Language of document : ECLI:EU:C:2020:1053

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis‑17 ta’ Diċembru 2020 (1)

Kawża C824/18

A.B.,

C.D.,

E.F.,

G.H.,

I.J.

vs

Krajowa Rada Sądownictwa,

fil-preżenza ta’: Rzecznik Praw Obywatelskich,

Prokurator Generalny

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 2, 4(3) u 19(1) TUE – Artikolu 267 TFEU – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja – Proċedura għall-ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema Pollakka – Ħatra mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura – Nuqqas ta’ indipendenza tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura – Rimedju ġudizzjarju ineffettiv – Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tħassar id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju – Dritt nazzjonali li jillimita setgħat ta’ aġġudikazzjoni tal-qorti tar-rinviju – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Differenza fit-trattament fl-aċċess għal rimedju ġudizzjarju”






1.        Kif qal tajjeb Lord Neuberger, il-President preċedenti tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit, “Meta telimina d-dritt tan-nies li jmorru l-qorti sabiex jikkontestaw lill-gvern, inti tkun f’dittatura (2)”. It-tneħħija fil-Polonja tal-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-qasam kostituzzjonali prinċipali ta’ indipendenza ġudizzjarja (3) tikkostitwixxi l-enfasi prinċipali tat-tilwima li s-soluzzjoni tagħha hija mfittxija f’din il-kawża (4).

2.        Fil-fatt, din il-kawża tqajjem kwistjonijiet importanti u sejra tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi preċiżjoni sinjifikattiva, kemm f’termini ta’ proċedura u ta’ sustanza, notevolment dwar l-Artikolu 19(1) TUE. Jiena u nittratta s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, sejjer nirreaġixxi għas-sentenza reċenti tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BVerfG”) f’Weiss (2 BvR 859/15), fejn iddeċidiet inter alia li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet ultra vires, kif ukoll għal digriet reċenti tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema Pollakka li sussegwentement għal dik is-sentenza tal-BVerfG iddeċidiet li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx vinkolanti fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

3.        F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari – ippreżentat fil‑21 ta’ Novembru 2018 u ssupplimentat b’domanda preliminari ġdida b’deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2019 – in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) tfittex interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 4(3), 6(1) u 19(1) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE, l-Artikoli 15(1), 20, 21(1), 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 2(1) u (2)(a), 3(1)(a) u 9(1) tad-Direttiva 2000/78/KE (5).

4.        Ir-rinviju oriġina fil-kuntest ta’ proċedimenti legali bejn kandidati għal karigi ġudizzjarji, A.B., C.D., E.F., G.H. u I.J., minn naħa, u l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura; iktar ’il quddiem il-“KRS”), min-naħa l-oħra, li permezz tagħhom dawn il-kandidati appellaw kontra riżoluzzjonijiet fejn: (i) il-KRS iddeċieda li ma jipproponix lill-President tar-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika” il-ħatra tagħhom għall-kariga ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja; iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”); u fl-istess ħin (ii) il-KRS ippropona l-ħatra ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika.

I.      Il-kuntest ġuridiku

5.        Il-KRS huwa rregolat mill-Ustawa z dnia 12 maja 2011 r. o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura). B’mod partikolari, l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS jipprevedi:

“1.      Parteċipant fil-proċedura jista’ jappella quddiem il-[Qorti Suprema] fuq il-bażi li r-riżoluzzjoni tal-[KRS] hija illegali, sakemm dispożizzjonijiet separati ma jipprevedux mod ieħor. […]

1a.      F’każijiet individwali li jikkonċernaw ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef tal-[Qorti Suprema], appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-[Qorti Amministrattiva Suprema]. F’dawn il-każijiet, ma huwiex possibbli li jsir appell quddiem il-[Qorti Suprema]. Appell quddiem il-[Qorti Amministrattiva Suprema] ma jistax ikun fondat fuq allegazzjoni li kien hemm evalwazzjoni skorretta tal-issodisfar mill-kandidati tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ħatra għall-[Qorti Suprema].

1b.      Jekk mhux il-parteċipanti kollha fil-proċedura kkontestaw ir-riżoluzzjoni […] f’każijiet individwali dwar ħatra għal uffiċċju ta’ mħallef tal-[Qorti Suprema], din ir-riżoluzzjoni ssir finali għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni sabiex tiġi ppreżentata l-proposta għal ħatra għall-[Qorti Suprema] u għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni li l-proposta għal ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef ta’ din l-istess qorti ma tiġix ippreżentata, għal parteċipanti fil-proċedura li ma appellawx.

[…]

4.      F’każijiet individwali dwar ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef tal-[Qorti Suprema], l-annullament mill-[Qorti Amministrattiva Suprema] tar-riżoluzzjoni tal-[KRS] sabiex ma tiġix ippreżentata l-proposta ta’ ħatra għall-uffiċju ta’ Mħallef tal-[Qorti Suprema] hija ekwivalenti għal aċċettazzjoni tal-kandidatura tal-parteċipant li appella fil-proċedura għall-kariga vakanti ta’ mħallef fil-[Qorti Suprema], għal kariga li għaliha, fid-data ta’ għoti tas-sentenza tal-[Qorti Amministrattiva Suprema], il-proċedura quddiem il-[KRS] ma kinitx intemmet jew, fl-assenza ta’ din il-proċedura, għall-kariga vakanti li jmiss ta’ mħallef fil-[Qorti Suprema] li hija s-suġġett tal-avviż.”

II.    It-tilwim fil-proċeduri prinċipali u d-domandi preliminari

6.        Il-KRS iddeċieda, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 318/2018 tal‑24 ta’ Awwissu 2018, li ma jippreżentax lill-President tar-Repubblika proposta għall-ħatra ta’, inter alia, A.B. u C.D. bħala mħallfin tal-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema. Permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 330/2018 tat‑28 ta’ Awwissu 2018, il-KRS iddeċieda ma jippreżentax lill-President tar-Repubblika proposta għall-ħatra ta’, inter alia, E.F., G.H. u I.J. bħala mħallfin tal-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema. Dawn ir-riżoluzzjonijiet inkludew ukoll proposti għall-ħatra ta’ kandidati oħra għal dawn il-karigi.

7.        Il-kandidati li ma kinux proposti appellaw minn dawn ir-riżoluzzjonijiet lill-qorti tar-rinviju u ppreżentaw talba lil din il-qorti sabiex tissospendi l-eżekuzzjoni tagħhom, li hija kkonċediet.

8.        Rigward l-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tinnota, l-ewwel nett, li kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet li kienu applikabbli preċedentement, l-Artikolu 44(1b) introdott reċentement tal-Liġi dwar il-KRS jipprevedi li, f’każijiet individwali dwar ħatra bħala mħallef tal-Qorti Suprema, riżoluzzjoni tal-KRS issir finali mhux biss għall-parti tar-riżoluzzjoni li tinkludi d-deċiżjoni li ma tipproponix il-ħatra ta’ kandidati fejn ma kienx hemm appell mill-kandidati telliefa, iżda wkoll għall-parti ta’ din ir-riżoluzzjoni li tinkludi d-deċiżjoni li tiġi posposta l-ħatra, jekk mhux il-parteċipanti kollha fil-proċedura tal-kompetizzjoni appellaw. Madankollu, dawn il-parteċipanti jinkludu wkoll kandidati li l-ħatra tagħhom ġiet proposta u li, għaldaqstant, ma għandhomx interess li jippreżentaw appell minn din ir-riżoluzzjoni. Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din ir-riżoluzzjoni sejra dejjem de facto tkun ta’ natura finali.

9.        It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 44(1a) tal-Liġi dwar il-KRS, li jiddefinixxi l-funzjoni li hija mitluba teżerċita (stħarriġ tal-proċedura tal-kompetizzjoni inkwistjoni), hija bbażata fuq premessi ġenerali wisq, peress li ma ġew stabbiliti l-ebda kriterji ta’ evalwazzjoni ċari.

10.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li mill-Artikolu 44(4) tal-Liġi dwar il-KRS isegwi li konsegwenza tas-soluzzjoni li ġiet adottata hija li, fejn il-qorti tar-rinviju twarrab riżoluzzjoni tal-KRS li ma tippreżentax proposta għal ħatra għall-uffiċju ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema, dan jirriżulta biss f’li r-rikors tal-parteċipant fil-proċeduri li ppreżenta appell jiġi aċċettat għal kariga vakanti ta’ mħallef fil-Qorti Suprema fejn il-proċedura quddiem il-KRS dwar din il-kariga ma tkunx intemmet, u fl-assenza ta’ tali proċedura, għall-kariga vakanti segwenti ta’ mħallef fil-Qorti Suprema.

11.      Rigward it-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tfittex ukoll gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ twettaq evalwazzjoni dwar jekk l-istandard ta’ aċċess ugwali għas-servizz pubbliku (li jissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali) ġiex issodisfatt f’din il-kawża. Fil-fehma tagħha, hemm differenza ċara fl-effettività tar-rimedju bejn proċeduri għal karigi ġudizzjarji vakanti fi qrati oħra u l-proċedura li tikkonċerna dawn il-karigi fil-Qorti Suprema.

12.      Huwa f’dan il-kuntest li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 2, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6 (1) u l-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li l-prinċipju tal-Istat ta’ dritt u d-dritt għal rimedju effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkisru meta, billi jirrikonoxxi d-dritt ta’ rimedju ġudizzjarju f’każijiet individwali dwar l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ mħallef ta’ qorti tal-aħħar Stat Membru (il-Qorti Suprema), il-leġiżlatur nazzjonali jattribwixxi natura definittiva u effettiva lid-deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ, li tippreċedi l-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-kariga ta’ imħallef tal-imsemmija qorti, fl-assenza ta’ rikors kontra d-deċiżjoni meħuda dwar l-eżami konġunt u l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha għall-Qorti Suprema, magħmul mill-parteċipanti kollha fil-proċedura ta’ reklutaġġ, li fosthom hemm ukoll kandidat li ma għandu ebda interess li jikkontesta l-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri l-kandidat imsemmi fil-proposta ta’ ħatra ta’ din il-kariga, li, konsegwentement:

–        jeqred l-effettività tar-rimedju u l-possibbiltà għall-qorti kompetenti li twettaq stħarriġ reali fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ’il fuq,

–        u li, f’sitwazzjoni fejn din il-proċedura tikkonċerna wkoll imħallfin pożizzjonijiet ta’ imħallfin tal-Qorti Suprema li għalihom kienet applikata età ġdida, iktar baxxa, tal-irtirar għall-imħallfin li kienu okkupawhom sa dakinhar, mingħajr ma tħalli d-deċiżjoni li jibbenefikaw minn din l-età tal-irtirar iktar baxxa fid-diskrezzjoni esklużiva tal-imħallfin ikkonċernati, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati — meta jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju inkiser, b’dan il-mod — lanqas ma jaffettwa l-portata u r-riżultat tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ’il fuq?

(2)      L-Artikolu 2, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 15(1), l-Artikolu 20, l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li l-prinċipju tal-Istat ta’ dritt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ aċċess ugwali, skont regoli identiċi, għas-servizz pubbliku, jiġifieri l-kariga ta’ imħallef tal-Qorti Suprema, jinkisru meta hemm, fil-kuntest ta’ każijiet individwali li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-kariga ta’ mħallef fi ħdan l-imsemmija qorti, dritt għal azzjoni legali quddiem il-qorti kompetenti iżda li, minħabba r-regola dwar in-natura definittiva, deskritta fl-ewwel domanda, ħatra għal kariga vakanti ta’ mħallef tal-Qorti Suprema tista’ ssir mingħajr mal-qorti kompetenti teżerċita stħarriġ fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ’il fuq (jekk jiġi preżunt li tali stħarriġ kien twettaq) u, fl-istess ħin, l-assenza ta’ tali stħarriġ, li tippreġudika d-dritt għal rimedju effettiv, jikser id-dritt għal aċċess ugwali għas-servizz pubbliku u, għal dik ir-raġuni, ma jissodisfax l-għanijiet ta’ interess ġenerali u li sitwazzjoni fejn il-kompożizzjoni tal-korp tal-Istat Membru li għandu jissorvelja l-indipendenza tal-qrati u l-imħallfin (il-KRS), korp li quddiemu jiżvolġu l-proċeduri relatati mal-kariga ta’ imħallef tal-Qorti Suprema, hija mfassla b’tali mod li r-rappreżentanti tal-ġudikatura fi ħdan dan il-korp jiġu eletti mil-leġiżlatura, jippreġudika l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domanda komplementari għal domanda preliminari

13.      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-proċedura bil-miktub, ġew ippreżentati osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja minn A.B., C.D., E.F. u I.J., mill-KRS, mill-Prokurator Generalny (il-Prosekutur, il-Polonja), mir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja), mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea.

14.      Il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ngħalqet fil‑31 ta’ Mejju 2019. Fis‑26 ta’ Ġunju 2019, il-qorti tar-rinviju ħarġet digriet li permezz tiegħu ċaħdet rikors mill-Prosekutur u ddeċidiet li ma hemmx bżonn li taġġudika l-kawżi fil-proċeduri prinċipali. Dan ir-rikors kien ibbażat fuq l-iżviluppi segwenti.

15.      L-ewwel nett, b’sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża K 12/18, mogħtija fuq talba tal-KRS u grupp ta’ senaturi, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) iddeċidiet li l-Artikolu 44(1a) tal-Liġi dwar il-KRS kien inkompatibbli mal-Artikolu 184 tal-Kostituzzjoni Pollakka. Il-Qorti Kostituzzjonali kkonkludiet ukoll li kien neċessarju li jiġu tterminati l-proċeduri kollha mressqa taħt din id-dispożizzjoni minħabba li kienet saret invalida.

16.      It-tieni, l-Ustawa z dnia 26 kwietnia 2019 r., o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz ustawy – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Amministrattivi; iktar ’il quddiem il-“Liġi tas‑26 ta’ April 2019”) (6), li daħlet fis-seħħ fit‑23 ta’ Mejju 2019, biddlet it-tieni sentenza tal-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS, li issa huwa fformulat kif ġej: “Ma għandu jkun hemm l-ebda dritt għal appell f’kawżi individwali dwar il-ħatra ta’ Mħallfin tal-Qorti Suprema”. Din il-liġi tistabbilixxi wkoll fl-Artikolu 3 li l-“proċeduri f’kawżi dwar appelli minn riżoluzzjonijiet [KRS] f’kawżi individwali dwar il-ħatra ta’ Mħallfin tal-Qorti Suprema, li nbdew iżda ma ġewx konklużi qabel ma din il-Liġi tidħol fis-seħħ, għandhom jingħalqu ex lege”.

