Language of document : ECLI:EU:C:2016:917

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikoli 1 sa 3 – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà – Eżistenza ta’ ‘diżabbiltà’ – Kunċett ta’ ‘inkapaċitajiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi dewwiema’ – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 3, 15, 21, 30, 31, 34 u 35 – Tkeċċija ta’ ħaddiem f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, għal żmien indeterminat”

Fil-Kawża C‑395/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social n 33 de Barcelona (qorti tax-xogħol Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Mohamed Daouidi

vs

Bootes Plus SL,

Fondo de Garantía Salarial,

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Daouidi, minn G. Pérez Palomares, avukat,

–        għall-Ministerio Fiscal, minn A. C. Andrade Ortiz,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. De Bergues, D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 15, tal-Artikolu 21(1), tal-Artikoli 30, 31, tal-Artikolu 34(1) u tal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Mohamed Daouidi u, min-naħa l-oħra, Bootes Plus SL, il-Fondo de Garantía Salarial (fond ta’ garanzija salarjali, Spanja) kif ukoll il-Ministerio Fiscal (ministeru pubbliku, Spanja), dwar it-tkeċċija ta’ M. Daouidi waqt li huwa kien f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, għal żmien indeterminat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-ONU”), tistabbilixxi fil-punt e) tal-preambolu tagħha:

“Filwaqt li jagħrfu li d-diżabbiltà hija kunċett li qed jevolvi u li d-diżabbiltà tirriżulta mill-effett reċiproku bejn il-persuni bi ħsara fis-saħħa l-barrieri ta’ attitudni u ambjentali li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Għan”:

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dwak li għandom ħsarat fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fit-tielet paragrafu tiegħu:

“‘Diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà’ tfisser kwalunkwe distinzjoni, esklużjoni jew restrizzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li għandha l-għan jew effett li tfixkel jew ixxejjen l-għarfien, it-tgawdija jew l-eżerċitar, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fil-qasam politiku, ekonomiku, soċjali, kulturali, ċivili jew fi kwalunkwe qasam ieħor. Din tinkludi il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, inkluża ċ-ċaħda ta’ aġevolezza raġonevoli”.

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Skont il-premessi 11, 12, 15 u 31 tad-Direttiva 2000/78:

“(11) Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)      B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. […]

[…]

(15)      L-aprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu, b’mod partikolari illi d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b’kull mezz inkluż dak abbażi tal-prova statistika.

[…]

(31)      Ir-regoli dwar il-piż tal-prova [oneru tal-prova] għandhom jiġu addattati meta jkun hemm kaz prima facie ta’ diskriminazzjoni u, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament biex jiġi applikat effettivament, il-piż tal-prova [oneru tal-prova] għandu jiġi spustat fuq il-konvenut meta tinġjieb prova ta’ din id-diskriminazzjoni. Madankollu, il-piż [l-oneru] ma jkunx fuq il-konvenut li jipprova illi l-attur jappartjeni għal reliġjon partikulari jew għandu konvinzjoni jew diżabilità jew età jew orjentazzjoni sesswali, partikolari.”

7        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jistipula:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

8        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)      fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.”

9        L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

10      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-piż tal-prova [l-oneru tal-prova]”, jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 5 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri li huma neċessarji, skond is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji tagħhom, biex jiżguraw li, meta persuni li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin minħabba li l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament ma ġiex applikat lilhom, jippruvaw quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom wieħed jista’ jippresumi li kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, il-prova li ma kienx hemm ksur prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tgħaddi fuq il-konvenut.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni l-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta’ prova li huma aktar favorevoli għal min jagħmel l-ilment.

[…]

5.      L-Istati Membri m’humiex obbligati japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri li fihom il-qorti jew korp kompetenti jkunu obbligati jinvestigaw il-fatti tal-każ.”

 Id-dritt Spanjol

11      L-Artikolu 9(2) tal-Kostituzzjoni jistipula:

“L-awtoritajiet pubbliċi għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu li l-libertà u l-ugwaljanza tal-individwu u tal-gruppi li jagħmel parti minnhom ikunu reali u effettivi, li jneħħu l-ostakoli li jipprevjenu jew ifixklu l-iżvilupp tiegħu u li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kollha fil-ħajja politika, ekonomika, kulturali u soċjali.”

