Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Awwissu 2023 – Föreningen Svenskt Landskapsskydd et vs Il-Kunsill

(Kawża T-534/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Föreningen Svenskt Landskapsskydd (Koler, l-Isvezja) u 6 rikorrenti oħra (rappreżentant: M. Le Berre, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tikkonstata li r-rikors huwa fondat u, għaldaqstant:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill (SGS 23/00028) tat-13 ta’ Ġunju 2023 li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interna (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata); u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità taċ-ċaħda mill-Kunsill tat-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni interna tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 1 bħala inammissibbli, għal dawn ir-raġunijiet:

nuqqas ta’ komprensibbiltà, sa fejn il-Kunsill ikkunsidra li r-Regolament tal-Kunsill 2022/2577 huwa kemm “mhux att leġiżlattiv” fis-sens tat-Trattati u kemm mhux “att amministrattiv” fis-sens tar-[Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 ], li huwa kontradittorju;

argumenti ineffettivi fir-rigward tal-pretensjoni tal-Kunsill li t-talba għal reviżjoni interna għandha titqies li hija inammissibbli;

ksur tal-Artikolu 2(1)(c) u (g) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006; u

ksur tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1367/2006 sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tiegħu għaliex l-istituzzjoni, peress li kienet irċeviet talba waħda jew iktar għal reviżjoni interna, kienet obbligata tieħu din it-talba inkunsiderazzjoni u tagħti motivazzjoni bil-miktub.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-Artikolu 277 TFUE u fuq l-illegalità tar-Regolament 2577/2022 għal dawn ir-raġunijiet:

ksur tal-Artikoli 122 TFEU, 192 TFEU u 194 TFEU;

ksur tal-Artikolu 193 TFEU;

nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus;

ksur tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 1 u tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 mill-Artikolu 3 tar-Regolament 2577/2022;

ksur tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2577/2022;

ksur tad-direttivi dwar l-ambjent mill-Artikolu 6 tar-Regolament 2577/2022; u

ksur tad-dritt ambjentali tal-Unjoni mill-Artikolu 9 tar-Regolament 2577/2022.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur mid-deċiżjoni kkontestata ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 122 TFUE, tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 3 TUE, tal-Artikolu 11 TFUE u tal-Artikolu 191 TFUE, u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar l-ambjent.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE għal dawn ir-raġunijiet:

kontradizzjoni fil-motivazzjoni dwar in-natura tar-Regolament 2577/2022;

nuqqas ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ aspetti tar-Regolament 2577/2022; u

nuqqas assolut ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-prinċipju ta’ solidarjetà fil-qasam tal-enerġija.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli (ĠU 2022, L 335, p. 36).

1     Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

1     Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

1     Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7).

1     Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).