17.      Huwa f’dan il-kuntest li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tagħmel domanda komplementari (jiġifieri, t-tielet waħda) lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża:

“(1) L-Artikolu 2, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu [sentenza] tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6 (1) u l-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li l-prinċipju tal-istat taddritt, il-prinċipju ta’ aċċess għall-qrati u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkisru f’sitwazzjoni fejn il-leġiżatur nazzjonali jneħħi mill-ordinament ġuridiku d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Amministrattiva Suprema u d-dritt ta’ appell lil din il-qorti minn riżoluzzjonijiet tal-[KRS] u jintroduċi wkoll soluzzjoni fejn proċeduri fil-kawżi dwar dawn l-appelli, li nbdew iżda ma ġewx konklużi qabel id-data ta’ introduzzjoni tal-emendi (derogi), għandhom jingħalqu bl-operazzjoni tal-liġi, bir-riżultat li:

–        jeqred id-dritt għal aċċess għall-qrati sa fejn dan huwa relatat mal-istħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-[KRS] u l-verifika dwar jekk il-proċedura ta’ reklutaġġ li fiha ġew adottati dawn ir-riżoluzzjonijiet twettqitx b’mod xieraq, u

–        fejn il-qorti nazzjonali li jkollha ġurisdizzjoni f’dawn il-kawżi tkun għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari wara s-suċċess fil-ftuħ tal-proċedura għall-istħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-[KRS], jeqred id-dritt ta’ aċċess għall-qrati anki, fil-kawża individwali pendenti quddiem il-qorti li (oriġinarjament) kellha l-ġurisdizzjoni li tismagħha u tiddeterminaha, fejn imbagħad iċaħħad lil din il-qorti kemm mill-possibbiltà li tiftaħ b’suċċess proċeduri għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-dritt li tistenna deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaldaqstant jeqred il-prinċipju tal-Unjoni ta’ kooperazzjoni leali?”

18.      Fit-tieni parti tal-proċedura bil-miktub, ġew ippreżentati osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Prosekutur, mill-Ombudsman, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni.

19.      Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fl-ewwel parti tal-proċedura bil-miktub ħadu wkoll l-opportunità li jippreżentaw argument orali f’seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

A.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

20.      Il-Prosekutur isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet dwar id-domandi magħmula fuq il-bażi li dawn jikkonċernaw id-dritt għal rimedju ġudizzjarju f’qasam mhux kopert mid-dritt tal-Unjoni. Kwalunkwe deċiżjoni oħra toħloq koeżistenza ta’ kompetenzi analogi u erga omnes fuq kwistjonijiet legali identiċi fl-istess ħin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Kostituzzjonali.

21.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn l-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membru huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni (7). Iktar minn hekk, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (8).

22.      Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta, b’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE f’din il-kawża (ara l-punti 31 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).

B.      Jekk huwiex (jew għadux) neċessarju li tingħata deċiżjoni

23.      Il-KRS, il-Prosekutur u l-Gvern Pollakk jissottomettu, essenzjalment, li d-domandi magħmula ma għadx għandhom skop, billi ma huwiex neċessarju li jingħataw risposta sabiex jiġu solvuti r-rikorsi fil-proċeduri prinċipali. L-Artikolu 44(1a) tal-Liġi dwar il-KRS, li fuqu kienet ibbażata l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, ġie mħassar b’effett erga omnes mill-Qorti Kostituzzjonali bid-deċiżjoni tagħha tal‑25 ta’ Marzu 2019, li ġiet ukoll ikkonfermata mil-leġiżlatura.

24.      Jiena nikkunsidra li, abbażi tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, id-domandi preliminari ma ġewx mingħajr skop. L-ewwel nett, din il-liġi temenda l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS u tneħħi d-dritt ta’ appell f’kawżi individwali esklużivament sa fejn hija kkonċernata l-ħatra ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema. It-tieni, din il-liġi tipprevedi wkoll li proċeduri pendenti dwar appelli minn riżoluzzjonijiet tal-KRS f’kawżi individwali għandhom jingħalqu ex lege.

25.      L-element tal-aħħar jiddetta li d-domandi magħmula ma jistax ma jkollhomx skop. Fil-fatt, kieku nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet linja ta’ ħsieb analoga mill-Gvern Pollakk f’A. K. et, punt 102.

26.      Nindika li l-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 ma temmitx hija stess il-proċeduri prinċipali u li hija ma tatx lok għall-irtirar tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari peress li, kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 “teħtieġ azzjoni konkreta xierqa mill-qorti adita b’kawża diġà pendenti quddiemha (li japplika wkoll għall-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza [tal‑25 ta’ Marzu 2019], li essenzjalment jeħtieġ li tkun fil-forma ta’ digriet – għaliex hija biss b’mod bħal dan li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti li tagħti deċiżjoni tista’ tkun espressa, peress li l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti ma ġietx abolita minn din il-leġiżlazzjoni” (enfasi miżjuda minni). Il-qorti tar-rinviju ma tatx deċiżjoni li ma hemmx bżonn li taġġudika u ddeċidiet, minflok, li żżomm ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha (ara wkoll A. K. et, punt 103).

27.      Għaldaqstant, dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali bħal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 ma jistgħux jipprekludu qorti li minnha ma hemmx appell milli tikkonferma domandi li hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari (ara A. K. et, punt 104).

28.      Nindika li, apparti minn A. K. et iċċitata preċedentement, f’numru ta’ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutat li taċċetta li ma għadux neċessarju li tagħti deċiżjoni minħabba li allegatament sparixxa s-suġġett tal-proċeduri kif talbu l-awtoritajiet Pollakki f’dawn il-kawżi. Huwa ċar li l-leġiżlatur Pollakk mingħajr eżitazzjoni emenda, b’mod urġenti u ripetutament, il-qafas legali nazzjonali eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi, biss biex imbagħad jargumenta li l-azzjonijiet għal ksur jew rinviji għal deċiżjoni preliminari ma kienx għadx għandhom skop (9).

29.      Isegwi li l-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 u/jew is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019 ma humiex kapaċi jipprovdu ġustifikazzjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tonqos milli tiddeċiedi d-domandi preliminari.

C.      Ammissibbiltà

30.      Il-Prosekutur u l-Gvern Pollakk jargumentaw, essenzjalment, li d-domandi magħmula huma inammissibbli fuq il-bażi ta’ argumenti analogi għal dawk fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

31.      Qabel xejn, nosserva li jsegwi mill-ġurisprudenza li l-“Artikolu [267 TFUE huwa] strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom” (10).

32.      Il-qorti tar-rinviju tfittex jekk ir-rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali huwiex konsistenti mar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt l-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, dan l-artikolu huwa applikabbli biss meta dak li jiġi mqajjem ikun ksur ta’ dritt individwali ggarantit taħt id-dritt tal-Unjoni.

33.      Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għad-Direttiva 2000/78. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, l-għan ta’ din id-direttiva huwa “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” (enfasi miżjuda minni).

34.      Il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-rabta bejn ir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali u d-dritt ta’ nondiskriminazzjoni ggarantit taħt id-Direttiva 2000/78, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għall-motivi speċifiċi elenkati iktar ’il fuq. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jingħad li sa fejn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża ma jindikawx li r-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali jfittxu li jinvokaw biss drittijiet iggarantiti taħt id-dritt tal-Unjoni, bħal dawk previsti mid-Direttiva 2000/78, la l-Artikolu 47 tal-Karta u lanqas id-Direttiva 2000/78 ma huma applikabbli f’din il-kawża.

35.      Il-qorti tar-rinviju tqajjem ukoll l-Artikolu 2 TUE bħala dispożizzjoni awtonoma. Madankollu, dan l-artikolu ma jinsabx bħala tali fost dispożizzjonijiet li skonthom għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u li jistgħu għaldaqstant iwasslu per se lill-qorti tar-rinviju sabiex twarrab dispożizzjoni nazzjonali, billi ssegwi l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ dan ma huwiex neċessarju, peress li l-Artikolu 2 TUE u l-valur tal-istat tad-dritt imsemmi fih jingħataw espressjoni konkreta bl-Artikolu 19 TUE (ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

36.      Nikkunsidra li l-ewwel u t-tielet domanda, b’mod partikolari, huma pertinenti għar-rikorsi fil-proċeduri prinċipali, peress li jikkonċernaw il-portata tas-setgħat tal-qorti tar-rinviju jekk tikkonstata li r-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni huma illegali. Dan iħalli t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 267 TFUE bħala l-uniċi dispożizzjonijiet pertinenti tad-dritt tal-Unjoni mqajma fid-domandi preliminari.

D.      Fuq il-mertu

37.      Nikkunsidra li l-mertu tat-tielet domanda (komplementari) magħmula għandu jiġi indirizzat l-ewwel, peress li r-risposta għal din id-domanda sejra twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li ma hemmx bżonn li taġġudika dwar l-ewwel żewġ domandi jew, bil-maqlub, sejra twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina dawn id-domandi.

1.      It-tielet domanda preliminari

38.      Din id-domanda għandha tinftiehem bħala li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 19(1) TUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni li tikkawża li l-proċeduri nazzjonali jingħalqu ex lege mingħajr kwalunkwe possibbiltà li dawn il-proċeduri jitkomplew jew li jiġu mibdija mill-ġdid quddiem qorti differenti (l-ewwel parti tat-tielet domanda) u jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludux il-konsegwenza li tista’ tirriżulta minn din id-dispożizzjoni nazzjonali f’termini li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ġurisdizzjoni f’kawżi li diġà rriżultaw f’rinviju għal deċiżjoni preliminari li għadu pendenti (it-tieni parti tat-tielet domanda).

a)      Sommarju qasir tal-argumenti tal-partijiet

39.      Il-Prosekutur isostni, essenzjalment, li l-esklużjoni tar-rimedji ġudizzjarji kollha inkwistjoni kontra l-proposti għal ħatra hija awtorizzata mill-Kostituzzjoni Pollakka. Restrizzjonijiet ta’ libertajiet u drittijiet kostituzzjonali huma permessi jekk ikunu stabbiliti bil-liġi u jkunu neċessarji, partikolarment fl-interess tal-politika pubblika. Il-Gvern Pollakk jargumenta, essenzjalment, li l-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 ma jillimitax il-possibbiltajiet tal-qorti tar-rinviju sabiex tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jfittex biss li jipprevedi għall-għeluq tal-kawżi tat-tip bħal dawn inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali.

40.      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn fil-proċeduri prinċipali, ħlief għal ksur strutturali fil-proċess tal-ħatra, li jista’ jitfa’ f’dubju l-indipendenza ta’ dan il-kandidat wara l-ħatra. Bħala konsegwenza, l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li twassal sabiex azzjonijiet li jfittxu stħarriġ ġudizzjarju ta’ tali riżoluzzjonijiet jiġu mwarrba ex lege (Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019) ma hijiex prekluża mill-Artikolu 19(1) TUE. L-Artikolu 267 TFUE lanqas ma jipprekludi l-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, skont il-Kummissjoni.

41.      Kuntrarjament għall-partijiet imsemmija iktar ’il fuq, A.B., C.D., E.F., I.J. u l-Ombudsman isostnu, essenzjalment, li t-tielet domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv.

b)      Evalwazzjoni

42.      Qabel xejn huwa neċessarju li tiġi indirizzata t-tieni parti tat-tielet domanda, sa fejn din tittratta l-Artikolu 267 TFUE.

1)      It-tieni parti tat-tielet domanda (Artikolu 267 TFUE)

43.      Huwa veru li f’din il-kawża huwa r-rikors konġunt tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-leġiżlatur Pollakk li jista’ skont id-domandi preliminari potenzjalment iwassal għal sitwazzjoni fejn ma hemmx bżonn li ssir aġġudikazzjoni taħt id-dritt nazzjonali, li jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, qabel xejn, kienet is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019 li ħassret id-dispożizzjoni nazzjonali li fuqha kienet ibbażata l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju u dan b’effett immedjat, filwaqt li speċifikat li din id-dikjarazzjoni ta’ anti-kostituzzjonalità fissret li kwalunkwe proċeduri ta’ dak it-tip li għadhom pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju kellhom jitwaqqfu.

44.      Huwa veru wkoll li fis-snin reċenti kien hemm dubji serji espressi, inter alia, mill-Kummissjoni dwar il-kapaċità kurrenti tal-Qorti Kostituzzjonali sabiex (tibqa’) teżerċita l-funzjoni tagħha b’mod totalment indipendenti, u l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni billi formalment bdiet il-proċedura prevista mill-Artikolu 7(1) TUE dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (11).

45.      Kif huwa muri f’din il-kawża, l-Artikolu 19 TUE jafda r-responsabbiltà għall-iżgurar ta’ stħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mhux biss lill-Qorti tal-Ġustizzja iżda wkoll lil qrati nazzjonali li, f’kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, jissodisfaw dover fdat lilhom sabiex b’mod konġunt tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati (12).

46.      B’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 267 TFUE, infakkar li l-“element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja [tal-Unjoni] huwa kkostitwit mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista [f’din id-dispożizzjoni] li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha bħala għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni […], li b’hekk tippermetti li tiżgura l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar istanza, in-natura adatta tad-dritt stabbilit mit-Trattati” (13).

47.      Isegwi b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qrati nazzjonali għandhom jibqgħu ħielsa sabiex jiddeċiedu jagħmlux domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew le (14).

48.      Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li “l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jikkunsidraw li kawża quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għal deċiżjoni fuq il-kawża mressqa quddiemhom” (15).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara wkoll li d-diskrezzjoni u l-kompetenza ma jistgħux jiġu ddubitati bl-applikazzjoni tar-regoli legali nazzjonali (16).

50.      Fil-fatt, “dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jesponu ruħhom għal proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li huma adixxew lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistgħux jintlaqgħu […] is-sempliċi perspettiva li tkun tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari minħabba li jkun sar tali rinviju jew li jkun ġie deċiż li dan jinżamm wara l-introduzzjoni tiegħu hija ta’ natura li tippreġudika l-eżerċizzju effettiv mill-qrati nazzjonali kkonċernati tad-diskrezzjoni u tal-funzjonijiet [ta’ qorti responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni]. […] L-indipendenza ġudizzjarja msemmija iktar ’il fuq] hija, b’mod partikolari, essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li tinkludi l-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE” (17).

