Language of document : ECLI:EU:T:2015:926

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

3 ta’ Diċembru 2015 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Petizzjoni indirizzata lill-Parlament — Pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Parlament ta’ ċertu data personali — Assenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑343/13,

CN, residenti f’Brumath (Franza), irrappreżentat minn M. Velardo, avukat,

rikorrent,

sostnut minn

Il-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD), inizjalment irrappreżentat minn A. Buchta u V. Pozzato, sussegwentement minn Buchta, M. Pérez Asinari, F. Polverino, M. Guglielmetti u U. Kallenberger, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Lorenz u S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għal kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrent wara l-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Parlament ta’ ċertu data personali li tikkonċernah,

      IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),      

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Sal-2011, ir-rikorrent, CN, kien uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fit-23 ta’ Settembru 2009, huwa ppreżenta petizzjoni lill-Parlament Ewropew rigward l-appoġġ mogħti lill-membri b’diżabbiltà tal-familja ta’ uffiċjal Ewropew, id-diffikultajiet li jaffaċċjaw l-uffiċjali Ewropej li għandhom problemi ta’ saħħa matul il-karriera tagħhom u rigward kif ġie trattat b’mod ħażin il-fajl tiegħu mill-Kunsill, permezz ta’ formola disponibbli online fuq is-sit tal-internet tal-Parlament.

2        Fit-8 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni Ewropea ġiet ikkonsultata, skont l-Artikolu 202(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament (ĠU 2011, L 116, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regoli interni”), li sar l-Artikolu 216(6) tar-regoli interni fil-verżjoni tagħhom ta’ Lulju 2014.

3        Fil-15 ta’ Jannar 2010, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament informa lir-rikorrent li l-petizzjoni tiegħu kienet ġiet iddikjarata ammissibbli.

4        Wara li rċieva r-risposta tal-Kummissjoni, fil-15 ta’ Marzu 2010, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iddeċieda li jagħlaq il-petizzjoni u informa b’dan lir-rikorrent fl-14 ta’ Ġunju 2010.

5        Wara li ċaħad il-petizzjoni, il-Parlament ippubblika fuq is-sit tal-internet tiegħu dokument li jikkonċerna din il-petizzjoni intitolat “Komunikazzjoni lill-membri” (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni”). Il-Komunikazzjoni kienet tiddeskrivi fil-qosor il-kontenut tal-petizzjoni kif ukoll ir-risposta tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, hija kienet tindika isem ir-rikorrent, filwaqt li kienet tispeċifika li huwa kellu marda serja li kienet ta’ theddida għal ħajtu u li ibnu kellu diżabbiltà mentali jew fiżika serja.

6        F’Mejju 2011, ir-rikorrent tqiegħed fuq leave tal-mard mill-Kunsill minħabba l-istat ta’ saħħtu.

7        F’April 2012, ir-rikorrent bagħat messaġġ elettroniku lid-dipartiment “Europe direct contact centre” tal-Kummissjoni, li ttrażmettietu lill-Parlament fl-10 ta’ April 2012. F’dan il-messaġġ elettroniku, ir-rikorrent kien qed jitlob li l-Komunikazzjoni titneħħa minn fuq is-sit tal-internet tal-Parlament.

8        Fl-20 ta’ April 2012, il-Parlament irrisponda lir-rikorrent billi indikalu li kien neħħa l-Komunikazzjoni minn fuq l-internet.

9        Fil-31 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti tenna mill-ġdid it-talba tiegħu tramite l-avukat tiegħu peress li, fil-fehma tiegħu, id-data personali inkwistjoni kienet għadha viżibbli fuq is-sit tal-internet tal-Parlament.

10      Fl-24 ta’ Settembru 2012, il-Parlament irrisponda li l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni kienet legali. Huwa żied jgħid li d-data personali tar-rikorrent hija, madankollu, mħassra minn fuq l-internet, minkejja li ma jeżisti ebda obbligu legali li jsir dan.

11      Il-Parlament indika, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-aħħar eżerċizzju ta’ tħassir, relattivi għall-magni ta’ tiftix abitwali, seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2012.

12      Fl-4 ta’ Diċembru 2012, l-avukat tar-rikorrent tenna mill-ġdid it-talba, filwaqt li rrileva li d-data personali inkwistjoni kienet għadha viżibbli fuq l-internet.

13      Fl-10 ta’ Jannar 2013, il-Parlament irrisponda lill-avukat tar-rikorrent li huwa kien iqis l-aġir tiegħu kien legali. Huwa żied jgħid li d-dokumenti kollha preżenti fuq is-sit tal-internet tiegħu kienu, madankollu, ġew ipproċessati jew kienu fil-proċess sabiex titħassar id-data personali tar-rikorrent.

14      Skont ir-rikorrent, id-data personali inkwistjoni kienet disponibbli fuq l-internet għall-inqas sa din id-data tal-aħħar.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti beda din l-azzjoni.

16      Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2013, il-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD) talab li jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Novembru 2013, il-President tas-Sitt Awla aċċetta dan l-intervent. Il-KEPD ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fis-7 ta’ Frar 2014. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fit-termini mogħtija.

17      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Unjoni u lill-Parlament iħallsu s-somma ta’ EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu materjali subit u ta’ EUR 40 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit, flimkien mal-interessi kkalkolati b’rata ta’ 6.75 %;

–        tikkundanna lill-Unjoni u l-Parlament għall-ispejjeż.

18      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, stiednet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom domandi bil-miktub li stednithom jirrispondu qabel is-seduta. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

20      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2015.

 Id-dritt

21      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq motiv wieħed ibbażat fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħu, it-tliet kundizzjonijiet li jinvokaw din ir-responsabbiltà huma ssodisfatti f’dan il-każ, jiġifieri l-illegalità tal-aġir tal-Parlament, l-eżistenza ta’ dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità u d-dannu.

22      Il-KEPD isostni t-talbiet tar-rikorrent sa fejn jikkonċernaw l-illegalità tal-aġir tal-Parlament.

23      Il-Parlament iqis li r-rikors huwa infondat kollu kemm hu.

1.     Fuq l-illegalità tal-aġir tal-Parlament

 L-argumenti tal-partijiet

24      Preliminarjament, ir-rikorrent isostni li, skont il-ġurisprudenza, meta illegalità tidher f’qasam li fih l-istituzzjoni kkonċernata għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Il-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur huwa suffiċjentement serju huwa dak tan-nuqqas manifest u gravi, minn istituzzjoni, li tosserva l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

25      Bil-kontra, skont ir-rikorrent, meta istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

26      Ir-rikorrent iqis li, għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni li tiġi ppubblikata l-Komunikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Parlament, dan tal-aħħar ma kellu ebda setgħa diskrezzjonali, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku applikabbli [l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), l-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, adottata fit-13 ta’ Diċembru 2006 u rratifikata mill-Unjoni fit-23 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà”), kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102)].

