Language of document : ECLI:EU:C:2016:856

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Novembru 2016(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Dritt ta’ kiri u ta’ self ta’ xogħlijiet protetti – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 1(1) – Self ta’ kopji ta’ xogħlijiet – Artikolu 2(1) – Self ta’ oġġetti – Self ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali – Libreriji pubbliċi”

Fil-Kawża C‑174/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2015, fil-proċedura

Vereniging Openbare Bibliotheken

vs

Stichting Leenrecht

fil-preżenza ta’:

Vereniging Nederlands Uitgeversverbond,

Stichting LIRA,

Stichting Pictoright,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Vereniging Openbare Bibliotheken, minn P. de Leeuwe u D. Visser, avukati,

–        għall-Vereniging Nederlands Uitgeversverbond, minn C. Alberdingk Thijm u C. de Vries, avukati,

–        għall-iStichting LIRA u l-iStichting Pictoright, minn J. Seignette, M. van Heezik, G. van der Wal u M. Kingma, avukati,

–        għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková kif ukoll minn D. Hadroušek u M. Smolek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn D. Kuon, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Alexaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, G. de Bergues u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u minn A. Collabolletta, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u D. Pelše, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u T. Rendas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Kraehling, bħala aġent, assistita minn N. Saunders, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u T. Scharf kif ukoll minn J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Vereniging Openbare Bibliotheken (assoċjazzjoni ta’ libreriji pubbliċi, iktar 'il quddiem il-“VoB”) u l-iStichting Leenrecht (fondazzjoni tad-dritt ta’ self, iktar 'il quddiem l-“iStichting”), dwar ksur possibbli tad-dritt esklużiv ta’ self imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/115.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO”). Dan it-trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

4        L-Artikolu 7(1) ta’ dan it-trattat jistipula:

“Awturi ta’:

i)      programmi għall-kompjuter;

ii)      ta’ xogħol ċinematografiku;

iii)      xogħlijiet inkorporati f’fonogrammi, kif determinati fil-liġi nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti;

għandhom igawdu d-dritt esklużiv li jawtorizzaw is-self b’renta kummerċjali lill-pubbliku tax-xogħlijiet oriġinali tagħhom jew ta’ kopji tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Il-konferenza diplomatika li adottat it-trattat WIPO adottat ukoll, fost dokumenti oħra, id-“Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikoli 6 u 7”, anness mal-imsemmi trattat (iktar 'il quddiem id-“dikjarazzjoni konġunta annessa mat-Trattat WIPO”) u jaqra hekk:

“Kif użati f’dawn l-Artikoli, l-espressjonijiet “kopji” u “oriġinali u kopji” bħala suġġetti għad-dritt ta’ distribuzzjoni u għad-dritt ta’ self b’renta taħt l-Artikoli msemmija, jirreferu esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/29

6        Skont il-premessi 2 u 9 tad-Direttiva 2001/29:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew, meta ltaqa’ f’Korfu fl-24 u l-25 ta’ Ġunju 1994, enfasizza l-ħtieġa li jifforma qafas legali ġenerali u flessibbli f’livell tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ suq intern għal prodotti u servizzi ġodda. Leġislazzjoni importanti mill-Komunità diġà teżisti, jew l-adozzjoni tagħha miexja l quddiem sewwa. Id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest għax dawn jipproteġu u jistimulaw l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u l-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom.

[…]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.”

7        L-Artikolu 1(2)(b) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

[…]

b)      id-dritt ta’ kiri, id-dritt ta’ self u ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-propjetà intelletwali;

[…]”

8        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2.      Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit [fl-Unjoni] rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien [fl-Unjoni] ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.”

 Id-Direttiva 2006/115

9        Id-Direttiva 2006/115 ikkodifikat u ħassret id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).

10      Il-premessi 2 sa 5, 7, 8 u 14 tad-Direttiva 2006/115 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Il-kiri u s-self ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u tal-protezzjoni ta’ drittijiet relatati qegħdin ikollhom rwol dejjem aktar importanti b’mod partikolari għall-awturi, artisti u produtturi ta’ fonogrammi u films. Il-piraterija qiegħda ssir theddida li dejjem tikber.

