Language of document : ECLI:EU:F:2009:18

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

3 ta’ Marzu 2009

Kawża F-63/07

Maria Patsarika

vs

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (Cedefop)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Assenjazzjoni mill-ġdid – Drittijiet tad-difiża – Tkeċċija fl-aħħar tal-perijodu ta’ prova – Proċedura fil-kontumaċja”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M.. Patsarika titlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tad-direttriċi ta’ Cedefop, tal-20 ta’ Settembru 2006, li ttemm, fl-aħħar tal-perijodu ta’ prova, il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat, konkluż fis-27 ta’ Settembru 2005 għal perijodu ta’ sentejn b’effett mill-1 ta’ Ottubru ta’ wara.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. M. Patsarika għandha tbati tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha. Cedefop għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u kwart tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Notifika

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Suġġett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 84)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Possibbiltà li jiġi estiż il-perijodu ta’ prova

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 84)

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Deċiżjoni ta’ tkeċċija fl-aħħar tal-perijodu ta’ prova – Elementi ta’ evalwazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 84)

5.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni tar-riżultati

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 84)

6.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Deċiżjoni li taffettwa s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 26; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11)

1.      In-notifika ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment f’lingwa li la tkun il-lingwa materna tal-uffiċjal u lanqas dik li biha ġie redatt l-ilment hija valida sakemm il-parti kkonċernata tkun effettivament tista’ tieħu konoxxenza tagħha. Jekk, bil-kontra, id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni jikkunsidra li ma huwiex f’pożizzjoni li jifhimha, huwa għandu d-dritt jitlob lill-istituzzjoni, bid-diliġenza kollha meħtieġa, tipprovdih bi traduzzjoni fil-lingwa tal-ilment jew fil-lingwa materna tiegħu. Meta tali talba titwettaq mingħajr dewmien, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri biss fid-data li fiha din it-traduzzjoni tiġi nnotifikata lill-uffiċjal ikkonċernat, sakemm l-istituzzjoni ma tkunx tista’ turi, mingħajr ma jibqa’ jeżisti l-ebda dubju f’dan ir-rigward, li dan seta’ effettivament jieħu konoxxenza kemm tad-dispożizzjoni u kemm tal-motivi tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu fil-lingwa tan-notifika inizjali.

(ara l-punt 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punti 43 sa 45; 7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighina vs Il-Kummissjoni, T‑118/99, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑97, punti 16 sa 19

2.      Għalkemm perijodu ta’ prova ma jistax jitqabbel ma’ perijodu ta’ taħriġ, xorta jibqa’ l-fatt li huwa importanti li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal bi prova jitqiegħed f’pożizzjoni, waqt dan il-perijodu, li fiha jkun jista’ juri l-kwalitajiet tiegħu. Din il-kundizzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll tad-dmir ta’ premura, li jirrifletti l-ekwilibriju ta’ drittijiet u obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħoloq fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan ifisser fil-prattika li l-parti kkonċernata għandha tibbenefika mhux biss minn kundizzjonijiet materjali adegwati, iżda wkoll minn istruzzjonijiet u pariri xierqa, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet imwettqa, sabiex tkun tista’ tadatta ruħha għar-rekwiżiti speċifiċi tal-pożizzjoni li hija għandha.

(ara l-punt 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Diċembru 1956, Mirossevich vs Awtorità Għolja, 10/55, Ġabra p. 365, 387 et seq.; 15 ta’ Mejju 1985, Patrinos vs CES, 3/84, Ġabra p. 1421, punti 20 u 21;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 1 ta’ April 1992, Kupka-Floridi vs CES, T‑26/91, Ġabra p. II‑1615, punt 44; 30 ta’ Novembru 1994, Correia vs Il‑Kummissjoni, T‑568/93, ĠabraSP p. I‑A‑271 u II‑857, punt 34; 5 ta’ Marzu 1997, Rozand-Lambiotte vs Il‑Kummissjoni, T‑96/95, ĠabraSP p. I‑A‑35 u II‑97, punt 95; 27 ta’ Ġunju 2002, Tralli vs BĊE, T‑373/00, T‑27/01, T‑56/01 u, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑453, punt 69;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 18 ta’ Ottubru 2007, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑112/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 48

