Language of document : ECLI:EU:C:2022:420

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑2 ta’ Ġunju 2022 (1)

Kawża C100/21

QB

vs

Mercedes-Benz Group AG, li qabel kienet Daimler AG,

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2007/46/KE – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Artikolu 18(1), Artikolu 26(1), u Artikolu 46 – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2) – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu limitat minn ‘firxa ta’ temperaturi’ – Apparat ta’ manipulazzjoni – Protezzjoni tal-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali – Dritt għal kumpens kontra l-manifattur tal-vettura abbażi ta’ responsabbiltà delittwali – Mod ta’ kalkolu tal-kumpens – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà ta’ Imħallef uniku li jirreferi talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tidħol fil-kuntest tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet li jniġġsu, b’mod partikolari ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx), permezz ta’ vetturi diesel. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et  (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magna diesel) (C‑693/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza CLCV”, EU:C:2020:1040), dwar id-definizzjoni ta’ “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 (2), u l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ tali apparat, fid-dawl tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, il-Kawżi C‑128/20, GSMB Invest; C‑134/20, Volkswagen; kif ukoll C‑145/20, Porsche Inter Auto u Volkswagen, li għalihom ippreżentajt konklużjonijiet komuni fit‑23 ta’ Settembru 2021 (3), jirrigwardaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ “firxa ta’ temperaturi” stabbilita mis-softwer integrat fil-kalkolatur ta’ kontroll li bih huma mgħammra l-vetturi kkonċernati.

2.        F’din il-kawża, il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva 2007/46/KE (4), moqrija flimkien mar-Regolament Nru 715/2007, tagħtix lil xerrej individwali ta’ vettura li ma josservax il-limiti ta’ emissjonijiet ta’ NOx stabbiliti minn dan ir-regolament dritt għal kumpens kontra l-manifattur tal-vettura, abbażi tar-responsabbiltà delittwali, u, fl-affermattiv, liema metodu ta’ kalkolu tal-kumpens l-Istati Membri għandhom jiffissaw sabiex jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

3.        Din il-qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk l-Artikolu 267 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-Imħallef uniku li għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi t-tilwima jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ fejn huwa jkun preċedentement irrefera din it-tilwima lil awla ċivili, li ddeċidiet li ma tkunx indirizzata.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament (KE) Nru 715/2007

4.        Skont il-premessi 1, 5 u 6 tar-Regolament Nru 715/2007:

“(1)      Is-suq intern jikkonsisti f’zona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital għandu jiġi żgurat. […] Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ emissjonijiet għandhom għalhekk jiġu armonizzati biex jiġu evitati rekwiżiti li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, u biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.

[…]

(5)      Hemm bżonn ta’ sforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vetturi sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ l-UE rigward il-kwalità ta’ l-arja. […]

(6)      B’mod partikulari, hemm bżonn ta’ tnaqqis konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u biex ikun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis. […]”

5.        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur (‘vetturi’) u ‘spare parts’ bħal ma hu tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis fir-rigward ta’ l-emissjonijiet tagħhom”.

6.        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ l-implimentazzjoni tiegħu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

10)      ‘tagħmir ta’ riduzzjoni’ jfisser kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura;

[…]”

7.        L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Rekwiżiti u testijiet”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod li l-komponenti li jistgħu jaffettwaw l-emissjonijiet jiġu ddisinjati, mibnija u assemblati bil-għan li jippermettu li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

2.      L-użu ta’ tagħmir ta’ riduzzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll ta’ l-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Il-projbizzjoni m’ għandiex tapplika fejn:

(a)      il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura;

[…]”

2.      IdDirettiva 2007/46

8.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/46 (5), intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom [fl-Unjoni].

[…]

Ħtiġijiet tekniċi speċifiċi dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi għandhom jiġu stabbiliti fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’atti regolatorji li l-lista eżawrjenti tagħhom hi stabbilita fl-Anness IV.”

9.        L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ċertifikat ta’ konformità”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-manifattur, fil-kapaċità tiegħu bħala d-detentur ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, għandu jipprovdi ċertifikat ta’ konformità flimkien ma’ kull vettura, kemm jekk kompluta, mhux kompluta jew ikkompletata, li tiġi manifatturata f’konformità mat-tip ta’ vettura approvat.

[…]”

10.      L-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Reġistrazzjoni, bejgħ u dħul fis-servizz ta’ vetturi”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jippermettu l-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi fil-każ biss li jkollhom magħhom ċertifikat ta’ konformità validu maħruġ skond l-Artikolu 18.

[…]”

11.      L-Artikolu 46 tal-istess direttiva, intitolat “Penali”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari tal-projbizzjonijiet stipulati jew li jirriżultaw mill-Artikolu 31, u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV, Parti I u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-pieni determinati għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid‑29 ta’ April 2009 u għandhom jinnotifikaw kwalunkwe modifika sussegwenti għalihom malajr kemm jista’ jkun”.

B.      Iddritt Ġermaniż

12.      L-Artikolu 823 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Obbligu ta’ kumpens għal dannu”, jipprovdi:

“1.      Kull min, meta jaġixxi intenzjonalment jew b’negliġenza, jippreġudika b’mod illegali l-ħajja, il-ġisem, is-saħħa, il-libertà, il-proprjetà jew kwalunkwe dritt ieħor ta’ ħaddieħor, huwa obbligat li jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dan.

2.      L-istess obbligu huwa intiż għal min jikser liġi intiża sabiex tipproteġi lil ħaddieħor. Jekk, permezz tal-kontenut tal-liġi, huwa wkoll possibbli li din tiġi miksura mingħajr ma jkun hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-obbligu ta’ kumpens iseħħ biss fil-każ ta’ nuqqas”.

13.      L-Artikolu 826 tal-BGB, intitolat “Dannu intenzjonali u kuntrarju għall-ordni pubbliku u l-moralità”, jipprevedi:

“Kull min intenzjonalment jikkawża dannu lil ħaddieħor, bi ksur tal-ordni pubbliku u tal-moralità, huwa obbligat li jikkumpensa dan id-dannu”.

14.      L-Artikolu 6 tal-Verordnung über die EG-Genehmigung für Kraftfahrzeuge und ihre Anhänger sowie für Systeme, Bauteile und selbstständige technische Einheiten für diese Fahrzeuge (EG-Fahrzeuggenehmigungsverordnung) (ir-Regolament dwar l-Approvazzjoni tat-Tip KE tal-Vetturi bil-Mutur, tal-Karrijiet Tagħhom, u tas-Sistemi, il-Komponenti u l-Unitajiet Tekniċi Maħsuba għal Dawn il-Vetturi (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Approvazzjoni tat-Tip KE tal-Vetturi bil-Mutur”)) (6), tat‑3 ta’ Frar 2011, intitolat “Ċertifikat ta’ konformità u mmarkar”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1:

“Għal kull vettura li tikkonforma mat-tip approvat, id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità fis-sens tal-Artikolu 18, moqri flimkien mal-Anness IX tad-Direttiva [2007/46]. Konformement mal-Artikolu 18(3) tad-Direttiva [2007/46], iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jitfassal b’tali mod li jeskludi kull falsifikazzjoni”.