(3)      Il-protezzjoni adegwata tax-xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u l-materja tal-protezzjoni ta’ drittijiet relatati bi drittijiet ta’ kiri u self kif ukoll il-protezzjoni tal-materja tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati bid-dritt ta’ l-iffissar, bid-dritt ta’ distribuzzjoni, bid-dritt ta’ xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku jistgħu f’dan is-sens ikunu kkunsidrati bħala ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-[Unjoni].

(4)      Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u tad-drittijiet relatati għandha tadatta għal żviluppi ekonomiċi ġodda bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

“(5)      Ix-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi. Il-possibbiltà li jiġi żgurat dak id-dħul u li jiġi rkuprat dak l-investiment tista’ tkun garantita b’mod effettiv biss permezz ta’ protezzjoni legali adegwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.

[…]

(7)      Il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha tiġi approssimata b’tali mod li ma tmurx kontra l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati ta’ bosta Stati Membri.

(8)      Il-qafas legali tal-Komunità dwar id-dritt ta’ kiri u d-dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur jista’ jkun limitat sabiex jistabbilixxi li l-Istati Membri jipprovdu drittijiet dwar il-kiri u s-self għal ċerti gruppi ta’ detenturi ta’ drittijiet u b’żieda ma’ dan li jistabbilixxi d-drittijiet ta’ ffissar, distribuzzjoni, xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku għal ċerti gruppi ta’ detenturi ta’ drittijiet fil-qasam tal-protezzjoni ta’ drittijiet relatati.

[…]

(14)      Huwa meħtieġ ukoll li ta’ l-anqas jiġu protetti d-drittijiet ta’ l-awturi rigward self pubbliku billi jiġu pprovvduti arranġamenti speċifiċi. Minkejja dan, kull miżura meħuda bħala deroga mid-dritt esklussiv ta’ self lill-pubbliku għandha tkun konformi, b’mod partikulari ma’ l-Artikolu 12 tat-Trattat.”

11      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Skond id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, bla ħsara għall-Artikolu 6, dritt biex jawtorizza jew jipprevjeni l-kiri jew is-self ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, u materji oħra kif stipulat fl-Artikolu 3(1).

2.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu eżawriti b’ebda bejgħ jew att ieħor ta’ distribuzzjoni ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor kif stipulat fl-Artikolu 3(1)”.

12      L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘kiri' [ta’ oġġetti] fisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu limitat ta’ żmien u għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett;

b)      ‘self' [ta’ oġġetti] tfisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta dan isir permezz ta’ stabbilimenti li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku;

[…]”

13      L-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dritt esklussiv li hemm provdut dwaru fl-Artikolu 1 dwar is-self lill-pubbliku, kemm-il darba ta’ l-anqas awturi jiksbu ħlas [remunerazzjoni] għal dan is-self. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jistabbilixxu dan il-ħlas waqt li jikkunsidraw l-għanijiet ta’ promozzjoni kulturali tagħhom."

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

14      L-Artikolu 10(1) tal-Auteurswet (liġi dwar id-drittijiet tal-awtur), tat-23 ta’ Settembru 1912 (iktar 'il quddiem l-“Aw”), jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jfisser:

1°.      il-kotba, fuljetti, ġurnali, perjodiċi u kull materjal miktub ieħor;

[…]

u b’mod ġenerali kull prodott fil-qasam litterarju, xjentifiku jew artistiku, espress bi kwalunkwe mezz jew fi kwalunkwe forma tkun xi tkun.”

15      L-Artikolu 12 tal-Aw jistabbilixxi:

“1.      L-iżvelar ta#’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jinkludi:

[…]

3°      Il-kiri jew is-self ta’ kull jew ta’ parti ta’ kopja tax-xogħol, bl-eċċezzjoni ta’ xogħlijiet arkitettoniċi u ta’ xogħlijiet ta’ arti applikata, jew riproduzzjoni ta’ din tal-aħħar, iċċirkolata mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu;

[…]

3.      “Self” fis-sens tal-ewwel paragrafu 3° ifisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta dan isir permezz ta’ stabbilimenti li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku;

[…]”

16      Skont l-Artikolu 15c(1) tal-Aw:

“Ma jitqiex bħala ksur għad-dritt tal-awtur fuq xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku, is-self kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) 3°, ta’ kopja ta’ xogħol kollha jew parti minnha, iċċirkolata mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu, bil-kundizzjoni li remunerazzjoni ġusta titħallas lil min jagħmel, jew lil min jirranġa sabiex isir dan is-self. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      VoB tirrappreżenta, fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-interessi tal-libreriji pubbliċi kollha.

