzu 2007, li [j]istipula l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom (ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 165), kienu iktar stretti minn dawk li kienu attwalment fis-seħħ, dan ir-regolament ma kienx ser jidħol fis-seħħ qabel l-1 ta’ Lulju 2007, u dan sabiex l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi li jesportaw għasafar ta’ dan it-tip lejn l-Unjoni jkollhom iż-żmien meħtieġ sabiex jadattaw ruħhom għal-leġiżlazzjoni l-ġdida. It-tieni nett, hija indikat li, fid-dawl tat-tieni opinjoni tal-EFSA u tas-sitwazzjoni tas-saħħa dinjija fir-rigward tal-influwenza tat-tjur, kien meħtieġ li l-importazzjoni ta’ għasafar ta’ dan it-tip tkun suġġetta għal kundizzjonijiet stretti. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti fid-Deċiżjoni 2005/760 kellhom jibqgħu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2007.

J –  Fuq ir-Regolament Nru 318/2007

45      Fit-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 91/496, kif ukoll fuq il-bażi tal-Artikolu 17(2)(b), tal-Artikolu 17(3) u tal-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/65, adottat ir-Regolament Nru 318/2007 li, skont l-Artikolu 20 tiegħu, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007 u li, skont l-Artikolu 19, ħassar u ssostitwixxa kemm id-Deċiżjoni 2000/666/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimal u ċ-ċertifikat veterinarju għall-importazzjoni ta’ għasafar, barra min[n] tjur u l-kondizzjonijiet għal kwarantina (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 431), kif ukoll id-Deċiżjoni 2005/760.

46      Fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 318/2007, huwa indikat li, fid-dawl tar-rwol tal-għasafar selvaġġi li jpassu fit-tixrid tal-influwenza tat-tjur mill-Asja lejn l-Ewropa fl-2005 u fl-2006, kien meħtieġ li l-importazzjonijiet ta’ għasafar għajr it-tjur tar-razzett jiġu limitati għall-għasafar imrobbija fil-magħluq, jiġifieri f’ambjent li ma jkunx l-ambjent naturali tagħhom.

47      Skont il-premessa 10 tar-Regolament Nru 318/2007:

“Huwa rari li tkun tista’ tiddistingwi b’ċertezza bejn għasafar maqbuda fis-selvaġġ u għasafar mrobbija fil-magħluq. Metodi ta’ mmarkar jistgħu jkunu applikati għaż-żewġ tipi ta’ għasafar mingħajr ma jkun possibbli li ssir distinzjoni bejn it-tnejn. Għalhekk huwa xieraq li tkun limitata l-importazzjoni ta’ għasafar, minbarra t-tjur ta’ l-irziezet, għal [għasafar li joriġinaw minn] stabbilimenti ta’ trobbija li huma approvati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ta’ l-esportazzjoni, u li jkunu stabbiliti ċerti kondizzjonijiet minimi għal din l-approvazzjoni.”

48      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 318/2007, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar [fl-Unjoni], mill-pajjiżi terzi u partijiet minnhom msemmija fl-Anness I, u l-kondizzjonijiet ta’ kwarantina għal din l-importazzjoni.”

49      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 318/2007, intitolat “Ambitu”, huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament se japplika għal annimali ta’ l-ispeċi tat-tjur.

Madankollu, m’għandux japplika għal:

(a)      pollam, dundjani, fargħuni, papri, wiżż, summien, ħamiem, faġani, perniċi u ratiti (Ratitae) mkabbra jew miżmuma mill-bniedem għat-tgħammir, għall-produzzjoni tal-laħam jew tal-bajd għall-konsum, jew għall-popolament mill-ġdid tal-provvista tat-tjur tal-kaċċa (‘tjur [tar-razzett]’);

(b)       għasafar importati għal programmi ta’ konservazzjoni approvati mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(ċ)       annimali domestiċi msemmija fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/65/KEE, li jakkumpanjaw lil sidhom;

(d)       għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, ċirki, parks ta’ divertiment jew esperimenti;

(e)       għasafar iddestinati għal korpi, istituti jew ċentri approvati skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/65/KEE;

(f)      ħamiem tat-tlielaq li huma introdotti fit-territorju tal-[Unjoni] minn pajjiż terz ġar fejn huma normalment residenti u wara jinħelsu immedjatament bl-istennija li huma jtiru lura lejn dak il-pajjiż terz;

(g)       għasafar importati minn Andorra, il-Liechtenstein, Monako, in-Norveġja, San Marino, l-Iżvizzera, u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan.”

50      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 318/2007, intitolat “Il-kondizzjonijiet għall-importazzjoni”, jipprovdi:

“L-importazzjoni ta’ għasafar minn stabbilimenti tat-tgħammir approvati skond l-Artikolu 4 għandha tkun konformi mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-għasafar huma għasfar mgħammra [imrobbija] fil-magħluq [iddefiniti mill-Artikolu 3(ċ) tal-istess regolament bħala ‘għasafar li ma nqabdux fis-selvaġġ imma kienu mwielda u mrobbija fil-magħluq minn ġenituri li tgħammru jew kellhom gameti trasferiti mod ieħor fil-magħluq’];

(b)      l-għasafar għandhom joriġinaw minn pajjiżi terzi jew partijiet minnhom imsemmija fl-Anness I;

(ċ)      L-għasafar kienu soġġetti għal test tal-laboratorju għall-individwazzjoni tal-mikrobu minn 7 sa 14-il jum qabel l-imbark b’riżultati negattivi għal kull virus ta’ l-influwenza tat-tjur u tal-marda ta’ Newcastle;

(d)      l-għasafar ma ġewx imlaqqma kontra l-influwenza tat-tjur;

(e)      l-għasafar huma akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa ta’ l-annimali skond il-mudell stipulat fl-Anness III (‘iċ-ċertifikat tas-saħħa ta’ l-annimali’);

(f)      l-għasafar jiġu identifikati b’numru ta’ identifikazzjoni individwali permezz ta’ ċurkett fis-sieq magħluq u kontinwu mmarkat unikament jew ċippa elettronika […]

[...]

(i)      l-għasafar ikunu trasportati f’kontenituri ġodda li huma identifikati individwalment fuq barra b’numru ta’ identifikazzjoni li jrid jikkorrispondi man-numru ta’ identifikazzjoni indikat fuq iċ-ċertifikat tas-saħħa ta’ l-annimali.”

51      L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 318/2007, intitolat “Dispożizzjonijiet għall-kwarantina”, jipprovdi:

“L-għasafar għandhom ikunu taħt kwarantina mill-inqas għal 30 ġurnata ġo faċilità jew ċentru ta’ kwarantina approvati (‘il-kwarantina’).”

52      L-Anness I tar-Regolament Nru 318/2007, intitolat “Lista ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jużaw iċ-ċertifika tas-saħħa tal-annimali fl-Anness III”, jipprovdi:

“Il-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom elenkati fil-kolonni 1 u 3 tat-tabella fil-Parti I ta’ l-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE, fejn il-kolonna 4 ta’ dik it-tabella tistipula mudell taċ-ċertifikat veterinarju għat-tjur tat-tgħammir jew għat-tjur produttivi li mhumiex ratiti (BPP).”

53      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/696/KE, tat-28 ta’ Awwissu 2006, li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom tjur, bajd għat-tifqis, flieles ta’ ġurnata, laħam ta’ tjur, ta’ ratiti u ta’ tjur selvaġġi tal-kaċċa, bajd u prodotti tal-bajd u bajd speċifikat bħala liberu mill-patoġeni jistgħu jiġu importati ġewwa u jgħaddu mill-[Unjoni] u l-kondizzjonijiet applikabbli għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja, u li temenda d-Deċiżjonijiet 93/342/KEE, 2000/585/KE u 2003/812/KE (ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 316), imsemmija fl-Anness I tar-Regolament Nru 318/2007, tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 798/2008, tat-8 ta’ Awwissu 2008, li jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji, żoni jew kumpartimenti li minnhom jistgħu jiġu impurtati u jsir tranżitu ta’ tjur u prodotti tat-tjur [fl-Unjoni] u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 226, p. 1).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

54      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors għad-danni.

55      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Unjoni jew lill-Kummissjoni jikkumpensawhom għad-dannu mġarrab minnhom minħabba l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni 2005/760 jew minħabba l-proroga tal-applikazzjoni tagħha permezz tad-Deċiżjonijiet 2005/862, 2006/79, 2006/405, 2006/522, 2007/21 u 2007/183, kif ukoll tar-Regolament Nru 318/2007;

–        tikkundanna lill-Unjoni jew lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għad-danni bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

57      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, fid-29 ta’ Mejju 2012 l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

58      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

59      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-20 ta’ Novembru 2012.

 Id-dritt

A –  Fuq il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

60      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

61      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fir-rigward tal-aġir illegali tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tagħha huwa meħtieġ li jkunu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet ta’ natura kumulattiva, jiġifieri l-illegalità tal-aġir invokat fil-konfront tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra p. I‑10833, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑16/04, Ġabra p. II-211, punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ewwel kundizzjoni, dwar l-aġir illegali invokat fil-konfront tal-istituzzjoni jew tal-korp ikkonċernati, il-ġurisprudenza teħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha tkun li tagħti drittijiet lill-individwi. Il-kriterju deċiżiv sabiex ikun jista’ jitqies li ksur huwa suffiċjentement serju huwa n-nuqqas manifest u gravi, min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni kkonċernati, li josservaw il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju biss meta din l-istituzzjoni jew dan il-korp ikollhom biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitat, jekk mhux ukoll ineżistenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 42 sa 44, u tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 54; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II-1975, punt 134, u Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, punt 141).

63      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tirrikonoxxi ebda rabta awtomatika bejn, minn naħa, l-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għalkemm hija ta’ natura determinanti, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni kkonċernata ma hijiex kriterju esklużiv. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod kostanti li s-sistema li hija żviluppat fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tieħu, barra minn hekk, inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li kellhom jiġu rregolati u d-diffikultajiet fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tat-testi. B’mod partikolari, meta l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni jkun limitat, jew kunsiderevolment limitat jekk mhux ukoll ineżistenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-fondatezza tal-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li kellhom jiġu rregolati sabiex tevalwa jekk il-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat kienx suffiċjentement serju. Minn dan isegwi li hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx titwettaq, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni, wara li tkun l-ewwel nett iddeterminat jekk l-istituzzjoni kkonċernata kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni, għandha mbagħad tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tat-testi, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura u n-natura intenzjonata jew mhux skużabbli tal-iżball imwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il-Kummissjoni, T‑429/05, Ġabra p. II-491, punti 59 sa 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-ksur suffiċjentement serju fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi ppreċiżat li eventwali ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali inkwistjoni għandu jkun ibbażat fuq nuqqas manifest u gravi li jiġu osservati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fil-qasam tal-politika agrikola komuni taħt l-Artikolu 37 KE [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 80; tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C‑236/01, Ġabra p. I‑8105, punt 135, u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe), C‑425/08, Ġabra p. I‑10035, punt 47; ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II-3305, punt 166; tas-26 ta’ Novembru 2002, Artegodan et vs Il-Kummissjoni, T‑74/00, T‑76/00, T‑83/00 sa T‑85/00, T‑132/00, T‑137/00 u T‑141/00, Ġabra p. II-4945, punt 201, u tal-10 ta’ Frar 2004, Afrikanische Frucht-Compagnie u Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑64/01 u T‑65/01, Ġabra p. II-521, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jimplika n-neċessità, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jantiċipa u jevalwa żviluppi ekoloġiċi, xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punti 57 sa 59, u s-sentenza Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, punt 143).

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni huwa maħsub, irrispettivament min-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju li jkollhom jiġu kkumpensati d-danni allegati mill-impriżi kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha bħala leġiżlatur jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika u kemm fil-kuntest tal-kompetenza amministrattiva tagħha, u dan mingħajr ma jgħaddi fuq l-individwi l-oneru tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli (ara s-sentenza Artegodan vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan il-każ, ir-rikorrenti qegħdin essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni, meta introduċiet, inizjalment, b’mod provviżorju, projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760, meta pprorogat, sussegwentement, din il-projbizzjoni permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ proroga u meta, finalment, ikkonfermat “de facto” għal dejjem din il-projbizzjoni bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 318/2007, wettqet żball suffiċjentement serju ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali li l-għan tagħhom huwa li jagħtuhom drittijiet, żball li allegatament ikkawżalhom dannu reali u ċert.

67      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-prinċipji esposti fil-punti 62 sa 65 iktar ’il fuq.

B –  Fuq l-eżistenza ta’ aġir illegali

68      Fin-noti tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw l-eżistenza ta’ tliet każijiet ta’ aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni marbuta, fl-ewwel lok, mal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2005/760, fit-tieni lok, mal-proroga ta’ din il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni permezz tad-deċiżjonijiet ta’ proroga u, fit-tielet lok, mal-projbizzjoni “de facto” definittiva fuq l-importazzjoni stabbilita permezz tar-Regolament Nru 318/2007.