51.      Dak li huwa importanti f’din il-kawża huwa l-fatt li, kif indikat il-qorti tar-rinviju, id-dritt nazzjonali jinkludi obbligu kostituzzjonali, taħt stat tad-dritt, li jkun disponibbli rimedju ġudizzjarju għal riżoluzzjonijiet tal-KRS bħal dawn fil-proċeduri prinċipali.

52.      Isegwi li, l-ewwel, fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari (dwar l-Artikolu 267 TFUE), nikkunsidra li mhux biss fir-rigward tal-kuntest – fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita f’dawn l-aħħar snin fir-rigward ta’ diversi każijiet ta’ ksur allegat tal-istat tad-dritt u tal-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja (ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet u fir-rigward ta’ din il-kawża jista’ jiġi indikat li, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ssospendiet ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni, il-President tar-Repubblika pproċeda xorta waħda sabiex jaħtar għall-karigi ta’ mħallef tal-Qorti Suprema kkonċernata tmien imħallfin ġodda proposti mill-KRS fir-riżoluzzjonijiet li huma inkwistjoni hawn (18)) – il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-Artikolu 267 TFUE jipprekludi liġi nazzjonali bħal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 minħabba li ordnat l-għeluq ex lege ta’ proċeduri bħal dawn quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li fl-istess ħin teskludi kwalunkwe trasferiment tal-istħarriġ tar-rikorsi lil qorti nazzjonali oħra jew kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid tar-rikorsi quddiem qorti nazzjonali oħra. Iktar minn hekk, billi għamel dan il-leġiżlatur Pollakk injora deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali li jagħmluha ċara li għandu jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju ta’ riżoluzzjonijiet tal-KRS bħal dawn fil-proċeduri prinċipali.

53.      Dan huwa hekk a fortiori minħabba li l-istadju segwenti fil-proċedura tal-ħatra, jiġifieri l-ħatra tal-President ta’ kandidat bħala mħallef tal-Qorti Suprema, hija prerogattiva presidenzjali u għaldaqstant ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju taħt id-dritt Pollakk.

54.      Issa sejjer indur għall-ewwel parti tat-tielet domanda magħmula, li essenzjalment tittratta l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-Artikolu 19(1) TUE jippermettux lill-qorti tar-rinviju tiddikjara lilha nnifisha kompetenti – minkejja l-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 – sabiex tiddeċiedi u tkompli tevalwa r-rikorsi fil-proċeduri prinċipali.

2)      L-ewwel parti tat-tielet domanda (Artikolu 19(1) TFUE u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni)

i)      Is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal25 ta’ Marzu 2019

55.      L-ewwel sejjer nindirizza s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019, li l-leġiżlatur Pollakk allegatament fittex li jimplimenta permezz tal-Liġi kkontestata tas‑26 ta’ April 2019 u li hija, kif sejrin naraw iktar ’il quddiem, importanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

56.      Id-deroga permezz tas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019 mill-Artikolu 44(1a) tal-Liġi dwar il-KRS kellha r-riżultat li tqiegħed f’dubju l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (il-Qorti Amministrattiva Suprema) bħala l-qorti li (inizjalment) kellha l-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawżi dwar appelli minn riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar id-deċiżjoni li jiġu ppreżentati (jew le) proposti ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema fuq il-bażi – kif jidher mill-motivi ta’ din id-deċiżjoni – tat-tip ta’ kawża u tan-natura istituzzjonali tal-qrati amministrattivi meta mqabbla mal-qrati ordinarji, li jwassal sabiex il-qorti tar-rinviju ma tkunx il-qorti “iddestinata li tisma’ kawżi dwar ir-riżoluzzjonijiet tal-[KRS]”.

57.      Huwa veru li, bħala prinċipju ġenerali, jista’ jiġi sostnut li irrispettivament mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qrati nazzjonali ma jistgħux ikunu marbuta minn deċiżjonijiet ta’ qrati ogħla li jipprekluduhom milli jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (19).

58.      Fil-fatt, “[r]egola ta’ dritt nazzjonali, li bis-saħħa tal-evalwazzjonijiet tagħha magħmula minn qorti superjuri jorbtu lil qorti nazzjonali oħra, ma tistax għalhekk iċċaħħad lil din tal-aħħar milli tkun tista’ tagħmel domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ tali evalwazzjonijiet fid-dritt. Hija fil-fatt għandha tkun libera, jekk hija tqis li l-evalwazzjoni fid-dritt magħmula f’livell ogħla tista’ twassal għal sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjonijiet li jkollha dubji dwarhom” (20).

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fl-istess sentenza (21) li “jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew li regoli tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistgħux jiġu ammessi jekk jippreġudikaw l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni […] Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà stabbilixxiet li dawn il-prinċipji japplikaw fir-relazzjonijiet bejn qorti Kostituzzjonali u kull qorti nazzjonali oħra”.

60.      Madankollu, nikkunsidra li minkejja dak li jista’ jidher li huwa l-każ, din il-kawża ma hijiex, fil-fatt, waħda fejn jeżisti kunflitt reali bejn id-deċiżjoni ta’ Qorti Kostituzzjonali ta’ Stat Membru u d-dritt tal-Unjoni.

61.      L-ewwel, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal‑25 ta’ Marzu 2019 hija deċiżjoni b’effetti prospettivi, li jfisser li d-dispożizzjoni li ġiet iddikjarata anti-kostituzzjonali għandha tkompli tiġi applikata għall-evalwazzjoni legali ta’ sitwazzjonijiet fattwali eżistenti qabel id-data meta d-dispożizzjoni saret invalida. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mil-letteratura legali (22).

62.      Għaldaqstant, dispożizzjoni bħal din għandha tkompli tiġi applikata għall-evalwazzjoni legali taċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom, fid-dawl tal-forma oriġinali tal-ġurisdizzjoni ratione materiae tal-qorti tar-rinviju, bħala l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni f’kawżi dwar appelli mir-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni, persuni intitolati effettivament eżerċitaw id-drittijiet kostituzzjonali tagħhom.

63.      It-tieni, u hawn naqbel mal-qorti tar-rinviju, is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali mhux biss ma kkontestatx speċifikament il-ftuħ ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS, iżda jsegwi b’mod ċar minn din is-sentenza li dan l-istħarriġ għandu fil-fatt ikun disponibbli fil-Polonja.

64.      Niġbed l-attenzjoni għall-argument sostnut fil-motivi tas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019: “[…] L-istituzzjoni stess tal-appell minn riżoluzzjonijiet tal-[KRS] f’kawżi individwali hija […] l-konsegwenza tal-implimentazzjoni tas-sentenza […] fil-Kawża SK 57/06 [sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2008], iżda [din] ma għandhiex tiġi pprattikata fil-forma ta’ proċeduri li huma suġġetti għal qrati kompletament differenti”.

65.      Dan huwa rilevanti għaliex il-preċedent kostituzzjonali inkwistjoni (Kawża SK 57/06) ittratta espliċitament il-kwistjoni tal-possibbiltà għal kandidati għal uffiċċju ġudizzjarji sabiex jappellaw minn riżoluzzjonijiet tal-KRS bħal dawk fil-proċeduri prinċipali (f’din il-kawża il-KRS ukoll ma ppreżentax il-kandidatura tar-rikorrent lill-President tar-Repubblika).

66.      Kif indikat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3 tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 (flimkien mal-emenda magħmula għat-tieni sentenza tal-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS introdotta mil-liġi emendatorja) jista’ jidher bħala ekwivalenti għad-dispożizzjoni inkluża fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tal-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar il-KRS li, fis-sentenza mogħtija fil-Kawża SK 57/06, ġiet iddikjarata mill-Qorti Kostituzzjonali bħala inkompatibbli mal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka, moqrija flimkien mal-Artikolu 77(2) u l-Artikolu 60 tagħha.

67.      Il-qorti tar-rinviju tispjega dan ulterjorment fir-rinviju tagħha tas‑26 ta’ Ġunju 2019: “illi [l-ħtieġa li jkun hemm rimedju effettiv] hija kkonfermata wkoll mill-pożizzjoni meħuda mill-Qorti Kostituzzjonali. Għaldaqstant, fil-motivi tas-sentenza fil-Kawża SK 57/06 – li r-rilevanza u l-konsegwenzi tagħha ma huma bl-ebda mod ikkontestati jew imminati mis-sentenza mogħtija fil-Kawża K 12/18, iżda huma għall-kuntrarju kkonfermati minnha – il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni jesprimi b’mod ċar ir-rieda tal-leġiżlatura li d-dritt ta’ aċċess għall-qrati għandu jinkludi l-iktar firxa wiesgħa possibbli ta’ kawżi, u mill-prinċipju tal-istat tad-dritt demokratiku toriġina l-istruzzjoni li tipprojbixxi interpretazzjoni restrittiva tad-dritt ta’ aċċess għall-qrati, peress li l-Kostituzzjoni tistabbilixxi preżunzjoni speċifika tad-dritt ta’ aċċess għall-qrati, […] il-konklużjoni li l-proċedura li skontha l-[KRS] jevalwa kandidat għal kariga speċifika ta’ mħallef u jiddeċiedi li jissottometti proposta lill-President tar-Repubblika […] [għal] ħatra f’din il-kariga tirrelata mad-dritt stabbilit fl-Artikolu 60 tal-Kostituzzjoni li wieħed japplika għal kariga pubblika fuq termini ugwali, u għalhekk għal dritt li jifforma parti mill-kategorija ta’ drittijiet u libertajiet kostituzzjonali li għalihom tapplika l-projbizzjoni assoluta fuq ir-restrizzjoni tal-aċċess għall-qrati espressa fl-Artikolu 77(2) tal-Ustawa Zasadnicza (il-Liġi Bażika)” (enfasi miżjuda minni; punt III.5 tal-motivi tas-sentenza fil-Kawża SK 57/06).

68.      Il-Qorti Kostituzzjonali tagħmilha ċara wkoll li ma hijiex il-proċedura ta’ appell minn riżoluzzjonijiet tal-KRS f’kawżi individwali per se li hija anti-kostituzzjonali, iżda, fil-fehma ta’ din il-qorti, hija l-qorti tar-rinviju (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawżi (punt 6.2 tal-motivi tas-sentenza fil-Kawża K 12/18).

69.      Għandu jiġi enfasizzat li t-tneħħija tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju f’kawżi dwar appelli minn riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar ħatriet għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema kienet b’mod evidenti mhux akkumpanjata minn xi azzjoni pożittiva tal-leġiżlatur nazzjonali intiża sabiex tistabbilixxi qorti ta’ sostituzzjoni b’ġurisdizzjoni f’dawn il-kawżi, minkejja l-fatt li l-Qorti Kostituzzjonali, fil-Kawża K 12/18, ma ddubitatx il-possibbiltà sabiex jiġu istitwiti proċeduri għal stħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni, filwaqt li għamlet riferiment f’dan ir-rigward għas-sentenza ċentrali fil-Kawża SK 57/06 (ara l-punti 8 u 12), li teħtieġ stħarriġ bħal dan.

70.      Għaldaqstant, naqbel mal-qorti tar-rinviju li “l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jeskludi l-aċċess għall-qrati f’kawżi bħal dawn, li […] hija f’oppożizzjoni għall-pożizzjoni meħuda fil-motivi tas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-ġurisprudenza, li minnhom huwa apparenti li, f’demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt, huwa inaċċettabbli li jkun hemm sitwazzjoni fejn ma hemmx il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ sentenzi mogħtija fi kwalunkwe proċeduri jew deċiżjonijiet oħra” (23).

71.      Iktar minn hekk, nikkunsidra (bħall-Ombudsman) li din l-esklużjoni hija totalment arbitrarja, peress li hija applikabbli esklużivament għall-ħatriet għall-Qorti Suprema. Iktar minn hekk, in-natura selettiva ta’ din il-miżura ma hijiex iġġustifikata minn kwalunkwe raġunar oġġettiv jew konvinċenti.

72.      Fil-fehma tiegħi, l-eliminazzjoni ta’ (id-dritt għal) rimedju ġudizzjarju li kien għadu disponibbli sa dakinhar f’kawża bħal dik fil-proċeduri prinċipali u, b’mod partikolari, it-tneħħija tiegħu minn partijiet li – bħar-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali – diġà ippreżentaw rikors bħal dan tikkostitwixxi (fid-dawl tal-kuntest u l-konstellazzjoni tal-elementi l-oħra indikati mill-qorti tar-rinviju li l-eliminazzjoni ta’ dan id-dritt hija bbażata fuqhom) miżura li n-natura tagħha tikkontribwixxi għal – fil-fatt tirrinforza – l-assenza tal-apparenza tal-indipendenza u imparzjalità tal-imħallfin fil-fatt maħtura fil-qorti kkonċernata kif ukoll tal-qorti nnifisha. Assenza bħal din tal-apparenza tal-indipendenza u imparzjalità tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

73.      Sejjer neżamina jekk dan iwassalx sabiex il-qorti tar-rinviju tiġi obbligata li twarrab id-dritt nazzjonali kkonċernat.

ii)    Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-Artikolu 19(1) TUE

74.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “għandu jiġi enfasizzat li kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, hija, bħala korp ta’ Stat Membru, obbligata ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett fit-tilwima li jkollha quddiemha” (24).

75.      Dan huwa s-suġġett tal-ewwel parti tat-tielet domanda magħmula, li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk is-supremazija marbuta ma’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tippermettix, imbagħad, lill-qorti tar-rinviju ma tagħtix effett lil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 billi tiddikjara lilha nnifisha – minkejja din il-liġi – kompetenti li tiddeċiedi dwar ir-rikorsi fil-proċeduri prinċipali u sabiex tkompli bl-evalwazzjoni tagħhom.

76.      Qabel ma nipproċedi bl-eżaminazzjoni tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandi bżonn nindirizza fil-qosor deċiżjonijiet reċenti mill-Qorti Suprema Pollakka u mill-BVerfG Ġermaniża.

77.      L-ewwel waħda minnhom hija Digriet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema tat‑23 ta’ Settembru 2020 (II DO 52/20) fejn iddeċidiet li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’A.K. et “ma tistax titqies vinkolanti fl-ordinament ġuridiku Pollakk, minħabba li fil-proċeduri kollha pendenti quddiem l-Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali tal-Qorti Suprema, li fihom ġew magħmula domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ([…] domanda għal deċiżjoni preliminari rreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja [fil-Kawżi] C‑585/18, […] C‑624/18, […] [u] C‑625/18), twettqu atti minn formazzjonijiet ġudikanti li kienu f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet tal-liġi.” Ir-raġuni kienet il-fatt li d-domandi preliminari f’dawn il-kawżi ġew ippreżentati minn awli ta’ tliet imħallfin, filwaqt li l-qorti Pollakka kkunsidrat li dawn il-kawżi kellhom jiġu eżaminati fl-ewwel istanza mill-Qorti Suprema komposta minn imħallef wieħed tal-Awla Dixxiplinari.