18      Dawn il-libreriji jsellfu kotba fil-forma ta’ karta u, bħala korrispettiv, iħallsu somma b’rata fissa lill-iStichting, fondazzjoni responsabbli mill-Ministru tal-Ġustizzja (il-Pajjiżi l-Baxxi) għall-ġbir ta’ remunerazzjonijiet fir-rigward tas-self.

19      L-iStichting tqassam ir-remunerazzjonijiet miġbura lid-detenturi ta’ drittijiet, abbażi ta’ regolament ta’ distribuzzjoni, permezz ta’ korpi ta’ ġestjoni kollettiva, bħall-iStichting LIRA, li hija responsabbli mill-ġestjoni ta’ drittijiet relatati max-xogħlijiet litterarji, drammatiċi u drammatiċi-mużikali, u l-iStichting Pictoright, li hija responsabbli mill-ġestjoni ta’ drittijiet relatati max-xogħlijiet viżivi bħal dawk magħmula mill-artisti tal-plastik, il-fotografi, l-illustraturi, id-disinjaturi u l-periti.

20      Skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, l-ammont tar-remunerazzjoni għas-self huwa stabbilit mill-iStichting Onderhandelingen Leenvergoedingen (iktar 'il quddim l-“iSTOL”), fondazzjoni magħżula għal dan il-għan mill-Ministru tal-Ġustizzja.

21      Filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk is-self diġitali ta’ ktieb elettroniku jaqax jew le fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 15c tal-Aw ilha diskussa fi ħdan l-iStOL mill-2004, il-bord ta’ tmexxija tal-iStOL finalment iddeċieda, matul laqgħa li saret fl-24 ta’ Marzu 2010, li jwieġeb din il-mistoqsija fin-negattiv.

22      Barra minn hekk, fuq talba tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, tal-Kultura u x-Xjenzi (il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Instituut voor Informatierecht van de Universiteit van Amsterdam (istitut tad-dritt tal-informazzjoni tal-Università ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u d-ditta ta’ konsulenza SEO rrediġew rapport li kkonkluda wkoll li s-self diġitali ta’ kotba elettroniċi ma jaqax fl-imsemmija eċċezzjoni.

23      Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Gvern Olandiż irrediġa abbozz ta’ liġi dwar il-libreriji li jipprevedi, għas-self diġitali ta’ kotba elettroniċi mill-bogħod, il-ħolqien ta’ librerija diġitali nazzjonali. Dan il-proġett huwa bbażat fuq il-premessa li s-self diġitali ta’ kotba elettroniċi ma jaqax f’din l-istess eċċezzjoni.

24      Bħalissa, il-libreriji pubbliċi jqiegħdu kotba elettroniċi disponibbli fuq l-internet, abbażi ta’ ftehimiet ta’ liċenzja mad-detenturi ta’ drittijiet.

25      Il-VoB tikkontesta dan l-abbozz ta’ liġi u konsegwentement ippreżentat rikors quddiem il-qrati tar-rinviju sabiex tikseb dikjarazzjoni ġudizzjarja li skontha, essenzjalment, il-liġi attwali fuq id-drittijiet tal-awtur tkopri diġà s-self diġitali.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 1(1), 2(1)(b) u 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “self” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikopri wkoll id-disponibbiltà għall-użu ta’ rumanzi, ġabriet ta’ stejjer, bijografiji, kotba tal-ivvjaġġar, kotba għat-tfal u letteratura għaż-żgħażagħ li huma protetti mid-drittijiet tal-awtur, mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett u li tkun twettqet minn stabbiliment li jkun aċċessibbli għall-pubbliku

