Language of document : ECLI:EU:C:2012:340

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

VILLALÓN

ippreżentati fit-12 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawża C‑617/10

Åklagaren

vs

Hans Åkerberg Fransson

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Haparanda Tingsrätt (l-Isvezja)]

“Kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 51 tal-Karta – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri – Sistema ta’ sanzjoni nazzjonali applikabbli għall-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-VAT – Artikolu 50 tal-Karta – Ne bis in idem bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattiv u kriminali – Definizzjoni tal-kunċett ta’ ‛l-istess fatti’ – Interpretazzjoni tal-Karta fid-dawl tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – L-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Determinazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni bbażati fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri”






I –   Introduzzjoni

II – Kuntest ġuridiku

A –   Kuntest ġuridiku tal-Unjoni

B –   Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

C –   Kuntest ġuridiku nazzjonali

III – Il-fatti u l-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

A –   Approċċ Ġenerali

1.     “Sitwazzjoni” astratta: “implimentazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri

2.     Proposta ta’ interpretazzjoni: relazzjoni tal-prinċipju u tal-eċċezzjoni

3.     Prinċipju: interess speċifiku tal-Unjoni

4.     Tip ta’ argument: il-kategoriji u l-każijiet partikolari

B –   Ir-risposta, f’dan il-każ, għall-problema tal-ġurisdizzjoni

1.     Id-dritt fundamentali inkwistjoni

2.     Qasam ta’ eżerċizzju partikolari tal-awtoritŕ pubblika: is-setgħa li tissanzjona

3.     Il-portata tat-trasferiment tal-garanzija ta’ ne bis in idem mill-Istati għall-Unjoni

4.     Konklużjoni: eżempju li ma jaqax fis-sitwazzjoni ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”

VI – Id-domandi preliminari

A –   Id-domandi preliminari 2, 3, 4 u 5

1.     Riformulazzjoni u ammissibbiltà

2.     Analiżi tad-domandi preliminari 2, 3 u 4

a)     L-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg relatati miegħu

i)     L-iffirmar u r-ratifikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjoni Nru 7 tal-KEDB

ii)   Il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg relatata mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjoni Nru 7 tal-KEDB

b)     Il-prinċipju ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni: l-Artikolu 50 tal-Karta u l-interpretazzjoni tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB

i)     L-Artikolu 50 tal-Karta u s-sanzjoni amministrattiva u penali doppja

c)     L-Artikolu 50 tal-Karta applikat għal dan il-każ

B –   Id-domanda preliminari 1

1.     Il-bażi “ċar” bħala kriterju ta’ implementazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mill-qorti nazzjonali

2.     Il-bażi “ċara” bħala kriterju ta’ implementazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mill-qorti nazzjonali

VII – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        Wara d-dehra sempliċi tal-kawża, jiġifieri s-sanzjoni għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi fiskali minn sajjied li jopera fil-Golf ta’ Botnija, din id-domanda preliminari tqajjem żewġ problemi partikolarment delikati li jqajmu ċerta perplessità.

2.        L-ewwel minn dawn il-problemi tirrigwarda l-ammissibbiltà tagħha peress li, fid-dawl tan-natura evidentament interna tal-kawża, ir-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex issolvi kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali jippreżumi li l-Istat Membru jikkunsidra din il-kawża bħala każ ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens proprju tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.        Il-problema l-oħra, li tirrigwarda l-mertu, tikkonċerna l-applikabbiltà tal-prinċipju ne bis in idem f’każ ta’ akkumulazzjoni ta’ setgħa ta’ sanzjoni amministrattiva u ta’ ius puniendi tal-Istat Membru fit-trażżin tal-istess aġir, li fl-aħħar mill-aħħar, jeħodna lura b’mod definittiv għall-Artikolu 50 tal-Karta.

4.        Il-perplessità li tirriżulta minn din il-kawża tirriżulta mid-domanda 1 imressqa mill-qorti tar-rinviju li tqajjem problema iktar sempliċi fiha nnifisha meta mqabbla ma’ dawk ta’ qabilha. Id-domanda tirrigwarda l-portata tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ rekwiżit stabbilit mill-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, jiġifieri l-eżistenza ta’ indikazzjoni jew bażi “ċara” biex jitwarrab id-dritt nazzjonali. Il-perplessità hija marbuta mal-fatt, min-naħa li r-rekwiżit ta’ “bażi ċara” illum jidher ankrat fil-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ Strasbourg”) u, min-naħa l-oħra, li dan l-iżvilupp ma jissimplifikax, iżda għall-kuntrarju jikkomplika r-risposta dwar il-portata tal-prinċipji ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni.

5.        Fir-rigward tal-problema tal-ammissibbiltà, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sa fejn l-Istat Membru ma jimplementax id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Kif se nipprova nispjega, jidhirli li eżami fid-dettall taċ-ċirkustanzi tal-kawża jimmilitaw favur dan l-approċċ. Madankollu, xorta huwa possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tuża xi argumenti li jien elaborajt dwar din il-kwistjoni kkontestata. Irrid nammetti illi dawn l-argumenti ma jaqgħux fis-siġill tal-ġurisprudenza mogħtija sallum.

6.        Sussidjarjament, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha ġurisdizzjoni sabiex twieġeb fuq il-mertu, jien nipproponilha definizzjoni awtonoma tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni. Kif ser nipprova nispjega, ir-regola li tinsab fl-Artikolu 52(3) tal-Karta, li tipprovdi li t-tifsira u l-portata tad-drittijiet inklużi fil-Karta huma “l-istess” bħad-drittijiet tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tqajjem diffikultajiet partikolari dwar il-prinċipju inkwistjoni.

7.        Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ “bażi ċara” fil-KEDB u fid-dritt tal-Unjoni, jien nipproponi interpretazzjoni kompatibbli mal-prinċipju tas-supremazija.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

8.        Il-prinċipju ne bis in idem huwa imsemmi fl-Artikolu 50 tal-Karta li huwa redatt kif ġej:

“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.”

9.        L-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112/KE (2) dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

[...]”

B –    Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

10.      Taħt it-titolu “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB jiddikjara kif ġej:

“1. Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ l-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun hemm xi vizzju fundamentali fil-proċediment ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

3. Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni.”

C –    Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

11.      L-Artikoli 1 u  4 tal-Kapitlu 5 tat-Taxeringslagen (Liġi Nru 324 tal-1990 dwar it-taxxa fuq id-dħul) jipprovdu d-dispożizzjonijiet essenzjali dwar is-sistema ta’ sanzjonijiet fiskali fl-Isvezja:

“Artikolu 1

Jekk matul il-proċedura, il-persuna taxxabbli tikkomunika informazzjoni mhux eżatta, taħt forma mhux verbali, fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa, tiġi imposta sanzjoni speċjali (fiskali). L-istess jiġri jekk il-persuna taxxabbli tikkomunika tali informazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża fiskali u jekk l-imsemmija informazzjoni tiġi miċħuda wara eżami dwar il-mertu.

L-informazzjoni hija kkunsidrata mhux eżatta jekk ikun evidenti li hija falza jew jekk il-persuna taxxabbli tonqos milli tikkomunika informazzjoni obbligatorja, neċessarja għad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa. Madankollu, informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala mhux eżatta jekk flimkien mad-dokumenti l-oħra kkomunikati, hija tikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex tingħata deċiżjoni ġusta. Informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala mhux eżatta wkoll, jekk hija tkun tant żbaljata li b’mod evidenti ma tistax isservi bħala bażi għal deċiżjoni.

 Artikolu 4

F’każ ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni mhux eżatta, iż-żieda fit-taxxa tammonta għal 40 % tal-ammont tat-taxxa msemmi fil-Kapitolu 1, Artikolu 1(1) punti 1) sa 5), li kieku ma kinitx tiġi imposta fuq il-persuna taxxabbli jew il-konjuġi tagħha li kieku l-informazzjoni mhux eżatta kienet milqugħa. Fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, iż-żieda fit-taxxa tammonta għal 20 % tal-ammont tat-taxxa li l-persuna taxxabbli għandha tħallas.

Iż-żieda fit-taxxa hija ta’ 10 % jew ta’ 5 % fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jekk l-informazzjoni mhux eżatta tiġi rrettifikata jew setgħet tiġi rrettifikata fid-dawl ta’ dokumenti li għalihom l-iSkatteverket normalment għandha aċċess u li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Novembru tas-sena fiskali inkwistjoni.

[...]”

12.      L-Artikoli 2 u 4 tal-iSkattebrottslagen (Liġi Nru 69 tal-1971 dwar ir-reati fiskali) fihom id-dispożizzjonijiet ta’ natura penali li japplikaw għall-frodi fiskali u huma redatti kif ġej:

 “Artikolu 2

Kull min jikkomunika volontarjament, taħt forma mhux verbali, informazzjoni mhux eżatta jew min jonqos milli jippreżenta lill-awtoritajiet dikjarazzjonijiet, dikjarazzjonijiet tad-dħul, jew kull informazzjoni oħra rikjesta, u li għalhekk iqajjem riskju ta’ evażjoni tat-taxxa, ta’ deteminazzjoni ħażina tal-ammont tagħha jew ta’ rimbors favur tiegħu jew favur terza persuna, huwa ħati ta’ frodi fiskali punibbli b’piena massima ta’ sentejn priġunerija.

 Artikolu 4

Jekk ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2 ikun ikkunsidrat gravi, is-sanzjoni imposta tikkorrispondi għall-piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u sitt snin.

Il-gravità tar-reat tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-entità tal-ammonti involuti, skont l-użu ta’ dokumenti foloz, skont l-użu ta’ skritturi foloz, jekk l-azzjonijiet jaqgħux fil-kuntest ta’ reat sistematiku jew fuq skala kbira, jew jekk għandhomx ukoll natura partikolarment perikoluża.”

III – Il-fatti u l-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali

13.      Fransson huwa ħaddiem indipendenti li prinċiparjament jispeċjalizza fuq is-sajd u l-bejgħ tal-ħut abjad (coregonus albula). Huwa jeżerċita l-attività tas-sajd tiegħu fl-ilmijiet tax-xmara Kalix għalkemm ibiegħ is-sajda tiegħu kemm fit-territorju Svediż kif ukoll f’dak Finlandiż.

14.      L-amministrazzjoni fiskali Svediża takkuża lil Fransson li naqas milli jwettaq l-obbligi dikjaratorji tiegħu fil-qasam fiskali matul is-snin fiskali 2004 u 2005, u dan wassal għat-telf tad-dħul fiskali fir-rigward ta’ taxxi differenti. Fir-rigward tal-ħlas tal-VAT li tikkorrispondi għas-snin fiskali ċċitati iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Svediżi stmaw it-telf tad-dħul fiskali relatat mal-informazzjoni mogħtija minn Fransson għall-ammont totali ta’ SEK 60 000 (kroni Svediżi) inkwantu għas-sena fiskali 2004, u għal SEK 87 550 inkwantu għas-sena fiskali 2005.

15.      Fl-24 ta’ Mejju 2007, l-iSkatteverket imponiet fuq Fransson, b’applikazzjoni tas-sistema Svediża ta’ sanzjoni fiskali, multa bħala sanzjoni, talli kkommetta reati fiskali matul is-sena fiskali 2004, ta’ SEK 4 872 li tikkorrispondi għar-reat fil-qasam tal-VAT. Fir-rigward tas-sena fiskali 2005, l-iSkatteverket imponiet multa oħra, ta’ SEK 3 255 li tikkorrispondi għar-reat relattiv għal-VAT. Is-sanzjoni li tikkorrispondi għas-sena fiskali 2004 u dik li tikkorrispondi għal 2005 ma kinux is-suġġett ta’ appell, u dawn saru res judicata fil-31 ta’ Diċembru 2010 u fil-31 ta’ Diċembru 2011 rispettivament.

