Language of document :

Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Lulju 2007 - Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-31/07 R)

("Talba għal miżuri provviżorji - Talba għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni - Direttiva 91/414/KEE - Ammissibbiltà - Fumus boni juris - Urġenza - Bilanċ ta' l-interessi")

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Du Pont de Nemours (France) SAS (Puteaux, Franza); Du Pont Portugal - Serviços, Sociedada Unipessoal Lda (Lisbona, Il-Portugall); Du Pont Ibérica SL (Barċellona, Spanja); Du Pont de Nemours (Belgium) BVBA (Mechelen, il-Belġju); Du Pont de Nemours Italiana Srl (Milan, L-Italja); Du Pont De Nemours (Nederland) BV (Dordrecht, L-Olanda); Du Pont de Nemours (Deutschland) GmbH (Bad Homburg vor der Höhe, Il-Ġermanja); DuPont CZ s.r.o. (Praga, Ir-Repubblika Ċeka); DuPont Magyarország Kereskedelmi kft (Budaors, L-Ungerija); DuPont Poland sp. z o.o. (Varsavja, il-Polonja); DuPont Romania Srl (Bukarest, Ir-Rumanija); DuPont (UK) Ltd (Herts, Ir-Renju Unit); Dy-Pont Agkro Ellas AE (Halandri, Il-Greċja); DuPont International Operations SARL (Grand Saconnex, L-Iżvizzera); u DuPont Solutions (France) SAS (Puteaux) (rappreżentanti: D. Waelbroeck u N. Rampal, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: L. Parpala u B. Doherty, aġenti)

Suġġett tal-kawża

Talba għas-sospensjoni ta' uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/133/KE, tal-11 ta' Diċembru 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex jiġi inkluż il-flusilazole bħala sustanza attiva (ĠU L 349, p. 27)

Dispożittiv

L-iskadenza ta' l-inklużjoni tal-flusilazole fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta' Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, stabbilita għat-30 ta' Ġunju 2008 mill-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/133/KE tal-11 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva 91/414 sabiex jiġi inkluż il-flusilazole bħala sustanza attiva, hija sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-proċedimenti prinċipali.

Id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw, jekk ikun meħtieġ, wara reviżjoni, l-awtorizzazzjoni mogħtija għall-prodotti li jikkontjenu l-flusilazole, stabbilita għat-30 ta' Ġunju 2008 mit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2006/133, hija sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-proċedimenti prinċipali.

Ir-restrizzjoni prevista fil-parti A tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta' l-Anness tad-Direttiva 2006/133 dwar it-tipi ta' prodotti tar-raba' li fuqhom l-użu tal-flusilazole jista' jiġi awtorizzat mill-Istati Membri, jiġifieri ċ-ċereali (barra mir-ross), il-qamħirrum, iż-żerriegħa tal-kolza u l-pitravi taz-zokkor, hija sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-proċedimenti prinċipali.

L-ispejjeż huma rriżervati.

____________