Language of document : ECLI:EU:T:2008:258





Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) tat-8 ta’ Lulju 2008 – Huvis vs Il-Kunsill

(Kawża T-221/05)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ fibri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat tal-poliesteri li joriġinaw mill-Korea – Regolament li jwaqqaf reviżjoni interim – Applikazzjoni ta’ metodu differenti minn dak użat waqt l-investigazzjoni inizjali – Ħtieġa ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi – Aġġustament mitlub minħabba spejjeż ta’ kreditu – Termini għall-pagament – Oneru tal-prova – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Artikolu 2(10)(b) u (ġ) u Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 384/96”

1.                     Politika kummerċjali komuni - Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping - Proċedura ta’ reviżjoni - Bdil tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-aġġustament magħmul minħabba t-taxxi fuq l-importazzjoni u t-taxxi indiretti (Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2(10), 11(9) u 17) (ara l-punti 39, 41, 42, 48-51, 55, 60)

2.                     Politika kummerċjali komuni - Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping - Marġni ta’ dumping - Talba għal aġġustament ibbażata fuq l-Artikolu 2(10)(ġ) tar-Regolament Nru 384/96 - Oneru tal-prova (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ, “Kodiċi antidumping” tal-1994, Artikolu 2(4); Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(10)(ġ)) (ara l-punti 71-78, 82, 92, 98-101)

Suġġett

Minn naħa, talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005, tal-10 ta’ Marzu 2005, li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Arabja Sawdita, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2852/2000, li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u li jagħlaq il-proċedura antidumping fir-rigward tat-Tajwan (ĠU L 71, p. 1), u min-naħa l-oħra, talba taħt l-Artikolu 241 KE intiża sabiex jiġu ddikjarati bħala mhux applikabbli d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1), sa fejn dawn isostnu l-konklużjonijiet ikkontestati li jinsabu fir-Regolament Nru 428/2005.

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005, tal-10 ta’ Marzu 2005, li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Arabja Sawdita, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2852/2000, li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u li jagħlaq il-proċedura antidumping fir-rigward tat-Tajwan, huwa annullat, peress li d-dazju antidumping stabbilit għall-esportazzjonijiet fil-Komunità Ewropea tal-prodotti manifatturati u esportati minn Huvis Corp. jeċċedi dak li kien ikun applikabbli li kieku sar aġġustament tal-valur normali abbażi tat-taxxi fuq l-importazzjoni u tat-taxxi indiretti b’applikazzjoni tal-metodu “input” użat waqt l-investigazzjoni inizjali.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u 70 % ta’ dawk ta’ Huvis Corp.

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.