16.      Fid-9 ta’ Ġunju 2009, fuq talba tal-Avukat Ġenerali, il-Haparanda Tingsrätt bdiet proċedura kriminali kontra Fransson. L-Avukat Ġenerali akkuża lil Fransson li kkommetta reat ta’ frodi fiskali matul is-snin fiskali 2004 u 2005. Skont l-Avukat Ġenerali, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi dikjaratorji li bihom hu akkużat Fransson, li jinkludu dawk relatati mal-VAT, wasslu għal telf kunsiderevoli ta’ dħul fiskali, li jiġġustifika l-ftuħ tal-proċeduri kriminali. Skont l-Artikoli 2 u 4 tal-iSkattebrottslagen, ir-reat li bih Fransson huwa akkużat huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sitt snin.

17.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża tal-Avukat Ġenerali huma l-istess fatti li mmotivaw is-sanzjoni amministrattiva imposta mill-iSkatteverket fl-24 ta’ Mejju 2007.

18.      Fit-23 ta’ Diċembru 2010, il-Haparanda Tingsrätt issospendiet il-proċeduri kriminali mibdija kontra Fransson wara li kkonstatat l-eżistenza ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiffoka fuq id-dritt fundamentali ta’ ne bis in idem.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Fis-27 ta’ Diċembru 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet it-talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Haparanda Tingsrätt fejn id-domandi huma redatti kif ġej:

“1. Taħt id-dritt Svediż huwa meħtieġ li jkun hemm bażi ċara fil-Konvenzjoni Ewropea, tal-4 ta’ Novembru 1950, għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex qorti nazzjonali tkun tista’ ma tapplikax dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jkunu kuntrarji għall-prinċipju ta’ ne bis in idem taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u li għalhekk jistgħu jkunu kuntrarji wkoll għall-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Diċembru 2000 (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Tali kundizzjoni taħt id-dritt nazzjonali sabiex ma jiġux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, inklużi l-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni?

2. L-ammissibbiltà ta’ akkuża għal reati fiskali taqa’ taħt il-prinċipju ta’ ne bis in idem taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u taħt l-Artikolu 50 tal-Karta meta sanzjoni finanzjarja partikolari (żieda fit-taxxa) tkun diġà ġiet imposta fuq l-akkużat fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-istess fatt, jiġifieri l-għoti ta’ informazzjoni falza?

3. Ir-risposta għad-domanda 2 hija affettwata mill-fatt li hija meħtieġa koordinazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet b’tali mod li l-qrati ordinarji jistgħu jnaqqsu l-piena fil-proċeduri kriminali jekk l-akkużat kien diġà suġġett għal żieda fit-taxxa minħabba l-istess fatt, jiġifieri l-għoti ta’ informazzjoni falza?

4. Taħt ċerti ċirkustanzi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem imsemmi fid-domanda 2, jista’ jkun permess li jiġu ordnati sanzjonijiet addizzjonali fi proċeduri ġodda fir-rigward tal-istess aġir li kien diġà eżaminat u li kien ta’ lok għal deċiżjoni li jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-persuna kkonċernata. Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv, il-kundizzjonijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-impożizzjoni ta’ diversi sanzjonijiet fi proċeduri separati jkunu sodisfatti meta fil-proċeduri ulterjuri jitwettaq eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ li jkun ġdid u indipendenti mill-eżami li jkun sar fil-proċeduri preċedenti?

5. Is-sistema Svediża fejn l-impożizzjoni ta’ żieda fit-taxxa u l-eżami tar-responsabbiltà għal reati fiskali jitwettqu fi proċeduri separati hija mmotivata min-numru ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali […]. Jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv, sistema bħal dik Svediża hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem meta jista’ jkun possibbli li tiġi stabbilita sistema li ma taqax taħt il-prinċipju ta’ ne bis in idem mingħajr ma jkun meħtieġ li jew ma tiġix imposta żieda fit-taxxa jew ma tingħatax deċiżjoni dwar responsabbiltà għal reati fiskali billi, jekk ir-responsabbiltà għal reati fiskali tkun rilevanti, id-deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ żieda fit-taxxa tiġi ttrasferita mingħand l-iSkatteverket u, jekk ikun il-każ, mingħand il-qrati amministrattivi, lill-qrati ordinarji inkonnessjoni mal-eżami tagħhom tal-akkuża għal reati fisikali?”

20.      Ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika tal-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

21.      Is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja saret fl-24 ta’ Jannar 2012 u matulha r-rappreżentant ta’ Fransson, l-aġenti tar-Repubblika Ċeka, tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika tal-Irlanda, tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Kemm l-Istati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub (bl-eċċezzjoni tal-Awstrija) kif ukoll dawk li fformulaw biss osservazzjonijiet orali (il-Ġermanja u Franza), jew il-Kummissjoni, ikkunsidraw, bħall-Avukat Ġenerali fil-kawża inkwistjoni, li r-risposta għall-problema li tqajjem il-garanzija tal-prinċipju ne bis in idem ma tinsabx fid-dritt tal-Unjoni, u li wieħed ma jistax jitlob tali risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 50 tal-Karta ma huwiex dak li għandu jirregola l-kwistjoni kontenzjuża. Huwa għalhekk li d-dibattitu dwar il-problema tal-mertu, jiġifieri, tal-kontenut u l-portata tal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, ġie ħafna drabi evitat u konsegwentament imdgħajjef.

23.      Il-kwistjoni li tressqet qabel xejn kienet indubjament dik tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-termini esposti preċedentament. Hekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha għal darba oħra problema li fiha talba għall-kriterji ċari li jippermettu d-determinazzjoni tal-portata tal-espressjoni “implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri” u diffikultà ugwali li tirrispondiha (3).

24.      Fil-kors tal-iżviluppi, beħsiebni nissottometti biss lill-Qorti tal-Ġustizzja xi riflessjonijiet li għandhom jiżdiedu mall-approċċi diversi u varji li ġew espressi fiż-żminijiet reċenti, b’mod partikolari mill-Avukati Ġenerali (4). Nikkunsidra li din il-kawża toffri l-possibbiltà li jsiru argumenti li jippermettu kontribuzzjoni għall-missjoni ta’ ġurisprudenza li ma tistax issir mil-lum għal għada.

A –    Approċċ Ġenerali

1.      “Sitwazzjoni” astratta: “implimentazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri

25.      Kif indikajt, il-partijiet kollha fil-proċedura jaqblu fuq l-argument essenzjali, li l-kundizzjoni restrittiva ddikjarata issa fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, li tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri “biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” ma huwiex sodisfatt. Ir-rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-bażi inkwantu għall-esklussività ġurisprudenzjali ta’ din l-istess regola jirriżultaw b’mod ċar mill-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Karta (5). Fi kwalunkwe każ, l-ispjegazzjonijiet jenfasizzaw iktar kontinwità milli oppożizzjoni bejn din il-ġurisprudenza u l-kodifikazzjoni tagħha fil-Karta. Naħseb li dawn huma korretti, b’xi sfumaturi.

26.      Irrispettivament minn dan, wara l-proklamazzjoni inizjali tal-Karta f’Nice, l-analiżi li kienu jirreferu għal nuqqas ta’ qbil bejn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huma dawk tal-2000 u tal-2007 (6), u d-dispożizzjonijiet ċċitati kienu numerużi. L-espressjonijiet “implimentazzjoni” (għall-kategorija tal-Karta) u “kamp ta’ applikazzjoni” (għall-kategorija tal-ġurisprudenza) kienu ppreżentati bħala t-termini li jiġbru fil-qosor dan in-nuqqas ta’ qbil (7).

27.      F’dan l-istadju naħseb li jkun rilevanti li naraw l-espressjonijiet differenti użati li ma humiex kwalittativament differenti. Jekk huwa evidenti li wieħed jinnota sfumaturi bejniethom, il-konfini jibqgħu madankollu dejjem mhux ippreċiżati. B’mod partikolari, iż-żewġ espressjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriflettu, fl-opinjoni tiegħi, sitwazzjoni li fiha l-Istati għandhom dejjem marġni ta’ diskrezzjoni, tali li ksur eventwali tad-dritt ma jistax, bħala prinċipju, ikun imputat lill-Unjoni, peress li l-preżenza tad-dritt tal-Unjoni għandha, fis-sitwazzjoni mogħtija, intensità suffiċjenti għall-analiżi ta’ dawn l-espressjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk, mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija ġġustifikata.

28.      Dan ifisser qabel xejn li l-leġittimità tal-istħarriġ fil-każ ta’ assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni (kawża “Bosphorus”) (8) huwa evidentament mhux diskuss. Huma iktar sitwazzjonijiet ta’ riproduzzjoni milli ta’ implimentazzjoni.

29.      Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni ta’ “implimentazzjoni” tpoġġi, fiha nnifisha, kuntest li huwa fundamentalment flessibbli fir-rigward tat-tqassim tar-responsabbiltajiet fil-qasam tal-garanzija tad-drittijiet fundamentali. Il-kwistjoni li tqum immedjatament wara li jiġi ddikjarat il-prinċipju li jipprovdi li l-manifestazzjonijiet ftit jew wisq awtonomi tas-setgħa pubblika tal-Istati Membri għandhom kultant jiġu evalwati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jeżistu fl-Unjoni u skont l-interpretazzjoni suprema tagħhom, mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija dik dwar tal-portata ta’ dak il-prinċipju.

30.      Jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel irrispondiet b’mod individwalistiku għad-domanda dwar f’liema każ stħarriġ “ċentralizzat” tal-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet fundamentali huwa impost, u dan ippermetta li jiġu identifikati numru żgħir ta’ “sitwazzjonijiet” magħrufa, li ġieli saru kummenti dwarhom u li kienu ħafna drabi suġġetti għall-evalwazzjonijiet differenti (9).

31.      Fi kwalunkwe każ, in-natura specifika tal-ġurisprudenza forsi tista’ turi li qatt ma kien hemm argument verament solidu, jiġifieri li jkollu grad ta’ termini astratti biżżejjed biex jiġi spjegat. Ir-raġunijiet huma varji u ma hawnx lok li jiġu analizzati issa.

32.      Is-sentenza ERT ma tatx spjegazzjonijiet ulterjuri li jippermettu li ssir ir-rabta bejn l-identifikazzjoni ta’ “sitwazzjoni” ftit jew wisq iddefinita (deroga mill-libertajiet) u l-passaġġ għall-każ ġenerali li eventwalment ser jikkonsolida: “qasam”, “kamp ta’ applikazzjoni”, “implimentazzjoni”, dejjem tad-dritt tal-Unjoni.

33.      Deskrizzjoni astratta tal-problema sottomessa twassalni sabiex insostni li r-rekwiżit ta’ preżenza tad-dritt tal-Unjoni fil-bidu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika hija karatteristika komuni għall-espressjonijiet differenti użati: preżenza bħala dritt u iktar minn hekk, jiġifieri, ta’ natura li jiddetermina jew jinfluwenza, fuq skala ftit jew wisq kbira, il-kontenut ta’ dawn il-manifestazzjonijiet tal-awtorità pubblika fl-Istat Membru. Madankollu, it-terminu “preżenza” qatt ma tista’ tfisser “predeterminazzjoni” sakemm din is-sitwazzjoni tal-aħħar ma tkun ta’ ebda problema (10).

34.      Fl-aħħar nett, l-ebda waħda mill-espressjonijiet fuq imsemmija (“qasam”, “kamp ta’ applikazzjoni”, “implimentazzjoni”) ma huma adattati biex jillimitaw il-portata ta’ din l-affermazzjoni ta’ prinċipju. F’ċertu mod, dawn l-espressjonijiet ma għandhomx wisq inkomuni mal-idea tal-lex stricta (liġi ta’ interpretazzjoni stretta), preżunt li din il-kundizzjoni hija applikabbli għalihom. Għall-kuntrarju, huma jippreżentaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha ta’ formulazzjoni fundamentalment miftuħa. It-terminu “biss” mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, li qajjem diskussjoni, ma jiżvelax wisq: jista’ jkun li fih ċerti riservi minħabba interpretazzjoni estensiva futura, jew jista’ jkun li jesprimi verżjoni ottimista tas-setgħa semantika tal-verb “jimplimenta”.