–        billi jqiegħed kopja f’forma diġitali (riproduzzjoni A) fis-server tal-istabbiliment, u billi jagħti possibbiltà lill-utent li jirriproduċi din il-kopja billi jniżżilha fil-kompjuter tiegħu (riproduzzjoni B),

–        meta l-kopja magħmula mill-utent matul it-tniżżil (riproduzzjoni B) ma hijiex iktar utilizzabbli wara li jiskadi perijodu limitat, u

–        meta utenti oħra ma jistgħux iniżżlu l-kopja (riproduzzjoni A) fil-kompjuter tagħhom matul dan il-perijodu?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115 u/jew dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-applikazzjoni tal-limitazzjoni tad-dritt ta’ self imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115 għall-kundizzjoni li l-kopja tax-xogħol li tkun saret disponibbli mill-istabbiliment (riproduzzjoni A) kienet tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ ta’ din il-kopja jew permezz tal-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fl-Unjoni mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 2, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115 jistabbilixxi rekwiżiti oħra dwar l-oriġini tal-kopja li l-istabbiliment għamel disponibbli (riproduzzjoni A), pereżempju r-rekwiżit li din il-kopja tkun inkisbet minn sors legali?

4)      F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 2, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ewwel bejgħ ta’ oġġett jew l-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti disponibbiltà għall-użu, minn distanza, għal perijodu mingħajr limitu ta’ kopja diġitali permezz ta’ tniżżil online ta’ rumanzi, ġabriet ta’ stejjer, bijografiji, kotba tal-ivvjaġġar, kotba għat-tfal u letteratura għaż-żgħażagħ li huma protetti mid-drittijiet tal-awtur?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “self”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri s-self ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali, meta dan is-self isir billi titqiegħed din il-kopja fuq is-server ta’ librerija pubblika u tippermetti lill-utent ikkonċernat li jirriproduċi l-imsemmija kopja billi jniżżilha fuq il-kompjuter tiegħu stess, sakemm kopja waħda biss tista’ titniżżel tul il-perijodu tas-self u li, wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, il-kopja li titniżżel minn dan l-utent ma għadhiex iktar tista’ tintuża minn dan l-utent.

28      Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/115, li skontu “l-Istati Membri għandhom jipprovdu […] dritt biex jawtorizza jew jipprevjeni […]is-self ta’ oriġinali u kopji ta’ xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur, u materji oħra” ma jispeċifikax jekk il-kunċett ta’ “kopji ta’ xogħlijiet”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludix ukoll dawk li ma humiex iffissati fuq mezz fiżiku, bħall-kopji diġitali.

29      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “self [ta’ oġġetti]” bħala li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u mhux għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta dan isir permezz ta’ stabbilimenti li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni, li ma tispjegax x’għandu jitfisser b’“oġġett”, jekk dan it-terminu għandux jinkludi wkoll jew le l-oġġetti intanġibbli, bħal dawk ta’ natura diġitali.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, qabel kollox, jiġi vverifikat jekk hemmx raġunijiet tali li jiġġustifikaw l-esklużjoni, fi kwalunkew każ, tas-self ta’ kopji diġitali u ta’ oġġetti intanġibbli mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/115.

31      Barra minn hekk, fl-ewwel lok, mill-premessa 7 tad-Direttiva 2006/115 jirriżulta li din tal-aħħar ġiet adottata sabiex, b’mod partikolari, “l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom jiġu approssimati fl-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati ta’ diversi Stati Membri”.

32      Issa, fost in-numru ta’ konvenzjonijiet li l-imsemmija direttiva għandha tosserva jinsab, iktar b’mod partikolari, it-Trattat WIPO, li l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri huma partijiet għaliha.

33      Konsegwentement, hemm lok li l-kunċetti ta’ “oġġetti” u ta’ “kopji” jiġu interpretati, fis-sens tad-Direttiva 2006/115, fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fit-Trattat WIPO (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 55).

34      Issa, skont id-dikjarazzjoni komuni, annessa mat-Trattat WIPO, il-kunċetti ta’ “original” u ta’ “kopji”, li jinsabu fl-Artikolu 7 ta’ dan it-trattat, dwar id-dritt ta’ kiri, jindikaw “esklużivament għal kopji ffissati li jkunu jistgħu jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli”. Minn dan jirriżulta li huma esklużi mid-dritt ta’ kiri, previst fl-imsemmi trattat, l-oġġetti intanġibbli kif ukoll il-kopji mhux iffissati, bħall-kopji diġitali.

