Language of document : ECLI:EU:C:2020:138

Kawża C125/18

Marc Gómez del Moral Guasch

vs

Bankia SA

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat3 ta’ Marzu 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Rata ta’ interess varjabbli – Indiċi ta’ referenza bbażat fuq is-self ipotekarju tal-banek tat-tfaddil – Indiċi li jirriżulta minn regolament jew dispożizzjoni amministrattiva – Introduzzjoni unilaterali ta’ tali klawżola mill-professjonist – Stħarriġ tar-rekwiżit ta’ trasparenza mill-qorti nazzjonali – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola”

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni prevista għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu liġijiet jew regolamenti vinkolanti – Klawżola li tiffissa rata ta’ interess varjabbli bbażata fuq indiċi ta’ referenza previst minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma hijiex ta’ natura vinkolanti – Applikazzjoni tad-Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 1(2))

(ara l-punti 33 sa 37, u d-dispożittiv 1)

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Obbligu għall-qorti nazzjonali li teżamina n-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali relatata mas-suġġett prinċipali tal-kuntratt – Portata

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 4(2), u 8)

(ara l-punti 44 sa 47, u d-dispożittiv 2)

3.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Klawżola li tiffissa rata ta’ interessi varjabbli – Rekwiżit ta’ trasparenza – Portata – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 4(2), u 5)

(ara l-punti 52 sa 54, 56, u d-dispożittiv 3)

4.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Portata – Reviżjoni mill-qorti nazzjonali tal-kontenut ta’ klawżola inġusta – Inammissibbiltà – Sostituzzjoni ta’ klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari mill-qorti nazzjonali – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 6(1) u 7(1))

(ara l-punti 59 sa 64, 67, u d-dispożittiv 4)

Sunt

Il-qrati Spanjoli għandhom jistħarrġu n-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżola li tinsab fil-kuntratti ta’ self ipotekarju li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi varjabbli bbażata fuq l-indiċi tal-banek tat-tfaddil Spanjoli. Jekk jikkonkludu li din il-klawżola hija inġusta, huma jistgħu, sabiex jipproteġu lill-konsumatur minn konsegwenzi partikolarment dannużi li jistgħu jirriżultaw minn nullità tal-kuntratt ta’ self, jissostitwixxu dan l-indiċi b’indiċi supplimentari previst mil-leġiżlazzjoni Spanjola

Fis-sentenza Gómez del Moral Guasch (C‑125/18), mogħtija fit‑3 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja, ikkostitwita bħala Awla Manja, iddeċidiet li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u professjonist, li abbażi tagħha r-rata ta’ interessi li għandha titħallas mill-konsumatur tvarja skont l-indiċi ta’ referenza bbażat fuq is-self ipotekarju tal-banek ta’ tfaddil Spanjoli (iktar ’il quddiem l-“indiċi ta’ referenza”), b’dan l-indiċi jkun previst mid-dritt Spanjol, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar il-klawżoli inġusti (1). Fil-fatt, din il-klawżola ma tirriflettix liġijiet jew regolamenti mandatorji fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-qrati Spanjoli kellhom jivverifikaw in-natura ċara u li tinftiehem ta’ tali klawżola, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk id-dritt Spanjol kienx implimenta l-possibbiltà offruta lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(2) tad-direttiva dwar il-klawżoli inġusti, li jipprevedu li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ma tirrigwardax b’mod partikolari d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt. Jekk dawn il-qrati jikkonkludu li din il-klawżola tkun inġusta, huma jistgħu, sabiex jipproteġu lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li jistgħu jirriżultaw minn nullità tal-kuntratt ta’ self, jissostitwixxu dan l-indiċi b’indiċi supplimentari previst mil-leġiżlazzjoni Spanjola.