2.      Proposta ta’ interpretazzjoni: relazzjoni tal-prinċipju u tal-eċċezzjoni

35.      Fl-opinjoni tiegħi, jekk wieħed janalizza tajjeb l-istruttura kostituzzjonali tal-bażi tal-grupp iffurmat mill-Unjoni u l-Istati, li ġie deskritt bħala “Verfassungsverbund” Ewropew (11), l-istħarriġ tal-atti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri li għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, jaqa’, bħala prinċipju, fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri stess fil-kuntest tal-ordinament kostituzzjonali tagħhom u tal-obbligi internazzjonali li huma kkuntrattaw.

36.      Madankollu, dan il-prinċipju huwa akkumpanjat minn eċċezzjoni li akkwistat portata li ma tistax tkun injorata, fil-każijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali japplikaw id-dritt Ewropew attwalment ipprovdut fil-Karta. Il-perċezzjoni tar-relazzjoni dialetetika bejn żewġ xenarji fit-termini tal-prinċipju u l-eċċezzjoni hija, sa issa, dejjem iġġustifikata f’għajnejja.

37.      Jirriżulta li l-fatt li l-Unjoni tiżgura d-drittijiet fundamentali fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tal-Istati għandu, f’dawn il-każijiet, jiġi analizzat bħala ċaqliq, fis-sens ta’ trasferiment tar-responsabbiltà inizjali mill-Istati lejn dik tal-Unjoni fir-rigward ta’ din il-garanzija.

38.      Ċertament, id-dritt tal-Unjoni huwa, fil-kontenut tiegħu, realtà li tinbidel maż-żminijiet, u din il-bidla tiddetermina b’mod ineżorabbli u leġittimu l-portata tal-eċċezzjoni. Madankollu, il-prinċipju jinkludi, strutturalment, eċċezzjoni, sa fejn it-terminu “Verfassungsverbund” ikollu sens biex jiddeskrivi l-Unjoni kostituzzjonalment. Fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni fis-sens li hija suġġetta għal bidla bħala regola, ma taqbilx mal-idea fundamentali li jiena għadni kif esponejt.

39.      Jien nikkunsidra li l-idea fundamentali, iżda vaga, li abbażi tagħha l-Istati Membri huma suġġetti għall-Karta “meta huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni”, tirrikjedi issa sforz addizzjonali ta’ razzjonalità min-naħa tal-qorti tal-Unjoni. Dan l-isforz ilu mitlub żmien twil minkejja li s-suġġerimenti mill-ġurisprudenza ma jonqsux (12).

3.      Prinċipju: interess speċifiku tal-Unjoni

40.      Fl-opinjoni tiegħi, il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni sabiex tiżgura d-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ manifestazzjonijiet ta’ setgħat mill-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tagħha għandha tkun iġġustifikata minn interess speċifiku tal-Unjoni li dan l-eżerċizzju ta’ setgħa jadatta ruħu għat-tifsira tagħha ta’ drittijiet fundamentali. Il-fatt biss li dan l-eżercizzju għandu l-oriġini tiegħu fid-dritt tal-Unjoni ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu biex tiġi kkunsidrata sitwazzjoni ta’ “implimentazzjoni”.

41.      Fl-aħħar lok, jien naħseb, kif indikajt, li huwa leġittimu li f’ċerti okkażjonijiet, li huma diffiċli li jiġu ddeterminati bil-quddiem, l-interess tal-Unjoni li tħalli l-marka tagħha, l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt fundamentali, jiġi qabel dak ta’ kull Stat Membru. Dan l-interess tal-Unjoni għandu l-bażi tiegħu fil-preżenza, jiġifieri l-post predominanti li jokkupa f’kull ipoteżi d-dritt tal-Unjoni fid-dritt nazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa każ fejn il-leġittimità tar-res publica Ewropea tista’ tkun ikkontestata, u din il-kunsiderazzjoni titlob risposta xierqa.

4.      Tip ta’ argument: il-kategoriji u l-każijiet partikolari

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha fuq kollox missjoni prijoritarja tal-motivazzjoni u b’mod partikolari, għandha tipproponi regoli li jiffavorixxu l-leġittimità tal-attività tal-ġudizzjarja kollha.

43.      Fi kliem ieħor, il-kategorija “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” bħala bażi sabiex tattira stħarriġ tad-dritt fundamentali tal-attività tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali tirrikjedi, fl-opinjoni tiegħi, ġurisprudenza kompleta u, fl-aħħar mill-aħħar, timponi termini wiesgħa, bħal ma huwa l-każ f’din il-kawża.

44.      B’mod iktar konkret, jekk is-sempliċi fatt li tinvoka jew tikkonstata li sitwazzjoni ġuridika determinata taqa’ fl-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” ma tkunx sodisfaċenti, dan huwa dovut, fl-opinjoni tiegħi, għall-fatt li din is-sitwazzjoni taħbi n-nuqqas ta’ element jew fattur li jikklassifika sitwazzjoni hekk identifikata. Essenzjalment, il-kunsiderazzjoni preċedenti tekwivali għal talba ta’ motivazzjoni espressa, li hija fi kwalunkwe każ iktar dokumentata minn dik provduta sallum dwar każijiet li fihom it-trasferiment tal-funzjoni u tar-responsabbiltà li tiżgura d-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri lejn l-Unjoni hija imposta.

45.      Fl-istess waqt, u anki jekk din tidher paradossali, naħseb li hawn lok li jissaħħaħ simultanjament l-analiżi tal-karatteristiċi tal-kawża, jiġifieri, strettament każijiet partikolari. B’mod konkret, il-kwistjoni dwar jekk sitwazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala rilevanti għall-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha ħafna drabi tkun evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni serje sħiħa ta’ elementi li jikkaratterizzaw il-kawża. F’dan ir-rigward iktar mad-definizzjoni tal-ġurisprudenza tal-każ ta’ trasferiment ta’ responsabbiltà tkun limitata, iktar il-qorti trid toqgħod attenta għaċ-ċirkustanzi tal-kawża.

46.      Fil-qosor, jien nikkunsidra li għandu jiġi ppreċiżat is-sens ta’ klawżola daqshekk wiesgħa bħal dik tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Dan ifisser, fl-ewwel lok, li permezz tad-determinazzjoni tad-diversi sitwazzjonijiet li fihom trasferiment tal-garanzija tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri lejn l-Unjoni tista’, bħala prinċipju, tkun iġġustifikata. Fit-tieni lok, il-kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi konkreti ta’ kull kawża għandha, fl-opinjoni tiegħi, tippermetti li tingħata sentenza finali u definittiva dwar l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-garanzija, lill-Unjoni jew lill-Istati.

B –    Ir-risposta, f’dan il-każ, għall-problema tal-ġurisdizzjoni

47.      Sabiex jiġu applikati l-proposti preċedenti għall-kawża kontenzjuża, naħseb li għandna nibdew bl-eżami tad-dritt fundamentali tal-Unjoni kkonċernat u l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati, li għandhom jiġu analizzati fir-rigward tal-imsemmi dritt qabel jiġi eżaminat il-grad ta’ konnessjoni li jorbothom.

1.      Id-dritt fundamentali inkwistjoni

48.      F’dan ir-rigward, nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq kunsiderazzjoni sistematika, iżda li tippermetti gwida għar-riflessjoni. Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-prinċipju ne bis in idem għandu l-oriġini tiegħu fil-Karta, u b’mod partikolari, fl-Artikolu 50 tagħha. Għalkemm din tikkoeżisti mal-komponenti l-oħra tal-Artikolu 6 TUE, il-kodifikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni għandha konsegwenzi partikolari. B’mod partikolari, il-Karta tenfasizza “rabtiet tas-sens” (Sinnzusammenhänge) li huma diffiċli li jiġu pperċepiti f’sistema ta’ drittijiet ta’ natura essenzjalment ġudizzjarja.

49.      Għal darb’oħra, b’mod iktar konkret, is-sistema tal-Karta tikkomplika b’mod kunsiderevoli l-istabbiliment ta’ trattament differenti bejn il-garanzija rikonoxxuta fl-Artikolu 50 u n-numerużi garanziji materjali u formali oħra prevvisti bl-Artikoli li jikkostitwixxu it-Titolu VI tal-Karta, jiġifieri, l-Artikoli 47 sa 50, taħt it-titoli “id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali” (Artikolu 47), “il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża” (Artikolu 48), “il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni” (Artikolu 49).

2.      Qasam ta’ eżerċizzju partikolari tal-awtorità pubblika: is-setgħa li tissanzjona

50.      Biex nibdew, għandu jiġi kkunsidrat li l-qasam tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ sanzjoni tal-Istati Membri, hija ħafna drabi rikonoxxuta bħala tali, b’kawża effiċjenti fid-dritt tal-Unjoni, b’leġittimità diffiċilment diskutibbli f’dak li jirrigwarda l-interess tal-Unjoni.

51.      Dan il-kuntest jirrelata għas-“setgħa li tissanzjona” tal-Istati, li għandha l-oriġini primarju tagħha fid-dritt tal-Unjoni, u li dwarha l-ġurisprudenza żviluppat ħafna regoli, kif tfakkar waqt is-seduta. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat kemm-il darba li s-setgħa li tissanzjona tal-Istati Membri għandha tkun eżerċitata skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li naturalment hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta l-portata tagħhom (13). Mill-bqija huwa diffiċli li ma tifhimx li dawn il-prinċipji ġenerali jinkludu fil-preżent id-drittijiet fundamentali bħal dawk imsemmija fil-Karta.

3.      Il-portata tat-trasferiment tal-garanzija ta’ ne bis in idem mill-Istati għall-Unjoni

52.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda hija s-segwenti: dan l-appell fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji fl-eżerċizzju tas-setgħa li tissanzjona għandu jkun ikkunsidrat bħala rikonoxximent tat-trasferiment ġenerali lejn il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni tal-garanziji kollha msemmija fl-introduzzjoni, li jikkostitwixxu, mal-prinċipju ta’ ne bis in idem, it-Titolu VI tal-Karta?

53.      Fl-opinjoni tiegħi, l-attività ripressiva tal-Istati li għandha l-oriġini tagħha fid-dritt tal-Unjoni tinkludi prinċipju ta’ leġittimazzjoni tat-trasferiment tar-responsabbiltà fil-qasam tal-garanzija tad-drittijiet. Il-fatt li s-sanzjoni tal-aġir individwali kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni tibqa’ ħafna drabi f’idejn l-Istati Membri ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Unjoni ma għandha l-ebda interess fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa li tissanzjona fir-rigward tal-prinċipji fundamentali li jirregolaw komunità ta’ dritt bħal dik tal-Unjoni.

54.      Fid-dawl ta’ dan, il-prinċipju tal-leġittimazzjoni ċċitat iktar ’il fuq għandu neċessarjament ikun komplet u appoġġjat minn serje sħiħa ta’ argumenti li jqumu miċ-ċirkustanzi inkwistjoni. Fi kliem ieħor, jien nikkunsidra li l-konstatazzjoni li l-eżerċizzju tas-setgħa nazzjonali li tissanzjona b’mod partikolari għandha l-oriġini primarji tagħha f’dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni biss, ma hijiex biżżejjed biex titrasferixxi l-istħarriġ tal-garanziji kostituzzjonali applikabbli għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, ikunu xi jkunu, mill-kompetenza tal-Istati għal dik tal-Unjoni.

55.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni biex nikkonkludi li d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata jekk il-prinċipju ne bis in idem huwiex rispettat biżżejjed fil-każ inkwistjoni għandha tibbaża ruħha fuq l-eżami tal-qasam ikkonċernat, jiġifieri l-attività nazzjonali ripressiva bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni, li tagħti indikazzjonijiet sempliċi tat-tluq u tal-prinċipju favur risposta pożittiva. Madankollu, hija l-analiżi profonda kemm tad-dritt fundamentali invokat kif ukoll taċ-ċirkustanzi inkwistjoni li għandhom jippermettu li tingħata risposta definittiva.