12      L-Artikolu 14 ta’ din il-kostituzzjoni jipprevedi:

“L-Ispanjoli huma ugwali quddiem il-liġi, u ma tista’ issir ebda diskriminazzjoni minħabba twelid, razza, sess, reliġjon, opinjoni, jew kwalunkwe kundizzjoni jew ċirkustanza personali jew soċjali oħra.”

13      L-Artikolu 15 tal-imsemmija kostituzzjoni jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja u għall-integrità fiżika u morali. Ħadd ma għandu, f’kull każ, ikun issuġġettat għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti. Il-piena tal-mewt hija abolita, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjonijiet previsti fi żmien ta’ gwerra bil-liġijiet kriminali militari.”

14      L-Artikolu 55 tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar l-istatut tal-ħaddiema), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad‑29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“istatut tal-ħaddiema”), huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 3 sa 6 tiegħu:

“3.      It-tkeċċija hija kklassifikata bħala fondata, abbużiva jew nulla.

4.      It-tkeċċija tkun meqjusa fondata meta n-nuqqas allegat mill-persuna li timpjega fl-avviż ta’ tkeċċija jkun ipprovat. Din tkun abbużiva fil-każ kuntrarju jew meta r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma jkunux ġew osservati.

5.      Kull tkeċċija li jkollha bħala raġuni waħda mill-kawżi ta’ diskriminazzjoni pprojbiti mill-Kostituzzjoni jew mil-liġi, jew li tirriżulta minn ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi tal-ħaddiem hija nulla. […]

6.      In-nullità ta’ tkeċċija għandha bħala effett ir-reintegrazzjoni immedjata tal-ħaddiem, bi ħlas tas-salarji mhux imħallsa.”

15      L-Artikolu 56(1) tal-imsemmi statut jistabbilixxi:

“Meta t-tkeċċija tiġi ddikjarata abbużiva, il-persuna li timpjega, fi żmien ħamest ijiem min-notifika tas-sentenza, għandha tirreintegra lill-impjegat fl-impriża, kif ukoll tħallsu danni ekwivalenti għal 33 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz, bil-perijodi ta’ inqas minn sena jittieħdu inkunsiderazzjoni pro rata fuq il-bażi tax-xhur maħduma, b’massimu ta’ 24 pagament mensili. Fil-każ ta’ kumpens, il-kuntratt ta’ xogħol jintemm u jitqies li jkun intemm fid-data li fiha l-ħaddiem ikun effettivament waqaf jaħdem.”

16      L-Artikolu 96(1) tal-Ley 36/2011, reguladora de la jurisdicción social (Liġi 36/2011, dwar ir-regolamentazzjoni tal-ġurisdizzjoni soċjali), tal‑10 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 245, tal‑11 ta’ Ottubru 2011, p. 106584), jipprevedi:

“Meta l-allegazzjonijiet tar-rikorrent jippermettu li jiġi konkluż li jeżistu indikazzjonijiet serji ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-orjentazzjoni jew l-identità sesswali, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età, il-fastidju jew kwalunkwe ipoteżi oħra ta’ ksur ta’ dritt fundamentali jew ta’ libertà pubblika, huwa l-konvenut li għandu jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli, suffiċjentement fondata, tal-miżuri adottati u l-proporzjonalità tagħhom.”

17      L-Artikolu 108(1) u (2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“1.      Fid-dispożittiv tas-sentenza, il-qorti għandha tikklassifika t-tkeċċija bħala fondata, abbużiva jew nulla.

Din hija kklassifikata bħala fondata meta n-nuqqas allegat mill-persuna li timpjega fl-avviż ta’ tkeċċija jkun ipprovat. Fil-każ kuntrarju jew meta r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 55(1) tal-[istatut tal-ħaddiema] ma jkunux ġew osservati, din għandha tiġi kklassifikata bħala abbużiva.

[…]

2.      Kull tkeċċija li għandha bħala raġuni waħda mill-kawżi ta’ diskriminazzjoni previsti mill-Kostituzzjoni jew mil-liġi, jew li tirriżulta minn ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi rrikonoxxuti lill-ħaddiem hija nulla.

