Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fil-15 ta’ Diċembru 2021 – Y.Ya. vs K.P.

(Kawża C-797/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Y.Ya.

Konvenut: K.P.

Domandi preliminari

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-kollokament ta’ mħallfin għal perijodu illimitat, bil-kunsens tagħhom, fi ħdan qorti superjuri, permezz ta’ deċiżjoni ta’ korp li jamministra l-poter ġudizzjarju u li huwa indipendenti mill-awtoritajiet l-oħra tal-Istat, hija awtorizzata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ir-rimedji meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jkunux iggarantiti liċ-ċittadini minħabba preġudizzju għall-indipendenza tal-qorti meta jkunu ġew previsti l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ttemm il-kollokament kif ukoll protezzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar iżda dan ir-rikors ma jkollux effett sospensiv? Liema huma l-kriterji sabiex jiġi evalwat in concreto jekk il-kollokament għal żmien illimitat huwiex legali?

Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet oġġettivi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li ttemm il-kollokament jkunu ġew previsti fil-liġi u jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju iżda ma jkunux ġew previsti tali kundizzjonijiet, suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tagħżel liema mħallef ser jiġi kkollokat?

Jekk ir-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fis-sens li, f’tali kundizzjonijiet, il-kollokament ta’ mħallfin ikun legali meta jkunu osservati regoli oġġettivi, fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk is-sistema nazzjonali tiksirx ir-rekwiżit tan-natura suffiċjenti tar-rimedji meħtieġa previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, minbarra l-kriterji previsti fil-liġi, il-mod kif dawn il-kriterji jiġu applikati mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali kompetenti?

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/929/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija sabiex tindirizza punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata (ĠU 2007, L 142M, p. 827) għandha tiġi interpretata fis-sens li twassal għal risposta differenti għat-tliet domandi preċedenti f’sitwazzjoni fejn tkun ġiet stabbilita prassi nazzjonali fil-qasam tal-kollokament, li tinvolvi leġiżlazzjoni simili għal dik fis-seħħ, u fejn dan ikun ta lok għal oġġezzjonijiet fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika stabbilit permezz tal-imsemmija deċiżjoni?

Jekk jirriżulta li r-regoli nazzjonali stabbiliti fir-rigward tal-kollokament ta’ mħallfin jistgħu jmorru kontra r-rekwiżit stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jeżiġi l-istabbiliment tar-rimedji meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li teskludi li qorti nazzjonali tirċievi istruzzjonijiet vinkolanti minn qorti superjuri li l-kompożizzjoni tagħha tinkludi mħallef ikkollokat, u dan taħt liema kundizzjonijiet? B’mod iktar preċiż, l-istruzzjonijiet li ma jkunux jikkonċernaw il-mertu tat-tilwima iżda li jiddettaw l-atti proċedurali li għandhom jitwettqu, huma vvizzjati?

____________