4.      Konklużjoni: eżempju li ma jaqax fis-sitwazzjoni ta’ “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”

56.      Qabel xejn, il-preżentazzjoni u l-argumenti tad-domanda preliminari mill-qorti tar-rinviju ma jistgħux ma jqajmux ċerti problemi. Id-dispoiżizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, kif jirriżultaw mid-digriet tar-rinviju, jillimitaw ruħhom għaċ-ċitazzjoni tal-Artikolu 6 TUE u tal-Artikolu 50 tal-Karta mingħajr l-iċken tentattiv li jiġi identifikat id-dritt tal-Unjoni, waqt li jittratta definittivament l-“implimentazzjoni” tiegħu. Tinħoloq iktar konfużjoni meta tisma’ lill-qorti tar-rinviju tiddikjara li d-dritt Svediż ma ġiex adottat b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew li r-risposta tista’ b’kull mod tirriżulta utli għall-kawżi oħra li fihom risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun ta’ benefiċċju kbir (14).

57.      Lil hinn mill-istess dubji tal-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni essenzjali li għandha tkun analizzata f’dan il-każ hija dik tal-konnessjoni bejn id-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-Direttiva VAT, u s-sitwazzjoni stabbilita fl-Istat Membru tal-perċezzjoni li tipprevali f’dan il-pajjiż dwar il-portata tal-prinċipju ne bis in idem. Fil-fatt, ma nistgħux ninsew li huwa l-grad ta’ konnessjoni bejn id-dritt tal-Unjoni “implimentat” bħala prinċipju u l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tal-Istat li jikkostitwixxi l-premessa tal-konstatazzjoni ta’ interess tal-Unjoni li tiżgura d-dritt fundamentali f’din il-kawża. Fl-opinjoni tiegħi, din il-konnessjoni hija estremament marbuta u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex suffiċjenti biex tiġġustifika l-interess tal-Unjoni identifikabbli b’mod ċar li tiżgura dan id-dritt fundamentali partikolari fir-rigward tal-Unjoni.

58.      Mid-Direttiva 2006/112 ma jistax ma jiġix dedott obbligu ta’ effikaċja fil-ġbir tal-VAT (15). Huwa evidenti li fis-soċjetajiet tagħna, li jittieħdu miżuri kontra n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi fiskali hija kundizzjoni sine qua non għall-effettività tal-eżerċizzju tas-setgħa li timponi. L-Istat Membru għandu għalhekk, loġikament, iħaddem is-sistema ġenerali ta’ impożizzjoni tiegħu għall-ġbir tal-VAT, inkluża wkoll is-sistema ta’ sanzjoni, bl-istess mod li huwa għandu jħaddem wkoll l-amministrazzjoni fiskali proprja tiegħu għal dak il-ġbir.

59.      Id-dispożizzjonijiet legali li huma l-bażi tas-setgħa tal-amministrazzjoni li tissanzjona u tal-ius puniendi fis-sens proprju tagħha rispettivament, jaqgħu b’mod ċar f’din il-loġika: f’dan il-każ, hija l-falsifikazzjoni tad-data provduta lill-awtoritajiet tat-taxxa mill-persuna taxxabbli li hija sanzjonabbli, b’mod ġenerali, bħala premessa essenzjali ta’ din is-sistema ta’ sanzjoni. Hija din il-parti tas-sistema fiskali Svediża li tħaddmet għall-ġbir tal-VAT.

60.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda li tqum hija dik dwar jekk il-każ ta’ attività normattiva nazzjonali ispirata direttament mid-dritt tal-Unjoni huwiex komparabbli mal-każ inkwistjoni, li fih id-dritt nazzjonali jitħaddem għall-għanijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Id-domanda hija għalhekk dwar jekk iż-żewġ każijiet humiex komparabbli mill-perspettiva tal-interess li jikkaretterizza l-Unjoni li tiżgura dan id-dritt b’mod dirett u ċentralizzat.

61.      Naħseb li wieħed għandu jipperċepixxi d-differenza bejn il-kawża ftit jew wisq viċin u s-sempliċi occasio fl-analiżi ta’ dan is-suġġett delikat. Jekk teżisti, il-problema li tqajjem it-tifsira tal-portata tal-prinċipju ne bis in idem fid-dritt Svediż hija problema ġenerali għall-binja tas-sistema ta’ sanzjonijiet eżistenti tagħha, bħala tali, irrispettivament mill-ġbir tal-VAT, u li fiha din il-kawża ta’ sanzjoni tal-falsifikazzjoni tad-data tidher bħala sempliċi occasio.

62.      Għalhekk il-kwistjoni hija dwar jekk dan l-occasio għandux fl-aħħar mill-aħħar iwassal lill-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi, flimkien mal-konsegwenzi inevitabbli ġenerali, dwar il-portata tal-prinċipju ne bis in idem fl-ordinament ġuridiku Svediż, bi prijorità fuq dak li jirriżulta mill-istrutturi kostituzzjonali tagħha u mill-obbligi internazzjonali tagħha.

63.      Fl-opinjoni tiegħi, huwa sporporzjonat li niġbdu minn dan l-occasio raġuni biex nimmodifikaw it-tqassim tar-responsabbiltà li tiżgura d-drittijiet fundamentali bejn l-Unjoni u l-Istati. Hekk ukoll, jidher sporporzjonat li l-elementi li huma s-suġġett tal-analiżi tagħna jirrigwardaw kwistjonijiet bħal difiża xierqa, in-natura suffiċjenti tal-prova, jew kwistjonijiet oħra inklużi fit-Titolu VI tal-Karta. Fl-aħħar mill-aħħar jidher riskjuż li jiġi kkonfermat li fl-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, il-leġiżlatur kien antiċipa trasferimenti mill-Istati lejn l-Unjoni tal-garanziji kostituzzjonali kollha konnessi mal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ sanzjoni tal-Istati fil-qasam tal-ġbir tal-VAT.

64.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nikkunsidra, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, li d-domanda li l-qorti tar-rinviju tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiġi assimilata għall-każ ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara ruħha inkompetenti sabiex tirrispondi din id-domanda.

65.      Jekk, għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża, jien nipproponi f’dan il-każ, u sussidjarjament, li tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Haparanda Tingsrätt.

VI – Id-domandi preliminari

66.      Il-ħames domandi preliminari mressqa mill-qorti nazzjonali jistgħu jiġu miġbura fi tnejn. Kif ser nindika fl-argumenti li ġejjin, id-domandi 2, 3, 4 u 5 jirrigwardaw essenzjalment l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem previst mill-Artikolu 50 tal-Karta għall-każijiet ta’ sanzjoni amministrattiva u penali doppja imposta mill-Istati Membri. Id-domanda preliminari 1, li għaliha għandha tingħata risposta fl-aħħar, tirrigwarda l-kundizzjonijiet rikjesti mill-Qorti Suprema Svediża sabiex tapplika l-KEDB u l-Karta fil-ġurisdizzjoni tal-pajjiżi tagħha.

A –    Id-domandi preliminari 2, 3, 4 u 5

1.      Riformulazzjoni u ammissibbiltà

67.      Kif għadni kemm għidt, id-domandi preliminari 2, 3, 4 u 5 imressqa mill-Haparanda Tingsrätt jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta. B’mod partikolari, id-domanda 2 tagħmel riferiment għall-klassifikazzjoni tal-istess fatti għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, jiġifieri, għall-konstatazzjoni li l-istess aġir jiġi pproċessat iktar minn darba. Id-domandi 3 u 4 jitrattaw l-aspett proċedurali tal-prinċipju ne bis in idem, li jikkonsisti fil-projbizzjoni ta’ proċeduri doppji. Id-domanda 5 hija fformulata f’termini pjuttost ipotetiċi, għaliex hija tirrinvija, taħt il-forma ta’ riferiment, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali differenti minn dik fis-seħħ fl-Isvezja.

68.      Fl-opinjoni tiegħi, id-domandi preliminari 2, 3 u 4 jitolbu risposta konġunta. It-tliet domandi jirrigwardaw komponenti differenti tal-istess dritt fundamentali, li għalih ser nirritorna iktar tard, iżda li jibqgħu dejjem parti integrali mill-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fl-aħħar mill-aħħar, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dan il-prinċipju, kif previst fl-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludix li Stat jimponi sanzjoni amministrattiva u penali doppja għall-istess fatti meta huwa japplika d-dritt tal-Unjoni.

69.      Għall-kuntrarju, id-domanda 5 hija inammissibbli. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sistema Svediża hijiex kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta fir-rigward ta’ sistema ipotetika alternattiva (li attwalment ma teżistix fl-Isvezja) ta’ deċiżjonijiet preliminari f’każijiet kriminali. Risposta għal din id-domanda twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi indirettament dwar miżura nazzjonali ineżistenti fl-ordinament ġuridiku Svediż. In-natura ipotetika tad-domanda tagħti lid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja natura ta’ parir konsultattiv pjuttost milli ta’ deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni, dak li l-ġurisprudenza ċaħdet diversi drabi (16). Għalhekk, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-domanda 5 inammissibbli.

2.      Analiżi tad-domandi preliminari 2, 3 u 4

70.      Id-domanda mressqa mill-Haparanda Tingsrätt hija partikolarment kumplessa u tirriżulta delikata bħad-domanda li ser tiġi ttrattata. Minn naħa waħda, is-sanzjoni amministrattiva u penali doppja hija prattika mifruxa ħafna fl-Istati Membri, speċjalment f’oqsma bħal dawk fiskali, ta’ politika ambjentali jew ta’ sigurtà pubblika. Madankollu, il-modalitajiet relattivi għall-akkumulazzjoni tas-sanzjonijiet ivarjaw ħafna bejn l-ordinamenti ġuridiċi u għandhom karatteristiċi speċifiċi u proprji għal kull Stat Membru. Fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn l-ispeċifikazzjonijiet huma intiżi sabiex inaqqsu l-effetti ta’ reazzjoni penali doppja min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, kif ser naraw iktar tard, il-Qorti ta’ Strasbourg ippronunċjat ruħha reċentament fuq dan is-suġġett u kkonfermat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher fil-bidu, dawn il-prattiċi huma kuntrarji għad-dritt fundamentali ne bis in idem previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB. Minkejja dan, jirriżulta li ħadd mill-Istati Membi ma rrattifika din id-dispożizzjoni peress li introduċew, f’ċerti każijiet, riżervi jew dikjarazzjonijiet ta’ interpretazzjoni fuq dan is-suġġett. Jirriżulta għalhekk li l-obbligu ta’ interpretazzjoni tal-Karta fid-dawl tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg (Artikolu 52(3) tal-Karta) sar kemxejn asimetriku peress li jqajjem problemi kbar fl-applikazzjoni tiegħu għall-każijiet partikolari.

a)      L-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg f’dan ir-rigward

i)      L-iffirmar u r-ratifikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB

71.      Il-prinċipju ne bis in idem ma jifformax espressament parti mill-KEDB mill-bidu tagħha. Iż-żieda tiegħu fil-Konvenzjoni seħħet, bħal ma wieħed jaf, permezz tal-Protokoll Nru 7 tagħha, li infetaħ għall-iffirmar fit-22 ta’ Novembru 1984 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1988. Fost drittijiet oħra, l-Artikolu 4 pprovda għall-garanzija ta’ ne bis in idem, bil-għan, skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Protokoll provduti mill-Kunsill tal-Ewropa, li jikkonkretizza l-prinċipju li permezz tiegħu ħadd ma jista jiġi pproċessat jew ikkastigat għal reat li għalih huwa diġà ġie liberat jew ikkundannat b’sentenza li saret res judicata.

72.      Bid-differenza minn drittijiet oħra li jinsabu fil-KEDB, id-dritt previst mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB ma kienx aċċettat b’mod unanimu mill-Istati li ffirmaw il-Konvenjzoni, li huma Stati Membri differenti tal-Unjoni. Fil-ġurnata tal-qari ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Protokoll Nru 7 kien għadu ma ġiex irrattifikat mill-Ġermanja, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit. Fost l-Istati li rrattifikawh, Franza fformulat riżerva għall-Artikolu 4 tal-imsemmi protokoll, li permezz tagħha llimitat l-applikazzjoni tiegħu għar-reati ta’ natura kriminali biss (17). Bl-istess mod, fl-okkażjoni tal-iffirmar, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Italja u l-Portugal ifformulaw dikjarazzjonijiet differenti li fihom l-istess indikazzjoni: il-portata limitata tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7, li l-protezzjoni tagħha tikkonċerna biss is-sanzjoni “kriminali” doppja fis-sens tal-ordinament ġuridiku intern (18).

