Language of document : ECLI:EU:C:2021:677

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

2 ta’ Settembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2015/2120 – Artikolu 3 – Aċċess għal internet miftuħ – Artikolu 3(1) – Drittijiet tal-utenti finali – Artikolu 3(2) – Projbizzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali li jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali – Artikolu 3(3) – Obbligu ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku – Possibbiltà li jiġu implimentati miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku – Għażla tariffarja supplimentari msejħa ‘tariffa żero’ – Limitazzjoni tal-bandwidth”

Fil-Kawża C‑34/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2020, fil-proċedura

Telekom Deutschland GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Telekom Deutschland GmbH, minn T. Bosch, Rechtsanwalt, u C. Koenig, Universitätsprofessor,

–        għall-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, minn C. Mögelin u F. Groß, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Pagáčová, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, O. Patsopoulou u D. Tsangaraki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, G. Kunnert u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, par M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, L. Nicolae u D. Schaffrin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) sa (3) tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Telekom Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Telekom”) u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (l-Aġenzija Federali għan-Networks tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Ferroviji, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Bundesnetzagentur”), dwar deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonstatat il-ksur minn għażla tariffarja tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u pprojbixxiet iż-żamma mill-introduzzjoni ta’ klawżoli intiżi sabiex jillimitaw il-bandwidth.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 6, 8 u 9 tar-Regolament Nru 2015/2120 jistipulaw:

“(6)      L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni u l-kontenut, u biex jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi mingħajr diskriminazzjoni, permezz tas-servizz tagħhom ta’ aċċess għall-Internet. […]

[…]

(8)      Meta jiġu pprovduti servizzi ta’ aċċess għall-Internet, il-fornituri ta’ dawk is-servizzi għandhom jittrattaw it-traffiku kollu b’mod indaqs, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, indipendentement minn min jibgħat jew minn min jirċievi, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz, jew it-tagħmir tat-terminal. Skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-każistika stabbilita, sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod dment li dan it-trattament ma jiġix ġustifikat b’mod oġġettiv.

(9)      L-objettiv ta’ ġestjoni raġonevoli tat-traffiku hu li jsir kontribut għal użu effiċjenti ta’ riżorsi tan-netwerk u għal ottimizzazzjoni tal-kwalità globali tat-trasmissjoni b’reazzjoni għar-rekwiżiti tal-kwalità teknika oġġettivament differenti tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi ta’ traffiku, u għaldaqstant tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi trasmessi. Il-miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku li jiġu applikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet kummerċjali. Ir-rekwiżit li l-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku jkunu nondiskriminatorji ma jeskludix li, bil-għan li tiġi ottimizzata l-kwalità globali tat-trasmissjoni, il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet jimplimentaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jagħmlu differenza bejn kategoriji oġġettivament differenti ta’ traffiku. Bil-għan li jiġu ottimizzati l-kwalità globali u l-esperjenza tal-utent, kwalunkwe differenzjazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi permessa biss abbażi ta’ rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz (pereżempju, f’termini ta’ latenza, jitter, telfien ta’ pakketti, u wisa’ tal-band) tal-kategoriji speċifiċi tat-traffiku, u mhux abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali. Tali miżuri ta’ differenzjazzjoni għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-għan ta’ ottimizzazzjoni tal-kwalità globali u għandhom jittrattaw it-traffiku ekwivalenti bl-istess mod. Tali miżuri m’għandhomx jinżammu aktar fit-tul minn dak li jkun meħtieġ.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni biex jiġi salvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet marbutin tal-utenti aħħarin.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ”, jiddisponi, fl-ewwel sat-tielet paragrafu tiegħu:

“1.      L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi u jużaw tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-post fejn jinsab l-utent aħħari jew il-fornitur, jew il-post, l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz permezz tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet tagħhom.

[…]

2.      Ftehimiet bejn fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u utenti aħħarin dwar kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi u l-karatteristiċi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet bħall-prezz, il-volumi jew il-veloċità tad-data, u kwalunkwe prattika kummerċjali mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti aħħarin stipulati fil-paragrafu 1.

3.      Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu bl-istess mod, meta jipprovdu servizzi ta’ aċċess għall-Internet, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, u irrispettivament minn min jibgħat u min jirċievi, mill-kontenut aċċessat jew imxerred, mill-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati jew ipprovduti, jew mit-tagħmir terminali użat.