[…]”

18      L-Artikolu 110(1) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“Jekk it-tkeċċija tiġi ddikjarata abbużiva, il-persuna li timpjega għandha tiġi kkundannata tirreintegra lill-ħaddiem fl-istess kundizzjonijiet li kien jibbenefika minnhom qabel it-tkeċċija u tħallsu l-arretrati fuq is-salarju li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 56(2) tal-[istatut tal-ħaddiema] jew, skont l-għażla tagħha, tħallsu allowance li l-ammont tagħha jiġi stabbilit f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56(1) tal-[istatut tal-ħaddiema] […]”

19      L-Artikolu 113 tal-istess liġi jistipula:

“Jekk it-tkeċċija tiġi ddikjarata nulla, il-persuna li timpjega għandha tiġi kkundannata tirreintegra immedjatament lill-ħaddiem u tħallsu l-arretrati fuq is-salarju. […]”

20      L-Artikolu 181(2) tal-Liġi 36/2011 jipprevedi:

“Ladarba tintwera l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li hemm ksur tad-dritt fundamentali jew tal-libertà pubblika, huwa l-konvenut li għandu jipprovdi, matul is-seduta, ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli, suffiċjentement appoġġata, tal-miżuri adottati u l-proporzjonalità tagħhom.”

21      L-Artikolu 2 tar-Real Decreto Legislativo 1/2013, por el que se aprueba el Texto Refundido de la Ley General de derechos de las personas con discapacidad y de su inclusión social (Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2013, li jirriformula l-liġi ġenerali dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-integrazzjoni soċjali tagħhom), tad‑29 ta’ Novembru 2013 (BOE Nru 289, tat‑3 ta’ Diċembru 2013, p. 95635), tinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

a)      ‘diżabbiltà’ tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-persuni li għandhom inkapaċitajiet ta’ natura dewwiema li flimkien ma’ diversi ostakoli jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.

[…]

c)      ‘diskriminazzjoni diretta’ tirrigwarda s-sitwazzjoni li tinsab fiha persuna b’diżabbiltà meta tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn oħra f’sitwazzjoni simili, abbażi ta’ jew minħabba d-diżabbiltà tagħha.

d)      ‘diskriminazzjoni indiretta’ teżisti meta dispożizzjoni leġiżlattiva, klawżola kuntrattwali, ftehim individwali, deċiżjoni unilaterali, kriterju jew prattika, jew anki ambjent, prodott jew servizz, apparentement newtrali, jistgħu joħolqu żvantaġġ partikolari għal persuna meta mqabbla ma’ oħra, abbażi ta’ jew minħabba d-diżabbiltà tagħha, sakemm dawn ma jissodisfawx, oġġettivament, għan leġittimu u li l-metodi użati sabiex jintlaħaq dan ma humiex xierqa u meħtieġa.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Fis‑17 ta’ April 2014, M. Daouidi tqabbad minn Bootes Plus sabiex jaħdem bħala persuna li tgħin fil-kċina f’wieħed mir-ristoranti f’lukanda f’Barcelona (Spanja).

23      F’dan ir-rigward, M. Daouidi u Bootes Plus ikkonkludew kuntratt ta’ xogħol okkażjonali ġġustifikat minn żieda fl-ammont ta’ xogħol fir-ristorant, għal perijodu ta’ tliet xhur, għal 20 siegħa fil-ġimgħa. Dan il-kuntratt kien jipprevedi perijodu ta’ prova ta’ 30 jum. Fl‑1 ta’ Lulju 2014, M. Daouidi u Bootes Plus qablu li jibdlu l-imsemmi kuntratt ta’ xogħol part-time għal kuntratt full-time ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa.

24      Fil‑15 ta’ Lulju 2014, il-kuntratt ta’ M. Daouidi ġie estiż għal disa’ xhur u l-iskadenza tiegħu ġiet stabbilita għas‑16 ta’ April 2015. Ix-xeff kien favur din l-estensjoni, bħalma kien approva wkoll il-bidla mill-kuntratt ta’ xogħol part-time ta’ M. Daouidi għal kuntratt full-time.

25      Fit‑3 ta’ Ottubru 2014, M. Daouidi żelaq fuq l-art tal-kċina tar-ristorant li kien jaħdem fih, li kkawżatlu żlugar tal-minkeb tax-xellug, li kellu jitqiegħed fil-ġibs. Dakinhar stess M. Daouidi nieda l-proċedura intiża għar-rikonoxximent tal-inkapaċità temporanja tiegħu għax-xogħol.

26      Ġimagħtejn wara dan l-inċident fuq il-post tax-xogħol, ix-xeff ikkuntattja lil M. Daouidi sabiex jistaqsih dwar l-istat tas-saħħa tiegħu u esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tad-dewmien tas-sitwazzjoni tiegħu. M. Daouidi wieġbu li huwa ma setax imur lura għax-xogħol b’mod immedjat.