73.      L-elementi preċedenti juru biċ-ċar u mingħajr ebda ekwivoku li l-problemi li tqajjem is-sanzjoni amminsitrattiva u penali doppja huma kkaratterizzati minn nuqqas serju ta’ qbil bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. In-natura problematika tal-kuntest huwa manifest li għandu jiġi deċiż bin-negozjati dwar il-futur tal-konformità tal-Unjoni mal-KEDB, li matulhom l-Istati u l-Unjoni ddeċidew li jeskludu, għalissa, il-Protokolli tal-KEDB, li jinkludu dan inkwistjoni f’din il-kawża (19).

74.      Dan in-nuqqas ta’ qbil jista’ jkun spjegat mill-importanza kemm tal-istrumenti ta’ infurzar amministrattiv f’ħafna Stati Membri, kif ukoll mill-enfażi partikolari li titqiegħed, f’dawn l-Istati Membri, kemm fuq il-proċedura u kif ukoll fuq is-sanzjoni kriminali. Min-naħa l-waħda, l-Istati ma jridux jirrinunzjaw għall-effiċjenza li tikkaratterizza s-sanzjoni amministrattiva, b’mod partikolari f’oqsma fejn l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiżguraw osservanza sħiħa tal-legalità, bħal fil-każ tad-dritt fiskali jew id-dritt tas-sigurtà pubblika. Min-naħa l-oħra, in-natura eċċezzjonali tal-intervent kriminali u kif ukoll il-garanziji li l-akkużat igawdi matul il-proċess, jinkoraġġixxu lill-Istati li jirriżervaw marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw l-aġir li għandu jkun suġġett għal proċeduri kriminali. Dan l-interess doppju li jikkonservaw setgħa ta’ sanzjoni kemm amministrattiva kif ukoll penali tispjega għaliex numru kbir ta’ Stati Membri rrifjutaw attwalment, b’mod jew ieħor, li jissottomettu ruħhom għall-Qorti ta’ Strasbourg, li, bħalma ħa naraw issa, evolviet fis-sens li prattikament teskludi din id-duwalità.

ii)    Il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg relatata mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB

75.      It-trattament tal-każijiet tas-sanzjoni amminsitrattiva u penali doppja kienu suġġetti fis-sistema tal-KEDB għal żvilupp sensibbli sa mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Nru 7, u jikkonsisti fi tliet elementi li ser neżamina issa: id-definizzjoni ta’ proċedura kriminali, l-identità ta’ aġir tipiku u l-akkuża doppja.

76.      Fl-ewwel lok, il-Qorti ta’ Strasbourg malajr interpretat l-espressjoni “proċedura kriminali” fid-dawl tal-“kriterji Engel” bil-għan li testendi l-garanziji mogħtija mill-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB għal sanzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi li ġew formalment ikklassifikati bħala sanzjonijiet amministrattivi (20). Huwa stabbilit li, sa mis-sentenza bl-istess isem, il-Qorti ta’ Strasbourg użat tliet kriterji sabiex tevalwa jekk sanzjoni partikolari għandhiex natura kriminali għall-finijiet tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB: il-klassifikazzjoni tar-reat fid-dritt nazzjonali, in-natura tar-reat u l-grad ta’ gravità tas-sanzjoni imposta fuq min iwettaq il-ksur (21). Dawn il-kundizzjonijiet ġew applikati għas-sanzjonijiet fiskali li jinkludu s-sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Svediża kkontestata (22), u l-Qorti ta’ Strasbourg ikkonfermat li din it-tip ta’ miżura taqa’ fil-kategorija ta’ sanzjonijiet ta’ natura “kriminali” fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tal-KEDB u, b’estensjoni, tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tagħha (23).

77.      Fit-tieni lok, wara xi eżitazzjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasboug relattiva għall-prinċipju ne bis in idem stess, ikkonfermat li l-projbizzjoni tal-piena doppja tirreferi għal dik li tissanzjona l-istess fatti u mhux aġir ikklassifikat bl-istess mod mil-leġiżlazzjoni li tiddefinixxi r-reati. Waqt li dan it-tieni approċċ, b’mod ċar formalistiku u li jnaqqas il-portata tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB, jirriżulta minn sentenzi differenti mogħtija wara d-dħul fis-seħħ tiegħu (24), l-Awla Manja tal-Qorti ta’ Strasbourg ikkonfermat fl-2009 l-ewwel approċċ fil-kawża Zolotoukhine vs Ir-Russja (25). F’din il-kawża, il-Qorti ta’ Strasbourg ikkonstatat mingħajr ebda ekwivoku li l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB għandu jiġi meqjus li jipprojbixxi l-ipproċessar jew il-kundanna ta’ persuna għat-tieni “reat”, sa fejn dan ikollu bħala oriġini fatti identiċi jew fatti li huma essenzjalment l-istess (26). B’hekk, il-Qorti ta’ Strasbourg reġgħet qabdet analiżi tal-inkriminazzjoni doppja skont dik li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-ġurisprudenza relattivi għall-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (27).

78.      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-aspett proċedurali tal-prinċipju ne bis in idem, jew kif normalment ikklassifikat ukoll il-projbizzjoni ta’ piena doppja, il-Qorti ta’ Strasbourg ikkonstata li, meta jirriżulta li sanzjoni ġiet imposta għall-istess fatti, huwa pprojbit li tinbeda proċedura ġdida ladarba l-ewwel sanzjoni ssir res judicata (28). Din il-konklużjoni tapplika għall-każijiet li fihom l-ewwel sanzjoni għandha natura amministrattiva waqt li t-tieni hija ta’ natura kriminali (29), iżda ukoll għall-każijiet li fihom l-avvenimenti huma inversi (30). Fl-aħħar nett, wara r-rinviju ta’ din id-domanda preliminari, il-Qorti ta’ Strasbourg iddikjarat li mhux aċċettabli li timponi l-ewwel sanzjoni fuq it-tieni waħda sabiex tnaqqas l-effett tal-piena doppja (31).

79.      Fil-qosor, l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg juri li sa issa, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB jipprekludi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjoni amministrattiva u penali doppja għall-istess fatti, u dan jostakola l-ftuħ tat-tieni proċedura, kemm amministrattiva kif ukoll kriminali, meta l-ewwel sanzjoni tkun saret res judicata. Il-ġurisprudenza attwali, b’mod partikolari sa mis-sentenzi mogħtija mill-Qorti ta’ Strasbourg fil-kawża Zolotoukhine vs Ir-Russja, żviluppat teorija rilevanti fi Strasbourg. Bħala prinċipju, din it-teorija għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju elementi wiesgħa biżżejjed, mill-perspettiva tal-KEDB, biex issolvi l-kawża bejn H. Fransson u l-Istat Svediż.

80.      Madankollu, il-problemi sottomessi lilna fil-kawża inkwistjoni ma jiqfux hemm, u jidher li dan ma hu xejn għajr il-bidu. Fil-fatt, kif iddikjarajt, l-ugwaljanza li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ġiet akkwistata bejn l-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB u l-Karta tqajjem problemi serji.

b)      Il-prinċipju ne bis in idem fid-dritt tal-Unjoni: l-Artikolu 50 tal-Karta u l-interpretazzjoni tiegħu fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB

i)      Interpretazzjoni parzjalment awtonoma tal-Artikolu 50 tal-Karta: limiti ta’ interpretazzjoni fid-dawl tal-KEDB

81.      Bħal ma wieħed jaf, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li, sa fejn id-drittijiet iddikjarati f’din id-dispożizzjoni jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, “it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija”.

82.      Kif ser nispjega issa, din il-kawża tqajjem kwistjoni ġdida li tikkundizzjona kemm il-portata tal-obbligu tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, kif ukoll il-proklamazzjoni tad-drittijiet tal-KEDB bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm l-Artikolu 50 tal-Karta jistabbilixxi dritt li jikkorrispondi mad-dritt previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB (32), huwa ċar li l-aspett ta’ ne bis in idem invokat f’din il-proċedura huwa ’il bogħod milli jestendi u jorbot fl-Istati li ffirmaw il-KEDB. Kif indikajt fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, numru sinjifikattiv ta’ Stati Membri ma rrattifikawx il-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB, jew introduċew riżervi jew dikjarazzjonijiet li jirrigwardaw preċiżament l-Artikolu 4 tiegħu sabiex jevitaw l-estensjoni tiegħu għas-sanzjonijiet amministrattivi.

83.      Kif diġà indikajt, l-Istati tal-Unjoni jipprovdu b’mod kostanti, għalkemm fi gradi diversi, setgħa ta’ sanzjoni amministrattiva. F’numru kbir tal-Istati Membri, din is-setgħa hija kompatibbli mal-ius puniendi u tista’ twassal għal sanzjoni amministrattiva u penali doppja. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istati Membri li jaċċettaw il-piena doppja jagħmlu dan b’mod diskrezzjonali. Għall-kuntrarju, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-Istati li għandhom dispożizzjonijiet ta’ piena doppja jipprovdu sistema li tevita effett ta’ sanzjoni eċċessiva (33). Hekk il-Kunsill Kostituzzjonali Franċiż indika li l-ammont globali ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu ppronunċjati ma jeċċedix l-iktar ammont ogħli tas-sanzjonijiet inkorsi (34). Il-ġurisprudenza Ġermaniża applikat kriterju ta’ proporzjonalità każ b’każ sabiex tevita li l-ammont globali tas-sanzjonijiet ma jkunx eċċessiv (35). Stati oħra pprovdew regola kriminali preliminari li tobbliga lill-qorti ċivili li tissospendi l-proċedura waqt li tistenna d-deċiżjoni finali tal-qorti kriminali (36). Id-dritt tal-Unjoni jipprovdi wkoll soluzzjoni ta’ dan it-tip, pereżempju l-Artikolu 6 tal-leġiżlazzjoni finanzjarja dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (37). F’ordinamenti ġuridiċi oħra bħal ma jidher li hu l-każ tal-Isvezja, il-qorti kriminali adita mit-tieni proċedura tista’ tnaqqas is-sanzjoni amministrattiva għall-ammont tas-sanzjoni kriminali.

84.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li l-adozzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa neċessarjament karatteristiċi proprji meta applikat għall-prinċipju ne bis in idem. Mill-bqija, sabiex inkomplu bl-espressjoni tal-Artikolu 6(3) TUE, il-KEDB ma “tiggarantix” effettivament il-prinċipju ne bis in idem bl-istess mod kif jiggarantixxi d-dispożizzjonijiet essenzjali tal-KEDB, li huma imposti fuq l-Istati kollha li huma parti mill-imsemmija KEDB. Fl-opinjoni tiegħi, l-KEDB, li għaliha jirreferi d-dritt primarju tal-Unjoni, hija l-Konvenzjoni proprja, jiġifieri bl-akkumulazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji tagħa u, sa ċertu punt, kundizzjonali. L-interpretazzjoni tar-riferimenti għall-KEDB ipprovduta fid-dritt primarju tal-Unjoni ma tistax tinjora dan il-fatt.

85.      Wara li ġew ikkunsidrata l-elementi kollha preċedenti, naħseb li l-obbligu ta’ interpretazzjoni tal-Karta fid-dawl tal-KEDB għandu jkun ikkwalifikat meta d-dritt fundamentali inkwistjoni, jew xi aspett tiegħu (bħal ma huwa l-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB għas-sanzjoni amministrattiva u penali doppja), ma jkunx ġie adottat b’mod sħiħ mill-Istati Membri. Barra minn hekk, anki jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt u l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg fuq dan is-suġġett jikkostitwixxu sors ta’ ispirazzjoni għad-dritt tal-Unjoni, jien nikkunsidra li l-obbligu li jipprova jintlaħaq il-livell ta’ protezzjoni tal-Karta fuq dak tal-KEDB ma għandux l-istess effettività.