35      Għaldaqstant, hemm lok li l-kunċett ta’ “kiri” ta’ oġġetti, li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/115, jinftiehem bħala li jirrelata esklużivament għall-oġġetti tanġibbli, u l-kunċett ta’ “kopji”, li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, bħala li jkopri, fir-rigward tal-kiri, esklużivament il-kopji li jinsabu fuq mezz fiżiku.

36      Madankollu, għalkemm it-titolu tad-Direttiva 2006/115 jirreferi, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, għad-“dritt ta’ kiri u ta’ self”, fis-singular, u jekk din tal-aħħar tirregola, ġeneralment, flimkien, l-aspetti differenti ta’ tali dritt li huma s-sistema tal-kiri u tas-self, ma jirriżultax, madankollu, li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea neċessarjament kellu l-intenzjoni li jagħti l-istess tifsira għall-kunċetti ta’ “oġġetti” u ta’ “kopji”, bħal meta dawn jirrigwardaw is-sistema tal-kira jew dak tas-self, inkluż is-self pubbliku fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

37      Fil-fatt, minn naħa, fuq naħa waħda, il-premessi 3 u 8 tal-imsemmija direttiva jirreferu, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, mhux għad-“dritt ta’ kiri u ta’ self”, fis-singular, iżda għad-“drittijiet” ta’ kiri u ta’ self, fil-plural.

38      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/115, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddefinixxi b’mod separat il-kunċetti ta’ “kiri” ta’ oġġetti u ta’ “self” ta’ oġġetti. B’hekk, l-oġġetti kkonċernati mill-kiri ma humiex neċessarjament identiċi għal dawk ikkonċernati mis-self.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-oġġetti intanġibbli u l-kopji mhux imwaħħla, bħall-kopji diġitali, għandhom jiġu esklużi mid-dritt ta’ kiri, irregolat mid-Direttiva 2006/115, sabiex ma tinkisirx id-dikjarazzjoni konġunta annessa mat-Trattat WIPO, la t-Trattat u lanqas id-dikjarazzjoni konġunta ma jipprekludu li l-kunċett ta’ “self ta’ oġġetti”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ikun interpretat, jekk ikun il-każ, bħala li jinkludi wkoll ċerti self magħmul f’forma diġitali.

40      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar, hekk kif ingħad fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, li d-Direttiva 2006/115 tikkodifika u tirriproduċi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/100 fi kliem essenzjalment identiċi magħha. Issa, ix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 92/100 ma jippermettux li jiġi konkluż li s-self magħmul f’forma diġitali għandu jiġi eskluż, fi kwalunkwe każ, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

41      Ċertament, il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ kiri u ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati [COM (90) 586 finali] isemmi x-xewqa tal-Kummissjoni Ewropea li teskludi d-disponibbiltà permezz ta’ trażmissjoni ta’ data elettronika mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/100.

42      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li ma jidhirx b’mod ċar evidenti li l-Kummissjoni riedet tapplika din l-esklużjoni għall-kopji ta’ kotba f’forma diġitali. Minn naħa, l-eżempji msemmija f’dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni kienu esklużivament relatati mat-trażmissjoni diġitali tal-films. Min-naħa l-oħra, fiż-żmien tal-kitba tal-imsemmi memorandum ta’ spjegazzjoni, il-kopji ta’ kotba f’forom diġitali ma kinux suġġetti għal użu bħalma jista’ jiġi validament preżunt li huma kienu impliċitament meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

43      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li x-xewqa espressa mill-Kummissjoni f’dan l-istess memorandum ta’ spjegazzjoni ma tinsab fl-ebda espressjoni diretta fit-test stess tal-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 92/100 jew f’din id-direttiva.

44      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemm l-ebda raġuni determinanti li tippermetti li jkun eskluż, fi kwalunkwe każ, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/115 is-self ta’ kopji diġitali u ta’ oġġetti intanġibbli.