78.      Qabelxejn, l-avvenimenti msemmija seħħew minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’April 2020 f’digriet ta’ miżuri provviżorji (25) li l-attivitajiet tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema għandhom jiġu sospiżi sakemm tiġi deċiża l-Kawża C‑791/19, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja.

79.      Din il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata fil-kuntest ta’ dik il-kawża, iżda, is-sentenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema ssegwi sentenza oħra reċenti mill-Ġermanja, li, għandi bżonn nindirizza anki jekk fil-qosor biss (minħabba l-fatt li l-portata ta’ dawn il-konklużjonijiet hija limitata għas-soluzzjoni tad-domandi magħmula f’din il-kawża u nikkunsidra li s-sentenza tal-BVerfG ma għandha l-ebda impatt fuq din il-kawża jew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni b’mod partikolari).

–       Is-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) Ġermaniża f’Weiss

80.      Fis-sentenza reċenti tal-BVerfG f’Weiss (iċċitata fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet), essenzjalment, it-Tieni Senat (awla) tal-BVerfG iddikjarat is-sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja (f’Weiss et (26)), kif ukoll diversi deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-Programm għax-Xiri tal-Assi fis-Settur Pubbliku tal‑2015, bħala ultra vires u mhux applikabbli fil-Ġermanja.

81.      Minflok tipperikola s-sistema kollha tal-komunità tal-Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt billi tieħu approċċ bla preċedent bħal dan, il-BVerfG setgħet tispjega x’seta’, fil-fehma tagħha, jista’ jiġi kkritikat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u setgħet imbagħad tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja (fil-fatt, kif messha għamlet, li kieku segwiet il-ġurisprudenza tagħha stess fuq din l-istess kwistjoni (27)). Wara kollox, id-djalogu ġudizzjarju huwa ta’ valur, fil-fatt, huwa integrali għall-funzjonament tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

82.      Fi kwalunkwe każ, ma aħniex ffaċċjati hawnhekk b’sitwazzjoni ta’ dritt nazzjonali u dritt internazzjonali u liema wieħed minnhom jieħu l-prijorità f’ordinament ġuridiku nazzjonali partikolari (28): “Id-dritt tal-Unjoni ma huwiex ‘dritt barrani’, iżda pjuttost min-natura tiegħu stess u minnu nnifsu huwa ‘id-dritt tal-post’ f’kull Stat Membru u s-supremazija tmur id f’id mal-prinċipju tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem il-liġi, peress li teskludi ‘għażla selettiva’ li tista’ taqdi interessi nazzjonali individwali” (29).

83.      L-approċċ ultra vires tal-BVerfG jimmina l-istat tad-dritt fl-Unjoni, li huwa conditio sine qua non għall-integrazzjoni. L-Unjoni ma għandhiex sovrastruttura sabiex tittratta kunflitti ta’ qrati, iżda l-istat tad-dritt iservi bħala pont sabiex jiġu ttrattati dawn il-kunflitti.

84.      Skont it-Trattati, li huma l-“kuntratt” tal-Istat Membru, l-istanza finali fid-dritt tal-Unjoni hija l-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa ċar mill-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 267 TFUE. Iktar minn hekk, skont l-Artikolu 344 TFUE, l-Istati Membri anki espliċitament ikkommettew għas-segwenti: “L-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jippreżentawx kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattati”. (30)Pacta sunt servanda u għaldaqstant sempliċiment ma huwiex ir-rwol jew il-kompetenza tal-BVerfG li tiddeċiedi bil-mod li għamlet f’Weiss (31). L-ebda qorti nazzjonali ma hija permessa mit-Trattati li tiċħad sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għaliex inkella d-dritt tal-Unjoni ma jiġix applikat ugwalment jew effettivament fis‑27 Stat Membru tal-Unjoni u l-bażi legali sħiħa tal-Unjoni tiġi ddubitata. Jekk qorti kostituzzjonali nazzjonali tqis att tal-Unjoni jew deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkontradixxu l-kostituzzjoni tagħha, ma tistax sempliċiment tqis l-att jew deċiżjoni bħala inapplikabbli fil-ġurisdizzjoni tagħha. Dak li tista’ tagħmel huwa li tfittex li tirrimedja s-sitwazzjoni billi tobbliga lill-gvern tal-pajjiż inkwistjoni jemenda l-kostituzzjoni, li jfittex li jbiddel ir-regola legali tal-Unjoni involuta billi jaħdem fil-proċess politiku tal-Unjoni jew, jekk neċessarju, billi jirtira mill-Unjoni (32). Dan huwa l-uniku mod li tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-Istati Membri fl-Unjoni li ħolqu.

–       L-effett dirett tal-Artikolu 19(1) TUE

85.      Skont l-Artikolu 2 TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri, bħalma huma l-istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà karatterizzata, b’mod partikolari, mill-ġustizzja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri (33) u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li biha l-Istati Membri jaqsmu bejniethom sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif huwa ppreċiżat fl-Artikolu 2 TUE (34).

86.      L-Unjoni hija unjoni tad-dritt fejn il-partijiet għandhom id-dritt li jikkontestaw quddiem il-qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull att nazzjonali ieħor dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att tal-Unjoni (35).

87.      L-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-istat tad-dritt affermat fl-Artikolu 2 TUE jafda l-kompitu li jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mhux biss fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll fuq il-qrati nazzjonali (36).

88.      L-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, huma responsabbli sabiex jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Bħala tali, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet l-osservanza ta’ protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (37).

89.      Isegwi mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) huwa applikabbli a priori – indipendentement minn kwalunkwe rekwiżit relatat ma’ sitwazzjoni konkreta ta’ implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni – fir-rigward ta’ kwalunkwe qorti nazzjonali meta din tkun tista’ tiddeċiedi bħala qorti dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (38).

90.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza ma għadnix niddefendi l-fehma li esprimejt f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji (39)) li l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huwa limitat, fil-kuntest tan-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ tneħħija u tal-indipendenza tal-imħallfin, għall-korrezzjoni ta’ problemi fir-rigward ta’ infirmità strutturali fi Stat Membru partikolari (nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, li “jikkompromettu l-essenza” tan-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ tneħħija u tal-indipendenza tal-imħallfin).

91.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 47 tal-Karta għandu effett dirett (A. K. et, punt 162). Dan huwa minnu fi kwalunkwe każ għar-rekwiżit tal-indipendenza tal-imħallfin.

92.      Il-kunċett ta’ protezzjoni legali effettiva, imsemmi fl-Artikolu 19(1) TUE, għandu jiġi interpretat bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tal-Artikolu 47 tal-Karta u b’mod partikolari l-garanziji inerenti f’ (id-dritt għal) rimedju legali effettiv żgurat mid-dispożizzjoni tal-aħħar.

93.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, “[i]t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi lill-Istati Membri kollha li jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” (40). Għaldaqstant, l-Artikolu 19(1) TUE jinkludi l-bżonn li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-qorti li hija fdata bl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

94.      Iktar minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà impliċitament aċċettat li l-Artikolu 19(1) TUE għandu effett dirett. F’Juizes Portugueses (41), fil-proċeduri prinċipali l-Artikolu 19(1) TUE ġie invokat quddiem qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja ma qajmet l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-possibbiltà diretta ta’ invokazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Bl-istess mod, f’Miasto Łowicz (42), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-domanda magħmula ma kinitx pertinenti għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-proċeduri prinċipali, iżda din ma qajmet l-ebda kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ invokazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE.

95.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett u tista’ tiġi invokata minn partijiet quddiem qrati nazzjonali bħala bażi legali awtonoma (apparti l-Artikolu 47 tal-Karta) sabiex iseħħ skrutinju tal-konformità tal-azzjonijiet ta’ Stat Membru mad-dritt tal-Unjoni.

–       L-applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE għal din il-kawża

96.      Issa li l-Artikolu 19(1) TUE jista’ jiġi applikat mill-qorti tar-rinviju direttament f’din il-kawża, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk hija tistax tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tiddeċiedi li r-regoli nazzjonali rilevanti huma preklużi mill-Artikolu 19(1) TUE.

97.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’A.K. et (punt 167) li “l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-individwi għandhom taħt dan id-dritt”.

98.      Iktar minn hekk, “il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li attwalment jinsab affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta, b’tali mod li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji legali neċessarji sabiex tiġi żgurata, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tat-tieni waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet” (A.K. et, punt 168).

99.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “eżami separat tal-Artikolu 2 TUE u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) TUE, li jista’ biss jikkorrobora l-konklużjoni diġà magħmula fil-punti 153 u 154 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li huwa meħtieġ għall-finijiet li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju u għas-soluzzjoni tat-tilwimiet li għandha quddiemha” (A.K. et, punt 169).

100. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li dawn il-qrati għandhom ikunu jistgħu joffru skont din id-dispożizzjoni teħtieġ, b’mod partikolari, li dawn jikkonformaw strutturalment mar-rekwiżit tal-indipendenza u tal-imparzjalità, kif ġie żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikoli 267 TFUE, 47 tal-Karta u l-Artikolu 19 TUE. Iktar minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti lil dawn id-dispożizzjonijiet tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra il-livell ta’ protezzjoni żgurat mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) (A.K. et, punt 118).

101. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “s-sempliċi fatt li [l-imħallfin] inħatru mill-President tar-Repubblika ma huwiex ta’ natura li joħloq dipendenza min-naħa ta’ dawn tal-aħħar fil-konfront tiegħu u lanqas ma huwa ta’ natura li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jekk, ladarba maħtura, il-persuni kkonċernati ma jkunu suġġetti għal ebda pressjoni u ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom […] Madankollu, jibqa’ meħtieġ li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni, ladarba jinħatru l-imħallfin ikkonċernati” (enfasi miżjuda minni, A.K. et, punti 133 u 134).

102. It-tieni, isegwi wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-regoli dwar il-ħatra tal-imħallfin għandhom, flimkien ma’ tipi oħra ta’ regoli fir-rigward tagħhom (bħar-reġim dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin, in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ tneħħija tagħhom, eċċ.), jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata din l-indipendenza, b’mod partikolari sabiex jitneħħew kwalunkwe dubji leġittimi, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ tali qorti fil-konfront ta’ elementi esterni, u, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni, u kull nuqqas tad-dehra ta’ indipendenza jew imparzjalità ta’ din il-qorti, li jista’ jippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika għandha tispira fl-imsemmija individwi, ma għandux ikun aċċettat (43).

103. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn ir-regoli nazzjonali dwar il-ħatra tal-imħallfin jaqgħu taħt l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE, hemm obbligi fuq l-Istat Membru sabiex jistabbilixxi r-rekwiżit li jiżgura li l-proċedura tal-ħatra titwettaq b’mod li tipproteġi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin hekk maħtura.

104. Huwa veru li d-dritt tal-Unjoni, kif inhu llum: (i) ma jinkludix regola jew prinċipju li jagħti lill-kandidati għall-kariga ta’ mħallef bħal dawn fil-proċeduri prinċipali dritt għal rimedju ġudizzjarju jew jiddetermina kundizzjonijiet ta’ effettività li jkollu jissodisfa dritt bħal dan; u (ii) ma jipprovdix li dawn il-kandidati għandhom dritt li ma jiġux iddiskriminati, fuq il-bażi tat-tipi ta’ karigi ġudizzjarji vakanti kkonċernati, sa fejn dan ir-rimedju huwa kkonċernat.

105. Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (A.K. et, punt 153), għalkemm ċerti aspetti tad-dritt nazzjonali ma jistgħux, per se u meħuda weħidhom, jitfgħu dubju fuq l-indipendenza ta’ qorti jew tal-membri tagħha, dan jista’, min-naħa l-oħra, ma jkunx veru ladarba jittieħdu flimkien, bħala akkumulazzjoni ta’ fatturi legali u fattwali li l-kombinazzjoni tagħhom tista’ tqajjem dubji, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din il-qorti jew tal-membri tagħha fil-konfront ta’ elementi esterni, u, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni u, għalhekk, tistax twassal għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija qorti jew il-membri tagħha li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija individwi f’soċjetà demokratika.

106. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlitha ċara (A.K. et, punti 131 sa 153), fir-rigward ta’ konstellazzjoni ta’ ċirkustanzi legali u fattwali li jikkonverġu ma’ dawk fil-kawża fil-proċeduri prinċipali, li ċ-ċirkustanza segwenti, f’rabta ma’ dawn iċ-ċirkustanzi l-oħra, u suġġetta għall-evalwazzjoni u verifika finali li għandhom jitwettqu mill-qorti nazzjonali, tista’ twassal sabiex jitqajmu dawn id-dubji.

107. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat (44) li “[b]arra minn hekk, u fid-dawl tal-fatt li, kif jirriżulta mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika li jaħtru mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk il-mod li bih hija ddefinita, fl-Artikolu 44(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-KRS, il-portata tal-appell li jista’ jiġi ppreżentat kontra riżoluzzjoni tal-KRS li tinkludi d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-pożizzjoni ta’ mħallef ta’ din il-qorti jippermettix li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv fil-konfront ta’ tali riżoluzzjonijiet, li jkopri, minn tal-inqas, il-verifika tal-assenza ta’ abbuż jew ta’ użu ħażin ta’ poter, ta’ żball ta’ liġi jew ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2018, Thiam vs Franza, CE:ECHR:2018:1018JUD008001812, punti 25 u 81)” (enfasi miżjuda minni).

108. Fil-kuntest Pollakk, in-nuqqas li jiġu osservati r-rekwiżiti minimi għal stħarriġ ġudizzjarju stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt preċedenti għandu impatt dirett fuq l-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-imħallfin li jiġu maħtura.

109. Dak li nara importanti li jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja hawn huwa li filwaqt li ċerti tipi ta’ proċedura u regoli relatati mal-ħatra ta’ mħallfin fi Stati Membri (u għalhekk ukoll in-nuqqas ta’ rimedju ġudizzjarju fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri bħal fil-kawża fil-proċeduri prinċipali) jistgħu ma jkunux dubjużi taħt id-dritt tal-Unjoni bħala tali, huma jistgħu fil-fatt ikunu inaċċettabbli meta jitwettqu fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni ta’ organu li huwa stess huwa manifestament mhux indipendenti.

