Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-13 ta’ Lulju 2023 – Association Protéines France et vs Ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique

(Kawża C-438/23, Protéines France et)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Association Protéines France, Union végétarienne européenne, Association végétarienne de France, Beyond Meat Inc.

Konvenut: Ministre de l’Économie, des Finances et de la Souveraineté industrielle et numérique

Partijiet fil-kawża: 77 Foods SAS, Les Nouveaux Fermiers SAS, Umiami SAS, NxtFood SAS, Nutrition et santé SAS, Olga SAS

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 1 , li jeħtieġu li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni li ma tiżgwidahomx fir-rigward tal-identità, tan-natura u tal-kwalitajiet tal-prodotti tal-ikel, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jarmonizzaw b’mod speċifiku, fis-sens u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 38(1) ta’ dan l-istess regolament, il-kwistjoni tal-użu ta’ denominazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali fis-setturi tal-laħam, tal-prodotti tal-majjal u tal-ħut sabiex jiġu deskritti, ikkummerċjalizzati jew irreklamati prodotti tal-ikel li fihom proteini veġetali li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumatur u li, b’hekk, iżommu lil Stat Membru milli jintervjeni f’din il-kwistjoni billi jadotta miżuri nazzjonali li jirregolaw jew jipprojbixxu l-użu ta’ tali denominazzjonijiet?

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, li jipprevedu li d-denominazzjoni li biha prodott tal-ikel għandu jiġi identifikat hija, fl-assenza ta’ denominazzjoni legali, l-isem tradizzjonali tagħha jew isem deskrittiv, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 tal-Parti A tal-Anness VI, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jarmonizzaw b’mod speċifiku, fis-sens u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 38(1) ta’ dan l-istess regolament, il-kwistjoni tal-kontenut u tal-użu ta’ denominazzjonijiet, minbarra denominazzjonijiet legali, li jindikaw prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali sabiex jiġu deskritti, ikkummerċjalizzati jew irreklamati prodotti tal-ikel li fihom proteini veġetali, inkluż fil-każ ta’ sostituzzjoni tal-ingredjenti kollha li joriġinaw mill-annimali li jikkostitwixxu prodott b’ingredjenti ta’ oriġini veġetali u li, b’hekk, iżommu lil Stat Membru milli jintervjeni f’din il-kwistjoni billi jadotta miżuri nazzjonali li jirregolaw jew jipprojbixxu l-użu ta’ tali denominazzjonijiet?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-armonizzazzjoni speċifika li jwettqu, fis-sens u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 17 ta’ dan l-istess regolament, moqrija flimkien mal-paragrafu 4 tal-Parti A tal-Anness VI, iżżomm:

lil Stat Membru milli jadotta miżura nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti u tal-projbizzjonijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament?

lil Stat Membru milli jadotta miżura nazzjonali li tiddetermina l-livelli ta’ proteini veġetali li taħthom l-użu ta’ denominazzjonijiet, minbarra denominazzjonijiet legali, li jindikaw prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali sabiex jiġu deskritti, ikkummerċjalizzati jew irreklamati prodotti tal-ikel li fihom proteini veġetali, jibqa’ awtorizzat?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jawtorizzaw Stat Membru:

jadotta miżura nazzjonali li tiddetermina l-livelli ta’ proteini veġetali li taħthom l-użu ta’ denominazzjonijiet, minbarra denominazzjonijiet legali, li jindikaw prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali huwa awtorizzat sabiex jiġu deskritti, ikkummerċjalizzati jew irreklamati prodotti tal-ikel li fihom proteini veġetali?

jadotta miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ ċerti denominazzjonijiet tradizzjonali jew deskrittivi, inkluż fejn dawn ikunu akkumpanjati minn indikazzjonijiet addizzjonali li jiggarantixxu li l-konsumatur ikun qiegħed jingħata informazzjoni bona fide?

jadotta l-miżuri msemmija fil-4(a) u fil-4(b) biss fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati fit-territorju tiegħu, mingħajr, f’dan il-każ, ma jkun qiegħed jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri?

____________

1 ĠU 2011, L 304, p. 18