Din is-sentenza ngħatat fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia Nruo 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja). Marc Gómez del Moral Guasch kien ippreżenta rikors quddiem din il-qorti dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola dwar ir-rata ta’ interessi varjabbli u remuneratorja li kienet tinsab fil-kuntratt ta’ self ipotekarju li huwa kien ikkonkluda mal-istabbiliment bankarju Bankia SA. Skont din il-klawżola, ir-rata ta’ interessi li kellha titħallas mill-konsumatur kienet tvarja skont l-indiċi ta’ referenza. Dan l-indiċi ta’ referenza kien previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u seta’ jiġi applikat mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju. Madankollu, il-qorti Spanjola rrilevat li l-indiċjar tal-interessi varjabbli kkalkolat abbażi tal-indiċi ta’ referenza kien inqas favorevoli minn dak ikkalkolat abbażi tar-rata medja tas-suq interbankarju Ewropew (Euribor), li jintuża f’90 % tas-self ipotekarju ssottoskritt fi Spanja, bi spiża addizzjonali ta’ bejn EUR 18 000 u EUR 21 000 għal kull self.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-klawżoli li jirriflettu liġijiet jew regolamenti mandatorji huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (2). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, bla ħsara għal verifika mill-qorti Spanjola, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’dan il-każ ma kinitx timponi, għas-self b’rata ta’ interessi varjabbli, l-użu ta’ indiċi ta’ referenza uffiċjali iżda sempliċement tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-“indiċijiet jew rati ta’ referenza” sabiex ikunu jistgħu jintużaw mill-istabbilimenti ta’ kreditu. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li tipprevedi li r-rata ta’ interessi applikabbli għas-self tkun ibbażata fuq wieħed mill-indiċijiet ta’ referenza uffiċjali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jkunu jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju, meta din il-leġiżlazzjoni la tipprevedi l-applikazzjoni mandatorja ta’ dan l-indiċi indipendentement mill-għażla tal-partijiet fil-kuntratt, u lanqas l-applikazzjoni supplimentari tagħha fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn dawn l-istess partijiet.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq is-setgħat tal-qorti nazzjonali waqt l-istħarriġ tat-trasparenza ta’ klawżola li tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt. Fil-fatt, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jipprevedi li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ma tirrigwardax b’mod partikolari d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt sakemm dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem (3). Il-Qorti Spanjola kienet qed tistaqsi dwar il-possibbiltà għal qorti nazzjonali, anki fl-assenza ta’ traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt intern, li tistħarreġ jekk klawżola bħal dik inkwistjoni tissodisfax ir-rekwiżit ta’ trasparenza stabbilit mid-Direttiva. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-klawżoli kuntrattwali għandhom dejjem jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem (4). Dan ir-rekwiżit japplika, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, anki meta klawżola taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq u anki jekk l-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ Spanja, ma jkunx ittraspona din id-dispożizzjoni fl-ordinament ġuridiku tiegħu. Minn dan isegwi li qorti ta’ Stat Membru hija dejjem obbligata tistħarreġ in-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola kuntrattwali dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza fis-sens tad-Direttiva (5), klawżola li tiffissa rata ta’ interessi varjabbli li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju mhux biss għandha tkun tinftiehem fuq il-livelli formali u grammatikali, iżda għandha tippermetti wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din ir-rata u li għalhekk jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Jikkostitwixxu elementi partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li l-elementi prinċipali relatati mal-kalkolu ta’ din ir-rata ta’ interessi jkunu faċilment aċċessibbli għal kull persuna li jkollha l-intenzjoni li tagħmel self ipotekarju, minħabba l-pubblikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu ta’ din ir-rata f’il-ġurnal uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ informazzjoni mill-professjonist lill-konsumatur dwar l-iżvilupp storiku tal-indiċi li abbażi tiegħu tiġi kkalkolata din l-istess rata.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, f’dak li jikkonċerna s-setgħat tal-qorti nazzjonali fil-konstatazzjoni tan-natura inġusta eventwali ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li din (6) ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali, b’applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, milli tħassar il-klawżola inġusta ta’ kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur, billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li jkollha natura supplimentari f’sitwazzjonijiet fejn it-tħassir ta’ tali klawżola jobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi. Fil-fatt, tali annullament tal-kuntratt jaf ikollu bħala prinċipju l-konsegwenza li l-ammont tas-self li jkun għad fadal jitħallas isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li jirriskjaw li jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur, u, minn dan il-fatt, ikollu t-tendenza li jippenalizza lilu iktar milli lill-kreditur li, konsegwentement, ma jiġix skoraġġut milli jdaħħal tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri. F’dan il-każ, il-leġiżlatur Spanjol, sa mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self kontenzjuż, introduċa indiċi “ta’ sostituzzjoni”, li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, huwa ta’ natura supplimentari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva (7) ma tipprekludix li, fil-każ ta’ nullità ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li tistabbilixxi indiċi ta’ referenza għall-kalkolu tal-interessi varjabbli ta’ self, il-qorti nazzjonali tissostitwixxi dan l-indiċi bl-imsemmi indiċi ta’ sostituzzjoni, applikabbli fl-assenza ta’ ftehim kuntrarju tal-partijiet fil-kuntratt, sakemm il-kuntratt ta’ self ipotekarju kkonċernat ma jkunx jista’ jkompli jeżisti fil-każ tat-tneħħija tal-imsemmija klawżola inġusta, u sakemm l-annullament ta’ dan il-kuntratt kollu kemm hu jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi.


1      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


2      Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.


3      Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, dwar il-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra.


4      Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13.


5      Artikoli 4(2) u 5 tad-Direttiva 93/13.


6      Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.


7      Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13.