Language of document : ECLI:EU:T:2008:568

Kawża T-339/06

Ir-Repubblika Ellenika

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid — Għajnuna għar‑ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-oqsma tad-dwieli — Regolament (KE) Nru 1493/1999 — Iffissar tal-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija lill‑Istati Membri — Deċiżjoni 2006/669/KE — Natura vinkolanti tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar Regolament (KE) Nru 1227/2000 — Prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ bona fide u ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ proporzjonalità u tal-effett utli”

Sommarju tas-sentenza

Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u l‑konverżjoni fis-settur tal-inbid — Iffissar tal-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija lill-Istati Membri

(Regolament tal-Kunsill Nru 1493/1999, Artikolu 14(1) u (2); Regolament tal-Kunsill Nru 1227/2000, Artikolu 16(1))

1.      Mill-kliem tal-Artikolu 16(1) tar‑Regolament Nru 1227/2000, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid f’dak li jirrigwarda l‑potenzjal tal-produzzjoni, kif ukoll mill-istruttura ġenerali u l-għan tal-liġi li huwa jagħmel parti minnha, jirriżulta li t-terminu previst mill‑imsemmi artikolu huwa terminu mandatorju. In-natura vinkolanti tat-terminu tal-10 ta’ Lulju, stabbilit għall-Istati Membri sabiex jiddikjaraw l-infiq li sar u li ġie vvalidat sat-30 ta’ Ġunju kif ukoll il-meded totali kkonċernati, hija kkonfermata mill-funzjoni ta’ dan it-terminu, jiġifieri dik li jippermetti applikazzjoni effettiva tad‑determinazzjoni tal-allokazzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(1) u (2) tar‑Regolament Nru 1493/1999, sabiex l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi jiġu adattati, b’mod partikolari skont l-infiq reali.

2.      In-natura vinkolanti tal-imsemmi terminu hija kkonfermata wkoll mill-għan tad‑dikjarazzjoni tal-infiq u tal-meded ikkonċernati, peress li dan l-infiq huwa marbut ma’ sena finanzjarja kurrenti. Id-data tal-10 ta’ Lulju hija marbuta ma’ dik tal-15 ta’ Ottubru tal-istess sena u hija ġiet stabbilita sabiex il‑Kummissjoni jkollha ż‑żmien meħtieġ sabiex tadotta u tippubblika d-deċiżjoni li tistabblixxi l‑allokazzjonijiet finanzjarji definittivi prevista fl-Artikolu 14(2) tar‑Regolament Nru 1493/1999 qabel il-15 ta’ Ottubru. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu l-aħħar ħlasijiet, marbutin mal-infiq iddikjarat skont l‑Artikolu 16(1) tar‑Regolament Nru 1227/2000, qabel tmiem is-sena finanzjarja kurrenti u sabiex jinkiseb ir-rimbors tagħhom mill-Kummissjoni qabel tmiem is-sena tal-budget, fuq il-linji tal-budget disponibbli għal din is-sena finanzjarja, l-effett utli tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni jimplika li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l‑allokazzjonijiet finanzjarji definittivi lill-Istati Membri għas-sena finanzjarja għandha tiġi adottata qabel l-aħħar ta’ din l-imsemmija sena, jiġifieri l-15 ta’ Ottubru.

(ara l-punti 25, 28-31, 35)