69      Fir-rigward ta’ kull wieħed mill-każijiet ta’ aġir illegali allegati, ir-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, tliet motivi. Dawn huma bbażati, l-ewwel nett, fuq l-assenza ta’ setgħa tal-Kummissjoni jew fuq in-nuqqas manifest u gravi li tosserva l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taħt il-bażijiet legali li fuqhom huma bbażati, rispettivament, id-Deċiżjoni 2005/760, id-deċiżjonijiet ta’ proroga u r-Regolament Nru 318/2007 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”), it-tieni nett, fuq ksur suffiċjentement serju, mill-Kummissjoni, ta’ dispożizzjonijiet legali li jagħtu drittijiet lill-individwi u, it-tielet nett, fuq ir-responsabbiltà minħabba att li, għalkemm legali, xorta waħda kkawżalhom dannu.

70      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun opportun li dawn it-tliet motivi jiġu eżaminati separatament fir-rigward ta’ kull wieħed mill-każijiet ta’ aġir illegali allegati fil-konfront tal-Kummissjoni, jiġifieri fir-rigward tal-atti kkontestati.

1.     Fuq l-assenza ta’ setgħa tal-Kummissjoni jew fuq in-nuqqas manifest u gravi li tosserva l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taħt il-bażijiet legali li fuqhom huma bbażati l-atti kkontestati

a)     Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2005/760

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas manifest u gravi li jiġu osservati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ diliġenza tagħha

–       Fuq il-portata tal-ewwel motiv

71      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa tadotta l-atti kkontestati u li, f’dan il-każ, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ illegalità fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li, meta adottat id-Deċiżjoni 2005/760, hija naqset b’mod manifest u gravi milli tosserva l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496.

72      Insostenn ta’ dawn id-diversi lmenti, ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta miżuri ta’ protezzjoni biss f’kuntest iddefinit b’mod strett u għalhekk fil-kuntest ta’ kompetenza limitata. L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżura biss fil-każ ta’ perikolu gravi għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, jew minħabba raġunijiet gravi oħra marbuta mas-saħħa tal-annimali jew mas-saħħa tal-bniedem. It-tieni nett, dejjem skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tista’ tagħżel biss waħda miż-żewġ miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri jew is-sospensjoni tal-importazzjonijiet jew l-iffissar ta’ kundizzjonijiet partikolari. It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, dawn il-miżuri għandhom ikunu limitati għall-pajjiż terz ikkonċernat kollu jew għal parti minnu u, jekk ikun il-każ, għall-pajjiż terz ta’ tranżitu. Issa, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tal-kompetenzi tagħha meta ssospendiet l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE, inkluż minn kontinenti sħaħ li ma kinux milquta mill-influwenza tat-tjur, minflok ma llimitat ruħha għal żoni ta’ riskju speċifiċi. F’dan id-dawl, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-Kummissjoni kien imissha għamlet, fid-deċiżjoni tagħha, distinzjoni bejn, minn naħa, il-pajjiżi fejn l-influwenza tat-tjur kienet dehret f’dak l-istadju u fejn, għaldaqstant, kien hemm riskju reali jew tranżitu minn jew dawn il-pajjiżi u, min-naħa l-oħra, il-pajjiżi li fihom ma kien hemm ebda każ ta’ kontaminazzjoni jew li fihom ma jkun immaterjalizza ebda riskju li jiġġustifika li jiġu suġġetti għal projbizzjoni fuq l-importazzjoni. B’dan il-mod, l-importazzjonijiet ġejjin, b’mod partikolari, mill-Amerika Ċentrali u mill-Amerika t’Isfel u mill-Oċeanja ma kienx imisshom ġew sospiżi. Issa, billi naqset milli teżamina speċifikament is-sitwazzjoni u r-riskji f’kull pajjiż terz jew pajjiż terz ta’ tranżitu, il-Kummissjoni mhux biss naqset b’mod manifest u gravi milli tosserva l-limiti tal-kompetenzi tagħha u aġixxiet b’mod partikolarment arbitrarju, iżda naqset ukoll mid-dmir ta’ prudenza u ta’ diliġenza tagħha.

73      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni, essenzjalment, li għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-implementazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496.

74      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun opportun li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni kellhiex, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u, fit-tieni lok, jekk il-Kummissjoni ssodisfatx id-dmir ta’ diliġenza tagħha għall-finijiet tal-osservanza tal-limiti u tal-eżerċizzju sħiħ ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’.

–       Fuq l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496

75      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tosserva li d-Deċiżjoni 2005/760 hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496.

76      It-tieni nett, kemm mill-formulazzjoni tal-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2005/760, fejn jingħad li “jidher [...] xieraq illi tiġi sospiża l-importazzjoni [...] minn ċerti żoni ta’ riskju”, u kemm mill-kuntest tal-iskoperta f’ċentru ta’ kwarantina f’Essex, f’Ottubru 2005, ta’ għasafar importati infettati bl-ITPGħ (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, bħala bażi legali preċiża, fuq l-ewwel ipoteżi msemmija fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, jiġifieri li tfaqqa’ jew testendi ruħha fit-territorju ta’ pajjiż terz żoonożi jew marda jew fenomenu ieħor li jista’ jkun ta’ theddida serja għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, u mhux fuq it-tieni ipoteżi li tikkonċerna kull raġuni oħra serja marbuta mas-saħħa tal-annimali jew tal-bniedem.

77      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, barra minn hekk, li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, u b’mod partikolari l-espressjoni “theddida serja għall-ħajja tal-annimali jew għal bniedem”, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipji li jirregolaw il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, prinċipju li tiegħu din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi applikazzjoni partikolari.

78      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 174(1) u (2) KE, il-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni hija waħda mill-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, politika li hija intiża li tilħaq livell ta’ protezzjoni għoli u li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Ir-rekwiżiti ta’ din il-politika għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politiki l-oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif huwa previst fl-Artikolu 152 KE, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali jikkostitwixxu wieħed mill-elementi tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha tal-Unjoni u għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-implementazzjoni tal-politika agrikola komuni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni japplika meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, Ġabra p. I‑13533, punti 71 u 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 3(p) KE, mill-Artikolu 6 KE, mill-Artikolu 152(1) KE, mill-Artikolu 153(1) u (2) KE u mill-Artikolu 174(1) u (2) KE, u li jobbliga lill-awtoritajiet ikkonċernati jieħdu, fil-kuntest speċifiku tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri adegwati sabiex jiġu evitati ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent filwaqt li jagħtu iktar preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi meta mqabbla mal-interessi ekonomiċi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et vs Il-Kummissjoni, T‑475/07, Ġabra p. II-5937, punt 144, u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      B’hekk, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti lill-istituzzjonijiet, meta jkun hemm inċertezzi xjentifiċi fir-rigward tal-eżistenza jew fir-rigward tal-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jistennew li jiġu pprovati kompletament ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji (ara s-sentenza Gowan Comércio Internacional e Serviços, iċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata) jew mingħajr ma jistennew li jimmaterjalizzaw l-effetti negattivi għas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, punti 139 u 141, u tal-11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il-Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II-3495, punti 152 u 154).

81      B’mod partikolari, meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi (ara s-sentenza Gowan Comércio Internacional e Serviços, iċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Mill-prinċipji preċedenti jirriżulta li, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tadotta miżura ta’ protezzjoni fuq il-bażi tal-ewwel ipoteżi prevista fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, jiġifieri li tfaqqa’ jew testendi ruħha “kull żoonożi jew kull marda jew fenomenu ieħor li jista’ jkun ta’ theddida serja għall-ħajja tal-annimali jew għal bniedem”, hija tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ bis-saħħa tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’, inkonformità ma’ dan il-prinċipju, tieħu miżuri ta’ protezzjoni sabiex tevita t-tixrid potenzjali ta’ tali mard meta dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet gravi marbuta mas-saħħa tal-bniedem jew mas-saħħa tal-annimali. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ukoll marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju kkunsidrat inaċċettabbli għas-soċjetà għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, punt 167, u Alpharma vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq, punt 178, u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti fis-sens li l-Kummissjoni ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ taħt l-artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 u fis-sens li kienet suġġetta għal kompetenza limitata.

–       Fuq l-osservanza tad-dmir ta’ diliġenza

84      Fil-każ li istituzzjoni tal-Unjoni jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami u l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 56, li tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenza tal-Qorti Ġenerali Dow AgroSciences et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, punt 154). Fil-fatt, l-osservanza tad-dmir tal-Kummissjoni li tiġbor, b’mod diliġenti, l-elementi fattwali indispensabbli għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, kif ukoll l-istħarriġ f’dan ir-rigward mill-qorti tal-Unjoni jkunu iktar u iktar importanti meta l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jkun suġġett biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat fir-rigward tal-mertu, stħarriġ li jkopri biss l-eżistenza ta’ żball manifest. Għalhekk, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari indispensabbli sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa kinux sodisfatti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Enviro tech (Europe), iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, punti 47 u 62; sentenzi tal-Qorti Ġenerali Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, punti 166 u 171, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T‑285/03, Ġabra p. II-1063, punt 49].

85      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li t-twettiq ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, li tkun kemm jista’ jkun eżawrjenti, fuq il-bażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza jikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti sabiex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u sabiex jiġi evitat li jittieħdu miżuri arbitrarji (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, punt 172). F’dan is-sens, ġie deċiż li l-ewwel ipoteżi prevista fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 setgħet tkun ivverifikata meta informazzjoni ġdida tibdel b’mod kunsiderevoli l-perċezzjoni tal-perikolu li kienet tirrappreżenta marda (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2011, Denkavit Nederland et, C‑346/09, Ġabra p. I‑5517, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha, bħala bażi legali, fuq l-ewwel ipoteżi prevista fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, li tirreferi espliċitament għad-dehra jew għall-estensjoni, “fit-territorju ta’ kull pajjiż terz”, ta’ “kull żoonożi jew kull marda jew fenomenu ieħor li jista’ jkun ta’ theddida serja għall-ħajja tal-annimali jew għal bniedem”, hija kienet meħtieġa turi li l-miżuri ta’ protezzjoni meħuda kellhom rabta suffiċjentement diretta mal-“pajjiż terz jew parti mill-pajjiż terz ikkonċernat”, jiġifieri mal-pajjiżi terzi li fit-territorju tagħhom kien hemm każijiet ta’ influwenza tat-tjur, u “fejn xieraq [mal]-pajjiż terz tal-vjaġġ [tat-tranżitu]”. Hija kienet iktar u iktar obbligata tissodisfa dan l-oneru ta’ prova u dan l-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn, fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2005/760, hija rreferiet b’mod espliċitu għall-ħtieġa li “tiġi sospiża l-importazzjoni ta’ dawn l-għasafar minn ċerti żoni ta’ riskju”.

87      Issa, minn qari flimkien tal-premessa 2, tal-Artikolu 1 kif ukoll tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/760 jirriżulta li, fir-rigward taż-żewġ każijiet ta’ ITPGħ skoperti f’Settembru 2005, li l-oriġini tagħhom allegatament kienet mis-Surinam u mit-Tajwan (ara l-punt 76 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-miżura ta’ sospensjoni għall-importazzjonijiet kollha ta’ għasafar li ġejjin mill-pajjiżi terzi kollha li jagħmlu parti mill-ħames kummissjonijiet reġjonali tal-OIE, jiġifieri l-Afrika, l-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel, l-Asja, inklużi l-Lvant Imbiegħed u l-Oċeanja, l-Ewropea u l-Lvant Nofsani, u, għaldaqstant, mid-dinja kollha.

88      Madankollu, minkejja l-fatt li, f’dak l-istadju, l-għasafar infettati li kienu ġew skoperti fiċ-ċentru ta’ kwarantina f’Essex kienu maħsuba li oriġinaw mis-Surinam u mit-Tajwan, u għalhekk minn pajjiżi terzi li jinsabu, rispettivament, fl-Amerika t’Isfel u fl-Asja, b’tali mod li setgħet tkun iġġustifikata s-sospensjoni tal-importazzjonijiet minn dawn il-kontinenti, la mill-motivi tad-Deċiżjoni 2005/760 u lanqas min-noti prodotti mill-Kummissjoni matul din il-kawża ma jirriżulta li din tal-aħħar kienet wettqet xi tip ta’ sforz ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-riskju jew il-perikolu gravi għas-saħħa imputabbli lill-għasafar ġejjin minn dawn il-pajjiżi terzi setgħux jimmaterjalizzaw, b’mod analogu, fil-każ ta’ pajjiżi terzi li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Afrika jew fl-Oċeanja. Fil-fatt, l-inkartament kontenzjuż ma jinkludi ebda indizju ta’ natura li juri li, meta adottat id-Deċiżjoni 2005/760, il-Kummissjoni kellha informazzjoni rilevanti li kienet tawtorizzaha testendi l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ tali riskju jew perikolu għall-importazzjonijiet ta’ għasafar minn żoni ferm imbiegħda mill-pajjiżi terzi kkonċernati, minn tal-inqas bħala pajjiżi ta’ tranżitu, u lanqas ma hemm xi indizju li l-Kummissjoni kienet ipprovat tikseb tali informazzjoni jew li kienet effettivament eżerċitat il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha f’dan ir-rigward.