110. L-ewwel nett, ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni hawn huma essenzjalment deċiżjonijiet amministrattivi, li għandhom effetti legali għall-kandidati għal uffiċċju ġudizzjarji inkwistjoni (45). Bħal kwalunkwe intervent mill-Istat ieħor, il-proċedura tal-ħatra tal-imħallfin għandha tkun irregolata minn regoli legali, li l-osservanza tagħhom għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni minn organu ġudizzjarju indipendenti.

111. Fil-fatt, inter alia l-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin (46) tnaqqax id-“dritt tal-appell” ta’ kwalunkwe mħallef li jikkunsidra li d-drittijiet tiegħu taħt l-istatut jew b’mod iktar ġenerali l-indipendenza, jew dik tal-proċess legali, huma mhedda jew miksura b’xi mod, sabiex ikun jista’ jirreferi l-kwistjoni għal organu indipendenti kif deskritt iktar ’il fuq. Dan ifisser li l-imħallfin ma jitħallewx bla difiża kontra ksur tal-indipendenza tagħhom. Id-dritt tal-appell huwa protezzjoni neċessarja minħabba li tkun biss xewqa li jiġu stabbiliti prinċipji għall-protezzjoni tal-ġudikatura sakemm dawn ma jiġux sostnuti b’mod konsistenti b’mekkaniżmi li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.

112. Il-QEDB diġà kellha l-opportunità tikkonferma fil-kawża Denisov vs L‑Ukraina li l-kunsilli ġudizzjarji għandhom josservaw l-istandards li jinsabu fl-Artikolu 6 KEDB, jew inkella d-deċiżjoni tagħhom għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa minn organu li jikkonforma magħhom. Il-kwistjoni ta’ osservanza tal-garanziji fundamentali tal-indipendenza u imparzjalità tista’ tqum jekk l-istruttura u l-funzjonament ta’ kunsill ġudizzjarju bħall-KRS (in casu, li jaġixxi bħala l-organu dixxiplinari) huwa stess iqajjem kwistjonijiet serji f’dan ir-rigward (47). Awtur ieħor (48) għamel l-argument f’kitba legali li dak imsemmi iktar ’il fuq għandu japplika biss meta l-kunsill ġudizzjarju jaġixxi bħala organu dixxiplinari u mhux meta dan “sempliċiment” jaqdi rwol ta’ konsultazzjoni bħal fil-kuntest ta’ ħatriet ġudizzjarji. Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma minħabba li differenza bħal din ma tinsabx fil-ġurisprudenza tal-QEDB u nikkunsidra li fi kwalunkwe każ ma tistax tapplika fil-kuntest bħal dan inkwistjoni fil-Polonja.

113. It-tieni, il-punt li għamilt fil-punt 109 iktar ’il fuq huwa appoġġjat mill-prinċipju li deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija stess il-kundizzjonijiet tal-indipendenza u imparzjalità għandha tkun suġġetta għal kontroll sussegwenti ta’ organu ġudizzjarju (49).

114. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità reċentement li tikkonferma li l-indipendenza ġudizzjarja mill-eżekuttiv b’mod partikolari hija element ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (50). Din il-protezzjoni għandha, fil-prinċipju, tingħata liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inkluż lil kandidati għal uffiċċju ġudizzjarju mal-Qorti Suprema.

115. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’Simpson u HG (51), “mid-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti, imparzjali u stabbilit minn qabel bil-liġi, żgurat mill-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li kull parti f’kawża għandha, bħala prinċipju, ikollha l-possibbiltà li tinvoka ksur ta’ dan id-dritt. Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tivverifika jekk irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni setgħetx twassal għal ksur ta’ dan id-dritt fundamentali”. Nikkunsidra li l-istess japplika għal qrati nazzjonali (li huma qrati tal-Unjoni wkoll). Għal darba oħra, filwaqt li din il-ġurisprudenza tittratta speċifikament l-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega f’A.K. et li jekk hija analizzat l-Artikoli 2 u 19 TUE, mela l-konklużjonijiet ta’ din l-analiżi għandhom ikunu l-istess bħal dawk tal-analiżi tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara l-punti 167 sa 169 ta’ din is-sentenza).

116. Fil-fatt, il-Qorti Suprema diġà ddeċidiet b’mod ċar ħafna li l-KRS ma huwiex indipendenti (52).

117. B’mod partikolari, fid-dawl ta’ diversi difetti legali serji, hija kkonkludiet li l-għażliet magħmula mill-KRS ma humiex indipendenti minn interessi politiċi, billi jaffettwaw it-twettiq tal-kriterji oġġettivi tal-imparzjalità u indipendenza minn persuni maħtura għall-kariga ta’ mħallef fuq il-proposta tal-KRS (ara l-punt 36 tar-riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020). Barra minn hekk, il-Qorti Suprema ddeċidiet li minħabba li l-KRS sar ippolitiċizzat, il-kompetizzjonijiet għal ħatriet ġudizzjarji x’aktarx jiġu deċiżi skont lealtajiet politiċi jew appoġġ għar-riforma tal-ġudikatura mfittxija mill-maġġoranza parlamentari f’kunflitt mal-Kostituzzjoni Pollakka, iktar milli fuq kriterji sostantivi. Fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja kollha, dan jimmina l-fiduċja fl-imparzjalità tal-persuni hekk maħtura. L-assenza ta’ indipendenza essenzjalment tidher f’deċiżjonijiet ta’ dan l-organu li jiġu ssubordinati għal awtoritajiet politiċi, b’mod partikolari l-eżekuttiv (ara l-punt 38 tar-riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020).

118. L-ewwel nett, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551), wasalt għall-konklużjoni li l-KRS ma huwiex organu indipendenti: it-termini tal-membri tal-KRS ġew itterminati b’mod prematur; u l-mod tal-ħatra jimplika li 23 minn 25 membru ġejjin mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi, li jikxef nuqqasijiet li jidhru li x’aktarx jikkompromettu l-indipendenza tal-KRS mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi (ara notevolment il-punti 132 u 135).

119. Fil-fatt, kif indikat fil-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin (ara l-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet), “2.1. [tal-Memorandum ta’ Spjega għal din il-Karta] Il-kandidati ġudizzjarji għandhom jiġu magħżula u rreklutati minn organu jew kulleġġ indipendenti” u “1.3. [ta’ din il-Karta] Rigward kull deċiżjoni li taffettwa l-għażla, ir-reklutaġġ, il-ħatra, il-progress tal-karriera jew it-terminazzjoni tal-kariga ta’ mħallef, l-istatut jipprevedi l-intervent ta’ awtorità indipendenti mis-setgħat eżekuttivi u leġiżlattivi li fi ħdanha almenu nofs l-imħallfin ikunu eletti mill-kollegi tagħhom skont metodi li jiżguraw l-iktar rappreżentazzjoni wiesgħa tal-ġudikatura” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan minħabba li “l-indipendenza meħtieġa ta’ dan l-organu tipprekludi l-elezzjoni jew il-ħatra tal-membri tiegħu minn awtorità politika li tappartjeni għall-eżekuttiv jew għal-leġiżlatura. Ikun hemm riskju ta’ preferenzi partiġġjani-politiċi fil-ħatra u r-rwol ta’ mħallfin taħt proċedura bħal din. Imħallfin fl-organu indipendenti jkunu mistennija, preċiżament, li joqogħdu lura milli jfittxu l-favur ta’ partiti politiċi jew organi li huma stess huma maħtura jew eletti minn jew permezz ta’ partiti bħal dawn” [ara 1.3 tal-Memorandum ta’ Spjega għal din il-Karta].

120. Imbagħad, nagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża (A.K. et) u s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (Reġim dixxiplinari għall-imħallfin), Kawżi Magħquda C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234.

121. Fil‑5 ta’ Diċembru 2019 il-qorti tar-rinviju fil-kawża msemmija iktar ’il fuq A.K. et, is-Sąd Najwyższy - Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (il-Qorti Suprema, Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali, il-Polonja), iddeċidiet – fuq il-bażi ta’ din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – li l-KRS ma huwiex, fil-kompożizzjoni attwali tiegħu, organu li huwa imparzjali u indipendenti mis-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi. Hija ddeċidiet ukoll li l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema ma setgħetx tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi qorti għall-għanijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka.

122. Is-sentenza msemmija iktar ’il fuq qalet ukoll: (i) il-KRS ma kienx indipendenti mill-awtoritajiet politiċi sa mill-ħolqien tiegħu fl‑2018; (ii) il-KRS il-ġdid kien ġie stabbilit bi ksur ta’ dispożizzjonijiet kostituzzjonali (53); u (iii) is-sentenza kkunsidrat fatturi oħra li jillimitaw l-indipendenza tal-KRS (l-elezzjoni tal-membri attwali tal-KRS ma kinitx trasparenti; l-indipendenza tal-KRS kienet ġiet iddubitata pubblikament diversi drabi minn NGOs, assoċjazzjonijiet tal-avukati, u imħallfin tal-qrati ordinarji, membri tal-KRS kienu ġew maħtura mill-Ministru tal-Ġustizzja għall-kariga ta’ president jew viċi-president tal-qorti, jew għal kariga ġudizzjarja għolja oħra; u l-membri tal-KRS kienu appoġġjaw ukoll pubblikament ir-riformi ġudizzjarji tal-gvern) (54). Bid-deċiżjoni li l-Awla Dixxiplinari ma setgħetx tiġi kkunsidrata qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, din l-istess sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 (punti 67 sa 68) kienet ibbażata wkoll fuq il-fatt li l-kandidaturi proposti għal din l-awla mill-KRS ma kinux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

123. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti Suprema (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali) tal‑15 ta’ Jannar 2020 (fil-kawżi l-oħra li rriżultaw f’A.K. et) u, b’mod partikolari, fit‑23 ta’ Jannar 2020, meta l-Awla Manja tal-imħallfin kollha ta’ tliet awli tal-Qorti Suprema adottat riżoluzzjoni (55), li għandha l-effett ta’ prinċipju legali. Hija kkonfermat is-sentenza msemmija iktar ’il fuq tal-5 ta’ Diċembru 2019 u ddeċidiet li l-KRS ma kienx indipendenti mill-eżekuttiv.

124. It-tieni, il-gravità tas-sitwazzjoni li tikkonċerna l-KRS hija kkonfermata mis-segwenti fatt: fis‑27 ta’ Mejju 2020, il-Bord Eżekuttiv tan-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli tal-Ġudikatura (iktar ’il quddiem in-“NEKĠ”) adotta Teħid ta’ Pożizzjoni dwar l-Isħubija tal-KRS fin-NEKĠ. F’din il-pożizzjoni l-bord stabbilixxa r-raġunijiet għall-proposta tiegħu lill-Assemblea Ġenerali sabiex il-KRS jitkeċċa min-NEKĠ (ara https://www.encj.eu/node/556). Ir-raġunijiet huma, essenzjalment: (i), il-KRS ma josservax ir-regola statutorja tan-NEKĠ li kunsill membru għandu jkun indipendenti mill-eżekuttiv; (ii) il-KRS huwa fi ksur flagranti tar-regola tan-NEKĠ dwar il-protezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-difiża tal-ġudikatura, kif ukoll ta’ mħallfin individwali, b’mod konsistenti mar-rwol tiegħu ta’ garanti, fil-konfront ta’ kwalunkwe miżuri li jheddu li jikkompromettu l-valuri prinċipali tal-indipendenza u awtonomija; u (iii) il-KRS jimmina l-applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-qrati, u għaldaqstant l-effettività tiegħu. B’dan, huwa jaġixxi kontra l-interessi tal-Ispazju Ewropew ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, u l-valuri li dan jirrappreżenta. Il-Bord ikkonkluda li l-KRS kien wettaq ksur serju tal-miri u l-għanijiet tan-NEKĠ kif stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tal-Istatut tiegħu, u ma kienx lest jirrimedja dan il-ksur serju. Nindika li l-KRS kien diġà ġie sospiż min-NEKĠ fis‑17 ta’ Settembru 2018 minħabba li ma baqax jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan il-korp li jkun indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv b’mod li jiżgura l-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka.

125. Iktar minn hekk, in-NEKĠ ibbaża l-proposta tiegħu li jkeċċi lill-KRS fuq l-elementi u l-pożizzjonijiet segwenti ta’ organizzazzjonijiet bħal: (i) Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Kunsill tal-Ewropa (Greco, il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (iktar ’il quddiem “il-Kummissjoni ta’ Venezia”) u l-Assemblea Parlamentari), istituzzjonijiet tal-Unjoni u n-netwerks tal-ġudikatura u tal-avukati fl-Ewropa, li kienu kritiċi tar-riformi tal-ġudikatura fil-Polonja u tar-rwol tal-KRS; (ii) rapport tas‑6 ta’ Jannar 2020 mill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, li qal li “Ir-riforma tal-[KRS] kienet qiegħdet lil din l-istituzzjoni taħt il-kontroll tal-eżekuttiv, li huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-indipendenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; (iii) l-Opinjoni Konġunta Urġenti tal-Kummissjoni ta’ Venezia u tad-Direttorat Ġenerali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt (DGI) tal-Kunsill tal-Ewropa, tas‑16 ta’ Jannar 2020 (56), li tirrakkomanda inter alia “r-restawrazzjoni tas-setgħat tal-komunità ġudizzjarja fil-kwistjonijiet ta’ ħatriet, promozzjonijiet u tkeċċija tal-imħallfin”, bl-implikazzjoni li l-KRS kien taħt il-kontroll tal-eżekuttiv; (iv) ir-riżoluzzjoni tal-Awla Manja tal-Qorti Suprema Pollakka msemmija fil-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet; (v) id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑791/19 R, EU:C:2020:277, li jagħti miżuri provviżorji fil-kawża fejn il-Kummissjoni ssostni inter alia li l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari l-ġdida fil-Polonja ma kinitx żgurata minħabba li l-imħallfin tagħha jintgħażlu mill-KRS, filwaqt li l-imħallfin membri tal-KRS jintgħażlu mill-kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk; (vi) it-tnedija mill-Kummissjoni ta’ proċedura oħra għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi bagħtet Ittra ta’ Intimazzjoni Formali lir-Repubblika tal-Polonja dwar il-liġi l-ġdida dwar il-ġudikatura tal‑20 ta’ Diċembru 2019, li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020 (57); (vii) fit‑13 ta’ Mejju 2020, il-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew ippubblika abbozz ta’ rapport provviżorju fil-proċedura tal-Artikolu 7 TUE kontra r-Repubblika tal-Polonja. Dwar l-impatt tal-Liġi Pollakka tal‑20 ta’ Diċembru 2019 dwar l-indipendenza tal-KRS, dan ir-rapport isostni li “23. […] din il-miżura wasslet għal politiċizzazzjoni estensiva tal-[KRS]; […] 26. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċedimenti ta’ ksur rigward [il-KRS] u biex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-attivitajiet tal-[KRS il-]ġdid tal-Ġudikatura permezz ta’ miżuri interim (58).