15.      L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reġistrazzjoni u bejgħ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Vetturi, entitajiet tekniċi jew komponenti ġodda li jeħtieġu ċertifikat ta’ konformità konformement mal-Anness IX tad-Direttiva [2007/46], fl-Anness IV tad-Direttiva 2002/24/KE (7) jew l-Anness III tad-Direttiva 2003/37/KE (8), jistgħu jiġu offruti għall-bejgħ, mibjugħa jew imqiegħda fis-suq fil-Ġermanja għall-użu fit-triq biss jekk ikunu akkumpanjati b’ċertifikat validu ta’ konformità. Dan ma japplikax għall-vetturi fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva [2003/37]”.

16.      L-Artikolu 348 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), intitolat “Imħallef uniku inizjali”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-awla ċivili tiddeċiedi permezz ta’ wieħed mill-membri tagħha bħala Imħallef uniku. Dan ma japplikax fejn:

[…]

(3)      L-Imħallef uniku jirreferi t-tilwima lill-awla ċivili sabiex din tkun indirizzata lilha, meta

1.      il-kawża tippreżenta diffikultajiet ta’ fatt jew ta’ liġi partikolari,

2.      il-kawża tippreżenta importanza ta’ prinċipju, jew

3.      il-partijiet għandhom jitolbu dan unanimament.

L-Awla kienet tindirizza t-tilwima meta l-kundizzjonijiet previsti fil-punti 1 jew 2 tal-ewwel sentenza jkunu ssodisfatti. Hija tagħti d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward permezz ta’ digriet, wara li tisma’ lill-partijiet. Trasferiment ġdid lill-Imħallef uniku huwa eskluż.

[…]”

III. Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

17.      Fl‑20 ta’ Marzu 2014, QB xtara mingħand Auto Y GmbH vettura bil-mutur użata tat-trade mark Mercedes-Benz, mudell C 220 CDI b’kilometraġġ ta’ 28 591 km, għall-prezz ta’ EUR 29 999 (iktar ’il quddiem il-“vettura inkwistjoni”). Din il-vettura, imqiegħda fis-suq mill-manifattur tal-vetturi Daimler AG u li ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fil‑15 ta’ Marzu 2013, hija mgħammra b’magna diesel tat-tip OM 651, ta’ ġenerazzjoni Euro 5.

18.      L-imsemmija vettura tinkludi softwer ta’ programmazzjoni tal-magna li tipprevedi firxa ta’ temperaturi (iktar ’il quddiem is-“softwer ikkonċernat”), li permezz tagħha r-rata ta’ riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost titnaqqas meta t-temperaturi esterni jkunu iktar kesħin (iktar ’il quddiem il-“firxa ta’ temperaturi inkwistjoni”), bil-konsegwenza li jiżdiedu l-emissjonijiet ta’ NOx. It-temperatura esterna preċiża li minnha t-tnaqqis tar-rata ta’ riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost iseħħ u l-portata ta’ dan it-tnaqqis huma diskussi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

19.      QB ippreżenta rikors kontra Mercedes-Benz Group AG quddiem il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg), il-qorti tar-rinviju, billi sostna li s-softwer ikkonċernat jinkludi, minbarra l-firxa ta’ temperaturi inkwistjoni, apparati ta’ manipulazzjoni oħra pprojbiti, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li jnaqqsu l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali fit-triq. Huwa sostna li Mercedes-Benz Group qarrqet bih b’mod intenzjonali f’dan ir-rigward, bi ksur tal-ordni pubbliku u tal-moralità, u li din il-kumpannija hija obbligata tikkumpensa d-dannu kkawżat. QB żied li, fid-dawl tal-aġir intenzjonali ta’ Mercedes-Benz Group, ebda kumpens minħabba l-użu tal-vettura inkwistjoni ma kien ser ikun dovut. Madankollu, bħala prekawzjoni, huwa jkun lest li jħallas kumpens għall-użu, li titħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti tar-rinviju, għall-kilometraġġ li jkun sar. QB qies li dan il-kumpens għandu jkun ibbażat fuq parti ta’ 75 %, l-iktar l-iktar, tal-prezz tax-xiri minħabba l-preżenza ta’ sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti difettużi.

20.      Skont Mercedes-Benz Group, mis-sentenza CLCV jirriżulta li, jikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, biss sistema li tippermetti li jiġu identifikati l-kundizzjonijiet karatteristiċi tat-test ta’ approvazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ inkwinanti, li jsir fil-laboratorju, u li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ NOx permezz ta’ manipulazzjoni għall-finijiet tal-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE. Issa, tali sistema ma hijiex preżenti fil-vettura inkwistjoni.

21.      Mercedes-Benz Group ma kkontestatx li r-rata ta’ riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost hija diġà mnaqqsa minn temperatura esterna ogħla minn 0 grad Celsius. Fil-fatt, jekk ir-riċiklaġġ sħiħ isir f’temperaturi esterni baxxi, ikun hemm kondensazzjoni tal-komponenti tal-gassijiet tal-egżost, li twassal għal diversi depożiti mhux mixtieqa fil-magna, u l-funzjonament repetut tiegħu f’dan l-istat jista’ jikkawża danni fit-tul. Għalhekk, sabiex tiġi protetta l-magna, huwa neċessarju li r-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost jitnaqqas skont it-temperatura esterna. Dan huwa proċess industrijali użat minn dejjem mill-manifatturi kollha tal-vetturi u li jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-magni b’kombustjoni interna. Mercedes-Benz Group żiedet li, anki jekk jitqies li dan il-proċess jikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens tar-Regolament Nru 715/2007, l-aġir tagħha ma jmur la kontra l-ordni pubbliku u lanqas il-moralità, billi sostniet li hija bbażat ruħha fuq fehim eżatt, jew tal-inqas ġustifikabbli, tar-regoli previsti mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-emissjonijiet.

22.      Sussidjarjament, Mercedes-Benz Group sostniet li QB ma sofriex dannu minħabba li l-vettura inkwistjoni kellha approvazzjoni tat-tip tal-KE valida, setgħet tintuża mingħajr restrizzjoni u ma kienet issofri l-ebda telf fil-valur. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ servizz offrut mingħajr ħlas, hija żviluppat u qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ QB aġġornament tas-softwer ikkonċernat għall-vettura inkwistjoni.

23.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont l-evalwazzjoni provviżorja tagħha, il-firxa ta’ temperaturi inkwistjoni tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2) tiegħu, fid-dawl tas-sentenza CLCV. Madankollu, Mercedes-Benz Group ma aġixxietx bi ksur la tal-ordni pubbliku u lanqas tal-moralità, li jippreżupponi aġir partikolarment kundannabbli, l-intenzjoni, l-għan, il-motivi u l-konsegwenzi li għandhom jiġu evalwati f’dan ir-rigward b’mod eżawrjenti. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li, fil-mument meta l-vettura inkwistjoni tqiegħdet fis-suq, Mercedes-Benz Group ma fittxitx deliberatament li tagħmel ħsara lix-xerrejja potenzjali permezz tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Konsegwentement, QB ma jistax jibbenefika minn dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà delittwali skont l-Artikolu 826 tal-BGB.