27      Ir-rikorrent isostni li l-Parlament kiser dawn id-dispożizzjonijiet billi ppubblika informazzjoni dwar l-istat ta’ saħtu u dak ta’ ibnu kif ukoll dwar il-ħajja professjonali tiegħu.

28      B’mod partikolari, ir-rikorrent jinvoka l-Artikolu 5(d) u l-Artikoli 10 u 16 tar-Regolament Nru 45/2001. Mid-dokument li fih ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar pubbliku tal-petizzjoni tiegħu ma jirriżultax li kien ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar għall-pubblikazzjoni ta’ data personali jew li kien ta l-kunsens tiegħu b’mod espress għal dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni ta’ data dwar l-istat ta’ saħtu u dwar il-preżenza, fil-familja tiegħu, ta’ persuna b’diżabbiltà.

29      Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrent talab li d-data personali titneħħa minn fuq is-sit tal-internet tal-Parlament, dan tal-aħħar inizjalment irreaġixxa b’mod negattiv u sussegwentement laqa’ t-talba biss wara l-intervent tal-avukat tiegħu, bi ksur tad-dritt għat-tħassir tad-data personali. Apparti dan, il-fatt li l-Parlament aċċetta li jħassar id-data jimplika li huwa rrikonoxxa b’mod impliċitu l-illegalità tal-pubblikazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprevedi biss it-tħassir ta’ data li l-ipproċessar tagħha huwa illegali.

30      L-obbligu ta’ trasparenza tal-Parlament ma jistax jiġġustifika t-tixrid ta’ data personali dwar l-istat ta’ saħħa u l-preżenza ta’ persuna b’diżabbiltà fil-familja. Anki jekk jiġi preżunt li l-pubblikazzjoni ta’ sommarju tal-petizzjonijiet sabiex tingħata informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa interess li għandu jiġi protett, il-preġudizzju għad-drittijiet tar-rikorrent huwa sproporzjonat.

31      Fir-replika, ir-rikorrent iżid jgħid li l-Parlament kiser ukoll l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tat-22 ta’ Ġunju 2005 dwar id-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 (ĠU C 308, p. 1, iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001”) li jipprovdi li talba għat-tħassir għandha tiġi ttrattata f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol u li, jekk it-tħassir jiġi aċċettat, dan għandu jiġi eżegwit “minnufih”. Madankollu, f’dan il-każ, il-proċedura damet madwar għaxar xhur.

32      Skont ir-rikorrent, l-Artikolu 203 tar-regoli interni la jimponi u lanqas jawtorizza l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni bħal dik f’dan il-każ. Barra minn hekk, ir-regoli interni, li huwa dokument ta’ organizzazzjoni interna, ma jistax jidderoga mir-Regolament Nru 45/2001.

33      Il-Parlament iqis li l-aġir tiegħu kien legali.

34      Għal dak li jirrigwarda l-fażi inizjali tal-ipproċessar pubbliku tal-petizzjoni, il-Parlament isostni li l-aġir tiegħu kien konformi mal-Artikolu 5(b) (ipproċessar meħtieġ għall-osservanza ta’ obbligu legali), mal-Artikolu 5(d) (ipproċessar ibbażat fuq il-kunsens kategoriku), mal-Artikolu 10(2)(a) (kunsens espress għall-ipproċessar ta’ data sensittiva) u l-Artikolu 10(2)(d) (ipproċessar ta’ data sensittiva manifestament magħmula pubblika mill-persuna kkonċernata) tar-Regolament Nru 45/2001.

35      L-ewwel nett, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-argument dwar l-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 45/2001, il-Parlament ifakkar li l-Artikolu 203 tar-regoli interni (li sar l-Artikolu 217) jistabbilixxi bħala regola ġenerali l-pubblikazzjoni tal-petizzjonijiet. Skont l-Artikolu 201(9) tiegħu (li sar l-Artikolu 215(9) il-petizzjonijiet, fil-prinċipju, isiru dokumenti pubbliċi u isem il-petizzjonant kif ukoll il-kontenut tal-petizzjoni tiegħu jistgħu jiġu ppubblikati mill-Parlament għall-finijiet ta’ trasparenza. Għaldaqstant, il-preżentazzjoni ta’ petizzjoni tinvolvi, fil-prinċipju, il-pubblikazzjoni tagħha, u dan jippermetti lil ċittadini oħra jassoċjaw ruħhom mal-firmatarju. Barra minn hekk, il-Parlament isostni li, skont l-Artikoli 10 TUE u 11 TUE u l-Artikoli 15 TFUE u 232 TFUE, ix-xogħol tiegħu jsir prinċipalment fil-pubbliku.

36      It-tieni nett, skont il-Parlament, l-ipproċessar tad-data personali kien konformi mal-Artikolu 5(d) tar-Regolament Nru 45/2001, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrent kien ta l-kunsens tiegħu kategorikament għall-ipproċessar pubbliku tal-petizzjoni tiegħu. Ir-rikorrent kien ġie debitament informat u ma kienx uża l-possibbiltà li ġiet offruta lilu li jitlob ipproċessar anonimu jew kunfidenzjali tal-petizzjoni tiegħu.

37      It-tielet nett, il-Parlament isostni li l-kunsens mogħti mir-rikorrent fiċ-ċirkustanzi deskritti hawn fuq, kien kunsens espress għall-ipproċessar ta’ data sensittiva, fis-sens tal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

38      Għal dak li jikkonċerna l-fażi ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-data, li tirrigwarda t-talba ta’ tħassir, il-Parlament jirrileva li l-kundizzjoni prinċipali sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tikseb it-tħassir tad-data tagħha abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 45/2001 hija dik li l-ipproċessar tagħha jkun illegali, u dan ma kienx il-każ hawnhekk. Minkejja dan, il-Parlament ħassar id-data tar-rikorrent sempliċement b’korteżija.