126. L-Opinjoni Konġunta Urġenti tas‑16 ta’ Jannar 2020 (59), imsemmija fil-paragrafu iktar ’il fuq, tindika li “[i]l-komunità ġudizzjarja fil-Polonja tilfet is-setgħa li tiddelega rappreżentanti għall-[KRS], u għaldaqstant l-influwenza tagħha fuq ir-reklutaġġ u l-promozzjoni tal-imħallfin. Qabel ir-riforma tal‑2017, 15 (minn 25) membru tal-[KRS] kienu mħallfin eletti mill-kollegi tagħhom. Sa mir-riforma tal‑2017 dawn il-membri jiġu eletti mill-Parlament. Ikkunsidrata flimkien mas-sostituzzjoni immedjata, fil-bidu tal‑2018, tal-membri kollha maħtura taħt ir-regoli l-antiki, din il-miżura wasslet għal politiċizzazzjoni wiesgħa tal-[KRS] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Iktar minn hekk, “żewġ awli ġodda fi ħdan il-Qorti Suprema ġew maħluqa fl‑2017: l-Awla Dixxiplinari u l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet pubbliċi […] Dawn l-awli l-ġodda ġew mgħammra b’ imħallfin maħtura reċentement, magħżula mill-[KRS] il-ġdid, u fdati b’setgħat speċjali – inkluża s-setgħa tal-Awla Straordinarja li jannullaw sentenzi finali mogħtija minn qrati inferjuri jew mill-Qorti Suprema nnifisha permezz ta’ stħarriġ straordinarju, jew is-setgħa tal-Awla Dixxiplinari li tiddixxiplina mħallfin oħra. Dan qiegħed dawn l-awli ġodda fuq l-oħrajn kollha u ħoloq de facto ‘Qorti Suprema fi ħdan Qorti Suprema’”. Sa fejn huwa kkonċernat il-KRS, l-Opinjoni Konġunta Urġenti tikkonkludi li “[f]il-fehma tal-Kummissjoni ta’ Venezia, huwa neċessarju li nirritornaw għall-kwistjoni tal-kompożizzjoni tal-[KRS], sabiex il-metodu tal-ħatra tal-membri ġudizzjarji tiegħu jsir skont l-istandards u prattiċi tajba Ewropej. Dan ineħħi r-riskju ta’ kaos legali, minkejja li l-kwistjoni tal-validità tal-ħatriet ġudizzjarji magħmula sadattant ikollha tiġi indirizzata mill-awtoritajiet Pollakki”.

127. Il-ġurisprudenza tal-QEDB tagħmilha ċara li l-kompożizzjoni tal-organu li jaħtar lill-imħallfin hija rilevanti mill-perspettiva tar-rekwiżit tal-“indipendenza” (60).

128. Il-ġurisprudenza ta’ Strasbourg tikkonferma wkoll li l-indipendenza tal-ġustizzja tikkonċerna mhux biss l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji f’kawżi speċifiċi, iżda wkoll l-organizzazzjoni ġudizzjarja (jiġifieri, l-indipendenza strutturali, bħall-mod ta’ ħatra tal-membri tal-qorti u t-terminu tal-kariga tagħhom) u l-kwistjoni dwar jekk il-qorti kkonċernata tippreżentax “dehra ta’ indipendenza” jew le, li tikkostitwixxi element essenzjali sabiex tinżamm il-kunfidenza li l-qrati għandhom jispiraw f’soċjetà demokratika. Sabiex tiġi protetta din id-dehra ta’ indipendenza, huwa neċessarju li jiġu previsti garanziji suffiċjenti (61).

129. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nikkunsidra (bħalma tagħmel il-letteratura legali (62)) li, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi li qegħdin iseħħu fil-Polonja, stħarriġ ġudizzjarju ta’ proċeduri ta’ ħatriet minn qorti li l-indipendenza tagħha hija lil hinn minn kull dubju, huwa indispensabbli skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE sabiex tinżamm id-dehra tal-indipendenza tal-imħallfin maħtura f’dawn il-proċeduri. Dan huwa notevolment minħabba l-bidliet mgħaġġla fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Pollakki li jirregolaw stħarriġ ġudizzjarju tal-proċeduri u deċiżjonijiet tal-għażla tal-KRS (jiġifieri, b’mod partikolari, il-Liġi tas‑26 ta’ April 2019), dispożizzjonijiet li jidher li jmorru kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali (din hija, madankollu, kwistjoni għall-qrati Pollakki). Dawn it-tibdiliet jagħtu lok għal dubji raġonevoli dwar jekk il-proċess ta’ ħatra huwiex attwalment orjentat lejn l-għażla ta’ kandidati li huma internament indipendenti iktar milli politikament konvenjenti għal karigi ġudizzjarji ta’ istituzzjoni tant importanti u sistemika bħalma hija l-Qorti Suprema, qorti tal-aħħar istanza. Iktar minn hekk, il-letteratura legali tindika wkoll (63) li kienet il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Kostituzzjonali qabel l‑2015 li l-proċeduri ta’ ħatra u d-deċiżjonijiet tal-KRS, skont il-Kostituzzjoni Pollakka, kellhom ikunu disponibbli għal stħarriġ ġudizzjarju. Fil-kuntest speċifiku Pollakk, stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-KRS kien garanzija sinjifikattiva għall-oġġettività u l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ ħatra u d-dritt kostituzzjonali ugwali tal-aċċess għall-karigi pubbliċi.

130. Hemm sostenn għal din il-konklużjoni fi strumenti ta’ dritt internazzjonali mhux vinkolanti dwar is-suġġett ta’ kunsilli nazzjonali għall-ġudikatura. Il-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (iktar ’il quddiem il-“KKIE”) adotta opinjoni (64), li tenfasizza li “[x]i deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-Ġudikatura fir-rigward tal-ġestjoni u amministrazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja, kif ukoll id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-ħatra, il-mobbiltà, il-promozzjoni, id-dixxiplina u t-tkeċċija ta’ mħallfin […] għandhom jinkludu spjegazzjoni tal-motivi tagħhom, ikollhom saħħa vinkolanti, [ikunu] suġġetti għall-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, l-indipendenza tal-Kunsill għall-Ġudikatura ma tfissirx li huwa lil hinn mid-dritt u eżenti minn superviżjoni ġudizzjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda minni).

131. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat reċentement f’Simpson u HG (65), “il-[QEDB] diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li d-dritt għal smigħ minn qorti ‘stabbilita bil-liġi’, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, jinkludi, min-natura tiegħu stess, il-proċess ta’ ħatra tal-Imħallfin (Qorti EDB, 12 ta’ Marzu 2019, Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2019:0312JUD002637418, mhux finali, punt 98)” (66).

132. Għaldaqstant, “[m]ill-ġurisprudenza […] jirriżulta li irregolarità mwettqa matul il-ħatra ta’ Mħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari meta din l-irregolarità hija ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li partijiet oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għaliha l-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-Imħallef jew tal-Imħallfin ikkonċernati, li jkun il-każ meta r-regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali tal-istabbiliment u tal-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja jkunu inkwistjoni” (enfasi miżjuda minni) (67).

133. Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-qorti tar-rinviju tista’ tippreżerva l-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi fil-proċeduri prinċipali.

134. Madankollu, nikkunsidra (bħalma jagħmel l-Ombudsman) li ma huwiex possibbli li tiġi aċċettata l-kompetenza tal-qorti nazzjonali li normalment tintalab sabiex tisma’ dan it-tip ta’ kawża fil-proċeduri prinċipali, jiġifieri, l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), minħabba li fi kwalunkwe każ il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-ħatra tal-imħallfin għal din l-awla jqajmu dubji dwar l-indipendenza tagħha u diġà ġie deċiż li din il-kamra ma tikkostitwixxix qorti indipendenti skont id-dritt tal-Unjoni (68). Lanqas l-awli l-oħra ta’ din il-qorti, li għalihom kienu assenjati l-imħallfin maħtura fuq il-bażi tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS tat-tip ikkonċernati fil-proċeduri prinċipali, ma jikkostitwixxu fora xierqa għal din il-kawża minħabba l-prinċipju ta’ nemo judex in causa sua (ħadd ma għandu jkun imħallef fil-kawża tiegħu stess).

135. Isegwi li r-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju huwa l-unika proċedura ġudizzjarja li tippermetti lir-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali bħala kandidati għall-kariga ta’ mħallef sabiex jiksbu stħarriġ oġġettiv tal-proċedura tal-ħatra għall-Qorti Suprema qua qorti tal-aħħar istanza fis-sens tal-Artikolu 267(3) TFUE, li hija suġġetta għal garanziji riżultanti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

136. Minħabba li r-risposta għat-tielet domanda hija li l-qorti tar-rinviju tista’ twarrab l-effetti tal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 u tiddikjara ruħha kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-kawżi fil-proċeduri prinċipali fil-qafas ġuridiku li kien applikabbli qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, issa huwa neċessarju li ndur għall-ewwel żewġ domandi magħmula. Dawn jiffukaw fuq il-kundizzjonijiet possibbli imposti mid-dritt tal-Unjoni fuq rikorsi bħal dawn fil-proċeduri prinċipali previsti fid-dritt nazzjonali f’termini tal-prinċipju tal-effettività (l-ewwel domanda) u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (it-tieni domanda).

2.      L-ewwel domanda preliminari

137. Din id-domanda għandha tinftiehem li tfittex determinazzjoni dwar jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludix – fil-kuntest ġenerali nazzjonali legali u fattwali fil-Polonja – rikors li jippreżenta difetti f’termini ta’ effettività bħal dak oriġinarjament applikabbli għall-kawżi fil-proċeduri prinċipali (69).

a)      Sommarju qasir tal-argumenti tal-partijiet

138. Essenzjalment, il-KRS isostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, kif emendati bil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, jaqgħu taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri sakemm huwa żgurat stħarriġ ġudizzjarju effettiv, kif huwa l-każ skont l-Artikolu 44(4) tal-Liġi dwar il-KRS. Il-fatt li l-parti tar-riżoluzzjoni tal-KRS li tipproponi l-ħatra ssir definittiva huwa ġġustifikat mir-rekwiżit li jimtlew il-karigi tal-Qorti Suprema mingħajr dewmien. Il-mod li bih jiġu eletti l‑15‑il membru tal-KRS jikkostitwixxi għażla li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, li ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

139. Il-Prosekutur isostni, essenzjalment, l-ewwel, li s-sospensjoni mill-qorti tar-rinviju tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni kienet illegali. Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda standard komuni vinkolanti li joriġina mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’: (i) il-ħatra tal-imħallfin u r-rwol eventwali, f’dan il-kuntest, ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra; jew (ii) il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni adottata f’dan il-qasam, proċedura li barra minn hekk ma teżistix f’diversi Stati Membri.

140. Il-Gvern Pollakk jargumenta, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mqajma fid-domandi preliminari ma jikkostitwixxux kejl tal-kontroll ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar proċeduri għall-ħatra ta’ mħallfin, sabiex ma jiksrux il-prinċipju tal-osservanza tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Il-KRS huwa korp kostituzzjonali tal-Istat, indipendenti mis-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji, li r-rwol tiegħu jikkonsisti fl-armonizzazzjoni tar-relazzjonijiet reċiproki ta’ dawn it-tliet fergħat tas-setgħa, filwaqt li fl-istess ħin jiżgura l-indipendenza tal-imħallfin. Kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju ta’ riżoluzzjonijiet tal-KRS li ma jkunx limitat biss għall-osservanza tar-regoli proċedurali, iżda li jkun relatat ukoll mal-merti tar-riżoluzzjonijiet u l-għażla magħmula, jimmina l-kompetenza esklużiva mogħtija lill-KRS u l-bilanċ kostituzzjonali mfittex.

141. L-Ombudsman isostni, essenzjalment, li l-mod tal-ħatra tal-imħallfin jikkostitwixxi wieħed mill-elementi, li jista’ jiġi evalwat sabiex jiġi vverifikat li l-indipendenza tal-imħallfin hija żgurata u, minħabba r-rwol prinċipali li l-KRS għandu fil-proċedura tal-ħatra tal-imħallfin għall-Qorti Suprema, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu japplika wkoll għall-proċedura quddiem dan l-organu u għall-possibbiltajiet li jiġu ppreżentati rikorsi kontra r-riżoluzzjonijiet tiegħu.

142. A.B., C.D., E.F. u I.J. jargumentaw li l-Artikolu 44(1b) u (4) tal-Liġi dwar il-KRS jipprevedu biss għal stħarriġ falz u aċċess purament formali għal rimedju legali, u għaldaqstant jiksru r-regola ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet inkwistjoni, bi ksur tal-Artikoli 2, 4(3)(3), 6(1) u 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

143. Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 19(1) TUE ma jipprevedix rekwiżit ġenerali li d-deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-imħallfin għandhom ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju jew li rekwiżit bħal dan għandu japplika għal fehmiet espressi fil-kuntest tal-għażla tal-imħallfin, jew li stħarriġ bħal dan għandu jkollu effett sospensiv. Ikun biss taħt ċirkustanzi partikolari li l-Artikolu 19(1) TUE jinkiser, jiġifieri fejn l-emenda ta’ regoli legali dwar il-ħatra tal-imħallfin ta’ qorti, flimkien ma’ emendi ta’ dispożizzjonijiet legali oħra applikabbli għal din il-qorti, tammonta għal żnaturament strutturali li jista’ jimmina l-perċezzjoni tal- indipendenza ta’ din il-qorti mill-perspettiva tal-individwi. Il-Kummissjoni targumenta li dawn iċ-ċirkustanzi ma jirriżultawx f’din il-kawża.

b)      Evalwazzjoni

144. Nirreferi hawn għall-ispjegazzjonijiet u l-analiżi pprovduti mill-qorti tar-rinviju fil-punti 8 sa 10 iktar ’il fuq.

145. Il-kunsiderazzjonijiet ta’ iktar ’il fuq taħt it-tielet domanda huma wkoll applikabbli mutatis mutandis fil-kuntest tal-ewwel domanda, sabiex jiġi stabbilit li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi – fil-kuntest legali u fattwali attwali fil-Polonja – rimedju ġudizzjarju li huwa vvizzjat b’difetti ta’ effettività bħal dak li kien oriġinarjament applikabbli fil-proċeduri prinċipali (punti 1a, 1b u 4 tal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS).

