Language of document : ECLI:EU:T:2016:67

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Frar 2016 (*)

“Rikors għal annullament – Dumping – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw jew li jintbagħtu miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Eżenzjoni ta’ importazzjonijiet li huma suġġetti għal impenn aċċettat – Indissoċjabbiltà – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑141/14,

SolarWorld AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja),

Brandoni solare SpA, stabbilita f’Castelfidardo (l-Italja),

Solaria Energia y Medio Ambiente, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

irrappreżentati minn L. Ruessmann, avukat, u J. Beck, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen, bħala aġent,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, T. Maxian Rusche u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

minn

Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Inc., stabbilita fi Changshu (iċ-Ċina),

Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Inc., stabbilita fi Luoyang (iċ-Ċina),

Csi Cells Co. Ltd, stabbilita f’Suzhou (iċ-Ċina),

u

Csi Solar Power (Iċ-Ċina), Inc., stabbilita f’Suzhou,

irrappreżentati minn A. Willems, S. De Knop, avukati, u K. Daly, solicitor,

u minn

China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, stabbilita f’Beijing (iċ-Ċina), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, F. Di Gianni u A. Scalini, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 325, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, SolarWorld AG, Brandoni solare SpA u Solaria Energia y Medio Ambiente, SA, huma produtturi Ewropej ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom.

2        Fil-25 ta’ Lulju 2012, assoċjazzjoni ta’ produtturi Ewropej ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom, EU ProSun, ippreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar il-prattiki ta’ dumping relatati mal-importazzjonijiet tal-prodotti li jintbagħtu miċ-Ċina.

3        Fis-6 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli u wejfers) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 269, p. 5).

4        Ir-rikorrenti kkooperaw f’din il-proċedura.

5        Fit-8 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ppubblikat avviz ta’ ftuħ ta’ proċedura antisussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli u wejfers) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU C 340, p. 13).

6        Fl-4 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 513/2013 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli u wejfers) li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2013 li jagħmel dawn l-importazzjonijiet li joriġinaw fi jew li huma kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 152, p. 5).

7        Ir-rikors għall-annullament tar-Regolament Nru 513/2013 ġie miċħud b’digriet tal-14 ta’ April 2015, SolarWorld u Solsonica vs Il‑Kummissjoni (T-393/13, EU:T:2015:211), li huwa suġġett għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-312/15 P).

8        Permezz ta’ ittra indirizzata lill-Kummissjoni fis-27 ta’ Lulju 2013, il-kamra tal-kummerċ Ċiniża għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ makkinarju u prodotti elettroniċi (iktar ’il quddiem iċ-“CCCME”) ippreżentat, fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping, offerta ta’ impenn konġunt ta’ numru ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi. Essenzjalment, din kienet tipproponi, f’isem dawn tal-aħħar u f’isimha stess, l-applikazzjoni ta’ prezzijiet minimi għall-importazzjoni ta’ moduli fotovoltajċi u għal kull komponent ewlieni tagħhom (ċelloli u wejfers) sa ċertu livell ta’ importazzjoni annwali (iktar ’il quddiem il-“PMI”). (REQ A 11)

9        Fid-29 ta’ Lulju 2013, ġiet ippubblikata dikjarazzjoni tal-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-kummerċ (memo/13/730), dwar is-soluzzjoni bonarja li ntlaħqet fil-kawża relatata mal-pannelli solari bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina.

10      Wara komunikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tal-offerta ta’ impenn tad-29 ta’ Lulju 2013, EU ProSun ressqet, fl-1 ta’ Awwissu 2013, l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-offerta.

11      Fit-2 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċizjoni 2013/423/UE, li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l‑importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli u wejfers) li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 209, p. 26) minn grupp ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, flimkien maċ-CCCME, u li huma elenkati fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni.

12      Il-premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2013/423 jindikaw li l-produtturi-esportaturi Ċiniżi elenkati fl-anness impenjaw ruħhom li josservaw il-PMI għall-moduli fotovoltajċi u għall-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli u wejfers) u li huma pproponew li jiggarantixxu li l-volum ta’ importazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-impenn jiġi stabbilit f’livell annwali li jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-prestazzjoni tagħhom fis-suq fil-mument tal-formulazzjoni tal-offerta. Barra minn hekk, mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2013/423 jirriżulta li dazju antidumping provviżorju ser jinġabar fuq l-importazzjoni li jaqbżu l-imsemmi volum annwali.