39      Barra minn hekk, il-Parlament jirrileva li r-Regolament Nru 45/2001 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprevedi l-possibbiltà li l-kunsens mogħti jiġi rtirat. Jekk jiġi preżunt li tali rtirar huwa possibbli, dan jista’ jkollu effett biss għall-ġejjieni. Apparti dan, huwa impossibbli li ċerta data titħassar b’mod retroattiv, bħad-data li tidher fil-minuti tas-seduta tal-Parlament, li tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

40      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-KEPD jikkonċentra fuq il-kundizzjoni li tirrigwarda l-aġir allegatament illegali tal-Parlament.

41      Il-KEPD iqis li, sabiex il-kunsens ikun validu, dan għandu jkun informat u speċifiku, jiġifieri marbut mal-operazzjoni ta’ pproċessar li biha l-persuna tkun ġiet informata. Għall-KEPD, dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti f’dan il-każ. Ebda informazzjoni pprovduta fil-formola online ma kienet tinforma b’mod ċar lill-petizzjonant bil-konsegwenzi eżatti tal-ipproċessar li kien ser isir. B’mod partikolari, f’din il-formola mkien ma kien jissemma li d-data sensittiva kienet ser issir aċċessibbli fuq l-internet. Il-KEPD iżid jgħid li l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001 joffri protezzjoni addizzjonali meta mqabbel mal-Artikolu 5(d) tal-imsemmi regolament, inkwantu huwa jeħtieġ li l-informazzjoni pprovduta lill-persuna sabiex jinkiseb il-kunsens tagħha ssemmi b’mod ċar id-data sensittiva u l-operazzjoni ta’ pproċessar li ser isir. Skont il-KEPD, kwalunkwe interpretazzjoni oħra ċċaħħad lill-Artikolu 5(d) ta’ dan ir-Regolament mill-kontenut tiegħu.

42      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-KEPD huwa tal-fehma li l-Parlament ma kisibx il-kunsens espress tar-rikorrent fis-sens tal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

43      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

44      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha hija suġġetta għal numru ta’ rekwiżiti li għandhom ikunu sodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih l-istituzzjoni tkun akkużata, ir-realtà tad‑dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T‑267/94, Ġabra, EU:T:1997:113, punt 20, u tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, Ġabra, EU:T:2008:315, punt 35). Ir-rekwiżit tal-aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jeħtieġ il-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza MyTravel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2008:315, punt 37). Il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur ta’ dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju huwa dak tal-ksur manifest u gravi, minn istituzzjoni tal-Unjoni, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra, EU:C:1996:79, punt 55).

45      Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit relattiv għall-illegalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk id-dispożizzjonijiet legali invokati mir-rikorrent għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi u, it-tieni nett, jekk il-Parlament wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

46      Fir-rikors, ir-rikorrent jinvoka, minn naħa, dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ data personali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fir-Regolament Nru 45/2001 kif ukoll fid-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 u, min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata li jinsabu fil-KEDB u fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.

 Fuq ir-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali

47      Għandu jiġi rrilevat li d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa żviluppat mir-Regolament Nru 45/2001 għal dak li jikkonċerna l-atti tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u mid-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari lill-Parlament. Dawn id-diversi dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi. Għaldaqstant, huma jistgħu jiġu invokati mir-rikorrent fir-rikors tiegħu għad-danni.

48      Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ allegat ksur suffiċjentement serju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-argumenti żviluppati mir-rikorrent jikkonċernaw essenzjalment l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 u tad-dispożizzjonijiet għall-implementazzjonijiet tiegħu. Huwa ma jikkontestax, b’mod partikolari, li dawn id-dispożizzjonijiet huma kompatibbli mad-dritt stabbilit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għaldaqstant, u bil-kontra ta’ dak li jallega r-rikorrent, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra, EU:C:2010:662), ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

49      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, mill-ewwel sentenza tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 45/2001 jirriżulta li riferiment għal dispożizzjonijiet oħra ma huwiex neċessarju għal ipproċessar imwettaq fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, peress li, f’tali każ, huwa manifestament ir-Regolament Nru 45/2001 innifsu li japplika (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, Ġabra, EU:C:2010:378, punt 62). Konsegwentement, għall-finijiet ta’ dan ir-rikors, għandhom jiġu analizzati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 u d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tiegħu.

50      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-espressjoni “data dwar is-saħħa” għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa, b’tali mod li tinkorpora l-informazzjoni kollha li tikkonċerna kull aspett, kemm fiżiku kif ukoll mentali, tas-saħħa ta’ persuna [ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, Ġabra, EU:C:2003:596, punt 50, li tikkonċerna d-Direttiva 95/46/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)]. Madankollu, dan il-kunċett ma jistax jiġi estiż sakemm jinkorpora espressjonijiet li ma jinkludux l-iżvelar ta’ ebda data dwar is-saħħa jew il-kundizzjoni medika ta’ persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Dionyssopoulou vs Il-Kunsill, T‑105/03, ĠabraSP, EU:T:2005:189, punt 33).

51      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, il-pubblikazzjoni inizjali tad-data personali inkwistjoni u, sussegwentement, ir-risposta tal-Parlament għat-talba tar-rikorrent sabiex ineħħi din id-data minn fuq is-sit tal-internet tiegħu.

–       Tixrid tad-data personali fuq l-internet

52      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-Parlament wettaq serje ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 45/2001. It-tixrid ta’ data personali, inkluż it-tixrid fuq l-internet, jikkostitwixxi tali operazzjoni ta’ pproċessar fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

53      Il-Komunikazzjoni ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-Parlament kienet tindika, b’mod partikolari, li r-rikorrent, li kien ġie identifikat b’ismu, kellu reċentement marda serja li tista’ tkun ta’ theddida għal ħajtu u li ibnu kellu diżabbiltà. Il-Komunikazzjoni kienet tinkludi wkoll ċertu informazzjoni dwar il-karriera tar-rikorrent.

54      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ipproċessar tad-data mwettqa mill-Parlament kien jikkonċerna data personali tar-rikorrent (b’mod partikolari informazzjoni dwar il-karriera tiegħu) kif ukoll data personali sensittiva dwar is-saħħa tar-rikorrent u dik ta’ ibnu. Għandu jsir eżami separat tal-ipproċessar ta’ dawn id-diversi serje ta’ data personali.

55      L-ewwel nett, l-ipproċessar tad-data personali sensittiva tar-rikorrent għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 45/2001.

