Language of document : ECLI:EU:T:2021:851

Kawża T700/20

Gabriele Schmid

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) tal1 ta’ Diċembru 2021

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Steirisches Kürbiskernöl g. g. A GESCHÜTZTE GEOGRAFISCHE ANGABE – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade mark li tinkludi badges, emblemi jew stemmi – Emblema ta’ waħda mill-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni – Indikazzjonijiet ġeografiċi protetti – Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Trade marks li jinkludu badges, emblemi jew stemmi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi – Kundizzjonijiet tal-protezzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(h) u (i))

(ara l-punti 21 sa 28, 40 sa 42)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Trade marks li jinkludu badges, emblemi jew stemmi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi – Portata tal-protezzjoni – Simbolu għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(i))

(ara l-punti 38, 39, 43, 45)

Sunt

G. Schmid hija proprjetarja ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, irreġistrata għall-prodott “żejt taż-żerriegħa tal-qargħa ħamra, konformi mal-indikazzjoni ġeografika protetta ‘żejt taż-żerriegħa tal-qargħa ħamra Stirjana’”. Din it-trade mark figurattiva tinkludi s-simbolu tal-Unjoni Ewropea għall-“indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” (iktar ’il quddiem is-“simbolu IĠP”). Għal din ir-raġuni, tressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) mil-Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark (il-Kamra Reġjonali tal-Agrikoltura u tas-Silvikultura ta’ Steiermark, l-Awstrija).

Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO annullat it-trade mark ikkontestata. Il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma dan l-annullament minħabba li t-trade mark ikkontestata kienet tinkludi s-simbolu IĠP fl-intier tiegħu u li la d-dritt u lanqas l-obbligu li jintuża dan is-simbolu ma kienu jinkludu d-dritt li jiġi protett bħala element ta’ trade mark.

Il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Hija tqis li hija kellha teżamina jekk, meħuda fl-intier tagħha, it-trade mark li tinkludi emblema protetta mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) setgħetx tqarraq bil-pubbliku fir-rigward tar-rabta li teżisti bejn, minn naħa, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li għaliha tirreferi l-emblema inkwistjoni. Hija tippreċiża li d-diversi elementi li jikkomponu tali trade mark għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi:

-      il-badge, l-emblema jew l-istemma inkwistjoni jippreżentaw interess pubbliku partikolari, u l-eżistenza ta’ rabta ma’ waħda mill-attivitajiet tal-Unjoni hija suffiċjenti sabiex turi li interess pubbliku huwa marbut mal-protezzjoni tagħha;

-      l-awtorità kompetenti ma tkunx awtorizzat ir-reġistrazzjoni;

-      it-trade mark li tinkludi l-badge, l-emblema jew l-istemma inkwistjoni tista’ tqarraq bil-pubbliku fir-rigward tar-rabta li teżisti bejn, minn naħa, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li għaliha jirreferi l-element inkwistjoni.

Fir-rigward ta’ din it-tielet kundizzjoni, din issegwi mill-fatt li l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax tkun superjuri għal dik tal-protezzjoni mogħtija għall-emblemi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi (2). Issa, dawn l-emblemi huma protetti biss meta, meħuda fit-totalità tagħha, it-trade mark li tinkludi tali emblema tissuġġerixxi, f’moħħ il-pubbliku, rabta bejn, minn naħa, id-detentur tagħha jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva inkwistjoni (3).

Għalhekk, l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa applikabbli meta l-pubbliku jirriskja li jemmen li l-prodotti jew is-servizzi koperti joriġinaw mill-awtorità li għaliha tirreferi l-emblema riprodotta fit-trade mark, jew li jibbenefikaw mill-approvazzjoni jew mill-garanzija ta’ din l-awtorità, jew li huma marbuta magħha b’mod ieħor.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Bord tal-Appell ma eżaminax it-tielet kundizzjoni u għalhekk wettaq żball ta’ liġi. Fil-fatt, huwa la evalwa l-mod kif il-pubbliku ser jipperċepixxi s-simbolu IĠP bħala komponent tat-trade mark ikkontestata, meħuda fl-intier tagħha, u lanqas il-kwistjoni dwar jekk din il-perċezzjoni tirriskjax li twassal lill-pubbliku jemmen li l-prodotti koperti minn tali trade mark kienu jibbenefikaw mill-garanzija tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li l-EUIPO ma għandux biss jeżamina jekk l-emblema kkonċernata hijiex riprodotta totalment jew parzjalment fit-trade mark li magħha hija integrata. Id-diversi elementi li jikkomponu tali trade mark għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni. Dan l-obbligu li jitwettaq eżami konkret u globali ma huwiex ikkontestat mill-fatt li l-għoti, taħt id-dritt tat-trade marks, ta’ protezzjoni tas-simbolu IĠP huwa, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jippreġudika s-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti stabbilita mill-Unjoni.


1      L-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1) jipprojbixxi r-reġistrazzjoni tat-trade marks li jinkludu badges, emblemi jew stemmi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament, jiġifieri minbarra dawk tal-Istati jew tal-organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati partijiet għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali ffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”), meta dawn jippreżentaw interess pubbliku partikolari, sakemm l-imsemmija reġistrazzjoni ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtorità kompetenti.


2      Skont l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament Nru 207/2009.


3      Din il-kundizzjoni ssegwi mill-Artikolu 6b(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.