L-ewwel subparagrafu ma għandux jipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Sabiex jitqiesu raġonevoli, dawn il-miżuri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu msejsa fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda fuq rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku. Miżuri bħal dawn m’għandhomx jissorveljaw il-kontenut speċifiku u ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien milli jkun meħtieġ.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx iwettqu miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imniżżla fit-tieni subparagrafu, u b’mod partikolari ma għandhomx jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità ta’, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu fi, jiddegradaw jew jiddiskriminaw bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ dawn, ħlief kif meħtieġ, u biss għal kemm ikun meħtieġ, sabiex:

(a)      ikun hemm konformità mal-atti leġislattivi tal-Unjoni, jew il-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, li għaliha l-fornitur tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet huwa soġġett, jew ma’ miżuri li huma konformi mal-liġi tal-Unjoni li jagħmlu effettivi tali atti leġislattivi tal-Unjoni jew leġislazzjoni nazzjonali, inklużi ordnijiet minn qrati jew awtoritajiet pubbliċi li jkunu ngħataw is-setgħat rilevanti;

(b)      jitħarsu l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz ta’ dak in-netwerk, u tat-tagħmir tat-terminal tal-utenti aħħarin;

(c)      tiġi pprevenuta konġestjoni imminenti tan-netwerk u jittaffew l-effetti ta’ konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja tan-netwerk, sakemm il-kategoriji ekwivalenti tat-traffiku jiġu trattati bl-istess mod.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Telekom hija impriża attiva fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Mid‑19 ta’ April 2017, hija tipproponi lill-klijenti finali tagħha, għal ċerti pakketti tagħha, għażla komplementari (ikklassifikata bħala “Add-on option”) fil-forma ta’ għażla tariffarja mingħajr ħlas tat-tip “tariffa żero” msejħa “Stream On” (li kienet inizjalment teżisti f’varjanti oħra “StreamOn Music”, “StreamOn Music&Video”, “MagentaEINS StreamOn Music” u “MagentaEINS StreamOn Music&Video”). L-attivazzjoni ta’ din l-għażla tippermetti li ma jitnaqqasx il-volum ta’ data kkonsmat mill-użu ta’ streaming ta’ awdjo u ta’ video, imxandar minn sieħba tal-kontenut ta’ Telekom, mill-volum ta’ data inkluż fil-pakkett bażiku, u li l-eżawriment tagħha ġeneralment jagħti lok għal tnaqqis fil-veloċità tat-trażmissjoni.

7        Bl-attivazzjoni tal-għażla tariffarja “StreamOn”, il-klijent finali jaċċetta limitazzjoni tal-bandwidth għal veloċità massima ta’ 1.7 Mbit/s għall-istreaming ta’ video, kemm jekk dawn huma videos mxandra minn sieħba tal-kontenut jew minn fornituri oħra.

8        L-utent finali jista’ jiddiżattiva u jattiva mill-ġdid din l-għażla tariffarja fi kwalunkwe ħin. Jekk huwa ma jattivax mill-ġdid l-imsemmija għażla fi żmien 24 siegħa, il-parametri awtomatiċi marbuta magħha, jiġifieri l-assenza ta’ imputazzjoni fuq il-volum ta’ data inkluża fil-pakkett bażiku kif ukoll il-limitazzjoni tal-bandwidth, huma awtomatikament stabbiliti mill-ġdid.

9        Telekom ma teżiġi ebda remunerazzjoni mill-imsieħba tal-kontenut, iżda s-sħubija magħhom hija suġġetta kemm għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet tekniċi ddefiniti individwalment minn Telekom, kif ukoll għall-konklużjoni ta’ kuntratt.

10      Sabiex timplimenta l-għażla tariffarja kkonċernata, Telekom tipproċedi għal identifikazzjoni doppja tal-kontenut ikkonsmat mill-klijent finali, sabiex tivverifika, minn naħa, jekk dawn humiex videos imxandra kontinwament u, min-naħa l-oħra, jekk il-kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan il-klijent jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-għażla tariffarja. Din l-identifikazzjoni ssir abbażi ta’ indirizzi IP (protokoll tal-internet) u URL (lokalizzazzjoni uniformi ta’ riżorsa), ta’ protokolli, ta’ SNI (indikazzjoni tal-isem tas-server) kif ukoll permezz ta’ tqabbil ta’ mudelli (imsejħa wkoll “pattern-matching”).