56      Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 45/2001, l-ipproċessar ta’ data personali li jiżvela data dwar is-saħħa huwa pprojbit. Madankollu, skont l-Artikolu 10(2)(a) tal-imsemmi regolament, din il-projbizzjoni ma tapplikax, fost oħrajn, meta l-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens espress tagħha.

57      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 45/2001 jiddefinixxi l-kunsens tas-suġġett tad-data bħala “indikazzjoni speċifika u informata tax-xewqat tiegħu jew tagħha li bihom is-suġġett tad-data jagħti l-qbil tiegħu jew tagħha biex data personali li għandha x’taqsam miegħu jew magħha tiġi pproċessata”.

58      F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk, bħalma allega l-Parlament, ir-rikorrent kien ta l-kunsens espress tiegħu għall-pubblikazzjoni tad-data personali sensittiva tiegħu fuq l-internet.

59      Fil-każ preżenti, peress li l-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 45/2001 ma jimponi ebda kundizzjoni rigward il-forma, il-preżentazzjoni tal-petizzjoni tista’ titqies li hija indikazzjoni tax-xewqat tar-rikorrent.

60      Barra minn hekk, dan tal-aħħar ma jinvoka ebda ċirkustanza li tista’ tpoġġi fid-dubju l-fatt li l-petizzjoni ġiet ippreżentata b’mod liberu, mingħajr forza, restrizzjoni, intimidazzjoni jew qerq.

61      Skont l-istess dispożizzjoni, il-kunsens għandu jkun speċifiku, jiġifieri marbut ma’ operazzjoni ta’ pproċessar (jew ma’ serje ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar) għal skopijiet preċiżi. L-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi wkoll li, sabiex ikun validu, il-kunsens għandu jkun informat, u dan jimplika li fil-mument li tagħti l-kunsens tagħha l-persuna kkonċernata jkollha informazzjoni essenzjali rigward l-aspetti fundamentali tal-ipproċessar, fid-dawl tal-kuntest tal-każ ineżami.

62      Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001, meta l-kunsens ikun jikkonċerna l-ipproċessar ta’ data sensittiva, dan għandu jkun espress. Fi kliem ieħor, dan il-kunsens għandu jkun espress, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi dedott b’mod impliċitu mill-azzjonijiet tal-persuna kkonċernata.

63      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat dan il-każ.

64      Għandu jiġi rrilevat li s-sit tal-internet tal-Parlament jirrakkomanda lill-petizzjonanti jaqraw l-“għajnuna online” qabel ma jissottomettu petizzjoni. L-imsemmija “għajnuna online” kienet tinkludi dan li ġej taħt it-taqsima “Pubblikazzjoni ta’ petizzjoni”:

“Il-petizzjonanti għandhom ikunu jafu li l-minuti huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali u li, minħabba f’hekk, ċertu informazzjoni, bħal isem il-petizzjonant u n-numru tal-petizzjoni, huma disponibbli fuq l-internet. Dan għandu implikazzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-data personali u l-attenzjoni tal-petizzjonant hija mitluba b’mod speċjali fuq dan il-punt. Jekk, bħala petizzjonant ma tixtieqx li ismek jiġi żvelat, il-Parlament Ewropew jirrispetta d-dritt tiegħek għar-rispett tal-ħajja privata. Madankollu, għandek titlob dan b’mod ċar u espress fil-petizzjoni tiegħek. Bl-istess mod, jekk tixtieq li l-petizzjoni tiegħek tiġi pproċessata b’mod kunfidenzjali, għandek titlob dan b’mod ċar. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jagħti importanza lit-trasparenza tal-laqgħat tiegħu li jistgħu jiġu segwiti online. Għaldaqstant huwa possibbli li d-dibattiti jiġu segwiti fuq kwalunkwe kompjuter minn fuq is-sit tal-internet tal-Parlament Ewropew. Bħala regola ġenerali, il-laqgħat tal-Kumitat huma pubbliċi. Il-petizzjonanti jistgħu jattendu għalihom meta l-petizzjoni tagħhom tkun qed tiġi eżaminata jekk jagħmlu talba f’dan is-sens.”

65      Barra minn hekk, meta ppreżenta l-petizzjoni tiegħu permezz tas-sit tal-internet tal-Parlament, ir-rikorrent mela formola billi rrisponda fil-pożittiv għad-domandi li ġejjin:

“Fil-każ li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jiddikjara l-petizzjoni tiegħek ammissibbli, taqbel li din tiġi pproċessata pubblikament?”

“Taċċetta li ismek jiġi rreġistrat f’reġistru pubbliku aċċessibbli mill-internet?”

66      Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin.

67      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura u l-għan tad-dritt għal petizzjoni lill-Parlament mogħti mill-Artikoli 24 TFUE u 227 TFUE. Dan id-dritt għal petizzjoni huwa espressament maħsub bħala instrument ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, li l-missjoni tiegħu hija dik ta’ trasparenza sabiex jippermetti lil ċittadini oħrajn jassoċjaw ruħhom eventwalment u għaldaqstant iqanqal dibattitu pubbliku. Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-Artikoli 15 TFUE u 232 TFUE, li jipprovdu li x-xogħol tal-Parlament isir prinċipalment fil-pubbliku. Huwa għaldaqstant f’dan il-kuntest li r-regoli li jirregolaw id-dritt għal petizzjoni, u b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikoli 201 et seq tar-regoli interni (li saru l-Artikoli 215 et seq), għandhom jiġu applikati.

68      Fit-tieni lok, hemm lok li wieħed jirreferi għas-sens ordinarju tal-espressjoni “ipproċessata pubblikament” għal persuna medja, meta hija tkun mitluba timla formola meta tippreżenta l-petizzjoni tagħha.

69      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, meta r-rikorrent ippreżenta l-petizzjoni tiegħu, huwa ġie informat mill-Parlament bil-fatt li seta’ jitlob ipproċessar anonimu, jew anki kunfidenzjali tal-petizzjoni tiegħu, li l-minuti huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali, li “ċertu informazzjoni”, inkluż isem il-petizzjonant, hija disponibbli fuq l-internet, li hemm reġistru pubbliku aċċessibbli fuq l-internet u li l-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistgħu jiġu segwiti online.

