Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-County Court at Birkenhead (ir-Renju Unit) fit-30 ta’ Diċembru 2020 – BT vs Seguros Catalana Occidente, EB

(Kawża C-708/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

County Court at Birkenhead

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BT

Konvenuti: Seguros Catalana Occidente, EB

Domandi preliminari

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 jeħtieġ li s-suġġett u l-kawża invokati mill-persuna leża insostenn ta’ talba indirizzata kontra d-detentur tal-polza/l-persuna assigurata jkunu jinvolvu kwistjoni relatata mal-assigurazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ikun biżżejjed, sabiex jiġi konkluż li t-talba mressqa mill-persuna leża kontra d-detentur tal-polza/l-persuna assigurata hija kwistjoni relatata mal-assigurazzjoni, li din it-talba tkun tirriżulta mill-istess fatti u tkun imressqa fil-kuntest tal-istess azzjoni bħat-talba mressqa direttament kontra l-assiguratur, anki jekk is-suġġett u l-kawża tat-talba tal-persuna leża mressqa kontra d-detentur tal-polza/l-persuna assigurata ma jkollhomx rabta mal-assigurazzjoni?

Barra minn hekk, u sussidjarjament, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ikun biżżejjed, sabiex jiġi konkluż li t-talba mressqa mill-persuna leża hija kwistjoni relatata mal-assigurazzjoni, li jkun hemm tilwima bejn l-assiguratur u l-persuna leża dwar il-validità jew l-effett tal-polza ta’ assigurazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, ikun biżżejjed li l-liġi li tirregola l-azzjoni diretta kontra l-assiguratur tkun tippermetti li d-detentur tal-polza/l-persuna assigurata jiġu kkjamati fil-kawża fil-kuntest tal-azzjoni diretta kontra l-assiguratur?

____________

1 ĠU 2012, L 351, p. 1