45      Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-għan segwit mid-Direttiva 2006/115. Fil-fatt, il-premessa 4 ta’ din tal-aħħar tistipula, b’mod partikolari, li d-dritt tal-awtur għandu jadatta ruħu għar-realtajiet ekonomiċi ġodda bħall-forom ġodda ta’ użu. Issa, is-self magħmul f’forma diġitali jaqa’ mingħajr dubju f’dawn il-forom ġodda ta’ użu u, għaldaqstant, jagħmel neċessarju li d-dritt tal-awtur jiġi adattat għar-realtajiet ekonomiċi ġodda.

46      Barra minn hekk, li jiġi eskluż kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/115 is-self magħmul f’forma diġitali jikkontradixxi l-prinċipju ġenerali li jeżiġi livell għoli ta’ protezzjoni għall-awturi.

47      Għalkemm huwa minnu li dan il-prinċipju ġenerali jidher biss impliċitament fil-premessa 5 tad-Direttiva 2006/115, huwa madankollu enfasizzat fid-Direttiva 2001/29, peress li l-premessa 9 ta’ din tal-aħħar tistipula li kwalunkwe armonizzazzjoni tad-dritt tal-awtur għandha tkun ibbażata “fuq livell għoli ta’ protezzjoni”.

48      B’hekk, tali prinċipju ġenerali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-direttivi li, bħad-Direttiva 2006/115, huma intiżi sabiex jarmonizzaw l-aspetti varji tad-dritt tal-awtur filwaqt li jkollhom għan iktar ristrett minn dak tad-Direttiva 2001/29.

49      Fid-dawl tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 44 iktar 'il fuq, għandu jiġi vverifikat, insegwitu, jekk is-self pubbliku ta’ ktieb f’forma diġitali, magħmul taħt kundizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fid-domanda magħmula, jistax jaqa’ fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, sa fejn jikkostiwixxi deroga għad-dritt esklużiv ta’ self previst fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, għandu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun suġġett għal interpretazzjoni stretta, xorta jibqa’ l-fatt li l-interpretazzjoni li tingħata għandha tippermetti wkoll il-protezzjoni tal-effett utli tal-eċċezzjoni hekk stabbilita u l-osservanza tal-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 162 u 163, kif ukoll tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 133).

51      Minħabba l-importanza tas-self pubbliku ta’ kotba diġitali u sabiex jiġi ssalvagwardjat kemm l-effett utli tad-deroga ta’ self pubbliku li tinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 (iktar 'il quddiem l-“eċċezzjoni ta’ self pubbliku”) kif ukoll il-kontribuzzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għall-promozzjoni kulturali, ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 japplika fil-każijiet fejn l-operazzjoni mwettqa minn librerija aċċessibbli għall-pubbliku għandha, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva, karatteristiċi komparabbli, essenzjalment, ma’ dawk ta’ self ta’ xogħlijiet stampati.

52      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tad-domanda magħmula, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna s-self ta’ kopja ta’ kotba f’forma diġitali magħmul billi dawn tal-aħħar jitqiegħdu fuq is-server ta’ librerija pubblika u l-utent ikkonċernat jista’ jirriproduċi l-imsemmija kopja billi jniżżilha fuq il-kompjuter tiegħu stess, sakemm kopja waħda biss tista’ titniżżel tul il-perijodu tas-self u li, wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, il-kopja li titniżżel minn dan l-utent ma għadhiex iktar utilizzabbli minnu.

53      Issa, tali operazzjoni għandha titqies li għandha, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/115, karatteristiċi komparabbli, essenzjalment, għal dawk tas-self ta’ xogħlijiet stampati, sa fejn, minn naħa, il-limitazzjoni tal-possibbiltajiet simultanji sabiex titniżżel kopja waħda timplika li l-kapaċità ta’ self tal-librerija kkonċernata ma taqbiżx il-kapaċità tagħha f’dak li jikkonċerna xogħol stampat u li, min-naħa l-oħra, dan is-self huwa magħmul biss għal żmien limitat.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “self” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri s-self ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali, meta dan is-self isir billi titqiegħed din il-kopja fuq is-server ta’ librerija pubblika u tippermetti lil utent li jirriproduċi l-imsemmija kopja billi jniżżilha fuq il-kompjuter tiegħu stess, sakemm kopja waħda biss tista’ titniżżel tul il-perijodu tas-self u li, wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, il-kopja li titniżżel minn dan l-utent ma għadhiex iktar tista’ tintuża minn dan l-utent.