70      Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat il-kontenut speċifiku tal-petizzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni allegatament ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-marda tar-rikorrent (u d-diżabbiltà ta’ ibnu) għall-finijiet tal-karriera tiegħu, kwistjoni li, fil-prinċipju, tqanqal ċertu interess pubbliku. Għandu jingħad ukoll li l-konferma ta’ rċevuta kienet tikkonferma b’mod espress li s-suġġett tal-petizzjoni kien jirrigwarda preċiżament dawn il-kunsiderazzjonijiet. Għaldaqstant, il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni kienet tirrigwarda l-kontenut speċifiku tal-petizzjoni, u mhux l-elementi anċillari jew superfluwi.

71      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 201(9) tar-regoli interni jipprovdi li, “[i]l-petizzjonijiet, ladarba jiddaħħlu fir-reġistru, għandhom bħala regola ġenerali jsiru dokumenti pubbliċi, u l-isem tal-petizzjonant kif ukoll il-kontenut tal-petizzjoni jistgħu jiġu ppubblikati mill-Parlament għal raġunijiet ta’ trasparenza”. Il-paragrafu 10 tal-istess artikolu jipprovdi li, “[m]inkejja d-dispożizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 9 hawn fuq, il-petizzjonant jista’ jitlob li ismu ma jidhirx sabiex tkun imħarsa l-privatezza tiegħu, f’liema każ il-Parlament għandu jilqa’ it-talba”.

72      Skont l-Artikolu 203 tar-regoli interni dwar in-notifika tal-petizzjonijiet:

“1. Għandha ssir notifika fil-Parlament dwar il-petizzjonijiet li jkunu ddaħħlu fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 201(6) u dwar id-deċiżjonijiet prinċipali li jikkonċernaw il-proċedura li għandha tiġi segwita f’petizzjonijiet speċifiċi. Dawn in-notifikazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-minuti tal-proċeduri.

2. It-titlu u l-ġabra fil-qosor tat-test tal-petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru, flimkien mat-testi tal-opinjonijiet u tad-deċiżjonijiet l-aktar importanti li jitressqu b’konnessjoni mal-eżami tal-petizzjonijiet, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’database, kemm-il darba min jagħmel il-petizzjoni jaqbel li dan isir. Petizzjonijiet kunfidenzjali għandhom jinżammu fl-arkivji tal-Parlament fejn ikunu għad-dispożizzjoni tal-Membri li jridu jikkonsultawhom.”

73      B’mod iktar partikolari, il-petizzjonijiet huma, fil-prinċipju, dokumenti pubbliċi, anki jekk tista’ ssir deroga minn din ir-regola fuq it-talba tal-persuna kkonċernata. Hekk kif il-Parlament enfasizza waqt is-seduta, kwalunkwe konklużjoni oħra tkun ekwivalenti għall-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu ta’ ċensura relattiva għall-kontenut tal-petizzjoni ddepożitata mir-rikorrent.

74      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha riprodotti fil-punti 64 sa 73 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ta “indikazzjoni speċifika u informata tax-xewqat tiegħu”. Fil-fatt, kieku petizzjonant raġonevolment attent jaqra attentament l-informazzjoni pprovduta mill-Parlament, din kellha tippermettilu jevalwa l-portata tal-azzjoni tiegħu u l-konsegwenzi tagħha. Barra minn hekk, din l-indikazzjoni tax-xewqa tiegħu kienet speċifika peress li l-Parlament informa lir-rikorrent bil-fatt li l-ilment tiegħu, li s-suġġett tiegħu kien jikkonċerna b’mod inerenti l-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punt 70 iktar ’il fuq, kien ser ikun aċċessibbli fuq l-internet. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ta l-kunsens espress tiegħu billi mmarka l-kaxxi fuq il-formola li kienu jikkonċernaw l-ipproċessar pubbliku u r-reġistrazzjoni f’reġistru aċċessibbli fuq l-internet, mingħajr ma l-kunsens tiegħu għandu għalfejn jiġi dedott b’mod impliċitu minn kwalunkwe azzjoni.

75      Dawn iċ-ċirkustanzi kollha jiddistingwu b’mod fundamentali l-każ preżenti mill-fatti li wasslu għall-kawża V vs Il-Parlament (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, V vs Il-Parlament, F‑46/09, ĠabraSP, EU:F:2011:101, punt 138), li fiha l-persuna kkonċernata ma kienet tat ebda kunsens għat-trasferiment, min-naħa tal-Kummissjoni lejn il-Parlament, ta’ data medika li tikkonċernaha.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, ir-rikorrent kien ta l-kunsens espress tiegħu għall-iżvelar tal-informazzjoni sensittiva inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

77      It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna d-data personali li ma tidhirx fost dik imsemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 45/2001 (bħal dik dwar il-karriera tar-rikorrent), l-ipproċessar tagħha huwa suġġett għas-sistema prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001. Skont l-Artikolu 5(d) ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar jista’ jitwettaq, b’mod partikolari, meta l-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens kategoriku tagħha. Fi kliem ieħor, l-ipproċessar jista’ jitwettaq meta l-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens tagħha b’ċertezza u mingħajr ambigwità.

78      Għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001 jeħtieġ li l-kunsens ikun espress, l-Artikolu 5(d) tal-imsemmi regolament jeżiġi kunsens kategoriku. Hekk kif irrileva l-KEPD, huwa loġiku li fid-dawl tan-natura tad-data personali sensittiva jitqies li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kunsens fis-sens tal-Artikolu 5(d) tar-Regolament Nru 45/2001 ma jistgħux ikunu iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 10(2)(a) tal-imsemmi regolament.

79      Konsegwentement, hemm lok li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 57 sa 74 iktar ’il fuq, li għandhom jiġu applikati mutatis mutandis f’dan il-każ għall-ipproċessar tad-data personali li ma hijiex id-data personali sensittiva tar-rikorrent. B’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-għan tal-petizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li hija kienet issemmi speċifikament il-fatt li istituzzjoni tal-Unjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni b’mod xieraq is-sitwazzjoni personali tar-rikorrent għall-finijiet tal-karriera tiegħu.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrent kien bla dubju ta “indikazzjoni speċifika u informata tax-xewqat tiegħu” għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu mill-Parlament u, b’mod partikolari, l-iżvelar tagħha fil-kuntest ta’ pproċessar ta’ petizzjoni mill-Parlament.

81      Peress li l-ġustifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001 għall-ipproċessar ta’ data ma humiex kumulattivi, hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-ipproċessar tad-data personali kienx iġġustifikat ukoll taħt waħda mid-dispożizzjonijiet invokati mill-Parlament.

82      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Parlament ma wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali billi ppubblika d-data personali inkwistjoni fuq l-internet.