86.      Fl-aħħar mill-aħħar, din il-kawża turi s-sitwazjoni li fiha nuqqas ta’ qbil dwar dritt mill-Konvenzjoni jwassal għal preżenza qawwija u l-egħruq tas-sistemi tas-sanzjoni amministrattiva u penali doppja tal-Istati Membri. Fil-każ tas-sanzjoni amministrattiva u penali doppja, l-intensità ta’ din il-preżenza u ta’ dawn l-egħruq jistgħu wkoll ikunu kklassifikati bħala tradizzjoni kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri.

87.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 50 tal-Karta jirrekjedi interpretazzjoni parzjalment awtonoma (38). Għandha ċertament tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza attwali tal-Qorti ta’ Strasbourg, iżda l-livell ta’ protezzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis għandu jkun frott ta’ interpretazzjoni indipendenti u esklużiva bbażata fuq id-dispożizzjonijiet u l-portata tal-Artikolu 50 iċċitat iktar ’il fuq.

ii)    L-Artikolu 50 tal-Karta u s-sanzjoni amministrattiva u penali doppja

88.      Il-prinċipju ne bis in idem huwa ankrat b’mod kunsiderevoli fid-dritt tal-Unjoni. Qabel l-inklużjoni tiegħu mill-Konvenzjoni ta’ Schengen u mid-Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ Arrest Ewropew bħala limitu tal-eżerċizzju tal-ius puniendi tal-Istati Membri, anki qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dan il-prinċipju fid-dritt tal-kompetizzjoni u fil-kuntest tal-ġurisprudenza dwar is-servizz pubbliku tal-Unjoni (39). Fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Götzütok u Brügge, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer invoka l-prinċipju b’mod dettaljat fil-kuntest tal-iżvilupp storiku tad-dritt tal-Unjoni (40), kif għamel iktar reċentament l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tiegħu relattivi għall-kawża Toshiba (41). Jien miniex ser niffoka fuq din il-kwistjoni u nikkuntenta ruħi għalhekk li nirreferi għal dawn iż-żewġ testi.

89.      Fl-istat attwali tal-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja titratta l-prinċipju ne bis in idem b’mod uniformi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet li ser nippreċiża iktar tard (42).

90.      L-ewwel nett, il-ġurisprudenza adottat interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “sanzjoni”, skont il-ġurisprudenza Engel tal-Qorti ta’ Strasbourg iċċitata, bil-għan li tissottometti s-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni f’din il-ġurisprudenza (43). Minn din il-perspettiva, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, sanzjoni fiskali imposta sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun ikkunsidrata bħala sanzjoni materjalment “kriminali”.

91.      Imbagħad, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja adottat, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, pożizzjoni protettiva wisq fid-definizzjoni tal-elementi li jagħtu lok għal doppja piena. Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni Schengen kif ukoll fid-Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ Arrest Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-identità rikjesta mill-prinċipju ne bis in idem tirreferi għall-“istess fatti” u mhux għall-istess persuna li wettqet il-ksur u lanqas għall-istess interessi ġuridiċi protetti (44). Il-kuntest ta’ din il-kawża jirrigwarda l-eżekuzzjoni nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni, li jikkorrispondi preċiżament għad-dimensjoni li fiha tipi applikata l-perċezzjoni estensiva tal-prinċipju ne bis in idem. Għalhekk, nikkunsidra li dan huwa wkoll it-trattament li għandu jingħata lill-każ bħal dak tal-kawża inkwistjoni, u li l-Qorti ta’ Strasbourg stess tat privileġġ sa mis-sentenza Zolothoukine ċċitata iktar ’il fuq.

92.      Finalment, l-unika kwistjoni li għad trid tiġi regolata hija dik dwar jekk l-eżistenza preċedenti ta’ proċedura amministrattiva ta’ sanzjoni segwita minn kundanna definittiva toħloqx ostakolu għall-ftuħ ta’ proċeduri kriminali u għall-kundanna kriminali eventwali mill-Istati Membri.

93.      Waqt li niġbor fil-qosor il-kwistjoni f’dawn it-termini, u suġġett għall-preċiżjonijiet li ser nagħmel, nikkunsidra li l-Artikolu 50 tal-Karta ma jimplikax, fil-preżent, li l-eżistenza preċedenti ta’ sanzjoni amministrattiva tagħlaq irrevokabbilment il-bieb għal proċeduri kollha quddiem il-qorti kriminali, u anki għal kundanna. Nixtieq nippreċiża li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li ma jistax ikun disassoċċjat mill-prinċipju tal-Istat tad-dritt (Artikolu 2 TUE) jimponi fuq l-ordinament ġuridiku nazzjonali li jippermetti lill-qorti kriminali li tikkunsidra, b’mod jew ieħor, l-eżistenza preċedenti ta’ sanzjoni amministrattiva sabiex tirriduċi s-sanzjoni kriminali.

94.      Min-naħa l-waħda, xejn fl-Artikolu 50 tal-Karta ma jippermetti, fih innifsu, li jiġi konkluż li wieħed għandu jifhem projbizzjoni ta’ konverġenza bejn is-setgħa ta’ sanzjoni tal-amministrazzjoni u tal-qorti kriminali għall-istess aġir. F’dan ir-rigward, għandha tinġibed l-attenzjoni dwar in-natura ta’ enfażi tal-vokabularju użat fl-Artikolu 50 tal-Karta bl-aġġettiv “kriminali”, meta mqabbel mal-vokabularju użat fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB. Hekk jidher ukoll kemm fit-titoli tad-dispożizzjonijiet rispettivi kif ukoll fil-klassifikazzjoni ta’ sentenza li saret res judicata deskritta fl-ewwel dispożizzjoni, iżda mhux fit-tieni waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq. Din id-differenza għandha tkun ikkunsidrata bħala mhux li tista’ tiġi injorata fir-rigward ta’ dispożizzjoni, bħal dik tal-Karta, redatta snin wara dik tal-Protokoll suespost.

95.      Issa, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, fi kwalunkwe każ, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, kif imsemmi fid-dispożizzjonijiet tal-klawżola tal-Istat tad-dritt skont tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni (45), jipprekludi eżerċizzju ta’ funzjoni tal-qorti kriminali li tagħmel astrazzjoni kompleta taċ-ċirkustanza li l-fatti li huma sottomessi lilha diġà kienu s-suġġett ta’ sanzjoni amministrattiva.

96.      Għalhekk, naħseb li l-Artikolu 50 tal-Karta għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jibdew proċeduri quddiem qorti kriminali għall-fatti li diġà ġew sanzjonati, b’mod definittiv, mill-amministrazzjoni ladarba il-qorti kriminali hija f’pożizzjoni li tikkunsidra l-eżistenza preċedenti ta’ sanzjoni amministrattiva sabiex tirriduċi l-piena li hija għandha timponi.

c)      L-Artikolu 50 tal-Karta applikat għal dan il-każ

97.      F’dan l-istadju, u skont dak li pproponejt sa issa, nikkunsidra li l-unika domanda li hawn lok li tkun analizzata, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, hija dik dwar jekk id-dritt nazzjonali jippermettix lill-qorti kriminali li tikkunsidra l-applikazzjoni preċedenti ta’ sanzjoni amministrattiva definittiva sabiex ma jintlaħaqx riżultat finali sproporzjonat u tinjora, f’kull każ, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni inerenti għall-Istat tad-dritt.

98.      Jirriżulta mill-atti li Fransson ipproċeda bil-ħlas tas-sanzjonijiet finanzjarji li l-iSkatterverket imponiet fuqu f’dik l-epoka, u li dawn id-deċiżjonijiet daħlu fis-seħħ.

99.      Bl-istess mod, u kif ir-rappreżentant ta’ Fransson spjega waqt is-seduta, il-klijent tiegħu kien suġġett għall-proċeduri kriminali u kkundannat għas-sanzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 u 4 tal-iSkatterbrottslagen, li jipprovdu pieni li jistgħu jitilgħu sa sitt snin priġunerija.

100. L-atti ma jippreċiżawx jekk il-leġiżlazzjoni Svediża tipprovdix espliċitament għal sistema ta’ kumpens, iżda d-digriet tar-rinviju jindika li għandha tkun “ikkunsidrata”, mill-qrati Svediżi, is-sanzjoni fiskali imposta “meta jiġu determinati l-pieni ġudizzarji”.

101. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tanalizza l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema ta’ kumpens prevista mid-dritt Svediż, kemm jekk huwa fuq livell leġiżlattiv u kif ukoll fil-prattika ġurisprudenzjali tal-qrati ta’ dan il-pajjiż. Jekk din is-sistema tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ kumpens li jippermetti li tiġi kkunsidrata l-ewwel sanzjoni għall-effett li tiġi ridotta t-tieni waħda, jidhirli li t-tieni proċedura ma hijiex ser tkun kontra l-Artikolu 50 tal-Karta. Mill-banda l-oħra, jekk il-kriterju użat fl-ordinament ġuridiku Svediż ma jippermettix kumpens fil-kundizzjonijiet fuq imsemmija, Fransson jibqa’ għalhekk espost għat-tieni sanzjoni, li jikser, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 50 iċċitat iktar ’il fuq tal-Karta.

B –    Id-domanda preliminari 1

102. Bl-ewwel domanda preliminari, il-Haparanda Tingsrätt esprimiet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ kriterju prevvist mid-dritt Svediż, b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema tagħha, li permezz tiegħu n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ liġi Svediża kuntrarja għad-drittijiet imsemmija fil-Karta u l-KEDB huwa subordinarju għall-eżistenza ta’ “bażi ċara” fid-dispożizzjonijiet tal-Karta, tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

103. Kif ifformulat mill-qorti tar-rinviju, din id-domanda tirreferi għal żewġ sitwazzjonijiet distinti: fl-ewwel lok, għall-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ kriterju ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem bħala ftehim internazzjonali li d-drittijiet tiegħu jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (Artikolu 6(3) TUE). Fit-tieni lok, il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-istess kriterju għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Karta, u konsegwentament, tad-dritt tal-Unjoni.

1.      Il-bażi “ċara” bħala kriterju tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mill-qorti nazzjonali

104. Il-Haparanda Tingsrätt invokat ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, skont liema għandha teżisti “bażi ċara” fil-KEDB jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg sabiex ma tiġix applikata liġi Svediża inkompatibbli mal-Konvenzjoni ċċitata. Din il-kundizzjoni ġiet applikata mill-Qorti Suprema Svediża f’kawżi diversi li jirrigwardaw il-problema tal-kawża inkwistjoni, u waslet, fil-kawżi kollha tagħha, għall-konklużjoni li l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg relattiva għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 tal-KEDB ma fihomx “bażi ċara”. Madankollu, il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti ta’ Strasbourg ikkonfermat, kif spjegajt fil-punti 75 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li teżisti attwalment “bażi ċara” favur il-konklużjonijiet ta’ Fransson.

105. Ir-riforma magħmula mit-Trattat ta’ Lisbona tispjega l-oriġini tad-domanda mressqa mill-Haparanda Tingsrätt. Bħalma wieħed jaf, l-Artikolu 6(3) TUE ma jikkorrispondix mal-kliem tal-Artikolu 6(2) TUE l-antik. Qabel l-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu ċċitat kien jiddikjara li l-Unjoni “tirrispetta d-drittijiet fundamentali li huma ggarantiti mill-[KEDB]”, waqt li l-verżjoni fis-seħħ tipprovdi li d-drittijiet fundamentali, li huma ggarantiti mill-KEDB, “jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali” (46). Jirriżulta għalhekk, li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB, li kienu rispettati mill-Unjoni, jagħmlu issa parti mill-ordinament ġuridiku tagħha. Il-bidla tal-importanza tagħha u l-qorti tar-rinviju jidhru li jikkunsidraw li l-KEDB akkwistat wara l-2009, irrispettivament mill-konformità futura tal-Unjoni magħha, status ġdid fid-dritt tal-Unjoni.