89      Fil-fatt, l-ewwel opinjoni tal-EFSA, u għalhekk l-uniku opinjoni xjentifika rilevanti li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha f’dak l-istadju, kienet ikkonstatat sitwazzjoni endemika inabitwali tal-virus H5N1 li kien infetta għasafar selvaġġi f’“ċerti pajjiżi tal-Asja” biss u kienet irrikonoxxiet li, fid-dawl tal-fatt li din kienet sitwazzjoni ġdida u tal-fatt li ma kienx hemm għarfien dwar dan il-fenomenu, il-konsegwenzi tiegħu setgħu jkunu imprevedibbli u ma setgħux jiġu ssostanzjati b’data xjentifika suffiċjenti (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, minn rapport tal-OIE tad-19 ta’ Awwissu 2009, li jinkludi lista ta’ pajjiżi terzi fejn kienu dehru każijiet ta’ ITPGħ bejn l-2004 u Ottubru 2005, lista li tinkludi biss pajjiżi fl-Asja u xi pajjiżi Ewropej, jirriżulta li tali informazzjoni kienet madankollu effettivament disponibbli u kienet ta’ natura li turi li kontinenti u pajjiżi oħra kienu għadhom ma ġewx esposti, f’dak iż-żmien, għall-firxa tal-ITPGħ. Sa fejn il-Kummissjoni tallega, b’mod vag ħafna u mhux ħlief fl-istadju tar-risposta, li f’dak iż-żmien hija kellha biss l-ewwel opinjoni tal-EFSA għad-dispożizzjoni tagħha u li kien impossibbli li jiġu ddeterminati bil-quddiem il-pajjiżi u ż-żoni ta’ riskju minħabba l-“migrazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi minn kontinent għal ieħor u minħabba l-fatt li l-mogħdijiet tal-migrazzjoni ma [kinux] magħrufa b’mod iddettaljat”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, la fil-motivi tad-Deċiżjoni 2005/760 u lanqas matul din il-kawża, ma ressqet ebda element issostanzjat minn rapporti ta’ evalwazzjoni xjentifika li permezz tiegħu jista’ jintwera li kien hemm riskju ta’ migrazzjoni ta’ għasafar selvaġġi mis-Surinam jew mit-Tajwan li setgħet taffettwa, b’mod partikolari, l-Afrika u l-Oċeanja, jew li tali stabbiliment tal-mogħdijiet tal-migrazzjoni kien effettivament impossibbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sempliċement tinvoka, u dan mhux ħlief fl-istadju tar-risposta, il-migrazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi minn kontinent għal ieħor filwaqt li ssostni, mingħajr ebda prova insostenn ta’ dan, li l-mogħdijiet tal-migrazzjoni ma kinux magħrufa b’mod iddettaljat u li għaldaqstant kien impossibbli li titwettaq bil-quddiem separazzjoni realistika tal-pajjiżi bejn żoni differenti ta’ riskju. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni stess kienet indikat, f’ittra mibgħuta lill-Assoċjazzjoni Ewropea tan-negozjanti tal-għasafar fil-31 ta’ Jannar 2007 li, qabel l-2006, il-preżunzjoni kienet dejjem li r-rwol tal-għasafar selvaġġi kien wieħed żgħir minħabba r-rata għolja ta’ mortalità tal-għasafar infettati b’virus b’patoġeniċità għolja.

90      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża ineżami, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx ma twettaqx, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel ipoteżi prevista fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 u tal-eżerċizzju sħiħ tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha f’dan ir-rigward, investigazzjoni u eżami tal-kwistjoni, minn naħa, ta’ jekk u sa fejn il-pajjiżi terzi kkonċernati f’dak l-istadju, jiġifieri s-Surinam u numru ta’ pajjiżi tal-Asja, kinux jagħmlu parti minn żoni territorjali ikbar li setgħu jiġu esposti għall-firxa tal-ITPGħ, jiġifieri b’mod partikolari l-pajjiżi li jmissu mal-pajjiżi msemmija, inklużi l-pajjiżi ta’ tranżitu u, min-naħa l-oħra u fuq kollox, ta’ jekk u sa fejn pajjiżi terzi oħra, jekk mhux ukoll kontinenti oħra barra mill-Amerika t’Isfel u x-Xlokk tal-Asja, setgħux ikunu milquta minn tali firxa jew setgħux ikunu implikati fiha. F’dan id-dawl, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ ssostni li hija kienet diġà talbet, f’April 2005, opinjoni oħra mingħand l-EFSA sabiex tissodisfa d-dmir ta’ investigazzjoni tagħha f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-mandat tal-EFSA li huwa s-suġġett ta’ din it-talba kien jikkonċerna biss evalwazzjoni kwalitattiva tar-riskju għas-saħħa u għall-benesseri tal-annimali marbut mal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, ma kienx jikkonċerna analiżi kwantitattiva jew fir-rigward ta’ żoni ta’ riskju, b’mod partikolari minħabba l-mogħdijiet meħuda mill-għasafar selvaġġi li jpassu, ma kienx jikkonċerna r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, u ma kellu ebda rabta mal-avvenimenti li seħħew fiċ-ċentru ta’ kwarantina f’Essex f’Ottubru 2005.

91      Issa, fl-assenza ta’ motivazzjoni u ta’ elementi fattwali konkreti u suffiċjentement issostanzjati minn perspettiva xjentifika (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 85 iktar ’il fuq), li kellhom ikunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-approċċ globali meħud fid-Deċiżjoni 2005/760, u fl-assenza ta’ sforzi ta’ investigazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni naqset kemm mid-dmir ta’ diliġenza tagħha kif ukoll mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. F’dan id-dawl, il-Kummissjoni lanqas ma’ tista’ ssostni li hija kienet marbuta tieħu miżura ta’ protezzjoni urġenti. Minn naħa, il-Kummissjoni ma tqajjimx tali raġuni ta’ urġenza, la fid-Deċiżjoni 2005/760 u lanqas fin-noti li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u, min-naħa l-oħra, in-natura eventwalment urġenti tas-sitwazzjoni inkwistjoni ma tistax tiġġustifika l-ommissjoni kompleta min-naħa tal-Kummissjoni, l-ewwel nett, li twettaq eżami ddettaljat u komplet tal-elementi rilevanti disponibbli f’dak l-istadju sabiex tikseb evalwazzjoni xjentifika tar-riskji kemm jista’ jkun eżawrjenti, sabiex tiżgura l-oġġettività xjentifika tal-miżura kkunsidrata u sabiex tevita li tieħu miżuri arbitrarji u, it-tieni nett, li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni inkwistjoni.

92      F’dan id-dawl, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka, u dan mhux ħlief fl-istadju tar-risposta, il-ħtieġa li l-persunal taċ-ċentri ta’ kwarantina jiġi protett mill-ITPGħ. Minn naħa, ma hemm ebda element fil-proċess li jindika li, meta adottat id-Deċiżjoni 2005/760, il-Kummissjoni kienet effettivament ikkunsidrat tali riskju. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma setgħetx effettivament tevita tali riskju, jekk jitqies li kien reali, ħlief billi tabbanduna kompletament it-tqegħid tal-għasafar importati fi kwarantina. Issa, fl-istess data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760, il-Kummissjoni adottat ukoll id-Deċiżjoni 2005/759/KE, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ [ITPGħ] f’ċerti pajjiżi terzi u l-moviment minn pajjiżi terzi ta’ għasafar akkumpanjati minn sidhom (ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 511), li fiha hija żammet fis-seħħ, preċiżament, is-sistema ta’ tqegħid ta’ tali għasafar fi kwarantina.

93      Fid-dawl tal-elementi fil-proċess, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti stabbilixxew, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni naqset milli tosserva d-dmir ta’ diliġenza tagħha u, għaldaqstant, kisret dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II-2589, punt 76), meta adottat aġir li ma kinitx tieħu istituzzjoni diliġenti f’ċirkustanzi identiċi għal dawk fis-seħħ meta l-Kummissjoni ħadet id-Deċiżjoni 2005/760, konklużjoni din li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tegħleb. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tan-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tad-dmir ta’ diliġenza tagħha, li hija kundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju komplet, min-naħa tagħha, tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 u għall-osservanza tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li dan il-ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza huwa suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni illegali tad-Deċiżjoni 2005/760.

94      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ sa fejn ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni naqset milli tosserva d-dmir ta’ diliġenza tagħha, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti u l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti f’dan il-kuntest.

95      Peress li l-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-implementazzjoni tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, għandu jiġi evalwat ukoll it-tieni motiv, ibbażat, b’mod partikolari, fuq qbiż tal-limiti ta’ din is-setgħa diskrezzjonali minħabba ksur serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq qbiż tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni minħabba ksur serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

96      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, minkejja l-eżistenza eventwali ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760, il-Kummissjoni użat din is-setgħa b’mod irregolari u marret lil hinn mil-limiti tagħha, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-għeluq strett tal-fruntieri għal importazzjonijiet ta’ kull speċi ta’ għasafar selvaġġi huwa miżura manifestament sproporzjonata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-funzjonament tajjeb tal-kontrolli fil-kuntest tas-sistema ta’ kwarantina, tal-ħtieġa li jiġi evitat l-inkoraġġiment għall-kummerċ illegali f’għasafar selvaġġi u tan-natura inadegwata tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni sabiex jitwaqqaf ir-riskju ħafna iktar kunsiderevoli ta’ kontaminazzjoni minn għasafar selvaġġi li jpassu u li jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom. F’dan id-dawl, ir-rikorrenti essenzjalment jippreċiżaw li, minflok ma tissospendi l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi minn 167 pajjiż, minkejja li dawn tal-aħħar ma kienu jippreżentaw ebda riskju ta’ tixrid tal-influwenza tat-tjur, il-Kummissjoni setgħet adottat, f’Ottubru 2005, miżuri ħafna inqas onerużi minn diversi aspetti sabiex tillimita dan ir-riskju. F’dan is-sens, il-Kummissjoni setgħet ipprojbixxiet l-importazzjonijiet minn ċerti żoni ta’ riskju speċifiċi, filwaqt li tawtorizza l-importazzjonijiet mill-pajjiżi l-oħra kollha li fihom, f’dak iż-żmien, ma kien hemm ebda infezzjoni jew riskju ta’ firxa tal-influwenza tat-tjur u li lanqas ma kienu pajjiżi ta’ tranżitu.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi tirreferi, b’mod partikolari, għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha taħt, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u billi ssostni li s-sospensjoni tal-importazzjonijiet, kif stabbilita bid-Deċiżjoni 2005/760, ma kinitx manifestament sproporzjonata.

98      F’dan id-dawl, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa kkonfermat fl-Artikolu 5(4) TUE, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx imorru lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel il-miżura li tkun l-inqas oneruża, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 82; ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Gowan Comércio Internacional e Serviços, iċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, dak li huwa meħtieġ ma huwiex li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri meħuda mil-leġiżlatur tal-Unjoni humiex l-uniċi jew l-aħjar miżuri possibbli, iżda li jiġi ddeterminat jekk dawn humiex jew le manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan segwit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jippes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

100    Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni naqasx b’mod manifest u gravi milli josserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

101    Għandu jiġi ppreċiżat li, anki f’kuntest fejn jintuża l-prinċipju ta’ prekawzjoni u, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tar-riskji, li tippreżupponi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u li dawn jiddeterminaw il-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà, determinazzjoni li timplika għażla politika min-naħa tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dow AgroSciences et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, punti 145 u 148, u l-ġurisprudenza ċċitata), din l-għażla għandha tkun konformi mal-prinċipju li għandha tingħata prijorità lill-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent meta mqabbla mal-interessi ekonomiċi, kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Artegodan et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, punt 186, u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T‑392/02, Ġabra p. II-4555, punt 125).

102    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-għan segwit mis-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi, bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2005/760, kien li tiġi protetta s-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-bniedem, kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-deċiżjoni msemmija.

103    Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 84 sa 94 iktar ’il fuq, fejn ġew ikkonstatati ksur suffiċjentement serju mill-Kummissjoni tad-dmir ta’ diliġenza tagħha kif ukoll l-assenza ta’ eżerċizzju adegwat min-naħa tagħha tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha fil-kuntest tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 u fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ provi xjentifiċi li setgħu jiġġustifikaw sospensjoni temporanja tal-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi b’mod ġenerali, tali miżura kienet ukoll manifestament sproporzjonata, minn tal-inqas minn perspettiva ġeografika. Fi kliem ieħor, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li teżamina b’mod diliġenti u imparzjali l-punti ta’ fatt rilevanti li kienu jawtorizzawha testendi l-miżura ta’ sospensjoni għall-importazzjonijiet miż-żoni kollha msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2005/760, jekk mhux ukoll fid-dawl tal-fatt li hija naqset kompletament milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan ir-rigward, hija lanqas ma stabbilixxiet li ma kienx hemm miżuri inqas onerużi, jiġifieri sospensjoni tal-importazzjoni iktar limitata ġeografikament. Għaldaqstant, f’dan il-każ, huwa impossibbli li jiġi kkunsidrat li s-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi mill-pajjiżi terzi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE kienet neċessarja u adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit mid-deċiżjoni msemmija, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa tal-bniedem.

104    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, meta adottat id-Deċiżjoni 2005/760, il-Kummissjoni naqset ukoll, b’mod manifest u gravi, milli tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u, għaldaqstant, il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li hija kellha fil-kuntest tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 u fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

105    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni u, għaldaqstant, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti u l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv kontra l-legalità tad-Deċiżjoni 2005/760, u lanqas dwar it-tielet motiv, imressaq b’mod sussidjarju.