83      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn hija tindika li iben ir-rikorrent għandu diżabbiltà mentali jew fiżika serja, il-Komunikazzjoni tinkludi wkoll data personali sensittiva dwar dan tal-aħħar, anki jekk huwa ma jissemmhiex b’ismu.

84      Fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li r-rikorrent huwa r-rappreżentant legali ta’ ibnu, il-kunsens espress li ta ma jistax jiġġustifika l-ipproċessar tal-imsemmija data mill-Parlament, skont l-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament Nru 45/2001.

85      Madankollu, iben ir-rikorrent ma huwiex parti f’din l-azzjoni. Barra minn hekk, hekk kif għadu kif ġie espost, ma hemm ebda prova li r-rikorrent huwa r-rappreżentant legali ta’ ibnu jew li għandu mandat sabiex jippreżenta dan ir-rikors f’isem dan tal-aħħar.

86      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-kundizzjoni relatata mal-ksur ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, huwa neċessarju li l-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjoni invokata tkun effettiva fir-rigward tal-persuna li tinvokaha u, għaldaqstant, li din il-persuna tkun fost dawk li d-dispożizzjoni inkwistjoni tagħtihom drittijiet. Ma tistax tiġi aċċettata bħala sors ta’ kumpens regola li ma tipproteġix l-individwu kontra l-illegalità li huwa jinvoka, iżda li tipproteġi individwu ieħor. (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il‑Kummissjoni, T‑259/03, EU:T:2007:254, punt 44, u tad-9 ta’ Lulju 2009, Ristic et vs Il‑Kummissjoni, T‑238/07, EU:T:2009:263, punt 60). Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma jistax jinvoka, fil-kuntest tar-rikors tiegħu għad-danni, illegalitajiet li jirriżultaw mill-allegat ksur ta’ drittijiet ta’ terz, b’mod partikolari ta’ ibnu.

–       Wara t-talba sabiex id-data titneħħa minn fuq is-sit tal-internet.

87      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-aġir tal-Parlament wara t-talba tar-rikorrent sabiex id-data personali tiegħu titneħħa minn fuq is-sit tal-internet tiegħu jistax jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

88      Skont ir-rikorrent, meta huwa talab sabiex id-data personali titneħħa minn fuq is-sit tal-internet tal-Parlament, dan inizjalment irreaġixxa b’mod negattiv u laqa’ t-talba biss wara l-intervent tal-avukat tiegħu, bi ksur tad-dritt għat-tħassir ta’ data personali. Barra minn hekk, il-fatt li l-Parlament aċċetta li jħassar id-data jimplika li huwa rrikonoxxa b’mod impliċitu l-illegalità tal-pubblikazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iżid jgħid li l-Parlament kiser l-Artikolu 12 tad-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001.

89      Essenzjalment, l-argumenti tar-rikorrent jinvolvu l-analiżi ta’ żewġ kwistjonijiet: l-ewwel waħda dik dwar jekk kellux id-dritt li jikseb it-tneħħija tad-data personali tiegħu u, it-tieni waħda dwar jekk il-Parlament ittrattax din it-talba b’mod diliġenti.

90      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel kwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 45/2001 jagħti d-dritt li jinkiseb it-tħassir tad-data personali biss meta l-ipproċessar ikun illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2009, Vinci vs BĊE, F‑130/07, ĠabraSP, EU:F:2009:114, punti 66 u 67), hekk kif ir-rikorrent jammetti huwa stess. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata insostenn ta’ talba għat-tħassir meta l-ipproċessar huwa legali, bħalma kien f’dan il-każ (ara l-punti 52 et seq). Il-fatt li l-Parlament iddeċieda li jilqa’ t-talba ma jimplikax fih innifsu r-rikonoxximent tal-illegalità tal-pubblikazzjoni inizjali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Parlament kien spjega li kien ħassar id-data b’korteżija.

91      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 45/2001, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li toġġezzjona fi kwalunkwe mument, għal raġunijiet imperattivi u leġittimi li jikkonċernaw is-sitwazzjoni partikolari tagħha, li data li tikkonċernaha tiġi pproċessata, ħlief meta, b’mod partikolari, hija tkun tat il-kunsens kategoriku tagħha fis-sens tal-Artikolu 5(d) tal-istess regolament.

92      Barra minn hekk, sa fejn l-ipproċessar tad-data f’dan il-każ, kien ibbażat fuq il-kunsens tal-persuna kkonċernata, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 45/2001 ma jipprevedix b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-kunsens mogħti inizjalment jiġi rtirat.

93      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrent ma setax jinvoka dritt għat-tħassir tad-data personali inkwistjoni abbażi tar-Regolament Nru 45/2001. Għandu jingħad ukoll li r-rikorrent ma invokax, b’mod validu, kwalunkwe bażi oħra għat-talba tiegħu għat-tħassir tad-data. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-Parlament, minkejja l-assenza ta’ kwalunkwe obbligu vinkolanti, ħassar id-data minn fuq is-sit tal-internet tiegħu.

94      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain ut Google (C‑131/12, Ġabra, EU:C:2014:317), dwar id-“dritt li d-data tintesa” fuq l-internet, kienet tikkonċerna kuntest fattwali u legali differenti ħafna minn dak f’dan il-każ. B’mod partikolari, anki jekk f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qieset li tali dritt seta’ jeżisti taħt ċerti kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-motivazzjoni tagħha fuqhom [jiġifieri l-Artikolu 7(f), l-Artikolu 12(b), u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46] ivarjaw b’mod sinjifikattiv minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ, li huwa essenzjalment marbut mal-kwistjoni tal-kunsens tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, b’differenza minn dan il-każ, fil-kawża Google l-persuna kkonċernata ma kinitx tat il-kunsens tagħha għall-pubblikazzjoni inizjali tad-data personali tagħha.

95      Għal dak li jikkonċerna t-tieni kwistjoni, ir-rikorrent ma invokax il-ksur ta’ regola jew ta’ prinċipju ta’ dritt fl-ipoteżi li l-pubblikazzjoni inizjali mill-Parlament kienet legali, bħalma kien il-każ hawnhekk.