24.      Għall-kuntrarju, jista’ jiġi rikonoxxut tali dritt għal kumpens lil QB skont l-Artikolu 823(2) tal-BGB, li jsemmi sempliċi negliġenza. Madankollu, din id-dispożizzjoni tippreżupponi l-ksur ta’ liġi intiża sabiex tipproteġi lil ħaddieħor, li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), ifisser li hija intiża tal-inqas sabiex tipproteġi l-individwu jew grupp ta’ persuni kontra l-ksur ta’ interess ġuridiku speċifiku. Ikun biżżejjed li din il-liġi tkun ukoll intiża sabiex tipproteġi l-interess tal-individwu, billi tagħmel parti mill-għanijiet tal-imsemmija liġi, anki jekk din tikkonċerna prinċipalment l-interess ġenerali. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni timplika li l-perikolu li din il-liġi hija intiża li tipproteġi lil ħaddieħor jimmaterjalizza ruħu minn dannu konkret u li l-persuna konkretament leża għandha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-liġi miksura. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46, moqrija flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, jirrigwardawx, minbarra l-protezzjoni ta’ interessi ġenerali, ukoll l-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jkun mgħammar b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali abbażi ta’ dan ir-regolament.

25.      Fil-ġurisprudenza u l-kummentarji Ġermaniżi jeżistu perspettivi differenti fuq dawn il-kwistjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tqis li jekk l-informazzjoni li tinsab fuq iċ-ċertifikat ta’ konformità, kif previst mid-Direttiva 2007/46, tkopri wkoll, fuq il-livell personali, ix-xerrej individwali ta’ vettura, hija ma tipproteġix id-dritt għall-awtodeterminazzjoni ekonomika ta’ dan ix-xerrej. Skont qrati nazzjonali oħra, l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46, kif ukoll l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, huma ta’ natura ta’ protezzjoni individwali.

26.      Skont il-qorti tar-rinviju, anki jekk jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet jipproteġu biss interessi legali ġenerali u mhux l-interessi tax-xerrejja individwali, il-prinċipju ta’ effettività jista’ jeżiġi li kull żball, b’negliġenza jew intenzjonali, imwettaq minn manifattur tal-vetturi billi jqiegħed fis-suq vetturi mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali jiġi ssanzjonat mill-possibbiltà tax-xerrej li jinvoka kontra dan il-manifattur dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà delittwali.

27.      Fil-każ li QB ikun jista’ jibbenefika minn tali dritt għal kumpens abbażi tal-Artikolu 823(2) tal-BGB, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex neċessarju, sabiex tagħti effett prattiku lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, li l-benefiċċju miksub mill-użu tal-vettura inkwistjoni ma jiġix imputat fuq id-dritt għal kumpens jew li dan jiġi imputat biss b’mod limitat. Hawnhekk ukoll, din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet diverġenti fil-ġurisprudenza u fil-kummentarji nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tikkunsidra li, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu prevista mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-kumpens, il-persuna leża ma tistax titqiegħed f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dik li fiha hija tinsab mingħajr l-avveniment dannuż u li għandhom jiġu imputati fuq id-dritt għal kumpens biss il-benefiċċji marbuta ma’ dan l-avveniment, mingħajr ma jinħeles b’mod sproporzjonat l-awtur tad-dannu.

28.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 348(3) taz-ZPO, il-qorti inizjali kompetenti hija obbligata li tirrinvija l-kawża quddiem awla ċivili, sabiex din tindirizza ruħha jekk ikun hemm diffikultajiet partikolari ta’ natura fattwali jew jekk il-kawża jkollha importanza fundamentali (9). F’dan ir-rigward, l-Imħallef uniku ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali. Mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) jirriżulta li huwa biss jekk l-awla tirrifjuta li tiġi adita li din il-qorti tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari, b’applikazzjoni tal-prinċipju kostituzzjonali tal-qorti legali prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 101(1) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) tat‑23 ta’ Mejju 1949 (10).

29.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont il-kummentarji, id-dritt proċedurali nazzjonali ma għandux jippreġudika l-possibbiltà li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 267(2) TFUE, b’mod partikolari meta l-qorti kkonċernata tqis li l-evalwazzjoni ġuridika tal-qorti superjuri tista’ twassal għal deċiżjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jidher li jirriżulta li l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 348(3) taz-ZPO ma humiex applikabbli għal deċiżjonijiet tar-rinviju mogħtija mill-Imħallef uniku inizjali. F’dan il-każ, jekk is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt proċedurali nazzjonali ma hijiex ikkonstatata espressament, il-ġurisdizzjoni tal-Imħallef uniku tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji.

30.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva [2007/46], flimkien mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 715/2007] għandhom ukoll l-għan li jipproteġu l-interessi ta’ xerrejja individwali ta’ vetturi bil-mutur?

Fl-affermattiv:

2)      Dan jinkludi wkoll l-interess ta’ xerrej individwali ta’ vettura li ma jakkwistax vettura li ma tikkonformax mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari li ma jakkwistax vettura li tkun mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

3)      Huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li xerrej li jkun xtara b’mod involontarju vettura mqiegħda fis-suq mill-manifattur b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 ikun jista’ jressaq talbiet taħt id-dritt ċivili kontra l-manifattur tal-vettura għal kumpens għad-dannu sostnut minnu fil-kuntest ta’ delitt, b’mod partikolari anki talba għar-rimbors tal-prezz tax-xiri mħallas għall-vettura inkambju għaċ-ċessjoni u t-trasferiment tas-sjieda tal-vettura, biss f’każijiet eċċezzjonali fejn il-manifattur tal-vettura jkun aġixxa intenzjonalment u kontra l-morali?

Fl-affermattiv:

4)      Huwa imperattiv taħt id-dritt tal-Unjoni li talba taħt id-dritt ċivili mix-xerrej tal-vettura kontra l-manifattur tal-vettura għal kumpens fil-kuntest ta’ delitt tkun possibbli fil-każ ta’ kwalunkwe nuqqas (b’negliġenza jew intenzjonali) mill-manifattur tal-vettura fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ vettura li hija mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007?

Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sar-raba’ domanda:

5)      Huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li, skont id-dritt nazzjonali, ix-xerrej tal-vettura jrid jieħu inkunsiderazzjoni l-benefiċċju għall-użu effettiv tal-vettura, fil-każ li jitlob ir-rimbors mill-manifattur, bħala kumpens fil-kuntest ta’ delitt, tal-prezz tax-xiri tal-vettura mqiegħda fis-suq b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, inkambju għaċ-ċessjoni u t-trasferiment tas-sjieda tal-vettura?

Fin-negattiv:

6)      Huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li dan il-benefiċċju għall-użu effettiv jiġi kkalkolat fuq il-prezz sħiħ tax-xiri mingħajr l-ebda tnaqqis għad-deprezzament fil-valur tal-vettura li jirriżulta mill-fatt li tkun mgħammra b’tagħmir ta’ riduzzjoni li huwa pprojbit u/jew fir-rigward tal-użu, mhux mixtieq mix-xerrej, ta’ vettura li ma tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni?