107    Għandu jiġi evalwat issa jekk u sa fejn il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ proroga hija vvizzjata bl-istess illegalitajiet bħal dawk li jivvizzjaw id-Deċiżjoni 2005/760.

b)     Fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ proroga

 Sunt tal-argumenti tal-partijiet

108    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali maħsuba sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi meta adottat id-deċiżjonijiet ta’ proroga tad-Deċiżjoni 2005/760, jiġifieri d-Deċiżjonijiet 2005/862, 2006/79, 2006/405, 2006/522, 2007/21 u 2007/183. F’dan ir-rigward huma jtennu l-argumenti diġà esposti fir-rigward tad-Deċiżjoni 2005/760, filwaqt li jressqu, essenzjalment, l-osservazzjonijiet addizzjonali li ġejjin.

109    L-ewwel nett, ir-raġuni invokata sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760 kienet ivvizzjata bi żball peress li l-għasfur tat-tip mésia kkontaminat bl-ITPGħ skopert miċ-ċentru ta’ kwarantina f’Essex kien fil-verità ġej mit-Tajwan u mhux mis-Surinam. Dan l-iżball, li skont ir-rikorrenti l-Kummissjoni kienet taf bih sa mill-pubblikazzjoni tar-rapport DEFRA fil-11 ta’ Novembru 2005 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), ma setax, għalhekk, jibqa’ jiġġustifika d-deċiżjonijiet ta’ proroga. It-tieni nett, meta tinvoka l-iskoperta ta’ każijiet ġodda ta’ ITPGħ fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2005/862, il-Kummissjoni injorat, skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-oriġini ta’ din il-kontaminazzjoni ma setgħetx tkun attribwita lill-għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom li l-importazzjoni tagħhom kienet ilha sospiża sa mid-Deċiżjoni 2005/760, iżda kellha tiġi attribwita lill-għasafar selvaġġi li jpassu. It-tielet nett, meta tinvoka l-ewwel u t-tieni opinjonijiet tal-EFSA sabiex issostni li l-għasafar selvaġġi kollha kienu jikkostitwixxu riskju għall-firxa tal-ITPGħ, il-Kummissjoni naqset, skont ir-rikorrenti, milli tieħu inkunsiderazzjoni d-distinzjoni fundamentali bejn l-ispeċi, fir-rigward tas-sensittività tagħhom għall-ITPGħ, li saret fit-tieni opinjoni tal-EFSA. Ir-raba’ nett, billi ma ssemmix l-identifikazzjoni ta’ post fejn infirxet l-ITPGħ fix-Xlokk tal-Asja ħlief fid-Deċiżjoni ta’ proroga 2006/79, il-Kummissjoni pprovat, skont ir-rikorrenti, tiġġustifika l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760 a posteriori.

110    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ proroga, hija essenzjalment issostni biss li dawn id-deċiżjonijiet kienu ġġustifikati mill-persistenza tal-perikolu għall-annimali li kienet tirrappreżenta l-influwenza tat-tjur. F’dak iż-żmien id-dinja kollha kienet qiegħda taffaċċja sitwazzjoni ferm instabbli u mingħajr preċedent. Fil-fatt, qabel il-prorogi, kienu ġew irrapportati każijiet ta’ influwenza tat-tjur f’Ġibuti, fil-Burkina Faso, fin-Niġer, fl-Indja u fir-Rumanija. Wara l-prorogi, il-virus kien reġa’ tfaċċa fit-Tajlandja u fix-Xlokk tal-Asja. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, kien hemm inċertezzi kbar fir-rigward tal-iżvolġiment u fir-rigward tal-kawżi tal-firxa rapida tal-virus, kif ukoll fir-rigward tar-riskju ta’ tibdil tal-virus u tal-perikoli potenzjali li setgħu jirriżultaw minn dan għas-saħħa tal-bniedem. Kien meħtieġ iktar żmien sabiex jiġu studjati u analizzati l-iżvolġiment tal-firxa, il-kawżi, ir-riskji u l-esperjenzi miksuba mid-diversi pajjiżi qabel ma setgħat tiġi kkunsidrata t-tneħħija tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni.

111    F’dan il-każ, il-legalità tad-Deċiżjonijiet 2005/862, 2006/79, 2006/405, 2006/522, 2007/21 u 2007/183 għandha tiġi eżaminata separatament, fid-dawl kemm tal-motivazzjoni rispettiva tagħhom kif ukoll fid-dawl tal-fatti rilevanti li l-Kummissjoni kellha jew seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha fid-dati tal-adozzjoni tagħhom, jiġifieri bl-esklużjoni ta’ elementi sussegwenti għal dawn id-dati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punt 54).

 Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2005/862

112    Il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2005/862 tipprovdi, b’mod partikolari u b’mod addizzjonali fir-rigward tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760, li “[ġ]ew irrapportati każi ġodda ta’ l-influwenza tat-tjur f’ċerti pajjiżi membri ta’ l-OIE” u li dan kien jiġġustifika li s-“sospensjoni taċ-ċaqliq ta’ għasafar tad-dar u ta’ l-importazzjonijiet ta’ għasafar oħra minn ċerti żoni ta’ riskju [...] jiġu estiżi”, liema żoni jfissru l-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE msemmija fil-Parti B tal-Anness I tad-deċiżjoni msemmija.

113    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma tippreċiżax, la fil-motivi tad-Deċiżjoni 2005/862 u lanqas fin-noti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-pajjiżi li, fil-fehma tagħha u f’dak l-istadju, kienu jinsabu f’dawn iż-“żoni ta’ riskju”. Huwa biss b’mod vag ħafna, mingħajr prova fil-forma ta’ dokumenti insostenn tagħhom u mingħajr ebda riferiment għall-mument li fih immaterjalizzaw u li fih saret taf b’dawn l-elementi, li l-Kummissjoni ssostni, fir-risposta tagħha, li, qabel id-deċiżjonijiet ta’ proroga, kienu ġew irrapportati każijiet ta’ influwenza tat-tjur f’Ġibuti, fil-Burkina Faso, fin-Niġer, fl-Indja u fir-Rumanija. Issa, minn rapport tal-professur D., prodott mir-rikorrenti u bbażat fuq data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), data li ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, jirriżulta li, bejn Ottubru 2005 u l-aħħar tas-sena 2005, il-Kuwajt u l-Ukraina kienu l-uniċi pajjiżi terzi li fihom kienu skoperti każijiet ġodda ta’ kontaminazzjoni permezz tal-virus H5N1. Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha din l-informazzjoni f’dak l-istadju, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija baqgħet manifestament ma investigatx u ma spjegatx ir-raġunijiet empiriċi u xjentifiċi rilevanti li kienu jiġġustifikaw li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/862, il-proroga tas-sospensjoni tal-importazzjoni kellha tibqa’ tkopri l-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE.

114    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, kif isostnu r-rikorrenti, li mid-Deċiżjoni 2005/862 lanqas ma jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni r-riżultati tar-rapport tan-National Emergency Epidemiology Group (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), fejn ġie spjegat li, b’konsegwenza ta’ inverżjoni fil-kampjuni, għasfur infettat bil-virus H5N1, skopert fiċ-ċentru ta’ kwarantina f’Essex, kien ġie indikat, b’mod żbaljat, bħala għasfur li ġej mis-Surinam, fl-Amerika t’Isfel, meta fil-verità kien ġej mit-Tajwan, fl-Asja. Issa, minkejja din l-informazzjoni tant rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni korretta taż-żoni ta’ riskju skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496, il-Kummissjoni ma spjegatx, la fid-Deċiżjoni 2005/862 u lanqas matul il-kawża, ir-raġunijiet għaliex ikkunsidrat xorta waħda li kien meħtieġ li tinżamm fis-seħħ is-sospensjoni tal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi mill-Amerika t’Isfel, kif ukoll mill-kontinent Amerikan kollu.

115    Minn dan jirriżulta li, bħal fil-każ tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/862 hija vvizzjata, b’mod serju, minn nuqqas ta’ diliġenza u ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Minn dan jirriżulta, barra minn hekk, li, fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha jew seta’ kellha f’dak l-istadju li kieku użat b’mod korrett is-setgħa ta’ investigazzjoni tagħha u li kieku eżerċitat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha f’dan ir-rigward, iż-żamma fis-seħħ tas-sospensjoni tal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi mill-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE kienet manifestament sproporzjonata. Fil-fatt, fid-dawl tan-nuqqas ta’ prova tal-infezzjoni ta’ għasafar importati mill-Amerika t’Isfel u fid-dawl tal-fatt li l-unika estensjoni tal-epidemija tal-virus H5N1 kienet fil-Kuwajt u fl-Ukraina, il-Kummissjoni ma kellhiex l-awtorità, fin-nuqqas ta’ informazzjoni empirika oħra u ta’ provi xjentifiċi rilevanti, li tipproroga s-sospensjoni tal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi mill-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE, kif introdotta permezz tad-Deċiżjoni 2005/760.

116    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-Deċiżjoni 2005/862 hija vvizzjata wkoll bi ksur suffiċjentement serju tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ proporzjonalità, li jista’ jwassal sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

 Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2006/79

117    Il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2006/79 tippreċiża, b’mod partikolari, li, “[w]ara li faqqgħet l-epidemija ta’ l-influwenza tat-tjur, ikkawżata min[n] razza tal-vajrus H5N1 b’patoġeniċità għolja, u li bdiet fix-Xlokk ta’ l-Ażja f’Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat bosta miżuri ta’ ħarsien marbuta ma’ l-influwenza tat-tjur”. Barra minn hekk, il-premessa 3 tad-deċiżjoni msemmija tipprovdi:

“Kemm ilu [Peress] li ġew irrappurtati każijiet ġodda ta’ l-influwenza tat-tjur f’ċerti pajjiżi membri [tal-OIE], ir-restrizzjonijiet dwar il-moviment tat-tjur li huma pets u l-importazzjoni ta’ tjur ieħor minn ċerti żoni ta’ riskju għandhom jitkomplew. Għalhekk huwa xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2005/759[...] u 2005/760[...].”

118    F’dan id-dawl, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għar-riferiment għad-dehra ta’ post fejn infirxet l-influwenza tat-tjur minħabba varjant tal-virus H5N1 b’patoġeniċità għolja fix-Xlokk tal-Asja minn Diċembru 2003, il-Kummissjoni ma tippreċiżax l-oriġini ġeografika ta’ dawn il-“każijiet ġodda ta’ l-influwenza tat-tjur”, la fil-motivi tad-Deċiżjoni 2006/79 u lanqas fin-noti tagħha. Huwa biss mill-ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2006, li barra minn hekk hija sussegwenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2006/79, prodotta mir-rikorrenti, li jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ proroga kienet immotivata prinċipalment mid-dehra u mill-firxa rapida tal-virus H5N1 fit-Turkija, kif ukoll mill-fatt li kien hemm ftit li xejn, jekk mhux ukoll xejn, informazzjoni dwar is-sorveljanza tal-influwenza tat-tjur mill-pajjiżi li jmissu mat-Turkija. Barra minn hekk, mis-sunt tar-rapporti tal-OIE bejn l-2004 u l-2007, ippreżentat mir-rikorrenti u li l-kontenut tiegħu ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni, jirriżulta li, bejn it-30 ta’ Novembru 2005 u l-31 ta’ Jannar 2006, kienu ġew irrapportati każijiet ġodda marbuta mal-virus H5N1 f’pajjiżi terzi, f’dan il-każ, fiċ-Ċina, fil-Kroazja, fl-Indoneżja, fir-Rumanija, fir-Russja, fit-Tajlandja, fit-Turkija, fl-Ukraina u f’Ħong Kong.

119    Madankollu, anki jekk jitqies li, meta adottat id-Deċiżjoni 2006/79, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, minkejja li hija ma pprovatx li kellha din l-informazzjoni u lanqas li kienet użatha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ proroga inkwistjoni, u dan sa fejn tali informazzjoni tista’ tispjega l-affermazzjoni vaga tagħha msemmija fil-punt 113 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni xorta waħda, minn naħa, ma tispeċifikax il-konklużjoni tagħha fis-sens li dawn il-“każijiet ġodda” kienu jiġġustifikaw il-proroga tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi mill-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE u, min-naħa l-oħra, ma tressaqx provi insostenn ta’ din il-konklużjoni. B’mod partikolari, is-sempliċi fatt li l-epidemija kienet infirxet fit-Turkija ma kienx jippermetti, fl-assenza ta’ spjegazzjonijiet u provi rilevanti oħra, li tiġi ġġustifikata s-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi mill-Amerika t’Isfel u mill-Oċeanja.

120    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, meta adottat id-Deċiżjoni 2006/79, il-Kummissjoni wkoll naqset mid-dmir ta’ diliġenza tagħha u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità b’mod li jista’ jwassal sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

 Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2006/405

121    Il-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2006/405 tippreċiża li:

“It-theddida li għandha quddiemha [l-Unjoni] mill-varjant Ażjatiku tal-vajrus ta’ l-influenza tat-tjur ma naqsitx. Għadhom qed jiġu osservati tifqigħat f’għasafar selvaġġi [fl-Unjoni] u f’għasafar selvaġġi u tjur f’bosta pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi membri ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE). Flimkien ma’ dan, dak il-vajrus jidher li qed isir dejjem aktar endemiku f’ċerti partijiet tad-dinja. Il-validità tal-miżuri ta’ ħarsien stipulati fid-Deċiżjonijiet [...] 2005/759[...] [u] 2005/760[...] għandha għalhekk tiġi estiża.”