96      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12 tad-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001, dwar id-dritt għal tħassir, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-persuna responsabbli għall-ipproċessar tad-data għandha tirrispondi f’terminu ta’ 15-il jum ta’ xogħol minn meta tirċievi t-talba għat-tħassir tagħha. Jekk it-talba tiġi aċċettata, dan għandu jseħħ minnufih. Jekk il-persuna responsabbli għall-ipproċessar tad-data tqis li t-talba ma hijiex iġġustifikata, hija għandha terminu ta’ 15-il jum ta’ xogħol sabiex tinforma b’dan, permezz ta’ ittra mmotivata, lill-persuna kkonċernata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

97      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Parlament għandu terminu ta’ 15‑il jum ta’ xogħol sabiex jirrispondi għal talba għal tħassir, kemm jekk tkun fondata u kemm jekk le. F’dan il-każ, ir-rikorrent bagħat it-talba tiegħu lid-dipartiment “Europe direct contact centre” tal-Kummissjoni, li ttrażmettietha lill-Parlament fl-10 ta’ April 2012. Dan tal-aħħar irrisponda għall-imsemmija talba fit-terminu stabbilit. Bil-kontra għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Parlament qatt ma ċaħad it-talba. Fir-realtà, hekk kif jirriżulta mir-risposti tal-20 ta’ April 2012, tal-24 ta’ Settembru 2012 u tal-10 ta’ Jannar 2013, il-Parlament aċċetta li jħassar id-data filwaqt li ġustament enfasizza li l-pubblikazzjoni kienet legali.

98      Id-data personali tħassret madwar it-8 ta’ Ottubru 2012, skont il-Parlament, u l-10 ta’ Jannar 2013, skont ir-rikorrent.

99      Bħala d-difiża tiegħu, il-Parlament indika li kien hemm bżonn ċertu żmien sabiex jinsabu d-dokumenti li fihom kien hemm id-data tar-rikorrent u sabiex jittieħdu l-miżuri tekniċi neċessarji. Hekk kif il-Parlament spjega matul is-seduta bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, it-tħassir komplet mill-internet hija proċedura teknika delikata. Il-Qorti Ġenerali jqis li huma dawn id-diffikultajiet tekniċi li jispjegaw id-differenza fiż-żmien li ħa l-Parlament, li d-dipartimenti tekniċi tiegħu kellhom jintervjenu diversi drabi sabiex titħassar id-data inkwistjoni u li dan tal-aħħar inizjalment ma oġġezzjonax għal rifjut tat-talba tar-rikorrent.

100    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(3) tad-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li, meta t-talba tiġi aċċettata, it-tħassir għandu jsir minnufih. Madankollu, din id-dispożizzjoni tkopri sitwazzjonijiet li fihom it-talba hija aċċettata minħabba li tkun fondata, jiġifieri għar-raġuni li l-ipproċessar huwa illegali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa loġiku li għandu jsir minnufih. Min-naħa l-oħra, meta, bħal f’dan il-każ, it-talba ma tkunx fondata, iżda tiġi aċċettata b’korteżija, ma hemmx raġuni għaliex jiġi impost l-obbligu ta’ tħassir “minnufih”. F’dan il-każ, il-Parlament huwa obbligat biss jeżegwixxi l-impenn tiegħu f’terminu raġonevoli. Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Parlament, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, huwa ma wettaqx illegalità fl-ipproċessar tat-talba għal tħassir, inkluż fl-eżekuzzjoni tagħha.

101    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Parlament ma wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali wara t-talba għal tħassir imressqa mir-rikorrent.

 Regoli dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata

102    Għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata invokati mir-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali, hekk kif iggarantiti mill-KEDB, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, anki jekk l-Unjoni ma hijiex parti mill-KEDB. Min-naħa l-oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà ġiet irratifikata mill-Unjoni.

103    Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tan-natura u l-istruttura tagħhom (sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il‑Portugall vs Il-Kunsill, C‑149/96, Ġabra, EU:C:1999:574, punt 47, u tat‑3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra, EU:T:2005:31, punt 114), il-KEDB u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà jinkludu dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent sempliċement jinvoka l-ksur tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, mingħajr ma jipprovdi ebda argument speċifiku insostenn ta’ din l-allegazzjoni.

104    L-istess jgħodd għall-allegat ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent sempliċement jiċċita tliet sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li, fil-fehma tiegħu, juru li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jinkludi d-dritt li l-istat ta’ saħħtu jinżamm sigriet (Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem, S. u Marper vs Ir‑Renju Unit, Nru 30562/04 u 30566/04, tal-4 ta’ Diċembru 2008) kif ukoll id-dritt li d-data li tikkonċerna l-ħajja professjonali tiegħu ma tiġix żvelata (Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem, Amman vs L‑Isvizzera, Nru 27798/95, tas-16 ta’ Frar 2000, u Rotaru vs Ir-Rumanija, Nru 28341/95, tal-4 ta’ Mejju 2000). Madankollu, dawn is-sentenzi jirrigwardaw sitwazzjonijiet ferm differenti mis-sitwazzjoni f’dan il-każ, b’mod partikolari ż-żamma ta’ data bijometrika ta’ persuni ssuspettati li wettqu reati kriminali, l-interċezzjoni ta’ telefonati professjonali u l-ħolqien minn awtoritajiet pubbliċi ta’ fajls li jinkludu varji informazzjoni personali.

105    Barra minn hekk, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il‑Kummissjoni (C‑404/92 P, Ġabra, EU:C:1994:361), iċċitata mir-rikorrent insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, tikkonċerna wkoll kwistjoni ferm differenti, b’mod partikolari r-rifjut tal-Kummissjoni li timpjega persuna wara li għamlet testijiet li jistgħu jwasslu għal suspetti li hija kienet infettata bil-virus tal-Aids, minkejja l-oġġezzjoni ta’ din il-persuna li tagħmel tali testijiet. Għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza V vs Il-Parlament, punt 75 iktar ’il fuq (EU:F:2011:101, punti 110 et seq), tikkonċerna wkoll sitwazzjoni li ma hijiex paragunabbli, inkwantu tirrigwarda t-trasferiment ta’ data medika ta’ ex impjegat tal-Kummissjoni lill-Parlament mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, li wasslet għall-irtirar min-naħa tal-Parlament tal-offerta ta’ impjieg.

106    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa diffiċli li jinstabu paralleliżmu jew similarità bejn il-fatti li wasslu għal dawn is-sentenzi u s-sitwazzjoni, f’dan il-każ, li jistgħu jsostnu l-argumenti tar-rikorrent.

107    Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 52 et seq, ma huwiex possibbli li jitqies li hemm “indħil minn awtorità pubblika” fil-ħajja privata fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB meta r-rikorrent jagħti l-kunsens tiegħu għall-iżvelar ta’ informazzjoni bħal f’dan il-każ.