 Fuq it-tieni domanda

55      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115 u/jew dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġi interpretati fis-sens li jipprekludu lil Istat Membru milli jissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għall-kundizzjoni li l-kopja tal-ktieb f’forma diġitali li tkun saret disponibbli mil-librerija pubblika kienet tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ jew trasferiment tal-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà ta’ din il-kopja fl-Unjoni mid-detentur tad-dritt għal tqassim lill-pubbliku jew bil-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

56      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għalkemm mill-kliem stess tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jipprevedu għall-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kwalunkwe forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, permezz tal-bejgħ jew mod ieħor, tal-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ kopji tagħhom, u li dan id-dritt ta’ distribuzzjoni fl-Unjoni huwa eżawrit biss fil-każ tal-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fl-Unjoni ta’ dan l-oġġett mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu, mill-Artikolu 1(2)(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tal-aħħar tħalli intatt u ma taffettwa b’ebda mod id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ self.

57      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 ma huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115.

58      Insegwitu, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/115 jipprevedi li d-dritt esklużiv ta’ self, previst fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, ma huwiex eżawrit mill-bejgħ jew xi att ieħor ta’ distribuzzjoni ta’ oriġinali u ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur.

59      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-atti ta’ użu tax-xogħol protett, bħas-self pubbliku, huma differenti fin-natura tagħhom mill-bejgħ jew minn kwalunkwe att legali ieħor ta’ distribuzzjoni, peress li d-dritt ta’ self jibqa’ wieħed mill-prerogattivi tal-awtur minkejja l-bejgħ tal-mezz materjali li kien fih ix-xogħol. Konsegwentement, id-dritt ta’ self ma huwiex eżawrit mill-bejgħ jew minn xi att ieħor ta’ distribuzzjoni, filwaqt li d-dritt ta’ distribuzzjoni huwa eżawrit speċifikament biss fil-każ tal-ewwel bejgħ fl-Unjoni mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tagħha (ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑53/05, EU:C:2006:448, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Hemm lok, finalment, li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiżgura bilanċ bejn l-interessi tal-awturi, minn naħa, u l-promozzjoni kulturali, li tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali sottostanti l-eċċezzjoni ta’ self pubbliku u li jiġġustifika l-possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw, taħt dik id-dispożizzjoni, għad-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għas-self pubbliku, min-naħa l-oħra. F’dan il-kuntest, għall-inqas l-awturi għandhom jiksbu remunerazzjoni għal dan is-self.

61      Issa, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, moqri flimkien mal-premessa 14 ta’ din id-direttiva, li jindika li huwa neċessarju li jiġu protetti d-drittijiet tal-awturi fir-rigward tas-self pubbliku, kif ukoll fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali li jimponi livell għoli ta’ protezzjoni għall-awturi, imfakkar fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies bħala li jipprevedi biss livell minimu ta’ protezzjoni għall-awturi li huwa rikjest waqt l-implementazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ self pubbliku. Minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jiġu mċaħħda milli jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, kundizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jtejbu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil hinn minn dak li huwa previst b’mod espliċitu fl-imsemmija dispożizzjoni.

62      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi kundizzjoni addizzjonali għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ self pubbliku, imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115. Din il-kundizzjoni tirrikjedi li l-kopja ta’ ktieb f’forma diġitali li tkun saret disponibbli mil-librerija pubblika kienet tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà ta’ din il-kopja fl-Unjoni mid-detentur tad-dritt ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku jew bil-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

63      Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva ġustament fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu kuntrarjament għall-akkwist tad-dritt ta’ self li jsir bil-kunsens tal-awtur, jekk is-self pubbliku jirriżulta mill-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115, li tidderoga minn tali kunsens, l-applikazzjoni tagħha għal ċerti xogħlijiet tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tal-awturi.