13      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2013, tat-2 ta’ Awwissu 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 513/2013, (ĠU L 209, p. 1), ġie adottat bil-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni 2013/423. Fost emendi oħra, huwa introduċa l-Artikolu 6 fir-Regolament Nru 513/2013, li jipprevedi, sakemm jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, li l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ddikjarati għar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera li l-fattura tagħhom tinħareġ minn kumpanniji li l-impenji tagħhom ġew aċċettati mill-Kummissjoni u li huma elenkati fl-anness tad-Deċiżjoni 2013/423 ikunu eżenti mid-dazju antidumping provviżorju stabbilit mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 513/2013.

14      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2013, l-ewwel nett, iċ-CCCME, f’isimha stess kif ukoll bħala rappreżentanta tal-produtturi-esportaturi li l-offerta tal-impenn iniżjali tagħhom kienet ġiet aċċettata, talbet lill-Kummissjoni taċċetta t-termini ta’ dan impenn bil-għan li jiġu eliminati wkoll l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett tas-sussidji. It-tieni nett, hija talbet, bħala rappreżentanta ta’ ċertu numru ta’ produtturi-esportaturi oħra, li jiġu inklużi dawn tal-aħħar fil-lista ta’ impriżi li l-offerta tal-impenn tagħhom kienet ġiet aċċettata. Fl-aħħar nett, hija informatha li kienet qiegħda titlob reviżjoni tal-impenn biex titqies l-esklużjoni tal-wejfers mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni.

15      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni informat lill-EU ProSun li abbozz ta’ deċiżjoni, li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-silikon kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif ukoll il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-offerta tal-impenn emendata kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni fil-fajl mhux kunfidenzjali. EU ProSun intalbet tipprovdi l-osservazzjonijiet eventwali tagħha fi żmien għaxart ijiem. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet li EU ProSun kienet ressqet matul il-proċedura. B’mod partikolari, hija informat li d-dipartimenti kienu użaw “metodoloġija, sorsi u marki differenti” sabiex jiġi eżaminat jekk l-impenn emendat kienx jipprovdi l-istess protezzjoni ta’ dazji antidumping ad valorem.

16      Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE, tal-4 ta’ Diċembru 2013, li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ antidumping u antisussidjarji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU L 325, p. 214).

17      Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE jirriżulta li, wara l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni kompliet bl-investigazzjoni dwar id-dumping, id-dannu, u l-interess tal-Unjoni kif ukoll dwar il-proċedura antisussidji mmexxija b’mod parallel, u li l-wejfers ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ investigazzjonijiet u, konsegwentement, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri definittivi.

18      Skont il-premessa 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE, l-investigazzjoni antidumping ikkonfermat il-konklużjonijiet provviżorji li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ dumping dannuż.

19      Mill-premessi 7 sa 10 u mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 jirriżulta li, wara n-notifika tal-konklużjonijiet finali tal-proċeduri antidumping u antisussidji, il-produtturi-esportaturi Ċiniżi, flimkien maċ-CCCME, ressqu komunikazzjoni bil-għan li jemendaw l-offerta ta’ impenn inizjali tagħhom. Din l-emenda fl-impenn kienet tirrigwarda l-esklużjoni tal-wejfers mill-kamp tal-investigazzjoni, il-parteċipazzjoni ta’ ċertu numru ta’ produtturi-esportaturi oħra f’dan l-impenn, u t-twessigħ tat-termini tal-impenn bil-għan li jiġu eliminati wkoll l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett tas-sussidji.

20      Ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2013/423 u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707 ġew miċħuda b’digriet tal-14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni (T-507/13, Ġabra, EU:T:2015:23), li huwa suġġett għal appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-142/15 P).

21      Il-konklużjonijiet definittivi tal-investigazzjoni jidhru fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 325, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament definittiv antidumping”).

22      Skont l-Artikolu 1 tar-regolament definittiv, ġie stabbilit dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u taċ-ċelloli tat-tip użat f’moduli jew pannelli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin li jaqgħu taħt ċerti kodiċijiet tan-Nomenklatura Doganali, li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

23      Skont l-Artikolu 3(1) tar-regolament definittiv, li huwa applikabbli għal ċerti prodotti li r-referenzi tagħhom huma speċifikati fid-dawl tan-Nomenklatura Doganali u li jiġu ffatturati minn kumpanniji li l-Kummissjoni tkun aċċettat l-impenji tagħhom u li isimhom jidhru fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, l-importazzjonijiet iddikjarati għar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera huma eżentati mid-dazju antidumping stabbilit mill-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jekk jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet.