106. Fid-dawl tal-elementi preċedenti, u jekk id-drittijiet tal-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni, huwa leġittimu li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix kriterju bħal dak żviluppat mill-Qorti Suprema Svediża, li jirrekjedi l-eżistenza ta’ “bażi ċara” sabiex tkun tista’ tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali kuntrarja għall-KEDB.

107. Ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mis-sentenza Kamberaj, mogħtija reċentament mill-Qorti tal-Ġustizzja (47). F’din il-kawża, il-kwistjoni kienet dwar jekk, fil-każ ta’ kunflitt bejn regola interna u l-KEDB, l-Artikolu 6(3) TUE jobbligax lill-qorti nazzjonali li tapplika direttament id-dispożizzjonijiet tal-KEDB u ma tapplikax regola interna inkompatibbli ma’ din tal-aħħar.

108. Wara li ġie enfasizzat li l-Artikolu 6(3) TUE, fil-verżjoni emendata mit-Trattat ta’ Lisbona, tirriproduċi biss ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar ikkunsidrat li t-termini l-ġodda ta’ din ir-regola ma jemendawx l-istatus tal-KEDB fid-dritt tal-Unjoni, u konsegwentament, lanqas fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri (48). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-Artikolu 6(3) TUE ma jiddeterminax “il-konsegwenzi li għandha tasal għalihom il-qorti nazzjonali f’każ ta’ kunflitt bejn id-drittijiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni u regola ta’ dritt nazzjonali” (49).

109. Fl-aħħar mill-aħħar, għalkemm id-drittijiet li hija tirrikonoxxi jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, il-KEDB ma tikkostitwixxix, bħala tali, strument ġuridiku formalment integrat fl-ordinament ġuridiku Ewropew. Is-sitwazzjoni tinbidel meta l-obbligu previst fl-Artikolu 6(2) TUE, li jipprovdi l-konformità tal-Unjoni mal-KEDB, jikkonkretizza ruħu. Madankollu, fl-istat attwali tal-proċess ta’ integrazzjoni, il-kriterji tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji tal-effett dirett u tas-supremazija, ma jestendix għall-KEDB meta dan jiġi applikat mill-qrati tal-Istati Membri. Għalhekk, u skont dak li ġie deċiż reċentament fis-sentenza Kamberaj, il-kriterju ta’ “bażi ċara”, kif applikat mill-Qorti Suprema Svediża għall-każijiet li jirrigwardaw esklużivament l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-KEDB, ma jistax jiġi sottomess għall-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.      Il-bażi “ċara” bħala kriterju tal-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mill-qorti nazzjonali

110. Il-Haparanda Tingsrätt tirreferi wkoll għall-estensjoni tal-kriterju ta’ “bażi ċara” għad-drittijiet protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari, għall-Artikolu 50 tagħha. F’din il-kawża l-kwistjoni ma tirrigwardax iktar ir-relazzjoni bejn il-KEDB u d-dritt tal-Unjoni, iżda esklużivament din tal-aħħar.

111. Għalhekk, wieħed jista’ jistaqsi, kif għamlet il-qorti tar-rinviju, jekk rekwiżit impost mill-Qorti Suprema Svediża bħal ma huwa dak tal-“bażi ċara”, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jikkundizzjonax il-funzjoni ġurisprudenzjali tal-qrati ta’ istanza Svediżi, bħal ma huwa l-każ tal-Haparanda Tingsrätt.

112. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u jekk meħtieġ tonqos milli tapplika kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir tagħha minn qabel permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (50). Dan l-istess raġunament jestendi wkoll għall-ġurisprudenza nazzjonali ta’ qorti superjuri li tipprekludi jew tippreġudika l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħal fatt inkwistjoni, il-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ “bażi ċara” prevista fil-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema Svediża, sabiex ma tiġix applikata regola nazzjonali inkompatibbli mal-Karta.

113. Fl-opinjoni tiegħi, il-kundizzjoni relattiva għall-“bażi ċara” ma tikkostitwixxix, a priori, ostakolu li jipprekludi jew li jirrendi eċċessivament diffiċli n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ regola nazzjonali inkompatibbli mal-Karta. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema Svediża, id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ regola nazzjonali għandha jkollha qabilha dritt fundamentali li huwa rilevanti suffiċjentement sabiex il-qorti nazzjonali tippronunzja ruħha fuq dan is-suġġett. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kundizzjoni relattiva għall-“bażi ċara” hija għalhekk eżempju ta’ rekwiżit ta’ ċertezza minima dwar il-kontenut leġiżlattiv, għax, fil-każ kuntrarju, il-qorti nazzjonali ma jkollhiex l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar ir-regola nazzjonali inkwistjoni. Wieħed jista’ jsostni validament li l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg ta’ qabel is-sentenza Zolotoukhine vs Ir-Russja kellha nuqqas sinjifikattiv ta’ “kjarezza”, a fortiori, f’każ simili għal dak Svediż, li kien għadu ma ġiex sottomess lill-Qorti ta’ Strasbourg u li ma kellux punti komuni ma’ kawżi oħra solvuti minn din tal-aħħar.

114. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi ammess li l-kundizzjoni relattiva għall-“bażi ċara” tinbidel f’kundizzjoni li taffettwa l-intensità tal-istħarriġ normalment magħmul mill-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Rekwiżit li r-regola li sservi għall-kriterju ta’ evalwazzjoni tkun “ċara” ma jistax jinbidel f’kundizzjoni li timponi li l-illegalità tar-regola nazzjonali tkun “manifesta”. Fi kliem ieħor: kundizzjoni ta’ kjarezza fil-kontenut ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala skuża għar-riduzzjoni tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju effettwat mill-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-ordinament ġuridiku tagħha. Fil-każ kuntrarju, din timponi oneru tal-prova eċċessiv fuq il-partijiet li jinvokaw l-inkompatibbiltà ta’ regola nazzjonali ma’ regola tal-Unjoni, li tikkostitwixxi ostakolu għall-effettività sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli. Din il-konklużjoni hija msaħħa meta l-kundizzjoni ta’ “kjarezza” tnaqqas l-intensità tal-istħarriġ fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss, iżda mhux fir-rigward tal-kawżi purament interni. F’dan il-każ, din ma tpoġġix inkwistjoni biss l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, iżda tikser ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza, kif ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ ġurisprudenza abbondanti(51).

115. Fl-aħħar mill-aħħar, jien nikkunsidra li d-dritt tal-Unjoni għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix dak li qorti nazzjonali teżamina, qabel ma tevita l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali, jekk dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija “ċara”, sa fejn din il-kundizzjoni ma tirrendix iktar diffiċli l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ interpretazzjoni u tan-nuqqas ta’ applikazzjoni li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-qrati nazzjonali.

VII – Konklużjoni

116. Fid-dawl tal-argumenti esposti fil-punti 48 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jien nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara ruħha inkompetenti li tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Haparanda Tingsrätt.

117. Sussidjarjament, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija kompetenti sabiex tippronunzja ruħha fuq il-mertu, jien nissuġġerixxi li tirrispondi għad-domandi preliminari ċċitati fit-termini segwenti:

“1.      Fl-istat attwali tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-Istati Membri milli jibdew proċeduri quddiem qorti kriminali għall-fatti li diġà kienu ssanzjonati, b’mod definittiv, mill-amministrazzjoni sa fejn il-qorti kriminali tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra l-eżistenza preċedenti ta’ sanzjoni amministrattiva sabiex tirriduċi l-piena li hija għandha timponi.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk għandhiex, fil-kawża inkwistjoni u fid-dawl tar-regoli nazzjonali applikabbli fil-qasam, tikkunsidra s-sanzjoni amminstrattiva preċedenti, sabiex tkun tista’ tirriduċi l-piena mogħtija mill-qorti kriminali.

2.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tippronunċja ruħha dwar il-kompatibbiltà mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ kundizzjoni tad-dritt Svediż li tirrikjedi l-eżistenza ta’ “bażi ċara” sabiex il-qrati nazzjonali ma japplikawx regola interna.

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li qorti nazzjonali teżamina, qabel ma teskludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali, jekk dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hijiex “ċara”, ġaladarba din il-kundizzjoni ma tirrendix iktar diffiċli l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ interpretazzjoni u nuqqas ta’ applikazzjoni li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-qrati nazzjonali.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 –      Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 347, p. 1).


3 –      Ara b’mod partikolari, Groussot, X. Pech, L. u Petursson, G.T. “The Scope of Application of EU Fundamental Rights on Member States’ Action: In Search of Certainty in EU Adjudication”, Eric Stein Working Paper 1/2011.


4 – Ara pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Schmidberger (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, C-112/00, Ġabra p. I-05659); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Centro Europa 7 (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, C-308/05, Ġabra p. I-00349); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ruiz Zambrano (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, C-34/09, Ġabra p. I‑1177); jew il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Scattolon (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, C-108/10, Ġabra p. I‑7491).


5 – Ara l-ispjegazzjonijiet relattivi għall-Artikolu 51 tal-praesidium tal-Konvenzjoni li telabora l-Karta, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(3)(1) tal-Karta.


6 – Ara min-naħa, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. 2609); tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C-2/92, Ġabra p. I-955) u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00 Ġabra p. I-5659); u min-naħa l-oħra, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925), u tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C-368/95, Ġabra p. I-3689); u qabbel is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 1996, Maurin (C-144/95, Ġabra p. I-2909); tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C-299/95, Ġabra p. I-2629) u tat-18 ta’ Diċembru 1997, Annibaldi (C-309/96, Ġabra p. I-7493).


7 –      Ara b’mod partikolari, J. Nusser, Die Bindung der Mitgliedstaaten an die Unionsgrundrechte, Ed. Mohr Siebeck, Tubinga, 2011, p. 54 et. seq.; J. Kokott, u C. Sobotta, “The Charter of Fundamental Rights of the European Union after Lisbon”, EUI Working Papers, Akkademja tal-Liġi Ewropea, Nru 2010/06; R. Alonso Garcia, “The General Provisions of the Charter of Fundamental Rights of the European Union”, Nru 8 tal-Ġurnal tal-Liġi Ewropea, 2002; X. Groussot, L. Pech, G.T. Petursson “The scope of Application ...” ktieb iċċitat; P. Eeckhout, “The Charter of Fundamental Rights and the federal question”, 39 Common Market Law Review, 2002; J.P. Jacqué, “La Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: aspects juridiques généraux”, REDP, vol. 14, Nru 1, 2002; A. Egger, “EU-Fundamental Rights in the National Legal Order: The Obligations of Member States Revisited”, Yearbook of European Law, vol. 25, 2006; A. Rosas u H. Kaila, “L’application de la Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne par la Cour de justice – un premier bilan”, Il Diritto dell’Unione Europea, 1/2011, u J. Weiler u N. Lockhart, “Taking rights seriously”: The European Court and its Fundamental Rights Jurisprudence – Part I” Nru 32, Common Market Law Review, 1995.


8 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tat-30 ta’ Ġunju 2005, Bosphorus vs l-Irlanda (Kawża 45036/98).


9 – Ara, fost oħrajn, is-“sitwazzjonijiet” fil-kawżi Wachauf u ERT, iċċitati iktar ’il fuq, kif ukoll l-eżempji numerużi msemmija minn H. Kaila, “The Scope of Application of the Charter of Fundamental Rights of the European Union in the Member States”, f’P. Cardonnel, A. Rosas u N. Wahl, Constitutionalising the EU Judicial System. Essays in Honour of Pernilla Lindh, Hart Publishers, Oxford-Portland, 2012.


10 –      Ara J. Nusser Die Bindung der Mitgliedstaaten [...] iċċitat iktar ’il fuq.


11 –      I. Pernice, “Bestandssicherung der Verfassungen: Verfassungsrechtliche Mechanismen zur Wahrung der Verfassungsordnung”, fi R. Bieber u P. Widmer, (eds), L’espace constitutionnel européen. Der europäische Verfassungsraum. The European constitutional area, Schultess Polygraphischer Verlag, Zurich, 1995, p. 261 et seq.; u iktar reċenti, tal-istess awtur, Das Verhältnis europäischer zu nationalen Gerichten im europäischen Verfassungsverbund, Ed. De Gruyter, Berlin 2006, p. 17 et seq.