122    F’dan id-dawl, għandu jiġi kkonstatat li, għal darba oħra, il-Kummissjoni ma tippreċiżax, la fid-Deċiżjoni 2006/405 u lanqas fin-noti tagħha, l-identità tal-pajjiżi kkonċernati meta tagħmel riferiment, b’mod partikolarment vag, għal “bosta pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi membri [tal-OIE]”. Madankollu, mis-sunt tar-rapporti tal-OIE bejn l-2004 u l-2007 (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-każijiet il-ġodda li dehru bejn il-31 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju 2006 f’pajjiżi terzi la kienu jikkonċernaw lill-kontinenti Amerikani u lanqas lill-Oċeanja. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha din l-informazzjoni f’dak il-mument, informazzjoni li kienet tispjega l-affermazzjoni vaga tagħha msemmija fil-punt 113 iktar ’il fuq, hija ma ressqitx provi sabiex turi li kienet issodisfat id-dmir ta’ diliġenza tagħha, li kienet osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li għalhekk kienet aġixxiet ġustament meta żammet fis-seħħ is-sospensjoni tal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi mill-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760 ma twaqqfux bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2006/405.

 Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2006/522

124    Sabiex tiġi ġġustifikata proroga ġdida tas-sospensjoni tal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, il-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2006/522 tagħmel riferiment għall-“qagħda attwali tas-saħħa ta’ l-annimali fir-rigward ta’ l-influwenza tat-tjur u [għall-]istennija ta’ l-adozzjoni intenzjonata ta’ l-opinjoni ta’ l-EFSA f’Ottubru”.

125    Kif jirriżulta mis-sunt tar-rapporti tal-OIE bejn l-2004 u l-2007 (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), meta ġiet adottata d-Deċiżjoni 2006/522 ebda każ ġdid ta’ influwenza tat-tjur ma kien ġie skopert f’ċerti partijiet tad-dinja, fosthom b’mod partikolari fl-Amerika t’Isfel u fl-Oċeanja. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-EFSA kienet qiegħda fil-proċess li tfassal u tadotta t-tieni opinjoni, li s-suġġett tagħha ma kienx li tiġi ddeterminata l-portata ġeografika tar-riskju li tinfirex l-influwenza tat-tjur minħabba, b’mod partikolari, il-mogħdijiet tal-għasafar selvaġġi li jpassu (ara l-punt 90 iktar ’il fuq), ma kienx ta’ natura tali li seta’ jeħles lill-Kummissjoni mid-dmir ta’ diliġenza tagħha u mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-eventwali ġustifikazzjonijiet għaż-żamma tas-sospensjoni tal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi mill-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE, u lanqas mill-obbligu tagħha li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

126    Għaldaqstant, meta adottat id-Deċiżjoni 2006/522, il-Kummissjoni kompliet bl-illegalitajiet imwettqa sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760.

 Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2007/21

127    Il-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2007/21 tagħmel riferiment għall-adozzjoni, fis-27 ta’ Ottubru 2006, tat-tieni opinjoni tal-EFSA li kienet ippubblikata fl-14 ta’ Novembru 2006. Il-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni tindika dan li ġej:

“Rigward il-miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2005/760[...], il-Kummissjoni bdiet valutazzjoni ta’ l-Opinjoni minnufih wara r-rilaxx tagħha u twettqet l-ewwel analiżi ta’ l-Opinjoni u l-emendi possibbli għal dawn il-miżuri tul il-laqgħa tal-grupp espert ta’ ħidma fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fl-14 ta’ Novembru 2006 u fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fis-27 ta’ Novembru 2006. Madankollu, fid-dawl tal-qagħda dinjija attwali tas-saħħa ta’ l-annimali rigward l-influwenza tat-tjur, sabiex l-Istati Membri, kif indikaw fil-laqgħa tas-27 ta’ Novembru 2006 u l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, jitħallew itemmu din il-valutazzjoni u jħejju l-miżuri li għandhom jiġu stipulati, ir-restrizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2005/760[...] għandhom jissoktaw għal perjodu ta’ tranżizzjoni qasir.”

128    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-suġġett limitat tal-evalwazzjoni xjentifika mitluba għall-finijiet tat-tħejjija tat-tieni opinjoni tal-EFSA (ara l-punt 90 iktar ’il fuq), l-evalwazzjoni provviżorja tal-kontenut ta’ din l-opinjoni mill-Kummissjoni ma setgħetx tiġġustifika l-illegalitajiet imwettqa minnha sa dak l-istadju, illegalitajiet li wasslu għaż-żamma ta’ sospensjoni eċċessiva ta’ importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi mid-dinja kollha. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-analiżi ta’ din l-opinjoni bħala analiżi ta’ natura li tissodisfa d-dmir ta’ diliġenza u li tissodisfa l-oneru tagħha li tipprova li l-kundizzjonijiet għal tali sospensjoni totali ta’ importazzjoni li tinkludi, b’mod partikolari, il-kontinenti tal-Amerika u l-Oċeanja kienu sodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pprovdietx, la fid-Deċiżjoni 2007/21 u lanqas matul il-kawża, informazzjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tista’ tevalwa is-suġġett u r-rilevanza tal-“qagħda dinjija [...] tas-saħħa” li hija ssemmi, b’mod partikolarment vag, fl-aħħar sentenza tal-premessa 4 tad-deċiżjoni msemmija.

129    Fl-aħħar nett, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni indikat, fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Jannar 2007, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/21, li, sa mill-2006, l-għasafar selvaġġi kellhom rwol importanti fit-tixrid tal-influwenza tat-tjur, sitwazzjoni li allegatament kienet immotivat il-proroga tas-sospensjoni tal-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi sal-1 ta’ Lulju 2007, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet għaliex din il-konstatazzjoni kienet tiġġustifika li tinżamm fis-seħħ il-portata dinjija ta’ din is-sospensjoni b’tali mod li jkunu inklużi reġjuni li fihom ma kien ikkonstatat ebda każ ta’ influwenza tat-tjur.

130    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, meta adottat id-Deċiżjoni 2007/21, il-Kummissjoni kompliet bil-ksur suffiċjentement serju tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2007/183

131    Id-Deċiżjoni 2007/183 tagħmel riferiment, l-ewwel nett, fil-premessa 3 tagħha, għat-tieni opinjoni tal-EFSA u, it-tieni nett, fil-premessa 4, għar-Regolament Nru 318/2007, li kien jinkludi kundizzjonijiet ġodda dwar l-ispezzjonijiet sanitarji li “huma aktar stretti minn dawk li hemm fis-seħħ bħalissa” u li kien previst li jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2007. Fil-premessi 5 u 6 tal-istess deċiżjoni, huwa ppreċiżat li, “[f]id-dawl [tat-tieni] Opinjoni [tal-EFSA] u l-qagħda attwali dinjija tas-saħħa ta’ l-annimali fir-rigward ta’ l-influwenza tat-tjur, mgħandhomx iseħħu importazzjonijiet ta’ għasafar tali mingħajr rekwiżiti stretti”, b’tali mod li l-“miżuri protettivi previsti fid-Deċiżjoni 2005/760[...] għalhekk [kellhom] jissuktaw li japplikaw sat-30 ta’ Lulju 2007”.

132    Mill-motivazzjoni esposta fil-punt preċedenti jirriżulta li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/183, il-Kummissjoni kienet manifestament naqset milli ttemm l-illegalitajiet imwettqa sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/760, u dan sa fejn il-proroga tas-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi mid-dinja kollha kienet għadha mmotivata, b’mod partikolarment vag, permezz tat-tieni opinjoni tal-EFSA, permezz tal-“qagħda [...] dinjija tas-saħħa”, kif ukoll permezz tal-mistenni dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 318/2007 li allegatament kellu jistabbilixxi kundizzjonijiet iktar stretti dwar l-ispezzjonijiet sanitarji. Issa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx jekk u sa fejn it-tieni opinjoni tal-EFSA, b’mod partikolari, kienet tawtorizzaha żżomm fis-seħħ tali sospensjoni totali, minn tal-inqas, mill-perspettiva ġeografika.

133    Għaldaqstant, irrispettivament mill-kwistjoni tal-legalità tar-Regolament Nru 318/2007, għandu jiġi konkluż li, meta adottat id-Deċiżjoni 2007/21, il-Kummissjoni kompliet bil-ksur suffiċjentement serju tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ proporzjonalità kkonstatati iktar ’il fuq.

c)     Fuq il-legalità tar-Regolament Nru 318/2007

 Fuq il-portata tal-kontestazzjoni tar-Regolament Nru 318/2007

134    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, fl-ewwel lok, fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-ewwel motiv, li r-Regolament Nru 318/2007 ma għandux bażi legali u ma jistax ikun ibbażat fuq it-tieni opinjoni tal-EFSA, fit-tieni lok, fl-ewwel u fit-tieni partijiet tat-tieni motiv, imressaq b’mod sussidjarju, li dan ir-regolament ġie adottat bi ksur, minn naħa, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, minħabba li l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi ma hijiex metodu adegwat sabiex titwaqqaf il-firxa tal-influwenza tat-tjur u minħabba li l-miżuri meħuda jqiegħdu fi żvantaġġ lill-għasafar selvaġġi meta mqabbla ma’ speċi oħra ta’ għasafar, u, min-naħa l-oħra, tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika, kif irrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), u, fit-tielet lok, fit-tielet motiv, imressaq b’mod iktar sussidjarju, li l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba att legali.

135    Għandha qabel xejn tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

 Fuq l-eżistenza ta’ bażi legali suffiċjenti għar-Regolament Nru 318/2007

136    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li r-Regolament Nru 318/2007 ma għandux bażi legali.

137    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u essenzjalment twarrbu bħala wieħed ineffettiv. Skont l-Artikolu 33 KE, il-politika agrikola komuni għandha fil-fatt l-għanijiet, b’mod partikolari, li titkabbar il-produttività tal-agrikoltura, li jiġu stabbilizzati s-swieq u li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvisti, għanijiet dawn li jistgħu jintlaħqu biss jekk l-annimali kkonċernati minn dawn l-attivitajiet ikunu protetti kontra l-mard li jittieħed, kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessi tad-Direttivi 91/496 u 92/65. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(2)(a) u tal-Artikolu 17(3)(a) u (ċ) tad-Direttiva 92/65, u tqis li din id-direttiva u d-Direttiva 91/496 kienu jawtorizzawha tadotta r-Regolament Nru 318/2007.

138    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 318/2007, meta jillimita, permezz tal-Artikolu 5(a) tiegħu, l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni għall-għasafar imrobbija fil-magħluq, jiġifieri f’ambjent li ma jkunx l-ambjent naturali tagħhom (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), iwassal għal projbizzjoni impliċita totali fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom, kif inhu kkonfermat kemm mill-premessa 9 tar-regolament imsemmi kif ukoll mit-tħassir, permezz tal-Artikolu 19 tal-istess regolament, tad-Deċiżjoni 2000/666 li kienet inizjalment awtorizzat l-importazzjonijiet ta’ għasafar fl-Unjoni mill-pajjiżi membri tal-OIE (ara l-punti 45 u 46 iktar ’il fuq). F’dan id-dawl, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Kummissjoni, fin-noti tagħha, tikkonferma li kienet twarrbet kull possibbiltà li jintuża mekkaniżmu ta’ kwarantina fir-rigward tal-għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom, kemm jekk ipassu u kemm jekk le.

139    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Regolament Nru 318/2007 huwiex ibbażat fuq bażi legali suffiċjenti sa fejn jistabbilixxi projbizzjoni totali u mingħajr distinzjoni fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom.

140    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-regoli li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet dwar l-ispezzjonijiet sanitarji li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ annimali, kif stabbiliti, b’mod partikolari, permezz tad-Direttiva 92/65 u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 17(2)(b), fl-Artikolu 17(3) u fl-ewwel u fir-raba’ inċiżi tal-Artikolu 18(1) tagħha, li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 318/2007 (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), huwa bbażat fuq il-prinċipju li, għal raġunijiet marbuta mas-saħħa tal-annimali u għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, kull importazzjoni ta’ annimali minn pajjiżi terzi hija, bħala prinċipju, ipprojbita, u hija permessa biss jekk ikun hemm awtorizzazzjoni espliċita marbuta mat-twettiq ta’ formalitajiet u ta’ kontrolli obbligatorji qabel l-importazzjoni.

141    Fil-fatt, l-iffissar, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ regoli dwar l-ispezzjonijiet sanitarji uniformi li jirregolaw it-tqegħid fis-suq ta’ annimali, kif jirriżulta mit-tieni sar-raba’ premessi tad-Direttiva 92/65, ma għandux biss l-għan li jiġi lliberalizzat il-kummerċ tal-annimali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali fi ħdan is-suq intern, kif jirriżulta mid-disa’ premessa u mill-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet applikabbli għal kummerċ”, iżda għandu wkoll l-għan li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ annimali minn pajjiżi terzi, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu III tal-istess direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet applikabbli dwar importazzjoni [fl-Unjoni]”. B’hekk, inkonformità mal-prinċipju ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, id-Deċiżjoni 2000/666 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), li kienet ibbażata fuq l-istess dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/65 bħar-Regolament Nru 318/2007, kienet awtorizzat l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ għasafar li joriġinaw biss mill-pajjiżi elenkati bħala membri tal-OIE, inkonformità mat-termini tal-Anness D tagħha, u li, skont il-premessa 4 tagħha, jiggarantixxu l-osservazzjoni tal-“ħtiġijiet ġenerali tas-sezzjoni fuq etiċi veterinarji u ċertifikazzjoni għal kummerċ internazzjonali”.

