Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Jannar 2010 - Alisei vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-16/10)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Alisei (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: F. Sciaudone, avukat, R. Sciaudone, avukat, A. Neri, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' ċaħda;

tannulla d-deċiżjoni ta' għoti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta' kumpens għad-danni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, Alisei titlob:

l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta' Ottubru 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni, minn naħa, ma laqgħetx l-applikazzjoni għal sussidju ppreżentata mir-rikorrenti taħt is-sejħa għal proposti "Facility for rapid response to soaring food prices in developing countries" (EuropeAid/128608/C/ACT/Multi), u min-naħa l-oħra, poġġiet l-applikazzjoni tagħha f'lista ta' riżerva;

l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2009 li biha l-Kummissjoni għażlet l-applikazzjoni għal sussidju ppreżentata minn organizzazzjoni oħra;

il-kumpens għad-danni mġarrba.

Huwa kkunsidrat f'dan il-kuntest li, in konformità mal-istruzzjonijiet li hemm fis-sejħa għal proposti, ir-rikorrenti ressqet azzjoni intiża lejn titjib fil-kapaċità produttiva ta' São Tomé u Príncipe, u għal dan il-għan indikat bħala sieħeb lokali organizzazzjoni esperta fil-qasam tal-agrikoltura.

Peress li b'mod preliminari ntgħażlet il-proposta tar-rikorrenti, hija ġiet mistiedna sabiex tippreżenta l-applikazzjoni sħiħa sal-15 ta' Settembru 2009.

Peress li ma rċeviet ebda komunikazzjoni dwar ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha, kuntrarjament għall-organizzazzjonijiet l-oħra li kienu rrispondew għas-sejħa għall-proposti inkwistjoni, ir-rikorrenti talbet informazzjoni permezz ta' posta elettronika tas-17 ta' Novembru 2009. Permezz ta' risposta fl-istess jum, il-Kummissjoni informat li r-risposta diġà ntbagħatet lill-parteċipanti kollha u, fi kwalunkew każ, annettiet kopja tagħha. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea informat lir-rikorrenti li l-kumitat ta' evalwazzjoni ma kienx għażel il-proposta tagħha għall-finijiet tal-għoti tas-sussidju u li hija kienet iddeċidiet li tinkludi l-proposta tagħha f'lista ta' riżerva li hija valida sal-31 ta' Diċembru 2009. Il-Kummissjoni informat ukoll li, fil-każ li ma jkun sar ebda kuntatt ma' Alisei sa dan il-perijodu, hija ma kinitx ser tibqa' tittieħed inkunsiderazzjoni għall-għoti ta' sussidju taħt l-istedina sabiex jiġu ppreżentati proposti inkwistjoni.

In sostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni tar-rikorrenti għal sussidju, hija tallega:

il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma indikatx, u volontarjament u espliċitament ċaħdet it-talba għal informazzjoni f'dan is-sens, ir-raġunijiet (lanqas fil-qosor) li għalihom l-applikazzjoni tar-rikorrenti ma ġietx ikkunsidrata u mqiegħda f'lista ta' riżerva;

il-ksur tal-prinċipju ta' trasparenza tal-azzjoni amministrattiva, tal-prinċipju ta' trattament ugwali u tad-dritt ta' difiża, sa fejn il-Kummissjoni tkun informat lill-kompetituri l-oħra esklużi bir-raġunijiet għall-esklużjoni filwaqt li ssuġġettat l-għoti ta' informazzjoni lir-rikorrenti għall-iskadenza tal-perijodu ta' validità tal-lista ta' riżerva.

In sostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tat is-sussidju lill-organizzazzjoni li tagħtih, hija ssostni:

l-evalwazzjoni żbaljata u infondata tad-deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni għażlet għal sussidju applikazzjoni ppreżentata minn organizzazzjoni b'esperjenza professjonali limitata u b'kapaċità teknika mhux suffiċjenti, kif ukoll nieqsa minn awtonomija meta mqabbla ma' dawk ippreżentati minn organizzazzjonijiet oħra, u b'mod partikolari dik tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti titlob, fl-aħħar nett, il-kumpens għad-dannu mġarrab.

____________