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2017, il-Bundesnetzagentur ikkonstata li l-għażla tariffarja kkonċernata ma tosservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, peress li hija suġġetta għal tnaqqis tal-veloċità fit-trażmissjoni ta’ data għall-istreaming ta’ video b’veloċità massima ta’ 1.7 Mbit/s. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku, previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) jew fil-punti (a) sa (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

12      Il-Bundesnetzagentur ipprojbixxiet lil Telekom, minn naħa, milli twettaq limitazzjoni tal-bandwidth għall-istreaming ta’ video li jaqa’ taħt l-imsemmija għażla tariffarja u, min-naħa l-oħra, milli tirrikorri għall-użu tal-klawżoli li jipprevedu tnaqqis tal-bandwidth, kemm fil-kuntratti konklużi mal-fornituri ta’ kontenut, kif ukoll fil-kuntratti konklużi mal-klijenti finali.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2018, il-Bundesnetzagentur ċaħdet l-ilment imressaq minn Telekom bħala infondat. Din tal-aħħar għalhekk ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja).

14      Din tal-aħħar għandha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-għażla tariffarja proposta minn Telekom mal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120.

15      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln), billi qieset li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      Meta tariffa ta’ komunikazzjonijiet mobbli li tinkludi, għat-traffiku tad-data mobbli, volum mensili ta’ data li l-eżawriment tiegħu jwassal għal tnaqqis fil-veloċità ta’ trażmissjoni, u li tista’ tinkludi għażla ta’ tariffa bla ħlas li tippermetti li ċerti servizzi ta’ ‘sieħba tal-kontenut’ tal-impriża ta’ telekomunikazzjoni jintużaw mingħajr ma l-volum ta’ data kkonsmat bl-użu ta’ dawn is-servizzi jiġi paċut mal-volum mensili ta’ data inkluż fit-tariffa ta’ telefonija mobbli inkwistjoni, filwaqt li madankollu l-klijent finali jaċċetta li l-bandwidth tkun limitata għal veloċità massima ta’ 1.7 Mbits/s għal vidjo-streaming, irrispettivament minn jekk dawn il-vidjos jixxandru minn sieħba tal-kontenut jew minn fornituri oħra, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehimiet dwar il-karatteristiċi tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 għandhom josservaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120?

      b)      Jekk il-punt (a) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitazzjoni tal-bandwidth inkwistjoni għandha titqies bħala tnaqqis fil-veloċità ta’ kategorija ta’ servizzi?

      c)      Jekk il-punt b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: il-kunċett ta’ konġestjoni imminenti tan-netwerk fis-sens tal-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri unikament il-konġestjonijiet eċċezzjonali jew temporanji (imminenti)?

      d)      Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: il-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kategoriji ekwivalenti ta’ traffiku jipprekludi limitazzjoni tal-bandwidth, li hija applikabbli unikament f’każ ta’ għażla komplementari u mhux fil-każ ta’ tariffi ta’ telefonija mobbli oħra u, minbarra dan, unikament għall-vidjo-streaming?

      e)      Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitazzjoni tal-bandwidth, li l-applikazzjoni tagħha tiddependi mill-attivazzjoni tal-għażla komplementari, u li barra minn hekk il-klijent finali jista’ jiddiżattiva fi kwalunkwe mument għal tul massimu ta’ 24 siegħa, tosserva r-rekwiżit li kategorija ta’ servizzi ma tistax titwettaq iktar bil-mod ħlief sa fejn ikun neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-punti (a) sa (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3)?

2)      a)      Jekk il-punt (b) tal-ewwel domanda jingħata risposta fin-negattiv: it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-limitazzjoni tal-bandwidth unikament għall-vidjo-streaming hija bbażata fuq rekwiżiti dwar il-kwalità tas-servizz tekniċi li huma oġġettivament differenti minn ċerti kategoriji speċifiċi ta’ traffiku?

      b)      Jekk il-punt (a) tat-tieni domanda jingħata risposta fl-affermattiv: it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 għandha tiġi interpretata fis-sens li identifikazzjoni tat-traffiku ta’ data ġġenerat mill-vidjo-streaming permezz tal-indirizzi IP, protokolli, URL u SNI kif ukoll permezz tal-hekk imsejjaħ “pattern matching”, li jippermetti li ċerta informazzjoni tal-header tiġi pparagunata mal-valuri tipiċi tal-vidjo-streaming, tikkostitwixxi sorveljanza tal-kontenut partikolari tat-traffiku?