Irrispettivament mir-risposti li jingħataw għall-ewwel sas-sitt domanda:

7)      L-Artikolu 348(3) taz-[ZPO], sa fejn din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, huwa inkompatibbli mal-kompetenza tal-qrati nazzjonali għal rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk ma japplikax għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rinviju?”

31.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn QB, Mercedes-Benz Group, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑8 ta’ Marzu 2022.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

32.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-evalwazzjoni provviżorja tagħha, il-firxa ta’ temperaturi inkwistjoni tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, jekk l-effiċjenza tas-sistema tal-kontroll tal-emissjonijiet tal-inkwinanti huwa diġà inqas minn temperatura esterna ogħla minn 0 gradi Celsius, din is-sitwazzjoni tkun taħt kundizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vetturi, fis-sens tal-imsemmi punt 10 tal-Artikolu 3. Din il-qorti żżid li l-fatt li l-firxa ta’ temperaturi inkwistjoni ma tippermettix li jiġu identifikati l-parametri tat-test ta’ ċertifikazzjoni sabiex jiġi vverifikat il-livell ta’ emissjonijiet ta’ inkwinanti huwa ta’ ftit importanza, sa fejn dan l-element la huwa meħtieġ mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 u lanqas mis-sentenza CLCV. Barra minn hekk, din il-firxa ma tkunx awtorizzata b’deroga fuq il-bażi tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament peress li din is-sentenza ddikjarat li huma biss ir-riskji immedjati ta’ ħsarat li jikkawżaw perikolu konkret waqt is-sewqan tal-vettura li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni (11) Issa, f’dan il-każ, Mercedes-Benz Group issostni li l-firxa ta’ temperaturi inkwistjoni għandha l-għan li tipprekludi depożiti mhux mixtieqa fil-magna, jiġifieri li tipproteġiha kontra l-użu, li, skont l-imsemmija qorti, ma jidhirx li jissodisfa r-rekwiżiti stretti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex apparat ta’ manipulazzjoni jkun legali.

33.      F’dan r-rigward, nirrileva li, fis-sentenza CLCV, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, apparat li jidentifika kull parametru marbut mal-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ approvazzjoni previsti minn dan ir-regolament, sabiex titjieb il-prestazzjoni, matul dawn il-proċeduri, tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet, u hekk tinkiseb l-approvazzjoni tal-vettura, anki jekk tali titjib jista’ jiġi osservat, b’mod puntwali, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vettura (12). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-Artikolu 5(2)(a) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li apparat ta’ manipulazzjoni li jtejjeb sistematikament, waqt proċeduri ta’ approvazzjoni, il-prestazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-vetturi sabiex jiġu osservati l-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti mill-istess regolament, u għalhekk li tinkiseb l-approvazzjoni ta’ dawn il-vetturi, ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tali apparati prevista f’din id-dispożizzjoni, dwar il-protezzjoni tal-magna kontra ħsara jew inċident u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura, anki jekk dan l-apparat jikkontribwixxi sabiex jipprevjeni l-magna milli tiqdiem jew tinstadd (13).

34.      Il-kawża li tat lok għas-sentenza CLCV kienet tikkonċerna vetturi mgħammra b’softwer li jista’ jimmodifika s-sistema ta’ kontroll għall-emissjonijiet ta’ gassijiet li jniġġsu skont il-kundizzjonijiet tas-sewqan (14). Fil-fatt, dan is-softwer għamilha possibbli li jirrileva l-parametri li jikkorrispondu għal dawk tat-test ta’ ċertifikazzjoni relatat ma’ emissjonijiet ta’ inkwinanti, li jsir fil-laboratorju.

35.      B’differenza minn din il-kawża, dwar “sistema ta’ bidla”, il-Kawżi C‑128/20, GSMB Invest; C‑134/20, Volkswagen; kif ukoll C‑145/20, Porsche Inter Auto u Volkswagen jirrigwardaw firxa ta’ temperaturi, bħal fil-kawża prinċipali. Fil-konklużjonijiet komuni tiegħi f’dawn it-tliet kawżi (15), ipproponejt lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li l-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” apparat li, f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali ta’ vettura bil-mutur, jiżgura bis-sħiħ ir-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost biss meta t-temperatura esterna tkun bejn 15 u 33 grad Celsius u li l-altitudni ta’ ċirkulazzjoni tkun inqas minn 1 000 metru, filwaqt li, barra minn din il-firxa, f’marġni ta’ 10 gradi Celsius, u ’l fuq minn 1 000 metru ’l fuq, f’intervall ta’ 250 metru, ir-rata ta’ riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost titnaqqas b’mod lineari għal 0, bil-konsegwenza li l-emissjonijiet NOx jiżdiedu lil hinn mill-valuri ta’ limitu stabbiliti mill-imsemmija regolament (16).

36.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-temperatura esterna preċiża li minnha t-tnaqqis tar-rata ta’ riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost iseħħ u l-portata ta’ dan it-tnaqqis huma diskussi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-firxa ta’ temperaturi inkwistjoni tiffunzjona. Kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi (17), skont l-informazzjoni uffiċjali, it-temperatura medja annwali fil-Ġermanja kienet ta’ 9.6 gradi Celsius matul is-sena 2017, ta’ 10.4 gradi Celsius matul is-sena 2018 u ta’ 10.2 gradi Celsius matul is-sena 2019. Fid-dawl ta’ din id-data kif ukoll tat-temperatura medja annwali fi Stati Membri oħra tal-Unjoni (18), hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk, kif hija tqis, is-softwer ikkonċernat inaqqasx l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti f’“kundizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vetturi”. Fl-affermattiv, dan is-softwer jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007.

37.      Jekk dan huwa l-każ, naqbel mal-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju li dan l-apparat ma jistax jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan ir-regolament jekk l-uniku għan tiegħu huwa li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tiqdim jew ta’ sadd tal-magna (19). Fil-fehma tiegħi, dan huwa biss fil-każ fejn id-depożiti ffurmati matul ir-riċiklaġġ tal-gassijiet tal-egżost iwasslu għal nuqqas ta’ funzjonament li jista’ joħloq riskji għall-għarrieda u immedjati ta’ ħsara lill-magna nnifisha, li jiġġenera periklu konkret meta tinstaq il-vettura, anki fil-preżenza ta’ manutenzjoni regolari u adegwata ta’ din il-vettura, li tali apparat ta’ manipulazzjoni jista’ jaqa’ taħt l-imsemmi Artikolu 5(2)(a) (20). Hawnhekk ukoll, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali nuqqas ta’ tħaddim jistax iseħħ.

38.      Fis-sitwazzjoni fejn din il-qorti, fi tmiem ta’ dawn il-verifiki, tikkonferma l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-firxa ta’ temperaturi inkwistjoni tikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament Nru 715/2007, tqum il-kwistjoni tad-dritt għal kumpens li minnu jista’ jibbenefika x-xerrej ta’ vettura mgħammra b’tali apparat, li hija s-suġġett tal-ewwel sitt domandi preliminari.