24      L-Artikolu 3(2) tar-regolament definittiv jgħid li jitnissel dejn doganali fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera meta jiġi stabbilit li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet fl-Artikolu 3(1) ma jkunux ġew issodisfatti jew meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

26      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ressqu, bis-saħħa tal-Artikolu 278 TFUE u tal-Artikoli 104 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 3 tar-regolament definittiv, sakemm il-Qorti Ġenerali qatgħet din il-kawża.

27      Permezz tad-digriet tat-23 ta’ Mejju 2014, SolarWorld et vs Il-Kunsill (T‑141/14R, EU:T:2014:281), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni minħabba nuqqas ta’ urġenza.

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2014, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill u r-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, rispettivament, fit-30 ta’ April u fil-15 ta’ Mejju 2014.

29      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni.

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2014, Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Inc., Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Inc., Csi Cello Co. Ltd, Csi Solar Power (Iċ-Ċina), Inc. (iktar ’il quddiem, flimkien, “Canadian Solar”) u Canadian Solar EMEA GmbH talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, rispettivament, fis-17 ta’ Lulju, fit-22 ta’ Lulju u fit-8 ta’ Awwissu 2014.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2014, iċ-CCCME talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u r-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, rispettivament, fis-17 ta’ Lulju, fit-22 ta’ Lulju u fit-8 ta’ Awwissu 2014.

32      Permezz ta’ żewġ digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2014, Canadian Solar u ċ-CCCME ġew awtorizzati jintervjenu, filwaqt li t-talba għal intervent ta’ Canadian Solar EMEA GmbH ġiet miċħuda fuq il-bażi li din tal-aħħar ma tat l-ebda prova li hija kellha interess fl-eżitu tal-kawża.

33      Permezz tal-atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-8 ta’ Awwissu u fis-6 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Canadian Solar u taċ-CCCME ta’ ċerti elementi msemmija fir-rikors u fl-annessi tiegħu, kif ukoll dawk li jinsabu fis-sottomissjonijiet tad-difiża, fir-replika u fil-kontroreplika. Iċ-CCCME ddikjarat li ma kellhiex oġġezzjoni. Canadian Solar ma għamlet l-ebda osservazzjoni.

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Registru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill talab li dan ir-rikors jiġi mehmuż ma’ dak tal-Kawża T-142/14, SolarWorld et vs Il-Kunsill, għall-finijiet tal-proċedura orali u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza. Ir-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub dwar din it-talba fit-13 ta’ Ottubru 2015.

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2015, Canadian Solar iddikjarat li kienet qed tirtira l-intervent tagħha f’din il-kawża. Permezz ta’ messaġġi elettroniċi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 u fid-9 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni u l-Kunsill informaw, rispettivament, li huma ma kellhomx osservazzjoni dwar l-irtirar ta’ Canadian Solar. La r-rikorrenti u lanqas iċ-CCCME ma ressqu osservazzjoni.

36      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata li r-rikors huwa ammissibbli u fondat;

–        tannulla l-Artikolu 3 tar-regolament definittiv (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”);

–        tgħaqqad din il-kawża mal-Kawża T-507/13, SolarWorld et vs Il‑Kummissjoni;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha;

–        tikkundanna lill-Canadian Solar u liċ-CCCME jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

37      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tgħaqqad din il-kawża mal-Kawża T-142/14, SolarWorld et vs Il‑Kunsill;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti minnha.

39      Iċ-CCCME titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ t-talbiet tal-Kunsill, jiġifieri tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

40      Canadian Solar titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti minnha.

 Id-dritt

41      Bis-saħħa tal-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, ex officio, u wara li tisma’ lill-partijiet prinċipali, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat għall-finijiet ta’ inammissibbiltà abbażi tal-ordni pubbliku.

42      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u tqis, għalhekk, li hemm lok li tittieħed deċiżjoni mingħajr ma tkompli bil-proċedura.

43      Mingħajr ma ppreżenta l-ebda eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, qajjem żewġ motivi ta’ inammissibbiltà tar-rikors. Min-naħa, id-dispożizzjoni kkontestata ma tistax tiġi sseparata mir-regolament definittiv. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma għandhomx il-locus standi, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, għaliex la huma direttament u lanqas individwalment ikkonċernati u ma jistgħux jistrieħu fuq l-ipoteżi prevista mill-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE biex jiġi rrikonoxxut lilhom il-locus standi.