27      Fis‑26 ta’ Novembru 2014, meta kienu għadu f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, M. Daouidi rċieva avviż ta’ tkeċċija dixxiplinari minn Bootes Plus, imfassla bil-mod li ġej:

“Jiddispjaċina ninformawk li aħna ħadna d-deċiżjoni li ntemmu r-relazzjoni ta’ xogħol li torbtok mal-impriża tagħna u li nkeċċuk b’effett immedjat fid-data tal-lum. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba l-fatt li inti ma tissodisfax l-aspettattivi tal-impriża u ma lħaqtx il-prestazzjoni li din tqis adegwata biex twettaq kompiti li jikkorrispondu għall-pożizzjoni tax-xogħol tiegħek. Dawn il-fatti huma suġġetti għal tkeċċija f’konformità [mal-istatut tal-ħaddiema].”

28      Fit‑23 ta’ Diċembru 2014, M. Daouidi adixxa l-Juzgado de lo Social n° 33 de Barcelona (qorti tax-xogħol Nru 33 ta’ Barcelona, Spanja) b’rikors intiż, prinċipalment, għan-nullità tat-tkeċċija tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 108(2) tal-Liġi 36/2011.

29      F’dan ir-rigward, M. Daouidi argumenta, minn naħa, li t-tkeċċija tiegħu kienet tikser id-dritt fundamentali tiegħu għall-integrità fiżika, stabbilit fl-Artikolu 15 tal-Kostituzzjoni, b’mod partikolari għaliex il-maniġer tar-ristorant kien talbu jidħol lura għax-xogħol fi tmiem il-ġimgħa tas‑17 sad‑19 ta’ Ottubru 2014, li huwa ma setax jagħmel. Min-naħa l-oħra, din it-tkeċċija hija diskriminatorja għaliex il-vera raġuni warajha hija l-inkapaċità temporanja b’riżultat tal-inċident tiegħu fuq il-post tax-xogħol u li, b’mod partikolari, konsegwentement taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78 u tas-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222).

30      Sussidjarjament, M. Daouidi talab lil din il-qorti tiddikjara t-tkeċċija tiegħu bħala “abbużiva”, fis-sens tal-Artikolu 108(1) tal-Liġi 36/2011.

31      Il-qorti tar-rinviju tindika li jeżistu biżżejjed fatti sabiex jitqies li, minkejja li t-tkeċċija ta’ M. Daouidi tidher u għandha l-forma ta’ tkeċċija għal raġuni dixxiplinari, ir-raġuni vera warajha hija l-inkapaċità għax-xogħol għal żmien indeterminat li tirriżulta mill-inċident fuq il-post tax-xogħol li M. Daouidi kien vittma tiegħu.

32      Skont din il-qorti, mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (qorti suprema tal-ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja), tat-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja) u tat-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali, Spanja) jirriżulta li tkeċċija bbażata fuq il-mard jew fuq sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol ma titqiesx bħala diskriminatorja, bir-riżultat li din it-tkeċċija ma tistax titqies bħala “nulla” fis-sens tal-Artikolu 108(2) tal-Liġi 36/2011.

33      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali tkeċċija hijiex kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni sa fejn din tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tad-dritt għal protezzjoni minn kull tkeċċija mingħajr ġustifikazzjoni, tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi tas-sigurtà soċjali kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa, stabbiliti fl-Artikolu 21(1), fl-Artikoli 30, 31, fl-Artikolu 34(1) u fl-Artikolu 35 tal-Karta, rispettivament.

34      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-“diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Qabel kollox, il-limitazzjoni li jbati minnha M. Daouidi wara li żloga l-minkeb hija manifesta. F’dan ir-rigward, din il-qorti tispeċifika li, dakinhar tas-seduta quddiemha fil-kawża prinċipali, jiġifieri madwar sitt xhur wara l-inċident fuq il-post tax-xogħol ta’ M. Daouidi, il-minkeb tax-xellug tiegħu kien għadu fil-ġibs. Sussegwentement, il-persuna li timpjega lil M. Daouidi qieset li l-perijodu tal-inkapaċità tiegħu għax-xogħol kien twil wisq, inkompatibbli mal-interessi tagħha, bir-riżultat li l-kundizzjoni dwar in-natura “dewwiema” tal-limitazzjoni hija ssodisfatta. Fl-aħħar nett, din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tostakola l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ M. Daouidi għall-ħajja professjonali bl-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema l-oħrajn.

