Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Ġunju 2007 - S vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża F-64/07)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: S (rappreżentanti: R. Mastroianni u F. Ferraro, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew Nru 305747, tad-29 ta' Marzu 2007, li ċaħdet l-ilment tiegħu;

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tas-27 ta' Lulju 2006, li biha ġie ttrasferit lejn Brussell u maħtur bħala konsulent tad-Direttur Ġenerali ta' l-Informazzjoni;

tannulla l-atti kollha preliminari, preċedenti, konkomitanti u konsegwenti u xort'oħra konnessi;

tikkundanna lill-Parlament Ewopew għall-kumpens tad-dannu soffert minħabba din id-deċiżjoni, fl-ammont ta' EUR 400 000 jew somma akbar jew anqas deċiża bħala ġusta minn dan it-Tribunal;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent invoka seba' motivi li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

id-deċiżjoni ta' trasferiment hija illegali peress li hija nieqsa minn motivazzjoni rigward ir-raġunijiet li għalihom il-Parlament iddeċieda li jittrasferixxi lir-rikorrent fis-sede ta' Brussell;

id-deċiżjoni ta' trasferiment, peress li tfisser ċaqliq f'sede imbiegħda ta' persuna marida serjament, hija kontra d-dritt fundamentali għas-saħħa, rikonoxxut fl-Artikolu 3(p) KE u fl-Artikolu 152 KE kif ukoll fl-Artikolu 35 tal-Karta ta' Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-ħarsien tas-saħħa tar-rikorrent kellu jingħata preċedenza fuq l-interessi tas-servizz;

il-Parlament Ewropew kiser id-dmir ta' premura tiegħu fil-konfront ta' l-uffiċjali tiegħu, kif ukoll il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, imparzjalità, trasparenza u ta' ċertezza legali. L-istituzzjoni fil-fatt kienet naqset milli twettaq, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' trasferiment, stħarriġ adegwat fuq l-aġir ostili li għalih kien suġġett ir-rikorrent kif ukoll milli tevalwa mil-lat mediku l-effetti ta' tali deċiżjoni fuq is-saħħa tal-persuna kkonċernata;

id-deċiżjoni ta' trasferiment, li tikkostitwixxi sostanzjalment piena, hija irraġjonevoli u sproporzjonata meta mqabbla mal-fatti li bihom il-Parlament jakkuża lir-rikorrent, aktar u aktar meta dan ta' l-aħħar għandu marda serja u qorob lejn l-età tal-pensjoni;

il-Parlament, meta naqas li jagħti attenzjoni partikolari lill-qagħda tar-rikorrent minħabba saħħtu, wettaq ksur tal-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u ta' "neminem laedere";

meta adotta d-deċiżjoni ta' trasferiment, il-Parlament uża s-setgħat tiegħu sabiex jikkastiga lir-rikorrent u jipprovoka l-waqfien qabel iż-żmien tar-relazzjoni ta' xogħol tiegħu, b'tali mod li wettaq abbuż ta' poter u ta' proċedura kif ukoll ksur ta' l-Artikoli 7 u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll ta' l-Anness IX ta' dawn ir-Regolamenti;

ir-rikorrent ma kienx f'pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu fuq eventwali deċiżjoni li jiġi ttrasferit lejn Brussell, u dan bi ksur tad-dritt ta' difiża tiegħu.

____________