44      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rikorrenti qed jitolbu l-annullament tal-unika dispożizzjoni kkontestata, jiġifieri l-Artikolu 3 tar-regolament definittiv. Id‑dispożizzjoni kkontestata tipprevedi, fil-paragrafu 1 tagħha, li l-Kunsill jeżenta mid-dazju antidumping stabbilit mill-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet, l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti li r-referenzi tagħhom huma speċifikati fid-dawl tan-Nomenklatura Doganali, u li jiġu ffatturati minn kumpanniji li l-Kummissjoni tkun aċċettat l-impenn tagħhom u li isimhom jidher fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707.

45      B’mod partikolari, għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà li tqajjem, jiġifieri l-assenza tan-natura separabbli tad-dispożizzjoni kkontestata.

46      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u miċ-CCCME, isostni li d-dispożizzjoni kkontestata hija indissoċjabbli mill-kumplament tar-regolament definittiv u li ma tistax tiġi sseparata, peress li l-annullament tagħha jemenda l-istess sustanza tar-regolament. Ir-regolament definittiv jiddependi fuq l-effett ekonomiku tal-miżuri adottati kollha flimkien. Jekk id-dazji antidumping kellhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet kollha, il-miżura tkun sinifikattivament differenti minn dik adottata, filwaqt li ma huwiex ċert li regolament li jistabbilixxi d-dazji antidumping b’rabta mal-importazzjonijiet kollha kienx jiġi adottat. Fil-kontrareplika, il-Kunsill jallega li r-rikorrenti ma ħadux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jżid b’mod sostanzjali n-numru ta’ importazzjonijiet li fuqhom jinġabru d-dazji antidumping, u b’hekk ibiddel l-istabbiliment parzjali tad-dazji antidumping fi stabbiliment sħiħ, li jwassal għal emenda sostanzjali fir-regolament definittiv.

47      Ir-rikorrenti jqisu li l-artikoli kollha tar-regolament definittiv jistgħu jkunu applikabbli mingħajr id-dispożizzjoni kkontestata u li huma ma humiex ambigwi, ħaġa li tirrendi inutli l-interpretazzjoni tagħhom b’riferiment għall-premessi fl-imsemmi regolament. Huma jinsistu fuq il-fatt li xejn fir-regolament definittiv ma jagħmel l-impożizzjoni tad-dazju antidumping dipendenti fuq id-dispożizzjoni kkontestata, peress li l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-PMI għal livell ta’ importazzjoni hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni kkontestata tistax tiġi sseparata. Huma jqisu wkoll li r-rieda tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi ma taffettwax dan il-punt, peress li, għall-kuntrarju, l-impożizzjoni tad-dazju antidumping ma tiddependix fuq il-ftehim tal-produtturi-esportaturi kkonċernati u l-impenn innifsu li huma joffru jiddependi fuq il-ftehim tal-Kummissjoni. Huma jinnotaw li l-impenn offrut ma kienx kundizzjoni għall-adozzjoni tar-regolament definittiv.

48      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss meta l-elementi li fuqhom jintalab l-annullament ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-kumplament tal-att (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑29/99, Ġabra, EU:C:2002:734, punt 45; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-239/01, Ġabra, EU:C:2003:514, punt 33, u tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑244/03, Ġabra, EU:C:2005:299, punt 12).

49      Bl-istess mod, ġie deċiż ripetutament li r-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jemenda s-sustanza tal-att (sentenza Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2005:299, punt 13; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2002:734, punt 46, u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2003:514, punt 34).

50      Ġie deċiż ukoll illi l-kwistjoni dwar jekk annullament parzjali jemendax is-sustanza tal-att ikkontestat tikkostitwixxi kriterju oġġettiv, u mhux kriterju suġġettiv marbut mal-intenzjoni politika tal-awtorità li tkun adottat l-imsemmi att (sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2003:514, punt 37; Franza vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, EU:C:2005:299, punt 14, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C-36/04, Ġabra, EU:C:2006:209, punt 14).

51      Barra minn hekk, il-verifika tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet li tagħhom jintalab l-annullament tippreżupponi l-eżami tal-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom ibiddilx l-ispirtu u s-sustanza tal-att li jinsabu fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C-505/09 P, Ġabra, EU:C:2012:179, punt 112, u d-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2014, Carbunión vs Il‑Kunsill, C-99/14 P, EU:C:2014:2446, punt 30).