35      Fil-każ li t-tkeċċija ta’ M. Daouidi seħħet bi ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni, din it-tkeċċija għandha tiġi ddikjarata nulla, u mhux biss abbużiva.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social n° 33 de Barcelona (qorti tax-xogħol Nru 33 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ tinkludi fil-kamp ta’ projbizzjoni u ta’ protezzjoni tagħha d-deċiżjoni ta’ impriża li tkeċċi ħaddiem, li sa dak il-mument kien stmat professjonalment, sempliċement minħabba l-fatt li, għal żmien indeterminat, jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol meta qiegħed isegwi trattament mediku u jirċievi allowances tas-sigurtà soċjali?

2)      L-Artikolu 30 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni li jibbenefika minnha ħaddiem vittma ta’ tkeċċija manifestament arbitrarja u infondata għandha tkun prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal kull tkeċċija li tikser dritt fundamentali?

3)      Id-deċiżjoni ta’ impriża li tkeċċi ħaddiem, sa dak il-mument stmat professjonalment, sempliċement minħabba l-fatt li, għal żmien indeterminat, jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol meta qiegħed jieħu trattament mediku u jirċievi allowances tas-sigurtà soċjali, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 3, 15, 31, 34(1) u 35(1) tal-Karta (jew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed jew iktar minnhom biss)?

4)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tliet domandi preċedenti (jew għal waħda minnhom) u fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li d-deċiżjoni li jitkeċċa ħaddiem, sa dak il-mument stmat professjonalment, sempliċement minħabba l-fatt li, għal żmien indeterminat, jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, meta qiegħed jieħu trattament mediku u jirċievi allowances tas-sigurtà soċjali, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-artikoli tal-[Karta], il-qorti nazzjonali tista’ tapplika dawn l-artikoli sabiex tiddeċiedi tilwima bejn individwi, jew għaliex, skont jekk huwiex każ ta’ ‘dritt’ jew ta’ ‘prinċipju’, dawn għandhom jingħataw effett orizzontali jew għaliex għandu jiġi applikat il-‘prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi’?

5)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-erba’ domandi preċedenti, id-deċiżjoni tal-impriża li tkeċċi ħaddiem, sa dak il-mument stmat professjonalment, sempliċement minħabba l-fatt li, għal żmien indeterminat, jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘diskriminazzjoni diretta bbażata fuq diżabiltà’ bħala raġuni ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Direttiva 2000/78/KE?”

 Fuq il-ħames domanda

37      Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li persuna tinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, għal żmien indeterminat, minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, jimplika, fih innifsu, li l-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ din il-persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala “dewwiema”, fis-sens tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” kopert minn din id-direttiva.

38      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti f’dan l-artikolu, li fosthom tinsab id-diżabbiltà. Konformement mal-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni Ewropea, għall-persuni kollha, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

39      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-istat ta’ M. Daouidi, li tkeċċa meta kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, għal żmien indeterminat, jaqax taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà” fis-sens tal-imsemmija direttiva.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni tal-ONU dwar id-diżabbiltà bid-Deċiżjoni 2010/48. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jifformaw parti integrali, b’effett mid-dħul fis-seħħ tagħha, mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, Z., C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mill-appendiċi tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, fir-rigward tal-awtonomija u l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol u l-impjieg, id-Direttiva 2000/78 tinsab fost l-atti tal-Unjoni li ttrattaw il-kwistjonijiet irregolati minn din il-konvenzjoni.

41      Minn dan jirriżulta li l-imsemmija konvenzjoni tista’ tiġi invokata sabiex tiġi interpretata din id-direttiva, li għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi mal-istess konvenzjoni (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 32, kif ukoll tat‑18 ta’ Marzu 2014, Z., C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 75).

42      Huwa għalhekk li, wara r-ratifika mill-Unjoni tal-Konvenzjoni tal-ONU, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem bħala limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi dewwiema, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħrajn (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 38; tat‑18 ta’ Marzu 2014, Z., C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 76, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, FOA, C‑354/13, EU:C:2014:2463, punt 53).