108    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrent ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ ksur tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà jew tal-KEDB mill-Parlament.

109    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argumenti dwar l-illegalità tal-aġir tal-Parlament għandhom jiġu miċħuda.

110    Peress li t-tliet kundizzjonijiet dwar l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma kumulattivi (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑220/13 P, Ġabra, EU:C:2014:2057, punt 52), ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti dwar id-dannu u r-rabta kawżali. Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina dawn l-argumenti.

2.     Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

 L-argumenti tal-partijiet

111    Ir-rikorrent isostni li l-aġir illegali tal-Parlament ikkawżalu dannu materjali u morali.

112    L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li ġie mġiegħel jirrikorri għas-servizzi ta’ avukat u li kien biss wara żewġ intimazzjonijiet min-naħa ta’ dan li l-Parlament neħħa d-dokument minn fuq is-sit tal-internet tiegħu. Minħabba dan, ir-rikorrent sostna spejjeż fl-ammont ta’ EUR 1 000, li jikkostitwixxi dannu materjali.

113    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda d-dannu morali, ir-rikorrent isostni li dan jirriżulta mill-attitudni ta’ disprezz tal-Parlament u mill-fatt li dan ried itawwal iż-żmien, li weġġgħuh profondament u kkawżawlu stress kbir, inkwiet li ibnu li jsofri minn patoloġija mentali serja u fraġli ħafna, jista’ jsir jaf bl-informazzjoni ppubblikata. Huwa jistima d-dannu morali ex aequo et bono għal EUR 40 000.

114    Fir-replika, ir-rikorrent isostni li ż-żmien li għadda bejn il-pubblikazzjoni u t-talba għat-tħassir ma għandu ebda importanza. Barra minn hekk, huwa jirrileva li ressaq it-talba għat-tħassir minnufih, hekk kif sar jaf bil-pubblikazzjoni tad-data.

115    Ir-rikorrent iqis li teżisti rabta kawżali diretta bejn l-illegalità u d-dannu, minħabba li dan jirriżulta mill-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mill-Parlament kif ukoll mid-diffikultà li kellu sabiex jikseb it-tneħħija ta’ din l-informazzjoni.

116    Il-Parlament ma jikkontestax li, jekk l-eżistenza ta’ aġir illegali tiġi stabbilita, ir-rikorrent ikun subixxa dannu materjali ta’ EUR 1 000 minħabba l-ispejjeż tal-avukat. Madankollu, huwa jqis li r-rikorrent ma pprovax l-eżistenza ta’ dannu morali.

117    Fl-aħħar nett, il-Parlament ma jikkontestax l-eżistenza ta’ rabta kawżali jekk il-Qorti Ġenerali tqis li kien aġixxa b’mod illegali u li r-rikorrent subixxa dannu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

118    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni ta’ eżistenza ta’ dannu, dan tal-aħħar għandu jkun reali u ċert. Min-naħa l-oħra, dannu purament ipotetiku u indeterminat ma jagħtix dritt għal kumpens (sentenza tat-28 ta’ April 2010, BST vs Il‑Kummissjoni, T‑452/05, Ġabra, EU:T:2010:167, punt 165). Madankollu, il-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ dannu ċert hija ssodisfatta meta d-dannu huwa imminenti u prevedibbli b’ċertezza suffiċjenti, anki jekk dan ikun għadu ma jistax jiġi kkalkolat bi preċiżjoni (sentenza tal-14 ta’ Jannar 1987, Zuckerfabrik Bedburg et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 281/84, Ġabra, EU:C:1987:3, punt 14).

119    L-oneru tal-prova rigward l-eżistenza jew l-estent tad-dannu invokat huwa tal-parti li timmina r-responsabbiltà tal-Unjoni u din għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn dan id-dannu u l-aġir li l-istituzzjoni tkun akkużata bih (sentenza BST vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:2010:167, punt 167).

120    Għandu jiġi rrilevat li l-Parlament ma jikkontestax l-eżistenza tad-dannu materjali invokat mir-rikorrent, jiġifieri l-ispejjeż tal-avukat tiegħu, sakemm jeżisti aġir illegali.

121    Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda d-dannu morali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pprovax l-eżistenza ta’ tali dannu. Huwa sempliċement allega li l-attitudni ta’ disprezz tal-Parlament u l-fatt li ried itawwal iż-żmien kienu weġġgħuh profondament u kkawżawlu stress kbir, mingħajr ma pprovda ebda prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni. Għaldaqstant, dan ma jistax jiġi milqugħ.

122    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argumenti tar-rikorrent dwar l-eżistenza ta’ dannu morali għandhom jiġu miċħuda.

123    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li jkun hemm rabta kawżali meta jkun hekk relazzjoni diretta bejn kawża u effet bejn l-iżball imwettaq mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat u l-oneru tal-prova ta’ dan huwa tar-rikorrent (sentenza tat-28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T‑140/97, ĠabraSP, EU:T:1999:176, punt 85). Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir allegat (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1997, Perillo vs Il‑Kummissjoni, T‑7/96, Ġabra, EU:T:1997:94, punt 41).

124    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja li l-persuna kkonċernata ma tistax tiġi pprojbita li tieħu parir ta’ avukat f’fażi prekontenzjuża, din hija l-għażla tagħha u ma tistax tiġi imputata lill-istituzzjoni kkonċernata (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, 54/77, Ġabra, EU:C:1978:45, punt 48; tat-28 ta’ Ġunju 2007, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑331/05 P, Ġabra, EU:C:2007:390, punt 24, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra, EU:T:2008:257, punt 415). L-ispejjeż, li saru liberament b’dan il-mod mill-persuna kkonċernata, ma jistgħux għaldaqstant jiġu imputati lill-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2007:390, punt 27). Għaldaqstant, ma hemm ebda rabta kawżali bejn l-allegat dannu materjali subit mir-rikorrent u l-aġir tal-Parlament.

125    Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrent dwar ir-rabta kawżali bejn l-allegata illegalità u d-dannu materjali għandhom ukoll jiġu miċħuda.

126    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba tar-rikorrent dwar il-kumpens għad-dannu allegatament subit għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq l-ispejjeż

127    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

128    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-KEPD għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CN għandu jbati l-ispejjeż tal-Parlament Ewropew kif ukoll l-ispejjeż tiegħu.

3)      Il-Kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Diċembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.