52      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex dissoċjabbli mill-kumplament tar-regolament definittiv u tistax, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

53      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu mar-rikorrenti dwar l-effetti tal-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata fuq ir-regolament definittiv. Annullament bħal dan jista’ jwassal biex jiġu applikati d-dazji antidumping fl-importazzjonijiet kollha li jintbagħtu minn produtturi-esportaturi Ċiniżi li jkunu offrew l-impenn aċċettat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707. L‑Artikolu 2 tal-offerta ta’ impenn tas-27 ta’ Lulju 2013, ippreżentata miċ-CCCME, jipprevedi l-iffissar tal-PMI għal moduli u għaċ-ċelloli sa ċertu livell annwali, filwaqt li l-Artikolu 2(2) jippreċiża li l-bejgħ fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-impenn huwa suġġett għal dazju antidumping. L-Artikolu 1(2) tar-regolament definittiv jistabbilixxi r-rati fissi speċifiċi tad-dazju antidumping għal produtturi-esportaturi Ċiniżi msemmija individwalment, li minnhom kważi kollha daħlu għall-impenn aċċettat, kif ukoll r-rati differenti għat-tliet gruppi ta’ kumpanniji mhux identifikati.

54      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jista’ jġib miegħu tibdil fl-effetti tar-regolament definittiv, billi l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li ġej minn produtturi-esportaturi Ċiniżi li daħlu għall‑impenn ma jibqax eżentat, sa ċerti limiti annwali, mid-dazji antidumping previsti fl-Artikolu 1(2) tiegħu. Jekk tintlaqa’ t-talba għall-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata, mill-eżami tal-portata tad-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispirtu u s-sustanza stess tar-regolament definittiv jinbidlu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Estonja, iċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq, EU:C:2012:179, punt 112, u d-digriet tal-11 ta’ Diċembru, Carbunión vs Il‑Kunsill, iċċitat fil-punt 51 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2446, punt 30).

55      Fil-fatt, id-dispożizzjoni kkontestata tagħti, sa ċertu limitu kwantitattiv, eżenzjoni mid-dazji antidumping lil operaturi ekonomiċi msemmija individwalment, dment li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li hija tipprevedi li jiġu osservati. L-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jkollu bħala konsegwenza, filwaqt li jneħħi l-eżenzjoni tad-dazji applikabbli f’dan il-limitu kwantitattiv, li jagħti portata iktar wiesgħa lid-dazji antidumping minn dik tal-applikazzjoni tar-regolament definittiv kif adottat mill-Kunsill, peress li, f’din l-ipotezi, l-imsemmija dazji jolqtu l-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat li ġej miċ-Ċina, filwaqt li, fl-applikazzjoni tal-imsemmi regolament kollu kemm hu, dawn id-dazji jolqtu biss l-importazzjonijiet li jintbagħtu minn esportaturi Ċiniżi li ma jkunux daħlu għall-impenn aċċettat mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707, liema importazzjonijiet jikkorrispondu, skont il-partijiet, għal 30% tal-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat. Riżultat bħal dan jikkostitwixxi tibdil fis-sustanza tal-att li fih tidħol id-dispożizzjoni li fuqha l-annullament qed jintalab, hawn imsemmi r-regolament definittiv.

56      Sa ċertu punt, il-konsegwenzi tal-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata jistgħu jitqabblu ma dawk li l-qorti tal-Unjoni ħadet inkunsiderazzjoni biex tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet li fuqhom l-annullament intalab ma kinux separabbli mill-kumplament tal-atti li fihom huma kienu jinsabu.