142    It-tieni nett, il-prinċipju ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ kull importazzjoni minn pajjiżi terzi huwa espress, b’mod espliċitu, fid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni, bħal dawk li jinsabu fil-Kapitolu III tad-Direttiva 92/65, b’mod partikolari fl-Artikolu 17(2) tagħha li jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Annimali [...] biss li jissodisfaw il-ħtiġijiet segwenti jistgħu jkunu importati [fl-Unjoni]:

(a)      iridu jkunu ġejjin minn pajjiż terz fuq lista li għandha tkun imħejjija bi qbil mal-paragrafu 3 (a);

(b)      iridu jkunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa [...].”

143    Minn dan jirriżulta li importazzjoni fl-Unjoni tista’ titwettaq biss jekk ikunu osservati r-rekwiżiti msemmija fil-punti 141 u 142 iktar ’il fuq, fosthom ir-rekwiżit marbuta mal-provenjenza minn pajjiż terz elenkat f’lista li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skont il-proċedura, hekk imsejħa “tal-kumitat”, skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/65, moqri flimkien mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662 li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża ineżami, kien jipprevedi l-applikazzjoni tal-Artikolu 5, dwar il-proċedura regolatorja, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124). Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 92/65, il-Kummissjoni hija awtorizzata teskludi jew tħassar ċerti pajjiżi terzi minn din il-lista, bil-konsegwenza li tkun awtomatikament ipprojbita kwalunkwe importazzjoni ta’ annimali mill-pajjiżi msemmija.

144    It-tielet nett, mill-Artikolu 17(3)(ċ) tad-Direttiva 92/65 jirriżulta li l-Kummissjoni hija awtorizzata wkoll tistabbilixxi l-“ħtiġijiet speċifiċi ta’ saħħa ta’ l-annimali – partikolarment għal protezzjoni tal-[Unjoni] minn ċertu mard eżotiku”, fosthom l-influwenza tat-tjur. Barra minn hekk, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 17(4)(a) tal-istess direttiva, “[i]l-lista li hemm provvediment dwarha fil-paragrafu 3 tista’ tinkludi biss pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi li minnhom importazzjoni ma tkunx ipprojbita [...] bħala riżultat ta’ l-eżistenza ta’ waħda mill-mardiet li hemm referenza dwarha fl-Anness A jew xi mard eżotiku ieħor lejn [l-Unjoni].”

145     Bl-istess mod, skont l-ewwel u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/65, l-“[Is]tati Membri għandhom jassiguraw li l-annimali[...] koperti b’din id-Direttiva jkunu importati [fl-Unjoni]” biss jekk ikunu akkumpanjati b’ċertifikat maħruġ minn veterinarju uffiċjali, stabbilit skont l-ispeċi inkwistjoni, u jekk, fir-rigward tal-annimali msemmija fl-Artikoli 5 sa 10 tal-istess direttiva, fosthom l-għasafar, dawn ikunu nżammu, qabel l-importazzjoni, taħt kwarantina li l-modalitajiet tagħha għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 26 ta’ din l-istess direttiva. F’dan id-dawl, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 7.A tad-Direttiva 92/65 jipprovdi li l-“[Is]tati Membri għandhom jassiguraw li għasafar apparti minn dawk li hemm referenza għalihom fid-Direttiva 90/539/KEE[, jiġifieri t-tjur tar-razzett u l-bajd għat-tfaqqis], jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kummerċ biss jekk jilħqu [jissodisfaw]” ċerti rekwiżiti alternattivi, fosthom, b’mod partikolari, il-fatt li jkunu ġejjin minn azjenda fejn ma tkunx instabet influwenza tat-tjur matul it-tletin jum qabel il-kunsinna jew minn azjenda jew minn żona li ma jkunux suġġetti għal restrizzjonijiet fil-forma ta’ miżuri ta’ ġlieda kontra l-marda ta’ Newcastle jew, fl-aħħar nett, li jkunu suġġetti għal kwarantina fl-azjenda li fiha jkunu ġew introdotti wara li jkunu daħlu fit-territorju tal-Unjoni.

146    Mid-dispożizzjonijiet u mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tistabbilixxi r-“regoli dwar is-saħħa ta’ l-annimali [...] għat-tqegħid fis-suq ta’ annimali”, fis-sens tal-ħames premessa tad-Direttiva 92/65, li tinkludi neċessarjament il-possibbiltà li ma tkunx awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti speċi ta’ annimali minn ċerti pajjiżi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ importazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

147    Ir-raba’ nett, anki jekk id-Direttiva 92/65 hija bbażata biss fuq l-Artikolu 37 KE dwar il-politika agrikola komuni, għandu jiġi kkonstatat li din taqa’ wkoll fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent taħt l-Artikolu 152 KE u taħt l-Artikolu 274 KE u li, għaldaqstant, din id-direttiva għandha tiġi interpretata wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni (ara l-punti 78 sa 80 iktar ’il fuq). B’hekk, l-Artikolu 17(3)(ċ) tad-Direttiva 92/65, li jsemmi l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi “ħtiġijiet speċifiċi ta’ saħħa ta’ l-annimali – partikolarment għal protezzjoni tal-[Unjoni] minn ċertu mard eżotiku”, jissodisfa l-għan ta’ protezzjoni u ta’ prevenzjoni li huwa inerenti għall-prinċipju ta’ prekawzjoni. Issa, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni f’dan il-kuntest (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(3)(ċ) tad-Direttiva 92/65 ma jistgħux jingħataw interpretazzjoni restrittiva. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex ma tawtorizzax, bħala miżura relatata mas-saħħa tal-annimali, l-importazzjonijiet ta’ ċerti annimali minn ċerti pajjiżi terzi, meta dawn l-annimali jkunu ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u għas-saħħa tal-annimali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 78 u 80 iktar ’il fuq.

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 318/2007 u fuq l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni totali fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi minn pajjiżi terzi.

 Fuq l-allegat ksur serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

149    Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 318/2007 jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn jipprojbixxi l-importazzjoni tal-għasafar selvaġġi kollha meta kienu biss l-għasafar selvaġġi li jpassu li kkawżaw il-firxa tal-influwenza tat-tjur. Ir-rikorrenti jallegaw ukoll ksur ta’ dan il-prinċipju minħabba li, meta awtorizzat l-importazzjoni ta’ għasafar imrobbija fil-magħluq u mhux tal-għasafar selvaġġi, il-Kummissjoni awtorizzat l-importazzjoni tal-iktar kategorija perikoluża ta’ għasafar. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tat-tielet motiv, b’differenza mill-kontestazzjonijiet tagħhom fir-rigward tad-Deċiżjoni 2005/760 u tad-deċiżjonijiet ta’ proroga, ir-rikorrenti ma jsostnux li, meta adottat ir-Regolament Nru 318/2007, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità speċifikament minħabba l-portata ġeografika tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi.

150    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti jqisu li r-Regolament Nru 318/2007 jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-Kummissjoni pprojbixxiet l-importazzjoni tal-għasafar selvaġġi kollha, meta kienu biss l-għasafar selvaġġi li jpassu li kkawżaw il-firxa tal-influwenza tat-tjur, għandu jitfakkar li, fil-premessa 9 tar-regolament imsemmi, il-Kummissjoni mmotivat l-implementazzjoni tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward tal-għasafar selvaġġi kollha b’dan il-mod:

“Rakkomandazzjoni oħra ta’ l-EFSA għandha x’taqsam ma’ l-importazzjoni ta’ l-għasafar maqbuda fis-selvaġġ. L-Opinjoni Xjentifika tidentifika r-riskju kkawżat minn dawk l-għasafar li jistgħu jkunu infettati minħabba tixrid laterali minn għasafar selvaġġi infettati oħrajn mill-ambjent kontaminat, kif ukoll minn propagazzjoni ta’ tjur infettati. Meta jitqies ir-rwol li kellhom l-għasafar migratorji selvaġġi fit-tixrid ta’ l-influwenza tat-tjur mill-Ażja lejn l-Ewropa fl-2005 u fl-2006, huwa xieraq li tkun limitata l-importazzjoni ta’ għasafar, minbarra t-tjur ta’ l-irziezet, għal għasafar imrobbija fil-magħluq biss.”

151    Barra minn hekk, fit-tieni opinjoni tal-EFSA, li fuqha tibbaża ruħha l-Kummissjoni f’dan il-kuntest, huwa spjegat li l-parti l-kbira tal-għasafar selvaġġi importati li ma humiex tjur tar-razzett ma jkunux infettati jew ma jġorrux aġenti ta’ infezzjoni msemmija fil-lista tal-OIE. Madankollu, l-EFSA ppreċiżat, b’mod partikolari, li l-influwenza tat-tjur kienet aġent ta’ infezzjoni kunsiderevoli minħabba l-potenzjali veterinarju u/jew żooniku tagħha. Barra minn hekk, l-EFSA indikat, f’din l-opinjoni, li l-għasafar selvaġġi setgħu jkunu infettati minħabba t-tixrid laterali ta’ marda minn għasafar selvaġġi oħra infettati u minn ambjent ikkontaminat jew minħabba t-tixrid ta’ marda minn tjur tar-razzett infettati.

152    F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-għasafar selvaġġi li jpassu huma sors tal-firxa tal-influwenza tat-tjur. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-opinjoni, tas-27 ta’ Ġunju 2000, tal-Kumitat xjentifiku dwar is-saħħa tal-annimali u dwar il-benesseri tal-annimali tad-Direttorat Ġenerali “Saħħa u konsumaturi” tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-Kumitat xjentifiku”) u mit-tieni opinjoni tal-EFSA, fejn huwa indikat fil-fatt li l-għasafar infettati b’mod kroniku u b’mod partikolari l-Anseriformes jistgħu jibqgħu jxeddu l-virus tal-influwenza tat-tjur għal perijodu itwal minn perijodu ta’ kwarantina ta’ tletin jum.

153    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-għasafar selvaġġi importati minn pajjiżi terzi ma humiex kollha għasafar li jpassu. Fil-fatt, kif tindika l-EFSA fit-tieni opinjoni tagħha, 95 % tal-importazzjonijiet kollha ta’ għasafar huma Passeriformes, Psittaciformes u Galliformes, li ftit minnhom huma għasafar li jpassu. Għaldaqstant, dan il-motiv, waħdu, ma jistax jiġġustifika projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-għasafar selvaġġi kollha.

154    Issa, għal dan il-għan, fir-Regolament Nru 318/2007, il-Kummissjoni tinvoka wkoll ir-riskju ta’ firxa laterali ta’ marda minn għasafar selvaġġi infettati oħra u mill-ambjent ikkontaminat jew ta’ firxa ta’ marda minn tjur tar-razzett infettati.

155    F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li l-għasafar li jpassu jistgħu jinfettaw lill-għasafar selvaġġi jew le, kemm f’pajjiżi terzi kif ukoll fl-Unjoni.

156    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fit-tieni opinjoni tagħha, l-EFSA ppreċiżat li l-infezzjoni ta’ tjur tad-dar minħabba l-importazzjoni ta’ għasafar maqbuda kienet rara u li l-provi ta’ tali infezzjonijiet kienu negliġibbli. L-EFSA indikat ukoll li l-għasafar l-iktar importati, bħalma huma l-Passeriformes u l-Psittaciformes, ma kellhomx rwol kbir fl-epidemjoloġija tal-influwenza tat-tjur. Fl-aħħar nett, l-EFSA indikat, madankollu, li, fid-dawl tar-riskji li jiġu introdotti aġenti ta’ infezzjoni kunsiderevoli fl-Unjoni, il-ħtieġa li titkompla l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda kellha tiġi evalwata b’attenzjoni kbira.

157    Fid-dawl ta’ dawn ir-riskji, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tikkunsidra f’dan il-każ li, fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-għasafar selvaġġi kollha kinitx neċessarja u adegwata jew jekk il-Kummissjoni kien imissha użat miżura inqas oneruża (ara l-punt 98 iktar ’il fuq).

158    Fir-rigward tal-alternattiva li l-għasafar selvaġġi jitqiegħdu fi kwarantina, għandu jiġi osservat li huwa minnu li, fit-tieni opinjoni tagħha, l-EFSA indikat li l-probabbiltà li jinħarġu mill-kwarantina għasafar infettati iżda li s-sintomi jkunu għadhom ma sarux apparenti matul il-kwarantina kienet waħda żgħira. Madankollu, hija rrikonoxxiet li kien hemm ir-riskju li ċerti għasafar jinħarġu mill-kwarantina minkejja li jkunu infettati. Barra minn hekk, mir-rapport DEFRA jirriżulta li, minħabba li l-istorja sanitarja tal-għasafar selvaġġi ma tkunx magħrufa, peress li jkunu nqabdu ftit ta’ żmien qabel l-esportazzjoni tagħhom, l-istat sanitarju tagħhom lanqas ma jkun magħruf.

159    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan ir-riskju u tal-inċertezzi dwar l-istat sanitarju tal-għasafar selvaġġi maqbuda, għandu jiġi konkluż li, meta adottat ir-Regolament Nru 318/2007, il-Kummissjoni la ħadet, fir-rigward ta’ dawn l-għasafar, miżuri manifestament sproporzjonati u lanqas ma qabżet manifestament is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, minħabba li warrbet it-tqegħid fi kwarantina tal-għasafar selvaġġi bħala miżura alternattiva inqas oneruża meta mqabbla mal-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet.