3)            Jekk il-punt (a) tal-ewwel domanda jingħata risposta fin-negattiv: l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitazzjoni tal-bandwidth unikament għall-vidjo-streaming tirrestrinġi d-dritt tal-utenti finali fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120?”

 Fuq id-domandi preliminari

16      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120 għandux jiġi interpretat fis-sens li limitazzjoni tal-bandwidth, minħabba l-attivazzjoni ta’ għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, applikata għall-istreaming ta’ video, kemm jekk imxandar minn operaturi msieħba jew minn fornituri oħra ta’ kontenut, hija inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

17      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li għażla tariffarja msejħa “tariffa żero” hija prattika kummerċjali li permezz tagħha fornitur tal-aċċess għall-internet japplika “tariffa żero” jew iktar vantaġġuża, għat-traffiku kollu jew parti minnu relatat ma’ applikazzjoni jew kategorija ta’ applikazzjonijiet speċifiċi, proposti mill-imsieħba tal-imsemmi fornitur tal-aċċess. Għalhekk, din id-data ma tingħaddx mill-volum ta’ data mixtri fil-kuntest tal-pakkett bażiku. Tali għażla, proposta fil-kuntest ta’ pakketti limitati, tippermetti għalhekk lill-fornituri ta’ aċċess għall-internet iżidu l-attrazzjoni tal-offerta tagħhom.

18      Għalhekk, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huma intiżi sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-legalità tal-kundizzjonijiet tal-użu marbuta ma’ għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, huma bbażati fuq il-premessa li tali għażla tariffarja hija fiha nnifisha kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120, li permezz tiegħu l-leġiżlatur ried jistabbilixxi l-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ newtralità tal-internet.

19      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, jistabbilixxi d-dritt tal-utenti finali mhux biss li jaċċedu għall-informazzjoni u għall-kontenut, li jużaw applikazzjonijiet u servizzi, li jxandru informazzjoni u kontenut, iżda wkoll li jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi.

20      Bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, minn naħa, il-ftehimiet konklużi bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u l-utenti finali, u, min-naħa l-oħra, il-prattiki kummerċjali implimentati minn dawn il-fornituri, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, kif stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu.

21      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 qabel kollox jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, ikunu xi jkunu, b’mod partikolari, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati.

22      Dan l-Artikolu 3(3) jistabbilixxi, sussegwentement, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li l-ewwel subparagrafu tiegħu ma jipprekludix lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku, billi jippreċiża li, sabiex jitqiesu raġonevoli, tali miżuri għandhom, l-ewwel, ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, it-tieni, ikunu bbażati mhux fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali, iżda fuq differenzi tekniċi oġġettivi bejn ċerti kategoriji ta’ traffiku, u, it-tielet, ma għandhomx jikkonċernaw is-sorveljanza tal-kontenut u ma għandhomx jinżammu għal iktar żmien milli meħtieġ.

23      Fl-aħħar, l-imsemmi Artikolu 3(3) jipprevedi, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet ma għandhomx japplikaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tiegħu u, b’mod partikolari, li huma għandhom jastjenu milli jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu, jiddegradaw jew jittrattaw b’mod diskriminatorju applikazzjonijiet, kategoriji ta’ applikazzjonijiet, servizzi jew kategoriji ta’ servizzi speċifiċi, ħlief jekk dan ikun neċessarju, matul perijodu partikolari, jew sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni, ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni jew ma’ miżuri li jagħtu effett għal dawn l-atti leġiżlattivi jew għal din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew sabiex tinżamm l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz tiegħu kif ukoll tagħmir terminali tal-utenti finali, sabiex ikun hemm prevenzjoni tal-konġestjoni tan-network jew sabiex jitnaqqsu l-effetti tagħha.

24      Dawn id-diversi dispożizzjonijiet huma intiżi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/2120 li jiggarantixxu t-trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet kif ukoll id-drittijiet konnessi tal-utenti finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punti 23 sa 27).