146. Nikkunsidra (bħalma tagħmel il-qorti tar-rinviju) li r-rimedju disponibbli lil parteċipanti fil-proċedura li ma ġewx proposti għal ħatra huwa kompletament ineffettiv peress illi ma jibdilx is-sitwazzjoni legali ta’ kandidat li jippreżenta appell fil-proċeduri li jispiċċa bir-riżoluzzjoni tal-KRS li tkun ġiet imwarrba. Lanqas ma jippermetti evalwazzjoni mill-ġdid tar-rikors tiegħu għall-kariga ġudizzjarja vakanti fil-Qorti Suprema jekk dan ir-rikors ġie ppreżentat f’rabta mat-tħabbir ta’ kompetizzjoni għal kariga ġudizzjarja speċifika.

147. Fil-fehma tiegħi, sabiex qafas tal-appell ikun effettiv, dan ikun jeħtieġ li: (1) il-preżentazzjoni ta’ appell minn kwalunkwe kandidat li ma rnexxilux għal kariga ġudizzjarja fil-Qorti Suprema twaqqaf il-proċedura tal-ħatra kollha sakemm dan l-appell ikun ġie eżaminat mill-qorti tar-rinviju; (2) l-aċċettazzjoni tal-appell minn riżoluzzjoni tal-KRS dwar deċiżjoni sabiex ma tiġix sottomessa proposta għal ħatra fil-Qorti Suprema tirriżulta f’obbligu tal-organu kompetenti fl-Istat Membru (il-KRS) li jeżamina mill-ġdid il-kawża individwali dwar il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema; (3) ir-riżoluzzjoni ssir valida jekk il-qorti tar-rinviju tkun ċaħdet l-appelli ppreżentati minnha, u hemm biss tkun tista’ tiġi ppreżentata r-riżoluzzjoni lill-President tar-Repubblika u l-kandidat imsemmi fil-proposta jiġi maħtur għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema.

148. Għaldaqstant, nikkunsidra li hemm dubju ċar dwar l-effettività tar-rimedju disponibbli kontra r-riżoluzzjonijiet tal-KRS magħmula f’kawżi individwali dwar ħatra għall-Qorti Suprema, u għalhekk f’kawżi dwar drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, peress li l-kwistjoni inkwistjoni hawn hija l-kariga ta’ mħallef tal-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru. Dan huwa iktar minnu minħabba li l-qafas tal-appell minn riżoluzzjonijiet f’kawżi bħal dawn huwa differenti minn dak applikabbli għal proċeduri ta’ għażla dwar karigi ġudizzjarji vakanti fi qrati li ma humiex il-Qorti Suprema (li b’mod evidenti baqgħu mhux mibdula u ma jipprevedux l-“innovazzjonijiet” restrittivi introdotti reċentement), li ma jistax jiġi ġġustifikat biss mill-kriterju tal-qorti li l-kariga vakanti tagħha qiegħda tiġi mimlija.

149. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan jammonta għall-ħolqien, bejn żewġ kategoriji ta’ kandidati għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef, ta’ aċċess differenti għall-qorti kompetenti, li jista’ jikser il-prinċipju ta’ aċċess ugwali għal qorti.

150. Jiena kont nenfasizza, b’mod partikolari, il-fatt li l-ebda argumenti konvinċenti ma ġew ippreżentati li jiġġustifikaw din id-differenza fl-effettività tar-rimedju u t-“trattament speċjali” tal-proċedura tal-ħatra tal-Qorti Suprema.

151. Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju hija korretta meta hija tikkunsidra li dawn ir-regoli nazzjonali ma humiex f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

152. Fil-fatt, isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, huma obbligati sabiex jiżguraw, fit-territorji rispettivi tagħhom, l-applikazzjoni u l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Bħala tali, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw lill-partijiet protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu sistema ta’ azzjonijiet ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma (70). Din il-protezzjoni tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tal-istat tad-dritt taħt l-Artikolu 2 TUE.

153. Minħabba li l-qorti tar-rinviju għandha tistħarreġ ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli qabel l-emenda introdotta bil-Liġi tas‑26 ta’ April 2019, dan l-istħarriġ għandu jkun effettiv u ma jistax ikun jista’ jirriżulta f’dubji leġittimi, fl-imħuħ tal-individwi, dwar il-validità tal-proċess tal-ħatra tal-imħallfin maħtura fuq din il-bażi.

154. Dan ifisser li l-qorti tar-rinviju għandu jkollha l-possibbiltà li tipproċedi bi stħarriġ ġudizzjarju – minn tal-inqas sa fejn indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’A.K. et (punt 145), jiġifieri b’mod li jippermettilha teżamina jekk kienx hemm xi ultra vires jew eżerċizzju mhux xieraq ta’ awtorità, żball ta’ liġi jew żball manifest fl-evalwazzjoni (71).

155. Iktar minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ li d-deċiżjoni finali meħuda mill-qorti, bħala riżultat tal-istħarriġ imsemmi iktar ’il fuq, tkun effettiva u din l-effettività għandha tkun żgurata, sabiex id-deċiżjoni ma tkunx illużorja (72).

156. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’FMS (73), “il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, jimponu fuq il-qorti tar-rinviju li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors [inkwistjoni], jekk ebda qorti oħra ma jkollha, skont id-dritt nazzjonali, ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu”.

157. Dan ifisser li dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkostitwixxu ostakolu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 19(1) TUE għandhom jitwarrbu mill-qorti tar-rinviju. Fil-kuntest attwali l-qorti tar-rinviju għandha għalhekk twarrab (i) dispożizzjonijiet li jkunu jfissru l-esklużjoni totali tal-possibbiltà ta’ stħarriġ tal-iżball tal-evalwazzjoni tal-kandidati ġudizzjarji fid-dawl tal-kriterji li ġew imposti fuqhom; u (ii) il-karattru parzjalment definittiv tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar il-kandidati li ġew maħtura. Inkella l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din ir-riżoluzzjoni jkun illużorju fir-rigward tal-kandidat li ġie maħtur.

158. Għaldaqstant, dwar il-kandidat li ġie maħtur, regoli nazzjonali bħal dawn fil-proċeduri prinċipali jkunu jammontaw għall-assenza ta’ kwalunkwe kontroll, li jwassal għal azzjonijiet diskrezzjonarji tal-fergħat l-oħra tas-setgħa u jista’ jwassal għal dubji leġittimi, fl-imħuħ tal-individwi, bi ksur tal-Artikolu 19(1) TUE.

3.      It-tieni domanda magħmula

159. Peress li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv (jiġifieri, nikkonstata li l-qafas tal-proċedura tal-appell mir-riżoluzzjonijiet tal-KRS f’kawżi individwali li jikkonċernaw ħatriet għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema ma jiżgurax id-dritt għal rimedju legali effettiv u protezzjoni ġudizzjarja, inkluż billi tiġi żgurata l-portata adegwata ta’ din il-protezzjoni), permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa ġġustifikat li tiġi ddeterminata l-importanza tan-nuqqasijiet fil-qafas tal-proċedura tal-appell mir-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni previsti fid-dritt nazzjonali (u l-aspetti ta’ dawn in-nuqqasijiet indikati hawn) f’termini ta’ jekk dawn jirriżultawx ukoll fi ksur tad-dritt għal aċċess ugwali għas-servizz pubbliku li ma jissodisfax għanijiet ta’ interess ġenerali.

160. A.B., C.D., E.F. u I.J. isostnu, essenzjalment, li l-fatt li huma ġew imċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-dritt kostituzzjonali tagħhom ta’ aċċess għas-servizz pubbliku skont l-istess regoli bħal dawk applikabbli għal persuni li l-kandidaturi tagħhom ġew proposti mill-KRS ukoll jikkostitwixxi ksur ta’ diversi prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, bħall-istat tad-dritt, ugwaljanza fit-trattament, ugwaljanza fl-aċċess għas-servizz pubbliku kif ukoll bilanċ istituzzjonali. Iktar minn hekk, il-mod kif il-KRS huwa kompost ma joffri l-ebda garanzija fir-rigward tal-indipendenza tiegħu f’relazzjoni mal-fergħat tas-setgħa leġiżlattivi u eżekuttivi.

161. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi indikat li l-fatt li applikazzjoni possibbli tal-prinċipju tat-trattament ugwali taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, fil-preżenza ta’ differenza fit-trattament bħal dik allegata fil-proċeduri prinċipali (li jingħad li teżisti bejn ir-rikorsi disponibbli għal kandidati ġudizzjarji għall-Qorti Suprema u dawk disponibbli għal kandidati għal karigi ġudizzjarji oħra) ma huwiex evidenti, b’mod partikolari, fl-assenza ta’ differenza fit-trattament fil-qasam tal-aċċess għall-impjieg li jkun ibbażat fuq wieħed mill-motivi speċifiċi previsti fid-Direttiva 2000/78.

162. Madankollu, nikkunsidra li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula, minħabba li l-qorti tar-rinviju ser ikollha gwida suffiċjenti mir-risposti għall-ewwel u t-tielet domanda sabiex issolvi l-kawżi fil-proċeduri prinċipali.

V.      Konklużjoni

163. Għar-raġunijiet msemmija iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) kif ġej:

1.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat li jfisser li:

1. Fid-dawl tal-kuntest u l-konstellazzjoni ta’ elementi oħra attwali fil-Polonja u indikati mill-qorti tar-rinviju (inter alia: (a) il-leġiżlatur Pollakk li biddel qafas legali nazzjonali sabiex jagħmel rikorsi għal ksur u domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr skop, (b) li minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju kienet issospendiet ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS inkwistjoni, il-President tar-Repubblika ipproċeda xorta sabiex jaħtar għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema inkwistjoni tmien imħallfin ġodda proposti mill-KRS fir-riżoluzzjonijiet inkwistjoni hawn u (c) il-leġiżlatur Pollakk meta għadda l-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 injora deċiżjonijiet mill-Qorti Kostituzzjonali li jagħmluha ċara li għandu jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS bħal dawk fil-proċeduri prinċipali), l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dritt nazzjonali bħal-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 minħabba li din il-liġi ordnat li proċeduri bħal dawn quddiem il-qorti tar-rinviju għandhom jitwaqqfu ex lege filwaqt li fl-istess ħin teskludi kwalunkwe trasferiment tal-istħarriġ tal-appelli lil qorti nazzjonali oħra jew kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid tal-appelli quddiem qorti nazzjonali oħra;

- dan li ntqal iktar ’il fuq li jqum f’kuntest fejn il-qorti nazzjonali li oriġinarjament kellha l-ġurisdizzjoni f’dawn il-kawżi għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja wara s-suċċess fil-ftuħ tal-proċedura għall-istħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS, jimmina d-dritt għal aċċess għal qrati anki, fil-kawża individwali pendenti quddiem il-qorti li (oriġinarjament) kellha l-ġurisdizzjoni li tismagħha u tiddeterminaha, fejn imbagħad iċaħħad lil din il-qorti kemm mill-possibbiltà li tiftaħ b’suċċess proċeduri għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-dritt li tistenna deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaldaqstant jimmina l-prinċipju tal-Unjoni ta’ kooperazzjoni leali.

It-tneħħija ta’ (id-dritt għal) rimedju ġudizzjarju li kien għadu disponibbli sa dakinhar f’kawża bħal dik fil-proċeduri prinċipali u, b’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ tneħħija bħal din vis-à-vis partijiet li – bħar-rikorrenti fil-proċeduri prinċipali – diġà introduċew rikors bħal dan tikkostitwixxi (fid-dawl tal-kuntest u l-konstellazzjoni tal-elementi l-oħra indikati mill-qorti tar-rinviju li din l-eliminazzjoni hija bbażata fuqhom) miżura ta’ natura li tikkontribwixxi għal – fil-fatt tirrinforza – l-assenza tal-apparenza tal-indipendenza u imparzjalità tal-imħallfin effettivament maħtura fi ħdan il-qorti kkonċernata kif ukoll il-qorti nnifisha. Assenza bħal din tal-apparenza tal-indipendenza u imparzjalità tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jista’ jiġi applikat direttament mill-qorti tar-rinviju sabiex twarrab il-Liġi tas‑26 ta’ April 2019 u tiddikjara lilha nnifisha kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-kawżi fil-proċeduri prinċipali fil-qafas ġuridiku li kien applikabbli qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi.

2.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat li jfisser li:

Il-kunsiderazzjonijiet ta’ taħt il-punt 1 iktar ’il fuq huma applikabbli mutatis mutandis ukoll fil-kuntest tal-ewwel domanda magħmula, sabiex jiġi stabbilit li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi – fid-dawl tal-kuntest u l-konstellazzjoni ta’ elementi oħra attwali fil-Polonja u indikati mill-qorti tar-rinviju – rimedju ġudizzjarju li huwa vvizzjat b’difetti ta’ effettività bħal dak li kien oriġinarjament applikabbli fil-proċeduri prinċipali (punti 1a, 1b u 4 tal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS).

Fil-kuntest u l-konstellazzjoni ta’ elementi oħra attwali fil-Polonja, kif indikat mill-qorti tar-rinviju, dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkostitwixxu ostakolu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandhom jitwarrbu mill-qorti tar-rinviju. Fil-kuntest attwali l-qorti tar-rinviju għandha għalhekk twarrab (i) dispożizzjonijiet li jkunu jfissru l-esklużjoni totali tal-possibbiltà ta’ stħarriġ ta’ żball tal-evalwazzjoni tal-kandidati ġudizzjarji fid-dawl tal-kriterji li ġew imposti fuqhom; u (ii) il-karattru parzjalment definittiv tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS fir-rigward ta’ kandidati li ġew maħtura. Inkella l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din ir-riżoluzzjoni jkun illużorju fir-rigward tal-kandidat li ġie maħtur.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara l-artiklu dwar l-Abbozz dwar is-Suq Intern tar-Renju Unit, li jippermetti lill-gvern tar-Renju Unit jikser id-dritt internazzjonali u jeżenta wħud mis-setgħat tiegħu minn kontestazzjoni legali: https://www.theguardian.com/law/2020/oct/07/brexit-strategy-puts-uk-on-slippery-slope-to-tyranny-lawyers-told.


3      Minħabba li l-eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea hija ddeċentralizzata, is-sistema sħiħa ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni hija mibnija fuq il-premessa li l-Istati Membri jgawdu u jħobbu (fil-fatt, jipproteġu) ġudikatura indipendenti li hija kapaċi tipprovdi protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-Unjoni. Ara Lenaerts, K., On Judicial Independence and the Quest for National, Supranational and Transnational Justice, f’Selvik, G. et (edituri), The Art of Judicial Reasoning, Springer, 2019, p. 173.