160    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li, meta awtorizzat l-importazzjoni ta’ għasafar imrobbija fil-magħluq, jiġifieri il-kategorija tal-iktar għasafar perikolużi, u mhux ta’ għasafar selvaġġi, il-Kummissjoni kienet kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Insostenn ta’ dan l-ilment, huma jinvokaw ir-rapport tal-professur D. (punt 113 iktar ’il fuq), kif ukoll il-fatt li l-għasafar imrobbija fil-magħluq ikunu naturalment qrib xulxin u li dawn ikunu ħafna iktar spiss f’kuntatt mal-bniedem.

161    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-opinjoni tal-Kumitat xjentifiku, il-provi li juru li l-infezzjonijiet ta’ tjur tad-dar seħħew permezz ta’ annimali li jgħixu fil-libertà huma indiretti iżda kunsiderevoli ħafna. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhomx raġun meta jallegaw li l-għasafar imrobbija fil-magħluq jifformaw il-kategorija tal-iktar għasafar perikolużi f’termini ta’ tixrid tal-virus.

162    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, mill-perspettiva tan-neċessità li jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskji, l-għasafar selvaġġi huma differenti mill-għasafar imrobbija fil-magħluq. Fil-fatt, fil-każ tal-għasafar imrobbija fil-magħluq, huwa possibbli li jiġi impost kontroll sanitarju strett sa mit-twelid tal-għasafar inkwistjoni. Dan il-kontroll jista’ anki jimplika t-trobbija ta’ dawn l-għasafar f’ambjent kompletament magħluq. Fl-opinjoni tal-Kumitat xjentifiku, huwa barra minn hekk indikat li ċerti azjendi ta’ tjur tar-razzett kienu ġew iżolati sabiex jiġi evitat il-kuntatt ma’ għasafar selvaġġi, ħaġa din li, skont wieħed mix-xjentisti ċċitati f’din l-opinjoni, ippermettiet li jitnaqqsu l-każijiet tal-influwenza tat-tjur f’dawn l-azjendi. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-għasafar selvaġġi, tali miżura ta’ protezzjoni sanitarja ma hijiex, mid-definizzjoni ta’ dawn l-għasafar stess, possibbli.

163    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jakkużaw lill-Kummissjoni li adottat miżura manifestament sproporzjonata meta għamlet distinzjoni bejn l-għasafar selvaġġi u l-għasafar imrobbija fil-magħluq.

164    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ilment li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 318/2007 timplika ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

165    F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kuntest tat-tielet motiv dwar il-legalità tar-Regolament Nru 318/2007, ma tressqitx quddiem il-Qorti Ġenerali l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-portata ġeografika tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi (ara, madankollu, il-punti 72, 108 u 109 iktar ’il fuq, dwar l-ewwel u t-tieni motivi li jikkonċernaw il-legalità tad-Deċiżjoni 2005/760 u tad-deċiżjonijiet ta’ proroga), sa fejn tali kontestazzjoni ma tirriżultax b’mod koerenti u li jinftiehem min-noti tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑56/92, Ġabra p. II-1267, punt 21). B’hekk, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dan il-kwistjoni għaliex altrimenti tkun qiegħda tiddeċiedi ultra petita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju u Il-Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, Ġabra p. II-3859, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

166    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 318/2007 huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li r-regoli dwar l-ispezzjonijiet sanitarji applikabbli għat-tjur tar-razzett, għall-ħamiem tat-tlielaq, għall-annimali tad-dar u għall-għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, għal ċirki, għal parks ta’ divertiment jew għal esperimenti huma kunsiderevolment inqas severi minn dawk applikabbli għall-għasafar selvaġġi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw essenzjalment li dan il-prinċipju huwa miksur ukoll minħabba li r-Regolament Nru 318/2007 jawtorizza l-importazzjoni ta’ għasafar imrobbija fil-magħluq li skonthom jirrappreżentaw perikolu ikbar mill-għasafar selvaġġi fir-rigward tat-tixrid tal-virus tal-influwenza tat-tjur.

167    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 2009, Denka International vs Il-Kummissjoni,T‑334/07, Ġabra p. II-4205, punt 169, u l-ġurisprudenza ċċitata).

168    Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk is-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu d-diversi kategoriji ta’ għasafar imsemmija mir-rikorrenti kinux komparabbli jew le.

169    In-natura komparabbli jew le ta’ sitwazzjoni meta mqabbla ma’ sitwazzjoni oħra għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest li fih ikun ġie invokat il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, ġie deċiż li l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura komparabbli tagħhom kellhom b’mod partikolari jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att Komunitarju li għamel id-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li minnu jagħmel parti l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, iċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Kif indikat fil-punt 150 iktar ’il fuq, mill-premessa 9 tar-Regolament Nru 318/2007 jirriżulta li l-esklużjoni tal-għasafar selvaġġi mill-importazzjonijiet fl-Unjoni kienet immotivata mir-riskju ta’ infezzjoni minn dawn l-għasafar.

171    Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk, mill-perspettiva tal-prevenzjoni tar-riskji, l-għasafar selvaġġi humiex differenti mit-tjur tar-razzett, mill-ħamiem tat-tlielaq, mill-annimali tad-dar u mill-għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, għal ċirki, għal parks ta’ divertiment jew għal esperimenti.

172    F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li, fid-dawl tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 318/2007 (ara l-punti 150 sa 157, 161 u 162 iktar ’il fuq), hija setgħet, bħala prinċipji, tagħżel li ma tawtorizzax l-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi bħala kategorija. Is-sempliċi fatt li riskju ta’ livell ekwivalenti għal dak ippreżentat mill-għasafar selvaġġi seta’, jekk ikun il-każ, jiġġustifika li jiġu esklużi wkoll kategoriji oħra ta’ għasafar mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament ma kienx, fih innifsu, ta’ natura tali li jista’ jwassal għal inugwaljanza fit-trattament għad-detriment tal-għasafar selvaġġi, u dan sa fejn ħadd ma jista’ juża l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-osservanza tiegħu għandha tiġi kkonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità, sabiex jinvoka favur tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II-4441, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-għasafar selvaġġi u t-tjur tar-razzett, għandu jiġi osservat li, fit-tieni opinjoni tal-EFSA, ġie indikat li, meta mqabbla mat-tjur tar-razzett, ftit li xejn kienet magħrufa l-prevalenza ta’ mard infettuż u li jittieħed fl-għasafar selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom qabel jinqabdu. Din id-differenza ta’ għarfien fir-rigward tar-riskju marbut mal-prevalenza ta’ mard infettuż u li jittieħed timplika li t-tjur tar-razzett ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-għasafar selvaġġi f’termini ta’ evalwazzjoni tar-riskju.

174    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-għasafar selvaġġi u l-ħamiem tat-tlielaq, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 318/2007 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-“ħamiem tat-tlielaq li huma introdotti fit-territorju tal-[Unjoni] minn pajjiż terz ġar fejn huma normalment residenti u wara jinħelsu immedjatament bl-istennija li huma jtiru lura lejn dak il-pajjiż terz”.

175    F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, fl-ewwel opinjoni tal-EFSA, ġie indikat li l-provi misluta minn esperimenti kienu wrew li kien diffiċli ħafna li ħamiema tiġi infettata bil-virus tal-influwenza tat-tjur, għalkemm kien hemm biżżejjed provi sabiex ma tiġix eskluża l-possibbiltà li l-ħamiem kienu jikkostitwixxu riskju għall-introduzzjoni tal-virus tal-influwenza tat-tjur. F’din l-istess opinjoni, l-EFSA sostniet li ma kienx jidher li l-ħamiem kellu rwol importanti fl-epidemjoloġija tal-influwenza tat-tjur.

176    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jinvokaw ebda prova misluta minn esperimenti li turi li, l-istess bħall-ħamiem, kien ferm diffiċli li l-għasafar selvaġġi jiġu infettati. Għaldaqstant, il-fatt li kien diffiċli ħafna li l-virus tal-influwenza tat-tjur jinfetta lill-ħamiem jiddistingwihom mill-għasafar selvaġġi fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni tar-riskji invokati. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax’ jintlaqa’ f’dan ir-rigward.

177    Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li l-għasafar selvaġġi ma jirrappreżentawx riskju ikbar milli jippreżentaw il-ħamiem, sa fejn, skont l-EFSA, l-iktar għasafar importati ma għandhomx rwol importanti fl-epidemjoloġija tal-influwenza tat-tjur, għandu jiġi kkonstatat li l-eventwali inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta minn dan tkun ikkawżata mis-sempliċi fatt li l-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 318/2007 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament lill-ħamiem tat-tiġrija. Issa, jekk jitqies li din l-esklużjoni hija illegali għar-raġunijiet imsemmija fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, tali illegalità ma tkunx ta’ natura tali li tista’ sservi ta’ bażi għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-għasafar selvaġġi, jew għal ksur suffiċjentement serju ta’ dan il-prinċipju li jiġġustifika li r-rikorrenti jiġu kkumpensati (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).

178    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-għasafar selvaġġi u l-għasafar tad-dar, il-Kummissjoni ġustament tindika li dawn tal-aħħar jgħixu qrib il-proprjetarju tagħhom. Issa, dan il-fatt ma jeskludix li l-imsemmija għasafar jistgħu jiġu infettati mill-virus tal-influwenza tat-tjur. Fil-fatt, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li dawn jgħixu, b’mod ġenerali, b’bini magħluq ma hijiex issostanzjata u huwa plawżibbli, kif isostnu r-rikorrenti, li jiġi kkunsidrat li, f’ċertu numru ta’ pajjiżi, l-għasafar tad-dar jgħixu barra. Ir-riskju li l-għasafar tad-dar ikunu wkoll infettati mill-virus tal-influwenza tat-tjur ġie barra minn hekk irrikonoxxut mill-Kummissjoni sa fejn ħadet miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi fir-rigward ta’ dawn l-għasafar b’reazzjoni għall-iskoperta ta’ ITPGħ fl-għasafar importati u mqiegħda fi kwarantina fiċ-ċentru ta’ kwarantina f’Essex (ara l-punt 92 iktar ’il fuq).

179    Issa, l-għasafar tad-dar jiddistingwu ruħhom mill-għasafar selvaġġi minħabba l-fatt li huma annimali tad-dar u, għaldaqstant, minħabba l-fatt li b’hekk jibbenefikaw, b’mod ġenerali, minn attenzjoni partikolari min-naħa tal-proprjetarju tagħhom, li twassal għal sorveljanza sanitarja addizzjonali.

180    Madankollu, din is-sorveljanza addizzjonali mill-proprjetarji ta’ għasafar tad-dar ma tistax tippermetti lill-Kummissjoni tikkunsidra li r-riskju provenjenti minn dawn l-għasafar kien inqas kunsiderevoli minn dak provenjenti mill-għasafar selvaġġi. Fil-fatt, mit-tieni opinjoni tal-EFSA jirriżulta li, fil-każ ta’ ħafna mill-għasafar importati, is-sintomi jikkostitwixxu indikatur mhux affidabbli ta’ infezzjoni mill-virus tal-influwenza tat-tjur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ressqet ebda argument li permezz tiegħu jista’ jiġi eskluż li dawn l-għasafar jistgħu jkunu wkoll infettati mingħajr ma juru sintomi (ara l-punt 158 iktar ’il fuq).

181    Madankollu, l-inugwaljanza fit-trattament li jirriżulta minn dan hija imputabbli biss lir-regoli speċifiċi applikabbli għall-għasafar tad-dar koperti mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/65 u ma tistax taffettwa l-legalità tar-Regolament Nru 318/2007 sa fejn dan ma jawtorizzax l-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi. Għaldaqstant, din l-inugwaljanza ma tistax tkun ta’ natura tali li sservi ta’ bażi għal ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex ikun iġġustifikat li r-rikorrenti jiġu kkumpensati (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).

182    Fir-raba’ lok, fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-għasafar selvaġġi, minn naħa, u l-għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, għal ċirki, għal parks ta’ divertiment jew għal esperimenti, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li l-kummerċ fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar huwa iktar individwalizzat. Barra minn hekk, hija tinvoka l-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/65, flimkien mal-Anness C ta’ din l-istess direttiva, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex korp, istitut jew ċentru jkunu approvati uffiċjalment.

183    F’dan id-dawl, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivi mressqa mill-Kummissjoni ma jippermettux li tinftiehem ir-raġuni għaliex, fid-dawl tar-riskju li tirrappreżenta, b’mod partikolari, l-influwenza tat-tjur, għandha tiġi pprojbita kull importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi filwaqt li, fil-każ tal-għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, għal ċirki, għal parks ta’ divertiment jew għal esperimenti, l-importazzjoni hija awtorizzata meta jkunu osservati ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet sanitarji. B’mod partikolari, l-affermazzjoni vaga tal-Kummissjoni fis-sens li l-kummerċ ta’ dawn l-għasafar ikun iktar individwalizzat ma tippermettix li jinftiehem kif din in-natura individwalizzata allegatament tillimita r-riskju inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni la tispjega fuq liema bażi hija tikkunsidra li l-għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, għal ċirki, għal parks ta’ divertiment jew għal esperimenti joriġinaw neċessarjament minn korp, istitut jew ċentru approvati uffiċjalment imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/65, u lanqas ma tispjega għaliex ma huwiex possibbli li l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi tkun suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti miżuri sanitarji. Fl-aħħar nett, ma hemm ebda element li jippermetti li jiġi eskluż li għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, għal ċirki, għal parks ta’ divertiment jew għal esperimenti jistgħu jkunu infettati mingħajr ma juru sintomi.

