Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2013

ZZ et vs FEI

(Kawża F-72/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ZZ et (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI)

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tad-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rendikonti tar-remunerazzjoni, li għar-rikorrenti japplikaw id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi li tistabbilixxi żieda fis-salarju limitata għal 2.3 %, id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-FEI li tistabbilixxi skeda ġdida ta’ mertu li twassal għal telf ta’ 1 sa 2 % tas-salarju, skont ir-rikorrenti, u d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI li tiddefinixxi skeda ta’ mertu li twassal għal telf ta’ 1 sa 2 % tas-salarju, skont ir-rikorrenti kif ukoll, min-naħa l-oħra, talba sussegwenti sabiex il-FEI jiġi kkundannat iħallas id-differenza fir-remunerazzjoni u l-ħlas ta’ danni

Talbiet tar-rikorrenti

Annullament tad-deċiżjonijiet li għar-rikorrenti japplikaw id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-FEI, tal-4 ta’ Frar 2013, li tistabbilixxi żieda fis-salarju limitata għal 2.3 %, id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-FEI li tistabbilixxi skeda ġdida ta’ mertu li twassal għal telf ta’ 1 sa 2 % tas-salarju, skont ir-rikorrenti, liema deċiżjonijiet joriġinaw mid-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, tat-18 ta’ Diċembru 2012, li tistabbilixxi żieda fis-salarju limitata għal 2.3 %, u d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI, tad-29 ta’ Jannar 2013, li tiddefinixxi skeda ta’ mertu li twassal għal telf ta’ 1 sa 2 % tas-salarju, skont ir-rikorrenti (id-deċiżjonijiet tal-FEI imsemmija hawn fuq ġew żvelati mir-rendikonti tar-remunerazzjoni ta’ April 2013), kif ukoll l-annullament, bl-istess mod, tad-deċiżjonijiet kollha tal-FEI li jinsabu fir-rendikonti tar-remunerazzjoni sussegwenti;

jikkundanna lill-konvenut iħallas id-differenza fir-remunerazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Bord tad-Diretturi tal-FEI u tad-Direttur Ġenerali tal-FEI tal-4 ta’ Frar 2013, tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-18 ta’ Diċembru 2012 u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI tad-29 ta’ Jannar 2013 meta mqabbla mal-applikazzjoni tal-iskeda ta’ mertu “4-3-2-1-0” u tal-iskeda “safra” “5-4-3-1-0”, jew, sussidjarjament, għar-rikorrenti li ngħataw marka A, meta mqabbla mal-applikazzjoni tal-iskeda ta’ mertu 3-2-1-0-0 u, għar-rikorrenti li jaqgħu taħt l-iskeda “safra”, meta mqabbla ma’ skeda safra “4-3-2-0-0”; din id-differenza ta’ remunerazzjoni għandha tiżdied bl-interessi moratorji li jibdew jgħoddu mill-15 ta’ April 2013 u, sussegwentement, fil-15 ta’ kull xahar, sal-ħlas totali, u dawn l-interessi jkunu ffissati bir-rata tal-BĊE miżjuda bi 3 punti;

jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta’ danni minħabba d-dannu mġarrab bħala riżultat tat-telf tal-poter ta’ akkwist, bi stima ta’ dan id-dannu ex aequo et bono, u fuq bażi provviżorja, fl-ammont ta’ 1.5 % tar-remunerazzjoni ta’ kull xahar ta’ kull rikorrent;

fin-nuqqas li jipproduċihom spontanjament, talba lill-konvenut taħt il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-FEI dwar l-allinjament tal-istatus ta’ impjieg tal-membri tal-persunal tal-FEI tal-24 ta’ Settembru 2001;

id-deċiżjoni tal-FEI li torganizza l-“proċedura xierqa” skont id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-FEI dwar l-allinjament tal-istatus ta’ impjieg tal-membri tal-persunal tal-FEI tal-24 ta’ Settembru 2001;

id-Deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-FEI, bħala prinċipju tal-4 ta’ Frar 2013, li tistabbilixxi l-baġit għall-membri tal-persunal għall-2013;

id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-FEI li tistabbilixxi skeda ġdida ta’ mertu għall-2013;

il-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-18 ta’ Diċembru 2012;

il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI tad-29 ta’ Jannar 2013;

in-nota tad-direttorat tal-membri tal-persunal tal-BEI “personnel/ASP/2013-5” tad-29 ta’ Jannar 2013;

il-Corporate Operational Plans 2013-2015 tal-BEI u tal-FEI.

jikkundanna lill-FEI għall-ispejjeż.