B.      Fuq lewwel u ttieni domanda preliminari

39.      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipproteġu l-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur, b’mod partikolari l-interess li vettura ma tiġix akkwistata meta din tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

40.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-premessi 1, 5 u 6 tar-Regolament Nru 715/2007 jirriżulta li l-għan imfittex minn dan tal-aħħar huwa li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-arja fi ħdan l-Unjoni (21). Dan ir-regolament isemmi t-termini “klijent” u “utent” darba biss, jiġifieri fil-premessa 17, li skontha huwa “meħtieġ li jiġi żgurat li l-klijenti u l-utenti jingħataw informazzjoni oġġettiva u preċiża” (22) dwar il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-vetturi. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[i]l-manifatturi għandhom jifformulaw ċifri ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju u ta’ konsum tal-karburant f’dokument mogħti lix-xerrej tal-vettura fil-ħin tax-xiri” (23). Din hija wkoll l-unika referenza għax-“xerrej” fl-istess regolament kollu. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 715/2007 jipprevedi obbligi konkreti ta’ informazzjoni lill-klijent u lix-xerrej dwar il-konsum tal-vettura kkonċernata sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk jixtrix jew le din il-vettura. Madankollu, jidher li dawn l-obbligi ta’ informazzjoni jaqgħu fil-kuntest tal-għan imfittex minn dan ir-regolament ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti. Lil hinn mill-imsemmija obbligi, l-imsemmi regolament ma jistabbilixxix rabta espliċita bejn il-manifattur tal-vettura u x-xerrej individwali ta’ vettura sabiex jiġu protetti l-interessi tagħha.

41.      F’dan is-sens, l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007 jiddisponi li l-manifattur għandu jgħammar il-vetturi b’tali mod li l-komponenti li jistgħu jkollhom effett fuq l-emissjonijiet huma ddisinjati, mibnija u mmontati b’tali mod li jippermettu lil dawn il-vetturi, f’użu normali, jikkonformaw ruħhom ma’ dan ir-regolament u mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu u li, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni, l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet huwa pprojbit. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw biss lill-manifatturi. Għalhekk, naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dan ir-regolament, bħala tali, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) u (2) tiegħu, ma huwiex intiż direttament sabiex jipproteġi l-interessi tax-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali.

42.      Madankollu, sabiex tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula, ir-Regolament Nru 715/2007 għandu jitpoġġa fil-kuntest tiegħu. Fil-fatt, id-Direttiva 2007/46, li hija direttiva li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, hija l-att bażiku fir-rigward ta’ dan ir-regolament. Kif tiddikjara l-premessa 3 ta’ din id-direttiva, l-atti regolatorji li jiddefinixxu r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għandu jkollhom bħala għan prinċipali li jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq, ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ protezzjoni kontra użu mhux awtorizzat. Madankollu, fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għal dak li jsostnu Mercedes-Benz Group u l-Gvern Ġermaniż, mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din hija intiża wkoll li tipproteġi l-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali.

43.      Fil-fatt, il-punt 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46 jiddefinixxi l-“approvazzjoni tat-tip tal-KE” bħala l-“proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi rilevanti ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti regolatorji elenkati fl-Anness IV jew XI” ta’ din l-istess direttiva. Dan l-Anness IV, intitolat “Lista ta’ ħtiġijiet għall-finijiet ta’ approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi” jirreferi, fil-parti I tiegħu, intitolat “Atti regolatorji għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi prodotti f’serje mhux limitati” għar-Regolament Nru 715/2007 fir-rigward ta’ “[e]missjonijiet (Euro 5 u 6) vetturi mhux ta’ strapazz/aċċess għal informazzjoni”.

44.      Barra minn hekk, kif jirrileva l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2007/46, il-“manifattur hu responsabbli lejn l-awtorità ta’ l-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess ta’ approvazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni, kemm jekk il-manifattur hu involut direttament fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata kif ukoll jekk le”. Għaldaqstant, il-manifattur, meta japplika għall-approvazzjoni tat-tip KE għall-vetturi, huwa meħtieġ li jikkonforma mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

45.      Jekk l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija neċessarja għall-finijiet ta’ din l-approvazzjoni tat-tip tal-KE, għandu jiġi enfasizzat li din l-osservanza tikkonċerna wkoll direttament lix-xerrej individwali ta’ vettura, permezz taċ-ċertifikat ta’ konformità. Dan tal-aħħar huwa ddefinit fil-punt 36 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46 bħala “id-dokument stabbilit fl-Anness IX, maħruġ mill-manifattur u li jiċċertifika li vettura li tappartjeni għas-serje tat-tip approvat skond din id-Direttiva tikkonforma ma’ l-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha”. Dan l-Anness IX, intitolat “Ċertifikat ta’ konformità tal-KE”, jinkludi l-punt 0, intitolat “Għanijiet”, li kien jipprevedi li ċ-ċertifikat ta’ konformità huwa dikjarazzjoni mogħtija mill-manifattur tal-vettura lix-xerrej bil-għan li jiġi ggarantit lilu li l-vettura li huwa jkun akkwista hija konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Unjoni fil-ħin meta din ġiet prodotta (24). Konsegwentement, id-Direttiva 2007/46, għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 715/2007, tistabbilixxi rabta espliċita bejn il-manifattur tal-vettura u x-xerrej individwali ta’ vettura, bil-għan li jiġi żgurat lilu li l-vettura mixtrija tikkonforma mar-regoli applikabbli tal-Unjoni.

46.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2007/46 jipprovdi li l-manifattur għandu jagħti, fil-kwalità tiegħu ta’ detentur ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vettura, ċertifikat ta’ konformità sabiex jakkumpanja kull vettura li hija mmanifatturata konformement mat-tip ta’ vettura approvat. Dan id-dokument huwa obbligatorju għar-reġistrazzjoni jew għall-bejgħ, skont l-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva, u b’mod partikolari tal-projbizzjonijiet stipulati jew li jirriżultaw mill-Artikolu 31, u tal-atti regolatorji elenkati fil-Parti I tal-Anness IV tad-Direttiva 2007/46 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Artikolu 46 għandu prinċipalment l-għan tal-istabbiliment u l-funzjonament ta’ suq intern ikkaratterizzat minn kompetizzjoni leali bejn il-manifatturi u li, minbarra dan l-għan, is-sanzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 46 għandhom jiggarantixxu wkoll li x-xerrej ta’ vettura jkollu fil-pussess ċertifikat ta’ konformità li jippermettilu, konformement mal-Anness IX ta’ din id-direttiva, li jirreġistraha fi kwalunkwe Stat Membru mingħajr ma jkollu għalfejn jipprovdi dokumenti tekniċi addizzjonali (25).