184    Madankollu, l-eventwali inugwaljanza fit-trattament li tista’ tirriżulta minn dan tkun ikkawżata mis-sempliċi fatt li l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 318/2007 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-għasafar maħsuba għal ġonna żooloġiċi, għal ċirki, għal parks ta’ divertiment jew għal esperimenti. Issa, jekk jitqies li l-esklużjoni fiha nfisha ta’ dawn l-għasafar mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament hija illegali għar-raġunijiet indikati iktar ’il fuq, tali illegalità ma tkunx ta’ natura tali li tkun tista’ sservi ta’ bażi għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-għasafar selvaġġi u lanqas, a fortiori, għal ksur suffiċjentement serju ta’ dan il-prinċipju li jiġġustifika li r-rikorrenti jiġu kkumpensati (ara l-punt 172 iktar ’il fuq).

185    Fil-ħames lok, fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-għasafar selvaġġi u l-għasafar imrobbija fil-magħluq, għandu jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 160 sa 163 iktar ’il fuq, hemm differenza oġġettiva mill-perspettiva tar-riskju u tal-miżuri għall-prevenzjoni tar-riskju potenzjali bejn l-għasafar imrobbija fil-magħluq u l-għasafar selvaġġi. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud sa fejn huwa bbażat fuq din id-distinzjoni.

 Fuq l-allegat ksur suffiċjentement serju tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika

186    Ir-rikorrenti jallegaw li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi kkonfermata permezz tar-Regolament Nru 318/2007 għandha l-effett li ċċaħħad mill-kontenut u mill-qofol tagħhom il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika u d-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, rikonoxxuti rispettivament fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

187    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

188    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika u d-dritt għall-proprjetà huma drittijiet fundamentali rikonoxxuti rispettivament fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn id-drittijiet huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà u għal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu effettivament jikkorrispondu għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u bil-kundizzjoni li ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-qofol stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 61, punt 153, u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    Fil-kawża ineżami, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jimmotivawx bi preċiżjoni r-raġunijiet għaliex il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi bis-saħħa tar-Regolament Nru 318/2007 allegatament tikser id-dritt għall-proprjetà tagħhom u l-libertà tagħhom li jeżerċitaw attività ekonomika.

190    Irrispettivament mill-kunsiderazzjoni preċedenti, mill-evalwazzjoni magħmula fil-punt 150 sa 164 iktar ’il fuq fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri adottati bis-saħħa tar-Regolament Nru 318/2007 jirriżulta li dawn il-miżuri għandhom għan leġittimu ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali kontra r-riskju li jinfirex il-virus tal-influwenza tat-tjur, u li dawn il-miżuri ma humiex manifestament sproporzjonati meta mqabbla ma’ dan l-għan. Għalhekk, dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu li huma intervent sproporzjonat u intollerabbli li ppreġudika l-qofol stess tad-drittijiet għall-proprjetà tar-rikorrenti u tal-libertà tagħhom li jeżerċitaw attività ekonomika. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, sa fejn ir-regolament imsemmi jkompli jawtorizza l-importazzjoni ta’ għasafar imrobbija fil-magħluq, l-attività ekonomika ta’ importazzjoni ta’ tali għasafar għadha possibbli.

191    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti fis-sens li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 318/2007 twassal għal ksur suffiċjentement serju tad-dritt għall-proprjetà tagħhom u/jew għal-libertà tagħhom li jeżerċitaw attività ekonomika.

 Konklużjoni intermedjarja

192    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl tal-ilmenti invokati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni, meta adottat ir-Regolament Nru 318/2007, ma wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tipproteġi lill-individwi, ksur li kien ikun ta’ natura tali li jista’ jwassal sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

2.     Konklużjonijiet dwar l-aġir illegali

193    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li, meta adottat kemm id-Deċiżjoni 2005/760 kif ukoll id-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ proroga ta’ din id-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni wettqet diversi illegalitajiet ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Unjoni għall-finijiet tal-kumpens għad-danni li r-rikorrenti ġarrbu minħabba s-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi minn pajjiżi terzi li jagħmlu parti mill-kummissjonijiet reġjonali tal-OIE, u dan sa mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2005/760.

C –  Fuq ir-responsabbiltà minħabba att legali

194    B’mod iktar sussidjarju, ir-rikorrenti jitolbu li jiġu kkumpensati fuq il-bażi tar-responsabbiltà minħabba att legali tal-Unjoni, u dan fid-dawl tal-fatt li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 318/2007, huma setgħux jibqgħu jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom. Iċ-ċaħda definittiva tal-possibbiltà għar-rikorrenti li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija, mingħajr kumpens adegwat, timplika r-responsabbiltà mingħajr tort tal-Unjoni.

195    F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma teżistix sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba l-eżerċizzju legali min-naħa tagħha tal-attivitajiet bħala leġiżlatur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punti 176 u 179). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, sa fejn responsabbiltà mingħajr tort tal-Unjoni tista’ tiġi rrikonoxxuta, tali responsabbiltà tkun teħtieġ li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri r-realtà tad-dannu, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-att ikkonċernat kif ukoll in-natura anormali u speċjali tad-dannu (sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 169).

196    Issa, fil-kawża ineżami, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minbarra l-ineżistenza attwali ta’ sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba att legali, li r-rikorrenti ma jippreċiżawx, fin-noti tagħhom, ir-raġuni għaliex id-dannu li huma qegħdin jallegaw li ġarrbu huwa, irrispettivament mill-ammont eżatt tiegħu, dannu anormali u speċjali, u dan sa fejn l-invokazzjoni ta’ dannu reali u ċert ma hijiex biżżejjed għal dan il-għan.

197    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti invokat b’mod iktar sussidjarju u bbażat fuq ir-responsabbiltà minħabba att legali.

D –  Fuq ir-realtà u fuq il-portata tad-dannu kkawżati mill-atti kkontestati

198    Fir-rigward tar-realtà u tal-portata tad-dannu mġarrab, ir-rikorrenti rriżervaw id-dritt li jindikaw, b’mod iktar preċiż, l-ammont ta’ dan id-dannu fi stadju ulterjuri u li jipprovdi provi addizzjonali insostenn ta’ dan l-ammont. Bl-istess mod, il-Kummissjoni rriżervat id-dritt li tieħu pożizzjoni sussegwentement, b’mod iktar iddettaljat, fir-rigward tad-dannu allegat mir-rikorrenti u fir-rigward tar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir allegatament illegali tagħha.

199    Barra minn hekk, għalkemm, f’anness mar-rikors, ir-rikorrenti pproduċew numru ta’ dokumenti, fosthom diversi ċertifikati ta’ importazzjoni fl-2005 ta’ għasafar selvaġġi minn pajjiżi terzi membri tal-OIE li verament juru n-natura reali u ċerta ta’ dan id-dannu, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura, li tiddeċiedi dwar ir-rilevanza u dwar l-eżattezza tad-data pprovduta u, għaldaqstant, dwar l-ammonti tal-kumpens li l-Unjoni għandha tagħti lil kull wieħed mir-rikorrenti. Peress li l-kwistjoni tal-evalwazzjoni tad-dannu għadha ma tistax tiġi deċiża u għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ekonomija tal-ġudizzju, għandha tingħata deċiżjoni, inizjalment, permezz ta’ sentenza interlokutorja, dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-ammonti tal-kumpens li jirriżulta mill-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni għandha tiġi rriżervata għal fażi ulterjuri, u għandha ssir jew bi ftehim bejn il-partijiet jew, fil-każ li ma jintlaħaqx tali ftehim, mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 23, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2003, CEVA u Pharmacia Enterprises vs Il-Kummissjoni, T‑344/00 u T‑345/00, Ġabra p. II-229, punt 108, u l-ġurisprudenza ċċitata).

200    Fir-rigward tal-kriterju tar-rabta kawżali bejn l-aġir illegali kkonstatat u d-dannu allegat, għandu jiġi ppreċiżat li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens biss id-danni kkawżati direttament mid-Deċiżjoni 2005/760 u mid-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ proroga ta’ din id-deċiżjoni inizjali, sa fejn ipprekludew l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi minn pajjiżi terzi jew minn ċerti żoni ta’ pajjiżi terzi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ma investigatx u ma pprovatx b’mod suffiċjenti, f’dak l-istadju, li kienu jippreżentaw riskju li tinfirex l-influwenza tat-tjur (ara l-punti 84 sa 133 iktar ’il fuq).

201    Għaldaqstant, bla ħsara għal deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet għandhom jiġu mistiedna sabiex jilħqu ftehim dwar dawn l-ammonti fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u sabiex jgħaddulha, f’terminu ta’ tliet xhur, l-ammonti li għandhom jitħallsu u li jkunu stabbiliti bi ftehim jew, jekk ma jintlaħaqx tali ftehim, sabiex jgħaddulha, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom espressi f’ċifri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I‑3061, punti 37 u 38).

 Fuq l-ispejjeż

202    L-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

b’deċiżjoni li ma tagħlaqx il-kawża, taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Unjoni Ewropea għandha tikkumpensa d-dannu mġarrab minn Animal Trading Company (ATC) BV, Avicentra NV, Borgstein birds and Zoofood Trading vof, Bird Trading Company Van der Stappen BV, New Little Bird’s Srl, Vogelhuis Kloeg, u Giovani Pistone minħabba l-adozzjoni u l-implementazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni 2005/760/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2005, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ suspett ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti pajjiżi terzi għall-importazzjoni ta’ għasafar maqbudin, it-tieni nett, tad-Deċiżjoni 2005/862/KE, tat-30 ta’ Novembru 2005, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE dwar il-miżuri għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur f’għasafar oħra għajr it-tjur tal-irziezet, it-tielet nett, tad-Deċiżjoni 2006/79/KE, tal-31 ta’ Jannar 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom, ir-raba’ nett, tad-Deċiżjoni 2006/405/KE, tas-7 ta’ Ġunju 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/710/KE, 2005/734/KE, 2005/758/KE, 2005/759/KE, 2005/760/KE, 2006/247KE u 2006/265/KE rigward ċerti miżuri ta’ protezzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja, il-ħames nett, tad-Deċiżjoni 2006/522/KE, tal-25 ta’ Lulju 2006, li temenda d-Deċiżjonijiet 2005/759/KE u 2005/760/KE rigward ċerti miżuri ta’ ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u l-movimenti ta’ ċerti għasafar ħajjin fil-Komunità, is-sitt nett, tad-Deċiżjoni 2007/21/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Deċiżjoni 2005/760/KE rigward il-miżuri ta’ ħarsien li għandhom x’jaqsmu mal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja u l-importazzjonijiet ta’ għasafar għajr it-tjur [tar-razzett] fil-Komunità, kif ukoll, is-seba’ nett, tad-Deċiżjoni 2007/183/KE, tat-23 ta’ Marzu 2007, li temenda d-Deċiżjoni 2005/760.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-partijiet għandhom jibagħtu lill-Qorti Ġenerali, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, l-ammonti f’ċifri tal-kumpens, stabbiliti bi ftehim bejniethom.

4)      Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-partijiet għandhom jibagħtu lill-Qorti Ġenerali, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom espressi f’ċifri.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Azizi

Frimodt Nielsen

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Preżentazzjoni tar-rikorrenti

B –  Fuq id-Direttivi 91/496 u 92/65

C –  Fuq id-Deċiżjoni 2000/666

D –  Fuq l-ewwel opinjoni tal-EFSA

E –  Fuq id-Deċiżjoni 2005/760

F –  Fuq ir-rapport tal-Grupp nazzjonali ta’ urġenzi epidemjoloġiċi tar-Renju Unit

G –  Fuq l-ewwel erba’ deċiżjonijiet ta’ proroga

H –  Fuq it-tieni opinjoni tal-EFSA

I –  Fuq l-aħħar żewġ deċiżjonijiet ta’ proroga

J –  Fuq ir-Regolament Nru 318/2007

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

B –  Fuq l-eżistenza ta’ aġir illegali

1.  Fuq l-assenza ta’ setgħa tal-Kummissjoni jew fuq in-nuqqas manifest u gravi li tosserva l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taħt il-bażijiet legali li fuqhom huma bbażati l-atti kkontestati

a)  Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2005/760

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas manifest u gravi li jiġu osservati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ diliġenza tagħha

–  Fuq il-portata tal-ewwel motiv

–  Fuq l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496

–  Fuq l-osservanza tad-dmir ta’ diliġenza

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq qbiż tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni minħabba ksur serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

b)  Fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ proroga

Sunt tal-argumenti tal-partijiet

Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2005/862

Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2006/79

Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2006/405

Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2006/522

Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2007/21

Fuq il-legalità tad-Deċiżjoni 2007/183

c)  Fuq il-legalità tar-Regolament Nru 318/2007

Fuq il-portata tal-kontestazzjoni tar-Regolament Nru 318/2007

Fuq l-eżistenza ta’ bażi legali suffiċjenti għar-Regolament Nru 318/2007

Fuq l-allegat ksur serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq l-allegat ksur suffiċjentement serju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq l-allegat ksur suffiċjentement serju tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà li tiġi eżerċitata attivitŕ ekonomika

Konklużjoni intermedjarja

2.  Konklużjonijiet dwar l-aġir illegali

C –  Fuq ir-responsabbiltà minħabba att legali

D –  Fuq ir-realtà u fuq il-portata tad-dannu kkawżati mill-atti kkontestati

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.