43      Sussegwentement, l-espressjoni “persuni b’dizabilità” użata fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva għandha tiġi interpretata li tkopri l-persuni kollha milquta b’diżabbiltà li tikkorrispondi mad-definizzjoni stabbilita fil-punt preċedenti (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑312/11, mhux ippubblikata, EU:C:2013:446, punt 57).

44      Għandu jingħad ukoll li l-imsemmija direttiva tkopri b’mod partikolari d-diżabbiltajiet ta’ oriġini aċċidentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 40).

45      Konsegwentement, jekk inċident jinvolvi limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn ħsarat fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħrajn, u jekk din il-limitazzjoni hija għal perijodu twil, din tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 41).

46      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li M. Daouidi kien vittma ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol u li huwa żloga l-minkeb tax-xellug, li kellu jitpoġġa fil-ġibs. Għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, tali stat fiżiku huwa riversibbli.

47      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, dakinhar tas-seduta quddiemha fil-kawża prinċipali, jiġifieri madwar sitt xhur wara dan l-inċident fuq il-post tax-xogħol, il-minkeb ta’ M. Daouidi kien għadu fil-ġibs u konsegwentement dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa stabbilit li M. Daouidi sofra limitazzjoni tal-kapaċità tiegħu, li tirriżulta minn ħsara fiżika. Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk M. Daouidi jistax jitqies li huwa “persuna b’diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, u għalhekk jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, għandu jiġi eżaminat jekk din il-limitazzjoni tal-kapaċità tiegħu, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħrajn, hijiex “dewwiema”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

49      Il-Konvenzjoni tal-ONU ma tiddefinixxix il-kunċett tan-natura “dewwiema” ta’ inkapaċità fiżika, mentali, intellettwali jew fis-sensi. Id-Direttiva 2000/78 la tiddefinixxi l-kunċett ta’ “diżabbiltà” u lanqas tistabbilixxi l-kunċett tan-natura “dewwiema” tal-limitazzjoni tal-kapaċità tal-persuna, fis-sens tal-imsemmi kunċett.

50      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi, C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 36).

51      Fin-nuqqas ta’ tali riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ limitazzjoni “dewwiema” tal-kapaċità tal-persuna, fis-sens tal-kunċett tad-“diżabbiltà” kopert mid-Direttiva 2000/78, għandu għalhekk ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi.

52      Minn dan jirriżulta li l-fatt li M. Daouidi jaqa’ taħt is-sistema legali tal-inkapaċità “temporanja” għax-xogħol, fis-sens tad-dritt Spanjol, ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-klassifikazzjoni tal-limitazzjoni tal-kapaċità tiegħu bħala “dewwiema”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Konvenzjoni tal-ONU.

53      Barra minn hekk, in-natura “dewwiema” ta’ limitazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-istat ta’ inkapaċità, bħala tali, tal-persuna kkonċernata fid-data li fiha ġie adottat l-att allegatament diskriminatorju fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 29).

54      Fir-rigward tal-kunċett tan-natura “dewwiema” ta’ limitazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u tal-għan imfittex minn din id-direttiva, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lill-miżuri intiżi li jirregolaw il-post tax-xogħol fir-rigward tad-diżabbiltà turi li dan ippreveda sitwazzjonijiet li fihom il-parteċipazzjoni fil-ħajja professjonali tkun imxekkla għal perijodu twil (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 45).

55      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-limitazzjoni tal-kapaċità tal-persuna kkonċernata hijiex “dewwiema” jew le, peress li tali evalwazzjoni hija qabel kollox ta’ natura fattwali.

56      Fost l-indizji li jippermettu li jitqies li limitazzjoni hija “dewwiema” hemm b’mod partikolari l-fatt li, meta seħħ il-fatt allegatament diskriminatorju, l-inkapaċità tal-persuna kkonċernata ma tidhirx li se tiġi riżolta fi żmien qasir jew, bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li din l-inkapaċità tista’ tippersisti għal żmien twil qabel l-imsemmija persuna tirkupra.

57      Fil-kuntest tal-verifika ta’ jekk il-limitazzjoni tal-kapaċità tal-persuna kkonċernata hijiex “dewwiema”, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq l-elementi oġġettivi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod partikolari fuq dokumenti u ċertifikati dwar l-istat ta’ din il-persuna, stabbiliti abbażi ta’ għarfien u ta’ data medika u xjentifika attwali.