64      Konsegwentement, kundizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ self pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li kopja ta’ ktieb f’forma diġitali tkun suġġetta għal tali self tkun minn qabel imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu, tista’ tnaqqas ir-riskji msemmija fil-punt preċedenti u għaldaqstant li ttejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-implementazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. Għaldaqstant, f’dan il-każ, tali kundizzjoni addizzjonali għandha titqies bħala konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għall-kundizzjoni li l-kopja ta’ ktieb f’forma diġitali li tkun saret disponibbli mil-librerija pubblika kienet tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ jew tal-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà ta’ din il-kopja fl-Unjoni mid-detentur tad-dritt għal ditribuzzjoni lill-pubbliku jew bil-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.

 Fuq it-tielet domanda

66      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-eċċezzjoni ta’ self pubbliku li huwa jipprevedi tapplikax għat-tqegħid għad-dispożizzjoni minn librerija pubblika ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali fil-każ fejn din il-kopja kienet inkisbet minn sors illegali.

67      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 ma tipprevedi espressament ebda rekwiżit dwar l-oriġini legali tal-kopja magħmula disponibbli mil-librerija pubblika, jibqa’ l-fatt li wieħed mill-għanijiet ta’ din id-direttiva huwa l-ġlieda kontra l-piraterija, kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha.

68      Issa, li jiġi aċċettat li kopja mislufa minn librerija pubblika tista’ tinkiseb minn sors illegali ifisser li jkun ittollerat, jew li tiġi inkoraġġita ċ-ċirkulazzjoni ta’ xogħlijiet iffalsifikati jew pirata, li jmur manifestament kontra dan l-għan.

69      Insegwitu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, dwar l-eċċezzjoni ta’ kopja privata prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li din l-eċċezzjoni ma tkoprix il-każ ta’ kopji magħmula minn sors illeċitu (sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 41).

70      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-detenturi tad-dritt tal-awtur ma jistax jiġi impost fuqhom obbligu li jittolleraw ksur tad-drittijiet tagħhom li jistgħu jakkompanjaw it-twettiq ta’ kopji privati. Kieku l-Istati Membri kellhom l-għażla li jadottaw leġiżlazzjoni li tagħti l-possibbiltà li riproduzzjonijiet għal użu privat ikunu wkoll magħmula minn sors illegali, minn dan jirriżulta, b’mod ċar, preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tinvolvi dannu inġustifikat lid-detenturi tad-dritt tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punti 31, 35 u 40).

71      Issa, dawn l-argumenti kollha dwar l-eċċezzjoni ta’ kopja privata jidhru bħala rilevanti għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ self pubbliku u b’hekk jistgħu jiġu trasposti, b’analoġija, għall-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata riposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-eċċezzjoni ta’ self pubbliku li huwa jipprevedi tapplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni minn librerija pubblika ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali fil-każ fejn din il-kopja kienet inkisbet minn sors illegali.

 Fuq ir-raba’ domanda

73      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda, peress li din tal-aħħar tqajmet biss għall-każ fejn tkun ingħatat risposta fl-affermattiv għat-tieni waħda.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1)(b) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “self”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikopri s-self ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali, meta dan is-self isir billi titqiegħed din il-kopja fuq is-server ta’ librerija pubblika u tippermetti lil utent li jirriproduċi l-imsemmija kopja billi jniżżilha fuq il-kompjuter tiegħu stess, sakemm kopja waħda biss tista’ titniżżel tul il-perijodu tas-self u li, wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, il-kopja li titniżżel minn dan l-utent ma għadhiex iktar tista’ tintuża minn dan l-utent.

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jissuġġetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għall-kundizzjoni li l-kopja ta’ ktieb f’forma diġitali li tkun saret disponibbli mil-librerija pubblika kienet tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni permezz tal-ewwel bejgħ jew tal-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà ta’ din il-kopja fl-Unjoni Ewropea mid-detentur tad-dritt għal distribuzzjoni lill-pubbliku jew bil-kunsens tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

3)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-deroga ta’ self pubbliku li huwa jipprevedi tapplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni minn librerija pubblika ta’ kopja ta’ ktieb f’forma diġitali fil-każ fejn din il-kopja kienet inkisbet minn sors illegali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.