12 –      Ara, b’mod speċjali, J. Nusser, Die Bindung der Mitgliedstaaten [...], iċċitat iktar ’il fuq.


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1976, Watson u Belmann (118/75, Ġabra p. 1185); tal-14 ta’ Lulju 1977, Sagulo et (8/77, Ġabra p. 1495); tal-10 ta’ Lulju 1990, Hansen (C-326/88, Ġabra p. I-2911); tat-2 ta’ Ottubru 1991, Vandevenne et (C-7/90, Ġabra p. I-4371); tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, Ġabra p. 2965); is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1997, Ebony Maritime u Loten Navigation (C-177/95, Ġabra p. I-1111); tal-31 ta’ Marzu 2011, Aurubis Balgaria (C-546/09, Ġabra p. I‑2531), u tad-9 ta’ Frar 2012, Urbán (C-210/10). B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tas-sanzjonijiet nazzjonali meħuda fl-eżekuzzjoni tad-Direttivi tal-Unjoni, ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Louloudakis (C-262/99, Ġabra p. I-5547); tal-11 ta’ Settembru 2003, Safalero (C-13/01, Ġabra p. I-8679); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Grilli (C-12/02, Ġabra p. I-11585); tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565), u tal-5 ta’ Lulju 2007, Ntionik u Pikoulas (C-430/05, Ġabra p. I-5835).


14 –      Ara l-punt 17 tad-digriet tar-rinviju.


15 – Ara l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/122.


16 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 32); tat-8 ta’ Settembru 2009, Budĕjovický Budvar (C-478/07, Ġabra p. I-7721, punt 64), u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 28).


17 – Ir-riżerva maħruġa fis-17 ta’ Frar 1986 hija miktuba kif ġej: “Il-Gvern tar-Repubblika Franċiża jiddikjara li l-ksur rilevanti skont id-dritt Franċiż tal-kompetenza tal-qrati fl-qasam kriminali biss għandhom ikun ikkunsidrati bħala ksur fis-sens tal-Artikoli 2 u 4 ta’ dan il-Protokoll.”


18 – It-termini ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet huma prattikament l-istess bħal dak tar-riżerva Franċiża bi ftit varjanti minimi. Madankollu, ma nistgħux ninsew li, fis-sentenza Gradinger vs Autriche, il-Qorti ta’ Strasbourg ippronunċjat l-invalidità tad-dikjarazzjoni Awstrijaka relattivi għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB (punti 49 sa 51), iżda għal raġunijiet formali u konformi mal-ġurisprudenza mibdija mill-kawża famuża Belilos vs Suisse. F’dan ir-rigward, ara I. Cameron u F. Horn, “Reservations to the European Convention on Human Rights: The Belilos Case”, German Yearbook of International Law, 33, 1990 u G. Cohen-Jonathan, “Les réserves à la Convention Européenne des Droits de l’Homme”, Revue Générale de Droit International Public, T. XCIII, 1989.


19 – Ara r-rapport tal-Kumitat tal-Ministri dwar l-elaborazzjoni tal-istrumenti ġuridiċi għall-konformita tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta’ Ottubru 2011, KDDB(2011)009, p. 17, punti 19 et seq.


20 – Ara s-sentenza Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi tat-8 ta’ Ġunju 1976 (Serje A nru 22, punt 82).


21 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Öztürk vs Il-Ġermanja, tal-21 ta’ Frar 1984 (serje A nru 73); Lauko vs Is-Slovakkja, tat-2 ta’ Settembru 1998 (Rep. 1998-VI), u Jussila vs Il-Finlandja, tat-23 ta’ Novembru  2006 (nru 73053/01, Cour eur. D.H 2006-XIV). L-aħħar żewġ kriterji huma alternattivi, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, tqishom b’mod kumulattiv.


22 – Ara s-sentenzi Västberga Taxi Aktiebolag u Vulic vs L-Isvezja, tat-23 ta’ Lulju 2002 (nru 36985/97) u Janosevic vs L-Isvezja, tat-23 ta’ Lulju 2002 (Qorti Ewropea D.B 2002-VII).


23 – Ara s-sentenza Zolotoukhine vs ir-Russja, tal-10 ta’ Frar 2009 (nru 14939/03, Qorti Ewropea D.B. 2009).


24 – Ara s-sentenzi Oliveira vs L-Isvezzja, tat-30 ta’ Lulju 1998 (Rep. 1998-V; fasc. 83); Franz Fischer vs L-Awstrija, tad-29 ta’ Mejju 2001 (nru 37950/97); Sailer vs L-Awstrija, tas-6 ta’ Ġunju 2002 (nru 38237/97), u Ongun vs It-Turkija, tat-23 ta’ Ġunju 2009 (nru 15737/02).


25 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.


26 – Punti 82 sa 84 tas-sentenza Zolotoukhine ċċitata iktar ’il fuq.


27 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345), tal-10 ta’ Marzu 2005, Miraglia (C-469/03, Ġabra p. I-2009); tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C-436/09, Ġabra p. I-2333); tat-28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C-150/05, Ġabra p. I-9327); tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C-467/04, Ġabra p. I-9199), u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain (C-297/07, Ġabra p. I-9425).


28 – Ara s-sentenzi Franz Fischer iċċitata, punt 22; Gradinger iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u Nitikine vs Ir-Russja, tat-2 ta’ Novembru 2006 (nru 15969/02), punt 37.


29 – Sentenza Zolotoukhine ċċitata iktar ’il fuq.


30 – Sentenza Ruotsalainen vs Il-Finlandja, tas-16 ta’ Ġunju 2009 (nru 13079/03).


31 – Sentenza Tomasovic vs Il-Kroazja, tat-18 ta’ Ottubru 2011 (nru 53785/09), li hija kuntrarja għal dak li kien inizjalment ġie deċiż fis-sentenza Oliveira vs l-Isvezzja, li s-soluzzjoni, suġġetta għal kritika qawwija, illum tidher abbandunata. Ara, f’dan ir-rigward, D. Carpio Briz, “Europeización y reconstitución del non bis in idem”, Revista General de Derecho Penal, nru 14, 2010, Ed. Iustel, Madrid.


32 – Dan huwa dak li jikkonferma l-ispjegazzjonijiet stabbiliti sabiex jiggwidaw l-interpretazzjoni tal-Karta, li l-qrati nazzjonali kollha għandhom jikkunsidraw, kif rikjest mill-Artikolu 52(3) tal-Karta. L-ispjegazzjoni relattiva għall-Artikolu 50 fiha t-termini segwenti: “Għal dak li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet prevvisti mill-Artikolu 4 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 7 [tal-KEDB], dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju fl-istess Stat Membru, id-dritt iggarantit għandu l-istess tifsira u l-istess ambitu tad-dritt korrispondenti tal-KEDB.”


33 – Ara l-analiżi komparattiva ta’ F. Moderne, “La sanction administrative. Eléments d’analyse comparative”, Rivista Franċiża tad-dritt amministrattiv, nru 3, 2002.


34 – Ara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Kostituzzjonali tat-28 ta’ Lulju, nru 89-260 DC, Liġi relattiva għas-sigurtà u trasparenza tas-suq finanzjarju, kunsiderazzjoni 22; tat-30 ta’ Diċembru 1997, nru 97-395 DC, Liġi tal-finanzi għall-1998, kunsiderazzjoni 41. Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, ara D. Gutmann, “Sanctions fiscales et Constitution”, Les nouveaux Cahiers du Conseil constitutionnel, nru 33, 2011.


35 – Ara pereżempju, is-sentenza ta’ OLG Celle, tas-6 ta’ Awwissu 1970, Iss 164/70.


36 – Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ Spanja li fid-Digriet Irjali 1398/1993, rigward leġiżlazzjoni tas-setgħa ta’ sanzjoni ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi, jimponi, fl-Artikolu 7 tiegħu, il-prijorità tal-proċedura kriminali meta mqabbla mal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva. Ara, f’dan ir-rigward, A. Queralt Jíménez, La interpretación de los derechos: del Tribunal de Estrasburgo al Tribunal Constitucional, Ed. Centro de Estudios Políticos y Constitucionales, Madrid 2008, p. 263 u s. et M. Beltrán de Felipe, u F. Puerta Seguido, “Perplejidades acerca de los vaivenes en la jurisprudencia constitucional sobre el ‘ne bis in idem’”, Rivista Spanjola tad-dritt kostituzzjonali, Nru 71 2004.


37 – L-Artikolu 6(1) jipprovdi l-possibiltà li tissospendi l-proċedura amministrattiva wara l-ftuħ ta’ proċedura kriminali li tirrigwarda l-istess fatti. Sussegwentament, l-Artikolu 6(3) jżid li “meta l-proċedura kriminali tiġi konkluża, il-proċedura amministrattiva li tkun ġiet sospiża tkompli, provvdut illi l-prinċipji ġenerali tad-dritt ma jipprekluduhiex” (enfażi miżjud).


38 – F’dan ir-rigward, L. Burgorgue-Larsen, “Les interactions normatives en matière de droits fondamentaux”, fil-Burgorgue-Larsen, E. Dubout, A. Maitrot ta’ A. Motte u S. Touzé, Les interactions normatives. Droit de l’Union Européenne et droit international, Ed. Pedone, 2012, Paris, p. 372 u 373.


39 – Ara l-ewwel sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1966 Gutmann vs Il-Kummissjoni tal-KEEA (kawżi magħquda 18 u 35/65, Ġabra p. 149), fil-qasam tas-servizz pubbliku, u tal-15 ta’ Lulju 1970, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni (45/69, Ġabra p. 769), fil-qasam tal-kompetizzjoni.


40 – Konklużjonijiet ippreżentati fid-19 ta’ Settembru 2002, Götzütok u Brügge (sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345, punti 47 et seq).


41 – Konklużjonijiet ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011, Toshiba Corporation (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, C-17/10, punti 96 et seq.).


42 – Ara, fost oħrajn, B. van Bockel, The Ne Bis in Idem Principle in EU Law, Ed. Kluwer, La Haya, 2010, p. 205 et seq.


43 – Ara, f’dan ir-rigward, l-analiżi dettaljata mogħtija mill-Avukat Ġenerali Kokott fuq din il-kwistjoni fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011, Bonda (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, C-489/10, punti 32 et seq.). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2011, KME il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, C-272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 64); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2010, Arcelor Mittal Lussemburgo vs Il-Kummissjoni et (C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 41), u Thyssen Krupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C-352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 49), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2007, ETI et (C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 71).


44 – Ara s-sentenzi Van Esbroeck iċċitata, punti 27, 32 u 36; Van Straaten, iċċitata, punti 41, 47 u 48, tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C-261/09, Ġabra p. I‑11477, punt 39). Issa, dan l-approċċ huwa distint minn dak li ġie ritenut fil-qasam tal-kompetizzjoni, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja baqgħet teżiġi l-kundizzjoni ta’ tripla ta’ identiċità tal-fatti, ta’ min wettaq il-ksur u tal-interess ġuridiku protett. Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 338), u Toshiba Corporation iċċitata, punti 97 u 98. F’dan ir-rigward, ara wkoll il-kritika tal-Avukat Ġenerali Kokott dwar din is-sistema speċjali applikabbli għall-qasam tal-kompetizzjoni fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Toshiba, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


45 –      Ara T. Bingham, The Rule of Law, Ed. Allen Lane, Londra 2010, p. 66 et seq.


46 – Enfażi miżjud minna.


47 – Sentenza tal-24 ta’ April 2012 (C-517/10).


48 – Punt 61 tas-sentenza Kamberaj iċċitata.


49Ibidem punt 62.


50 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629, punt 24), u tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipak (C-314/08, Ġabra p. I‑11049, punt 81).


51 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p. I-4951, punt 36); tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C-326/96, Ġabra p. I-7835, punt 41); tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 55), u tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C-392/04 u C-422/04, Ġabra p. I-8559, punt 62).