47.      Minn dawn id-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, il-manifattur għandu josserva, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti dwar l-apparat ta’ manipulazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007. Huwa biss f’dan il-każ li dan il-manifattur jista’ jagħti lix-xerrej ta’ vettura ċertifikat ta’ konformità, li jippermetti lil dan ix-xerrej jirreġistra jew ibigħ din il-vettura. Dan iċ-ċertifikat, li jikkostitwixxi garanzija, huwa intiż għalhekk li jipproteġi lix-xerrej kontra n-nuqqas ta’ osservanza mill-manifattur tal-obbligu tiegħu li jqiegħed fis-suq vetturi konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Unjoni applikabbli.

48.      Madankollu, l-approvazzjoni tal-KE tista’, b’mod partikolari, tkun inkisbet meta l-korp ta’ approvazzjoni ma kienx jaf bil-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007 (26). Barra minn hekk, il-vettura kkonċernata tista’ wkoll ma tikkorrispondix mat-tip approvat. Fil-kuntest tal-bejgħ individwali ta’ vettura mgħammra b’tali apparat illegali, din il-vettura ma għandhiex ċertifikat ta’ konformità eżatt u għalhekk, skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2007/46, ma tistax tiġi rreġistrata jew tkun is-suġġett ta’ bejgħ mill-ġdid. F’tali sitwazzjoni, l-interessi tax-xerrej ta’ tali vettura ma ġewx protetti, u dan jikkawża dannu għalih.

49.      Barra minn hekk, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, ix-xerrej isofri dannu materjali li jirriżulta minn telf fil-valur ta’ kull vettura kkonċernata u li jirriżulta mill-fatt li, bl-iżvelar tal-installazzjoni tas-softwer li jimmanipula d-data dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet tal-egżost, il-ħlas imwettaq għax-xiri ta’ tali vettura għandu bħala kontroparti vettura affettwata minn difett u, għaldaqstant, li għandha valur iżgħar (27). Il-pussess ta’ vettura li ma tosservax id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent, permezz ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet li jniġġsu li jaqbżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti, tikkawża wkoll, fil-fehma tiegħi, ħsara morali lil dak ix-xerrej.

50.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipproteġu l-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur, b’mod partikolari l-interess li vettura ma tiġix akkwistata meta din tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007.

C.      Fuq ittielet sassitt domanda preliminari

51.      Permezz tat-tielet sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien (28), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2007/46 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li x-xerrej ta’ vettura jkollu dritt għal kumpens kontra l-manifattur ta’ vettura fis-sitwazzjoni fejn din il-vettura hija mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, u, fl-affermattiv, sa fejn dawn l-Istati għandhom jipprevedu li jimputaw il-benefiċċju miksub mill-użu effettiv tal-imsemmija vettura fuq l-ammont tal-kumpens.

52.      Preliminarjament, nirrileva li QB ippreżenta r-rikors tiegħu kontra Mercedes-Benz Group, jiġifieri l-manifattur, u mhux kontra l-persuna li biegħetu din il-vettura użata. Għaldaqstant, id-Direttiva 1999/44/KE (29), li tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn il-klijent u l-bejjiegħ, ma tistax tapplika f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, QB ma invokax id-Direttiva 2005/29/KE (30), dwar il-prattiki kummerċjali żleali iżda bbaża ruħu fuq ir-responsabbiltà delittwali, kif prevista mid-dispożizzjonijiet tal-BGB. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi mad-dritt tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna d-dritt għal kumpens u l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens.

53.      Fir-rigward tar-responsabbiltà delittwali, jirriżulta mir-risposta li nipproponi li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi preliminari li d-Direttiva 2007/46 toħloq drittijiet favur ix-xerrej fir-relazzjonijiet tiegħu mal-manifattur meta dan ikun akkwista vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Barra minn hekk, l-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-atti regolatorji elenkati fil-Parti I tal-Anness IV, tal-imsemmija direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi (31). Dan l-artikolu għalhekk japplika għas-sitwazzjoni fejn, għall-finijiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE, il-vetturi inkwistjoni jkunu mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, bi ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007 (32).

54.      Għaldaqstant, dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu għall-benefiċċju mhux biss tal-Istat Membru kkonċernat, fil-kuntest tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE, iżda wkoll ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali. Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2007/46 timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li x-xerrej ta’ vettura jibbenefika minn dritt għal kumpens meta l-manifattur ikun wettaq in-nuqqas ta’ tqegħid fis-suq ta’ tali vettura. Madankollu, din id-direttiva tistabbilixxi biss li dawn l-Istati għandhom jimplimentaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi (33).

55.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jaħtru l-qrati kompetenti u jistabbilixxu r-regoli proċedurali tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi li jiżguraw li d-drittijiet li kull individwu jislet mid-dritt tal-Unjoni jkunu mħarsa (34). Għalhekk, bla ħsara għad-dritt għal kumpens li huwa bbażat direttament fuq id-dritt tal-Unjoni meta dawn il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan ikunu ssodisfatti, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà li għandu jiġi ddeterminat kif id-dannu inkwistjoni għandu jiġi kkumpensat, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni għandhom jippermettu sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

56.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni li x-xerrej ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni għandu d-dritt li jressaq azzjoni ċivili għal responsabbiltà delittwali kontra l-manifattur biss f’ċirkustanzi fejn dan tal-aħħar intenzjonalment ikkawża dannu lil ħaddieħor, bi ksur tal-ordni pubbliku u tal-moralità, fis-sens tal-Artikolu 826 tal-BGB.

57.      F’dan ir-rigward, konformement mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, li ma jidhirx li huwa inkwistjoni f’din il-kawża, u skont il-prinċipju ta’ effettività (35), hija din il-qorti li għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 826 tal-BGB humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens li x-xerrej ta’ vettura jislet mid-Direttiva 2007/46. Fl-affermattiv, dawn ir-regoli proċedurali nazzjonali ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

58.      F’dan l-istadju, nirrileva li, fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju indikat li ma tantx huwa probabbli li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 826 tal-BGB, kif interpretati mill-qrati nazzjonali, jissodisfaw l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46 peress li huma biss każijiet eċċezzjonali li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet u li, għalhekk, fl-istat attwali tad-dritt, il-manifattur ma għandux biża’ minn azzjoni għal kumpens, bil-konsegwenza li huwa ma għandu l-ebda inċentiv sabiex jikkonforma ruħu bir-reqqa mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex jevita li jkun hemm azzjoni għad-danni (36).

59.      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonferma din l-evalwazzjoni, hija jkollha għalhekk tirreferi għall-Artikolu 823(2) tal-BGB, li l-applikazzjoni tiegħu, skont din il-qorti, tirrikjedi sempliċi negliġenza. Ninnota li, skont l-imsemmija qorti, anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni huma intiżi biss sabiex jipproteġu l-interess ġenerali, dawn probabbilment jiġu osservati biss jekk il-ksur b’negliġenza jkun issanzjonat ukoll bi dritt għal kumpens tax-xerrejja bbażat fuq ir-responsabbiltà delittwali tal-manifatturi u jekk dawn tal-aħħar jiħduh inkunsiderazzjoni mill-ewwel.

60.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-kuntest tad-dritt għal kumpens tax-xerrej ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li l-benefiċċju miksub mill-użu effettiv ta’ din il-vettura jiġi imputat fuq ir-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-imsemmija vettura.