25      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża li, meta l-aġir ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet ikun inkompatibbli mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, huwa possibbli li wieħed jastjeni milli jiddetermina jekk dan l-aġir huwiex konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punt 28).

26      Konsegwentement, nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ trattament ugwali tat-traffiku kollu ma jistax jiġi ġġustifikat skont il-prinċipju ta’ libertà kuntrattwali, irrikonoxxut fl-Artikolu 3(2) tal-istess regolament.

27      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 jipprekludi kull miżura li tmur kontra l-obbligu ta’ trattament ugwali tat-traffiku meta tali miżura tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali.

28      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, ikkunsidrat fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet obbligu ġenerali ta’ trattament ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza tat-traffiku, li fl-ebda każ ma jista’ jkun hemm deroga minnu permezz ta’ prattiki kummerċjali implimentati minn dawn il-fornituri jew minn ftehimiet konklużi minnhom ma’ utenti finali (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punt 47).

29      Sussegwentement, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, kif ukoll mill-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, li fid-dawl ta’ dan is-subparagrafu għandu jiġi kkunsidrat, jirriżulta li, filwaqt li huma obbligati josservaw dan l-obbligu ġenerali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet iżommu l-possibbiltà li jadottaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Madankollu, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li tali miżuri jkunu bbażati fuq “rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku” u mhux fuq “kunsiderazzjonijiet kummerċjali”. B’mod partikolari, għandha titqies bħala li hija bbażata fuq tali “kunsiderazzjonijiet kummerċjali” kull miżura ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet lejn kull utent finali, li jwassal, mingħajr ma jkunu bbażati fuq tali differenzi oġġettivi, li ma jiġux ittrattati b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni l-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi proposti mill-fornituri differenti ta’ kontenut, ta’ applikazzjonijiet jew ta’ servizzi (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punt 48).

30      Issa, għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tagħmel, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali, distinzjoni fi ħdan it-traffiku tal-internet, billi ma tgħoddx mill-pakkett bażiku t-traffiku lejn applikazzjonijiet imsieħba. Konsegwentement, tali prattika kummerċjali ma tissodisfax l-obbligu ġenerali ta’ trattament ugwali tat-traffiku, mingħajr diskriminazzjoni jew interferenza, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120.

31      Għandu jiġi enfasizzat li dan in-nuqqas, li jirriżulta min-natura stess ta’ tali għażla tariffarja minħabba l-inċentiv li jirriżulta minnha, jippersisti indipendentement mill-possibbiltà eventwali li jkompli, jew le, aċċess liberu għall-kontenut ipprovdut mill-imsieħba tal-fornitur tal-aċċess għall-internet, wara l-eżawriment tal-pakkett bażiku.

32      Barra minn hekk, ftit jimporta li tali għażla taqa’ taħt ftehim, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jew li hija intiża li tissodisfa domanda reali tal-klijent jew tal-fornitur tal-kontenut.

33      Fl-aħħar, l-eċċezzjonijiet previsti għall-miżuri ta’ ġestjoni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, tali miżuri ma jistgħux ikunu bbażati fuq strateġiji kummerċjali segwiti mill-fornitur tal-aċċess għall-internet.

34      Mill-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-limitazzjoni tal-bandwidth, li dwarha jittrattaw id-domandi kollha magħmula minn din il-qorti, tapplika biss minħabba l-attivazzjoni tal-għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”.

35      Issa, peress li tali għażla tariffarja tmur kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, din il-kuntrarjetà tissussisti, indipendentement mill-forma jew min-natura tal-kundizzjonijiet ta’ użu marbuta mal-għażliet tariffarji proposti, bħal-limitazzjoni tal-bandwidth fil-kawża prinċipali.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li limitazzjoni tal-bandwidth, minħabba l-attivazzjoni ta’ għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, applikata għall-istreaming ta’ video, kemm jekk imxandar minn operaturi msieħba jew minn fornituri oħra ta’ kontenut, hija inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li limitazzjoni tal-bandwidth, minħabba l-attivazzjoni ta’ għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, applikata għall-istreaming ta’ video, kemm jekk imxandar minn operaturi msieħba jew minn fornituri oħra ta’ kontenut, hija inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.