58      Fis-sitwazzjoni li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li l-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ M. Daouidi hija “dewwiema”, hemm lok li jitfakkar li trattament żvantaġġuż ibbażat fuq id-diżabbiltà jmur kontra l-protezzjoni msemmija fid-Direttiva 2000/78 biss jekk dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 48, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 71).

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

–        il-fatt li l-persuna kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, għal żmien indeterminat, minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, ma jfissirx, fih innifsu, li l-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ din il-persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala “dewwiema” fis-sens tad-definizzjoni tad-“diżabbiltà” koperta minn din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU;

–        fost l-indizji li jippermettu jitqies li tali limitazzjoni hija “dewwiema”, hemm b’mod partikolari l-fatt li, meta seħħ il-fatt allegatament diskriminatorju, l-inkapaċità tal-persuna kkonċernata ma tidhirx li se tiġi riżolta fi żmien qasir jew il-fatt li din l-inkapaċità tista’ tippersisti għal żmien twil qabel l-imsemmija persuna tirkupra, u

–        fil-kuntest tal-verifika ta’ din in-natura “dewwiema”, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq l-elementi oġġettivi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod partikolari fuq dokumenti u ċertifikati dwar l-istat tal-imsemmija persuna, stabbiliti abbażi ta’ għarfien u ta’ data medika u xjentifika attwali.

 Fuq l-ewwel erba’ domandi

60      Permezz tal-ewwel erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 15, tal-Artikolu 21(1), tal-Artikoli 30, 31, tal-Artikolu 34(1) u tal-Artikolu 35 tal-Karta f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lilha (sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos, C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 27, u digriet tal‑25 ta’ Frar 2016, Aiudapds, C‑520/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:124, punt 18).

62      Fir-rigward tal-Karta, l-Artikolu 51(1) tagħha jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplementaw il-liġi tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 51(2) tal-Karta jispeċifikaw li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma jestendux il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati.

63      Bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwarha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom infushom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 22, u digriet tal‑25 ta’ Frar 2016, Aiudapds, C‑520/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:124, punt 20).

64      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-istadju attwali tal-proċedura fil-kawża prinċipali, ma ġiex stabbilit li s-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn minn dawk tal-Karta.

65      Fil-fatt, fir-rigward b’mod partikolari tad-Direttiva 2000/78, bħalma ġie espost fil-kuntest tar-risposta mogħtija għall-ħames domanda, il-fatt li persuna tinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, għal żmien indeterminat, minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, ma jfissirx, fih innifsu, li l-limitazzjoni li din il-persuna ssofri minnha tista’ tiġi kklassifikata bħala “dewwiema” fis-sens tal-kunċett ta’ “diżabbiltà” msemmi fid-Direttiva 2000/78.

66      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi, b’mod partikolari, ebda tbassir dwar l-irkupru, sħiħ jew le, ta’ M. Daouidi jew informazzjoni fuq konsegwenzi eventwali jew il-konsegwenzi li dan l-inċident se jkollu fuq it-twettiq tal-kompiti li ġie rreklutat għalihom.

67      Għaldaqstant, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 fil-kawża prinċipali hija marbuta mal-evalwazzjoni li se tagħmel il-qorti tar-rinviju wara din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok li jitqies li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dan l-istadju tal-proċedura, taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Torralbo Marcos, C‑265/13, EU:C:2014:187, punt 40).

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għall-ewwel erba’ domandi.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li:

–        il-fatt li l-persuna kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, għal żmien indeterminat, minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, ma jfissirx, fih innifsu, li l-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ din il-persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala “dewwiema” fis-sens tad-definizzjoni tad-“diżabbiltà” koperta minn din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas‑26 ta’ Novembru 2009;

–        fost l-indizji li jippermettu jitqies li tali limitazzjoni hija “dewwiema” hemm b’mod partikolari l-fatt li, meta seħħ il-fatt allegatament diskriminatorju, l-inkapaċità tal-persuna kkonċernata ma tidhirx li se tiġi riżolta fi żmien qasir jew il-fatt li din l-inkapaċità tista’ tippersisti għal żmien twil qabel l-imsemmija persuna tirkupra, u

–        fil-kuntest tal-verifika ta’ din in-natura “dewwiema”, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq l-elementi oġġettivi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod partikolari fuq dokumenti u ċertifikati dwar l-istat tal-imsemmija persuna, stabbiliti abbażi ta’ għarfien u ta’ data medika u xjentifika attwali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.