61.      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-forma u l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens għad-dannu, il-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun xieraq għad-dannu subit, ta’ natura li jiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom (37). Kif diġà ġie stabbilit, huwa d-dritt nazzjonali tal-Istati Membri li għandu jiddefinixxi r-regoli dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens għad-dannu kkawżat lil individwu minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 (38). F’dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma twassalx għall-arrikkiment indebitu tar-rikorrenti leġittimi (39).

62.      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika sa fejn l-imputazzjoni tal-benefiċċju miksub mill-użu effettiv tal-vettura — f’kundizzjonijiet ta’ użu normali tagħha — fuq ir-rimbors tal-prezz tax-xiri tagħha tiżgura kumpens adegwat lix-xerrej. Din il-qorti tindika li, sad-data tas-seduta li saret quddiemha, QB kien għamel użu iktar minn 60 000 km mill-vettura inkwistjoni u li, jekk kellu jitnaqqas il-benefiċċju miksub mill-użu, għandu jiġi stmat it-telf subit minn din il-vettura sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tat-tnaqqis. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-imsemmija qorti għandha raġun tieħu inkunsiderazzjoni li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 2007/46 ma twassalx għal arrikkiment indebitu ta’ QB. Għaldaqstant, il-benefiċċju mnissel mill-użu effettiv tal-vettura inkwistjoni jista’ jiġi kkumpensat mir-rimbors tal-prezz tax-xiri ta’ din il-vettura. Madankollu, jidhirli li huwa ċar li jekk din l-imputazzjoni twassal sabiex QB, fl-aħħar mill-aħħar, ma jikseb ebda kumpens għad-dannu subit, dan il-metodu ta’ kalkolu ma jiżgurax protezzjoni effettiva tiegħu u ma jkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni.

63.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-benefiċċju miksub mill-użu tal-vettura inkwistjoni għandux jiġi kkalkolat abbażi tal-prezz tax-xiri totali tagħha, mingħajr ma jsir tnaqqis fir-rigward tat-telf tal-valur li jirriżulta mill-assemblaġġ ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali u/jew mill-użu ta’ vettura mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni. Hawnhekk ukoll, fl-assenza ta’ regolament tad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tidħol fil-fond fid-dritt tal-Istati Membri sabiex tindika kif għandu jiġi kkalkolat il-kumpens għad-dannu subit (40). L-uniku rekwiżit previst mid-dritt tal-Unjoni huwa li l-kumpens ikun adegwat, jiġifieri tali li jiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tax-xerrej.

64.      Fl-aħħar nett, nirrileva li, għalkemm ir-rekwiżiti msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, b’mod partikolari l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 715/2007, għandhom jiġu osservati mill-manifatturi tal-vetturi bil-mutur għall-vetturi ġodda (41), dawn jirrigwardaw ukoll il-vetturi użati, fil-kuntest tar-responsabbiltà delittwali, meta manifattur ikun wettaq in-nuqqas li jinstalla apparat ta’ manipulazzjoni illegali.

65.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tielet sas-sitt domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2007/46 għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li x-xerrej ta’ vettura jkollu dritt għal kumpens kontra l-manifattur tal-vettura fis-sitwazzjoni fejn din il-vettura hija mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu r-regoli li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens għad-dannu kkawżat lix-xerrej sakemm, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, dan il-kumpens ikun adegwat għad-dannu subit.

D.      Fuq is-seba’ domanda preliminari

66.      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-Imħallef uniku li għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tilwima jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ fejn dan l-imħallef ikun preliminarjament bagħat lura din it-tilwima lil awla ċivili, li ddeċidiet li ma tkunx indirizzata.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

67.      Mercedes-Benz Group issostni li s-seba’ domanda preliminari hija inammissibbli minħabba li, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (42).

68.      Il-Gvern Ġermaniż enfasizza, matul is-seduta, li din id-domanda ma hijiex utli għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

69.      Il-Kummissjoni tindika li għandha dubji dwar l-ammissibbiltà tal-imsemmija domanda. Fil-fatt, risposta għaliha ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens għax-xerrej ta’ vettura minħabba l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni illegali. Barra minn hekk, l-istess domanda tidher li hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din tal-aħħar ma kinitx is-suġġett ta’ rikors fil-mument li ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, risposta eventwali għas-seba’ domanda preliminari ma tidhirx li hija ta’ natura li tagħti lill-qorti tar-rinviju interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tippermettilha tiddeċiedi kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża li jkollha quddiemha (43).

70.      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tas-seba’ domanda preliminari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Imħallef uniku li quddiemu titressaq kawża huwa obbligat li jirrinvija l-kawża lil awla ċivili sabiex din tkun indirizzata, meta l-kawża jkollha diffikultajiet ta’ fatt jew ta’ liġi partikolari jew jekk din ikollha importanza ta’ prinċipju. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, jiġifieri Imħallef uniku, ma bagħtitx din il-kawża lil awla ċivili u ressqet direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

71.      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (44).

72.      F’dan ir-rigward, il-kawża prinċipali tirrigwarda d-dritt għal kumpens u l-metodu ta’ kalkolu tiegħu fir-rigward tax-xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk jitqies li, konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali rilevanti, il-qorti tar-rinviju, li hija Imħallef uniku, kellha tibgħat il-kawża prinċipali lil awla ċivili, l-ewwel sitt domandi preliminari, dwar dan id-dritt għal kumpens, huma ammissibbli. Fil-fatt, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju ttiħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji (45).

73.      Fir-rigward tas-seba’ domanda preliminari, din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE nnifsu, li ma hijiex inkwistjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika biss li l-ġurisdizzjoni tal-Imħallef uniku tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji. Issa, minn naħa, din il-qorti ma tispeċifikax liema konsegwenza tista’ tinsilet minnha għad-deċiżjoni tar-rinviju. Minn naħa l-oħra, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżultax li, f’dan l-istadju, id-deċiżjoni tar-rinviju ġiet appellata.

74.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni mitluba mis-seba’ domanda preliminari ma tissodisfax bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti (46). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, din id-domanda hija ipotetika u, għalhekk, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

2.      Fuq ilmertu

75.      Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li s-seba’ domanda preliminari hija ammissibbli, nixtieq infakkar il-ġurisprudenza li skontha l-qrati nazzjonali għandhom il-possibbiltà l-iktar wiesgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, peress li din il-possibbiltà tittrasforma ruħha f’obbligu għall-qrati tal-aħħar istanza, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Kemm din il-possibbiltà kif ukoll dan l-obbligu huma, fil-fatt, inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, u għall-funzjonijiet ta’ qorti inkarigat mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fdati minn din id-dispożizzjoni lill-qrati nazzjonali. Konsegwentement, qorti nazzjonali, adita b’kawża, meta tqis li, fil-kuntest tagħha, titqajjem kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-possibbiltà jew l-obbligu, skont il-każ, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari, mingħajr ma din il-possibbiltà jew dan l-obbligu jkunu jistgħu jiġu ostakolati minn regoli nazzjonali ta’ natura leġiżlattiva jew ġurisprudenzjali (47).