3.      Minn sempliċi qari tal-Artikolu 84(3) u (4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li dan l-artikolu bl-ebda mod ma jissuġġetta l-possibbiltà, għall-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg, li testendi t-tul ta’ perijodu ta’ prova, u eventwalment li tassenja lill-membru tal-persunal ikkonċernat lil servizz ieħor, għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun wera inkompetenza manifesta fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. Tali kundizzjoni teżisti biss fil-każ fejn l-imsemmija awtorità tiddeċiedi li tkeċċi lill-membru tal-persunal qabel ma jispiċċa l-perijodu ta’ prova tiegħu. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 84(3) tal-imsemmija kundizzjonijiet jipprovdi b’mod espliċitu l-possibbiltà għall-amministrazzjoni, fil-każ fejn tingħata estensjoni tal-perijodu ta’ prova, li tassenja lill-membru tal-persunal lil dipartiment ieħor, huwa madankollu importanti li l-parti kkonċernata tibqa’ dejjem f’pożizzjoni li fiha tkun tista’ turi l-kwalitajiet tagħha u li l-iżvolġiment tal-perijodu ta’ prova ma jiġix ostakolat, ħaġa li teċiġi wkoll l-osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet.

(ara l-punti 44 u 45)

4.      Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ħatra hija distinta, min-natura tagħha, mit-“tkeċċija” fil-veru sens tal-kelma ta’ persuna li tkun ibbenifikat minn ħatra bħala uffiċjal stabbilit. Filwaqt li, f’dan il-każ tal-aħħar, huwa meħtieġ eżami dettaljat tal-motivi li jiġġustifikaw li tintemm relazzjoni ta’ impjieg stabbilita, fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-uffiċjali bi prova, l-eżami għandu jkun ġenerali u bbażat fuq l-eżistenza, jew le, ta’ totalità ta’ elementi pożittivi żvelati waqt il-perijodu ta’ prova li juru li l-ħatra tal-uffiċjal bi prova tkun ta’ interess għas-servizz. Dan huwa minnu wkoll fir-rigward tal-perijodi ta’ prova mwettqa mill-membri tal-persunal bil-kuntratt.

(ara l-punti 62 u 89)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Novembru 1983, Tréfois vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 290/82, Ġabra p. 3751, punti 24 u 25; Patrinos vs CES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 113

5.      L-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u tal-prestazzjoni ta’ membru tal-persunal taħt perijodu ta’ prova skont l-interess tas-servizz. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni b’dik tiegħu fir-rigward tar-riżultat ta’ perijodu bi prova u tal-kapaċitajiet ta’ applikant għal ħatra definitiva fis-servizz pubbliku Komunitarju, peress li l-istħarriġ tiegħu huwa limitat għal verifika li ma kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter.

(ara l-punt 63)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Marzu 1982, Munk vs Il-Kummissjoni, 98/81, Ġabra p. 1155, punt 16; Tréfois vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; 5 ta’ April 1984, Alvarez vs Il-Parlament, 347/82, Ġabra p. 1847, punt 16; Patrinos vs CES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza Kupka-Floridi vs CES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112; Tralli vs BĊE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76

6.      L-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika għall-membri tal-persunal bil-kuntratt skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li jipprovdi li l-fajl individwali tal-uffiċjal għandu jkun fih kull dokument li jirrigwarda s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u kull rapport li jirrigwarda l-kompetenza, ir-rendiment u l-aġir tiegħu, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-uffiċjal fir-rigward tal-imsemmija dokumenti, għandu bħala għan li jiżgura d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal, billi jiġi evitat li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra li jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva u l-karriera tiegħu ma jkunux ibbażati fuq fatti li jirrigwardaw l-aġir tiegħu u li ma jkunux imsemmija fil-fajl individwali tiegħu. Għaldaqstant, deċiżjoni bbażata fuq tali elementi tmur kontra l-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal u għanda tiġi annullata bħala att li rriżulta minn proċedura vvizzjata b’illegalità.

(ara l-punt 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Frar 1971, Rittweger vs Il-Kummissjoni, 21/70, Ġabra p. 7, punti 29 sa 41;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Novembru 1993, Perakis vs Il-Parlament, T‑78/92, Ġabra p. II‑1299, punt 27; 9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, ĠabraSP p. I‑A‑31 u II‑105, punt 68; 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑7/01, ĠabraSP p. I‑A‑37 u II‑239, punt 70