4      Ara wkoll il-konklużjonijiet preċedenti tiegħi f’Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:517), f’IlKummissjoni vs IlPolonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:325), f’IlKummissjoni vs IlPolonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:529), fil-Kawżi Magħquda A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551), u fil-Kawżi Magħquda Miasto Łowicz u Prokuratura Okręgowa w Płocku (Reġim dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2019:775). Ara wkoll il-konklużjonijiet reċenti tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” u Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”, PJ u SO (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746).


5      Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


6      Dziennik Ustaw tal‑2019, pożizzjoni 914.


7      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; minħabba d-diversi riferimenti għal din is-sentenza, iktar ’il quddiem sempliċiment “A. K. et”).


8      Sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 50, u A. K. et, punti 82 u 83).


9      Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 27 sa 31), u tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punti 41 sa 46).


10      Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara l-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017) 835 final) tal‑20 ta’ Diċembru 2017, premessi 91 sa 113. Ara inter alia wkoll ir-Rapport Interim tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta’ riskju ċar ta’ ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, A9‑0138/2020, 20 ta’ Lulju 2020 (li identifika “evidenza qawwija ta’ ksur tal-istat tad-dritt fil-Polonja”, l-“Opinjoni Konġunta Urġenti” tal-Kummissjoni ta’ Venezia u tad-Direttorat Ġenerali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Istat tad-Dritt (DGI) tal-Kunsill tal-Ewropa, tas‑16 ta’ Jannar 2020, Opinjoni Nru 977/2019. Ara wkoll ex multis Zoll, F., u Wortham, L., Judicial Independence and Accountability: Withstanding Political Stress in Poland, Fordham International Law Journal, vol. 42, ħarġa 3, u Pietrzak, M., The Foundation for Law, Justice & Society, The Constitutional Court of Poland: The Battle for Judicial Independence, 24 ta’ Mejju 2017, https://www.fljs.org/content/constitutional-court-poland-battle-judicial-independence (fejn jiddeskrivi liġijiet ġodda dwar il-midja pubblika, monitoraġġ u antiterroriżmu u “riorganizzazzjoni” tas-sistema tal-prosekuzzjoni, li l-allegata tiswija tal-Qorti Kostituzzjonali ppermettiet).


12      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/13, Adeżjoni għall-KEDB, EU:C:2014:2454, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14      Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363), u tal‑11 ta’ Settembru 2014, A (C‑112/13, EU:C:2014:2195).


15      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 95 u 98), Digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Id-digrieti tal-qorti tar-rinviju li jissospendu l-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li huma s-suġġett tal-proċeduri prinċipali rriżultaw ukoll fis-sospensjoni ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet sa fejn jikkonċernaw id-deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema. Dawn id-digrieti għadhom fis-seħħ u għadhom ma ġewx mibdula jew imwarrba skont il-proċedura stabbilita mid-dritt nazzjonali. Minkejja dan, il-KRS ippreżenta r-riżoluzzjonijiet li huma s-suġġett tal-proċeduri prinċipali lill-President tar-Repubblika. Fl‑10 ta’ Ottubru 2018, il-President tar-Repubblika ħatar seba’ persuni għall-kariga ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fl-Awla Ċivili, u persuna waħda fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema fl-Awla Kriminali.


19      Ara, f’dan is-sens, kawża li wkoll ikkonċernat lill-Qorti Suprema u l-Qorti Kostituzzjonali ta’ Stat Memru: is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 62 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara, b’mod partikolari, Florczak-Wątor, M., Orzeczenia Trybunału Konstytucyjnego i ich skutki prawne (Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali u l-effetti legali tagħhom), Poznań 2006, p. 73 u l-letteratura legali ċċitata.


23      Ara wkoll id-digriet V CSK 101/12 tal-Qorti Suprema tat‑30 ta’ Jannar 2013.


24      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277). Ara wkoll il-Kawżi pendenti C‑487/19, W. Ż. (Chambre de contrôle extraordinaire de la Cour suprême - Nomination) u C‑508/19, Prokurator Generalny (Chambre disciplinaire de la Cour suprême - Nomination). Ninnota li, fl‑4 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet tagħti segwitu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad‑29 ta’ April 2020 sabiex tipproteġi l-indipendenza ġudizzjarja tal-imħallfin Pollakki billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali dwar l-funzjonament kontinwat tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema (https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/inf_20_2142).


26      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000).


27      Anki skont il-kunċett tagħha stess ta’ djalogu ġudizzjarju żviluppat fis-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010 (Honeywell), BVerfG 2 BvR 2661/06, il-BVerfG missha fittxet kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja f’rinviju għal deċiżjoni preliminari ieħor (fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri r-rekwiżit ta’ bilanċ, li totalment ma kienx is-suġġett tal-ewwel domanda preliminari). Kif il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) Taljana għamlet fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. U M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936), wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑105/14, Taricco (EU:C:2015:555). Ara l-Kummenti Editorjali, Common Market Law Review 57: 965‑978, 2020.


28      Fil-fatt, id-dritt internazzjonali ma huwiex ikkonċernat dwar l-integrità tad-dritt tal-Unjoni u tal-Unjoni nnifisha.


29      Lenaerts, K., The Primacy of EU Law and the Principle of the Equality of the Member States before the Treaties, VerfBlog, 8 ta’ Ottubru 2020.


30      Ara inter alia Mayer, F. C., Auf dem Weg zur Richterfaustrecht?, VerfBlog, 7 ta’ Mejju 2020.


31      U lanqas ma huwa neċessarju li wieħed jidħol fis-sustanza tal-kwistjonijiet legali, fejn ir-raġunar tal-BVerfG ma huwiex mingħajr lakuni biex ngħiduha b’mod ġentili. Ara inter alia Timmermans, Ch., Wie handelt er ultra vires?, Nederlands Juristenblad, 95, 26 ta’ Ġunju 2020, p. 1791, u Ziller, J., L’insoutenable pesanteur du juge constitutionnel allemand, https://blogdroiteuropeen.com/. Ara wkoll Poiares Maduro, M., Some Preliminary Remarks on the PSPP Decision of the German Constitutional Court, VerfBlog, 6 ta’ Mejju 2020, u da Cruz Vilaca, J. L., The Judgment of the German Federal Constitutional Court and the Court of Justice of the EU – Judicial Cooperation or Dialogue of the Deaf?, l-oriġinali huwa disponibbli f’https://www.cruzvilaca.eu/pt/noticias/2/.


32      Kelemen, D., Eeckhout, P., Fabbrini, F., Pech, L., u Uitz, R., National Courts Cannot Override CJEU Judgments - A Joint Statement in Defense of the EU Legal Order, VerfBlog, 26 ta’ Mejju 2020. Ara l-artikolu għal-lista sħiħa ta’ firmatarji.


33      Is-serjetà tal-problema tal-fiduċja reċiproka fir-rigward tal-Polonja hija riflessa fil-Kawżi pendenti C‑354/20 PPU (Openbaar Ministerie) u C‑412/20 PPU (Openbaar Ministerie). Ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) għall-ewwel darba ddeċidiet li t-twettiq tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-proċeduri kollha pendenti u futuri fuq it-talba tal-qrati Pollakki għandu jiġi sospiż qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domandi preliminari. Qrati fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, is-Slovakkja, Spanja u l-Irlanda sa issa ddeċidew li jissospendu t-twettiq ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew fuq it-talba tal-qrati Pollakki fuq bażi ta’ każ b’każ.


34      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara f’dan is-sens, A. K. et, punti 82 u 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.


39      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’C‑192/18, EU:C:2019:529, punt 115.


40      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117).


42      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234).


43      Ara, f’dan is-sens, A.K. et, punt 153 u l-punt 2 tad-dispożittiv.


44      Ara A. K. et, punt 145. Xi letteratura legali tissuġġerixxi wkoll li dan il-paragrafu jista’ jiġi interpretat bħala l-Qorti tal-Ġustizzja li qiegħda timponi obbligu speċifiku dwar l-organizzazzjoni tal-ħatriet ġudizzjarji nazzjonali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi li l-qorti tar-rinviju għandha tiżgura jekk il-parti tal-proċess tal-ħatra ġudizzjarja li tispiċċa bil-preżentazzjoni ta’ kandidat lill-President tar-Repubblika, tistax tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju almenu f’termini ta’ ultra vires jew eżerċizzju mhux xieraq ta’ awtorità, żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ara Krajewski, M., and Ziołkowski, M., EU judicial independence decentralized: A.K., Common Market Law Review 57 (2020).


45      Dan huwa sostnut mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali fil-Kawża SK 57/06.


46      Kunsill tal-Ewropa, DAJ/DOC (98) 23, Strasbourg, 8‑10 ta’ Lulju 1998.


47      Il-Qorti EDB, 25 ta’ Settembru 2018, Denisov vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2018:0925JUD007663911 (Awla Manja), punt 67 et seq. Ara wkoll il-punt 79.


48      Leloup, M., An uncertain first step in the field of judicial self-government, E.C.L. Review, 2020, 16(1), 145‑169, p. 156.


49      Ara, fir-rigward it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 39). Nikkunsidra li l-approċċ ma jistax ikun differenti taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.


50      Dawn huma A.K. et, u s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill(C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232).


51      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 55).


52      Ara s-sentenza tal-Qorti Suprema tal‑5 ta’ Diċembru 2019 u r-riżoluzzjoni tal-Awla Manja tat-tliet diviżjonijiet tal-Qorti Suprema tat‑23 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020”).


53      Ara l-punti 40 sa 41 ta’ din is-sentenza. Il-Liġi l-ġdida dwar il-KRS keċċiet lill-membri elettivi tal-KRS qabel it-tmiem tat-termini tagħhom u biddlet ir-regoli tal-elezzjoni. L-elezzjonijiet oriġinali mill-imħallfin, fost imħallfin ta’ tipi u livelli differenti ta’ qrati, ġew issostitwiti mis-setgħa aħħarija tal-Parlament li jeleġġi 15‑il membru tal-KRS. Peress li s-Sejm jiddeċiedi dwar il-maġġoranza tal-membri fi ħdan il-KRS, il-bilanċ bejn it-tliet fergħat tas-setgħa, previst kostituzzjonalment fl-Artikolu 187(1) tal-Kostituzzjoni, ġie żnaturat.


54      Ara l-Kawża III Po 7/18, sentenza tal-Qorti Suprema Pollakka tal‑5 ta’ Diċembru 2019, b’mod partikolari, il-punti 40 sa 41, 46 sa 48, 49, 50 sa 51 u 56.


55      BSA I‑4110‑1/20. Ara l-verżjoni bl-Ingliż disponibbli hawn: www.sn.pl/aktualnosci/SiteAssets/Lists/Wydarzenia/AllItems/BSA%20I-4110-1_20_English.pdf.


56      Ara wkoll il-paragrafu segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia hija ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.


57      Fuq il-bażi inter alia li taħt din il-liġi, il-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kkunsidrat li huwa nuqqas dixxiplinari; il-liġi tipprekludi lill-qrati Pollakki milli jissodisfaw l-obbligu tagħhom li japplikaw id-dritt tal-Unjoni jew li jagħmlu domandi preliminari. Hija tipprojbixxi wkoll lill-qrati Pollakki milli jevalwaw, fil-kuntest ta’ kawżi pendenti quddiemhom, is-setgħat li jaġġudikaw kawżi minn imħallfin oħra. Wara s-sentenza A.K. et tad‑19 ta’ Novembru 2019 u s-sentenza tal-Qorti Suprema tal‑5 ta’ Diċembru 2019, il-Polonja introduċiet leġiżlazzjoni li tagħmilha possibbli li mħallfin nazzjonali jkollhom sanzjonijiet dixxiplinari jekk jiddubitaw il-leġittimità ta’ ċerti aspetti tar-riformi ġudizzjarji fil-Polonja (ara Leloup, op. cit.).


58      In-NEKĠ isemmi wkoll: ittra tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Imħallfin, li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-imħallfin fl-Ewropa; u ittra konġunta tal-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin Pollakki Iustitia, l-Assoċjazzjoni ta’ Mħallfin tal-Qorti tal-Familja Pro Familia, l-Assoċjazzjoni Pollakka ta’ Mħallfin tal-Qorti Amministrattiva u l-Presidium Permanenti tal-Forum tal-Kooperazzjoni tal-Imħallfin. Iż-żewġ ittri jappoġġjaw pubblikament il-proposta li jitkeċċa l-KRS min-NEKĠ.


59      Opinjoni Nru 977/2019, CDL‑PI(2020)002. Ara, b’mod partikolari, il-punti 8 u 31 et seq.


60      Ara l-QEDB, Oleksandr Volkov vs L‑Ukraina (nru 21722/11), punti 109 sa 117 u 130; Özpinar vs It-Turkija, nru 20999/04, punti 78 sa 79.


61      Ara l-Qorti EDB, Findlay vs Ir‑Renju Unit (nru 22107/93), punt 73; il-Qorti EDB, Sramek vs L‑Awstrija (nru 8790/79), punt 42; Campbell u Fell vs Ir‑Renju Unit, nru 7819/77 u 7878/77, punt 78; il-Qorti EDB, Cooper vs Ir‑Renju Unit (nru 48843/99), punt 104; il-Qorti EDB, Sacilor Lormines vs Franza (nru 65411/01), punt 63; u l-Qorti EDB, Clarke vs Ir‑Renju Unit (nru 23695/02).


62      Krajewski, u Ziołkowski, op.cit., p. 1128.


63      Krajewski u Ziołkowski, op.cit., p. 1128, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali fil-Kawża SK 57/06.


64      Opinjoni Nru 10 (2007) tal-[KKIE] għall-attenzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kunsill għall-Ġudikatura fis-Servizz tas-Soċjetà, 23 ta’ Novembru 2007, Strasbourg.


65      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 74).


66      Ninnota li, fl‑1 ta’ Diċembru 2020, din is-sentenza interlokutorja kienet ikkonfermata u l-Awla Manja tal-QEDB iddeċidiet, b’mod unanimu, li kien hemm ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB minħabba ksur gravi fil-ħatra ta’ mħallef għall-Qorti tal-Appell Islandiża (rikors Nru 26374/18).


67      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 75).


68      Ara l-punti 121 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll A.K. et u d-digriet f’C‑791/19 R (EU:C:2020:277).


69      Ara l-punti 1a, 1b u 4 tal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS.


70      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


71      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi hawn, f’dan is-sens, għall-Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2018, Thiam vs Franza, CE:ECHR:2018:1018JUD008001812, punti 25 u 81.


72      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 57).


73      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 299).