76.      Fir-rigward ta’ qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, l-Artikolu 267 TFUE ma jipprekludix li d-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari jibqgħu suġġetti għar-rimedji normali previsti mid-dritt nazzjonali. Madankollu, l-eżitu ta’ tali rikors ma jistax jillimita l-ġurisdizzjoni li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lil din il-qorti biex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija tikkunsidra li kawża pendenti quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni minn din tal-aħħar (48). Għalhekk, il-funzjonament tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġu li l-qorti nazzjonali tkun libera li tadixxi, fi kwalunkwe mument li hija tqis xieraq, lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwalunkwe domanda preliminari li hija tqis neċessarja (49), inkluż meta din tkun Imħallef uniku (50)

77.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-Artikolu 267 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jekk din timponi fuq Imħallef uniku, meta din tal-aħħar tqis li, fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiemha, titqajjem kwistjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni li teħtieġ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrinvija din il-kwistjoni lil awla ċivili u li l-konsegwenza tagħha tkun li hija prekluża milli tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari (51).

V.      Konklużjoni

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

1)      L-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”), kif emendata, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipproteġu l-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur, b’mod partikolari l-interess li vettura ma tiġix akkwistata meta din tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, kif emendat.

2)      Id-Direttiva 2007/46, kif emendata, għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu li x-xerrej ta’ vettura jkollu dritt għal kumpens kontra l-manifattur tal-vettura fis-sitwazzjoni fejn din il-vettura hija mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu r-regoli li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens għad-dannu kkawżat lil dan ix-xerrej sakemm, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività, dan il-kumpens ikun adegwat għad-dannu subit.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008 (ĠU 2008, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 715/2007”).


3      Konklużjonijiet fil-kawżi GSMB Invest, Volkswagen u Porsche Inter Auto u Volkswagen (C‑128/20, C‑134/20 u C‑145/20, EU:C:2021:758). Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx f’dawn il-kawżi fil-mument tat-tfassil ta’ dawn il-konklużjonijiet.


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal‑1 ta’ Ġunju 2017 (ĠU 2017, L 175, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 56, p. 66, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/46”).


5      Id-Direttiva 2007/46 tħassret bir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1), b’effett mill‑1 ta’ Settembru 2020, skont l-Artikolu 88 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, id-Direttiva 2007/46 tibqa’ applikabbli għall-kawża prinċipali.


6      BGBl. 2011 I, p. 126.


7      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Marzu 2002 li għandha x’taqsam ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 399).


8      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju irmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 311, p. 90).


9      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, QB enfasizza li l-ġurisprudenza nazzjonali hija interpretata fis-sens li domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta ma’ suġġett li għandu “importanza fundamentali”.


10      BGBl. 1949, p. 1.


11      Ara s-sentenza CLCV, punt 114.


12      Sentenza CLCV, punt 102.


13      Sentenza CLCV, punt 115.


14      Sentenza CLCV, punt 2.


15      Ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17      Ara l-punt 100 tal-konklużjonijiet GSMB Invest, Volkswagen u Porsche Inter Auto u Volkswagen (C‑128/20, C‑134/20 u C‑145/20, EU:C:2021:758).


18      Ara wkoll il-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza CLCV, punt 115.


20      Ara, f’dan is-sens, il-punti 125 u 126 tal-konklużjonijiet tiegħi GSMB Invest, Volkswagen et Porsche Inter Auto et Volkswagen (C‑128/20, C‑134/20 u C‑145/20, EU:C:2021:758).


21      Ara s-sentenza CLCV, punti 86, 87 u 113.


22      Korsiv miżjud minni.


23      Korsiv miżjud minni.


24      Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, jiena ma naqbilx mal-pożizzjoni espressa minn Mercedes-Benz Group waqt is-seduta li tgħid li ma huwiex ix-xerrej li huwa d-destinatarju taċ-ċertifikat ta’ konformità.


25      Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, IlKummissjoni vs IlĠermanja (C‑668/16, EU:C:2018:802, punt 87).


26      Ara, f’dan is-sens, il-punt 149 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi GSMB Invest, Volkswagen u Porsche Inter Auto u Volkswagen (C‑128/20, C‑134/20 u C‑145/20, EU:C:2021:758).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation (C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 34).


28      Il-qorti tar-rinviju tindika li hija tagħmel it-tielet domanda f’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda. Barra minn hekk, ir-raba’ domanda hija kwistjoni sekondarja tat-tielet domanda. Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, ser nittratta flimkien il-kwistjonijiet kollha dwar id-dritt għal kumpens u l-portata tiegħu.


29      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).


30      Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).


31      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż ippreċiża n-natura tas-sanzjonijiet differenti implimentati fuq livell nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46 u tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 715/2007.


32      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża IlKummissjoni vs IlĠermanja (C‑668/16, EU:C:2018:230, punt 94), l-obbligu previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2007/46 li jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandu jiġi applikat indipendentement mill-obbligu li tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità mat-tip approvat stabbilit fl-Artikoli 12 u 30 tal-imsemmija direttiva.


33      Fl-istess sens, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 715/2007 jiddisponi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament mill-manifatturi u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati, is-sanzjonijiet previsti jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.


34      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Orlen KolTrans (C‑563/20, EU:C:2022:113, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Mercedes-Benz Group tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Schmitt (C‑219/15, EU:C:2017:128, punti 49 sa 60), sabiex tqis li x-xerrej tal-vettura inkwistjoni ma għandux dritt għal kumpens. Madankollu, jidhirli li r-raġunament segwit f’din is-sentenza japplika fl-istess direzzjoni bħal dik li nipproponi jien f’din il-kawża.


35      Dwar dan il-prinċipju, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Mercedes-Benz Group tikkontesta din il-kunsiderazzjoni tal-qorti tar-rinviju billi ssostni li ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-manifatturi jista’ jwassal għal multi u sanzjonijiet importanti.


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 94).


39      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka (C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      F’dan is-sens, naqbel mal-Gvern Ġermaniż li l-Istati Membri, permezz tal-implimentazzjoni tad-dritt delittwali tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu kif jikkumpensaw id-dannu mġarrab minn individwu. Inżid madankollu li dan id-dritt delittwali għandu josserva l-prinċipji stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.


41      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2019, RDW et (C‑326/17, EU:C:2019:59, punt 61).


42      Din il-parti tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:651, punt 23).


43      Il-Kummissjoni irreferiet għad-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2020, S.A.D. Maler und Anstreicher (C‑256/19, EU:C:2020:523, punti 44 u 48).


44      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55).


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019, punti 29 sa 34).


46      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Nirrileva wkoll li l-qorti tar-rinviju għamlet domanda analoga f’kawżi indipendenti minn din il-kawża, b’mod partikolari fil-Kawżi C‑336/20, Bank 11 für Privatkunden und Handel; C‑47/21, C. Bank u Bank D. K.; kif ukoll C‑232/21, Volkswagen Bank u Audi Bank.


47      Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949, punti 68 sa 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 93).


49      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et (C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019, punti 29 sa 34).


51      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 36).