57      L-ewwel nett, din hija l-ipoteżi li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli rikors ippreżentat kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva dwar il-projbizzjoni totali ta’ reklamar favur il-prodotti tat-tabakk, għar-raġuni li l-annullament kien ikollu l-effett li jdawwar projbizzjoni totali ta’ reklamar fi projbizzjoni parzjali (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra, EU:C:2000:544, punt 117). It-tieni nett, dan jirrigwarda l-ipoteżi li tgħid li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli rikors ippreżentat kontra l-inklużjoni ta’ sit bħala sit ta’ importanza Komunitarja fl-anness ta’ direttiva sa fejn l-inklużjoni kienet tkopri sit fl-ibħra territorjali ta’ Ġibiltà, għar-raġuni li l-annullament kien jeżiġi li jiġi emendat is-sit ta’ importanza Komunitarja, u għalhekk, is-sustanza tad-deċiżjoni tal-inklużjoni (digriet tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Gvern ta’ Ġibiltà vs Il‑Kummissjoni, T-176/09, EU:T:2011:239, punti 38 sa 41, ikkonfermata bid-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Il‑Gvern ta’ Ġibiltà vs Il‑Kummissjoni, C-407/11 P, EU:C:2012:464, punti 30 sa 35). It-tielet nett, dan jirrigwarda l-ipoteżi li tgħid li l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli rikors ippreżentat kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li tinkludi sustanza attiva fl-anness ta’ direttiva dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti, għar-raġuni li l-annullament kien ikollu bħala effett li jbiddel l-inkluzjoni ta’ sustanza limitata għal perijodu ta’ żmien u għal ċerti kulturi f’inklużjoni mingħajr limitazzjoni ta’ żmien u għall-kulturi kollha, billi l-Qorti Ġenerali tkun ħadet inkunsiderazzjoni li l-għanijiet tas-sistema tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u l-limitazzjonijiet kkontestati jikkostitwixxu kundizzjonijiet mandatorji u essenzjali fl-inklużjoni ta’ sustanza fl-anness inkwistjoni [sentenza tat-12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (Franża) et vs Il-Kummissjoni, T-31/07, EU:T:2013:167, punt 85]. Ir-raba’ nett, din tirrigwarda l-ipoteżi li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat kontra d-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, għar-raġuni li l-annullament kien ikollu bħala effett li jbiddel l-aċċettazzjoni ta’ għajnuna lill-impriżi limitata fiż-żmien għall-aċċettazzjoni mingħajr limitu temporanju (digriet Carbunión vs Il‑Kunsill, iċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2446, punt 31). Issa, is-sitwazzjonijiet li nħolqu mill-annullament ta’ dispożizzjonijiet ikkontestati f’dawn il-kawżi differenti huma simili għal dik li għalija kienet twassal l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata.

58      Fil-fatt, li kieku annullat id-dispożizzjonijiet dak iż-żmien ikkontestati, il-qorti tal-Unjoni kien ikollha tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri inklużi fl-atti li kellhom id-dispożizzjonijet li kienu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Minn dan huwa kkonkluda li l-modifiki indikati mill-annullament tad-dispożizzjonijiet dak iż-żmien ikkontestati kienu jippreġudikaw is-sustanza tal-atti li kienu jinkluduhom.

59      Għaldaqstant, minħabba t-tibdil fis-sustanza tar-regolament definittiv li jwassal għall-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata, li tneħħi l-eżenzjoni ta’ dazji antidumping li minnhom jibbenefikaw l-importazzjonijiet tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi li kienu daħlu għall-impenn aċċettat mill-Kummissjoni, id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex dissoċjabbli mill-kumplament ta’ dan ir-regolament.

60      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti, esposti fil-punt 47 iktar ’il fuq, ma humiex ta’ natura li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni dwar l-indissoċjabbiltà tad-dispożizzjoni kkontestata. Fil-fatt, il-kwistjoni ta’ jekk l-artikoli kollha jistgħux jiġu applikati mingħajr id-dispożizzjoni kkontestata ma għandux rilevanza għall-evalwazzjoni tal-portata tal-emenda li saret fl-imsemmi regolament fil-każ ta’ annullament ta’ din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni li għandha tkun it-test li jistabbilixxi jekk is-sustanza tal-att ġuridiku li jinkludi d-dispożizzjonijiet li fuqhom l-annullament mitlub hijiex mibdula. L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanża li l-artikoli tar-regolament definittiv ma jkunux ambigwi, ħaġa li tirrendi inutli l-interpretazzjoni tagħhom fid-dawl tal-premessi, għar-raġuni li xejn fir-regolament definittiv ma jissuġġetta l-impożizzjoni tad-dazji antidumping għad-dispożizzjoni kkontestata u għar-raġuni li l-impenn offrut ma kienx kundizzjoni għall-adozzjoni tar-regolament definittiv. L-ebda waħda minn dawn is-sottomissjonijiet ma hija ta’ natura li tqiegħed fid-dubju l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 55 iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata kien ikollu l-konsegwenza li jagħti portata iktar wiesgħa lid-dazji antidumping stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-regolament definittiv minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament li kien ġie adottat mill-Kunsill, li jikkostitwixxi, mingħajr dubju, tibdil fis-sustanza tar-regolament definittiv.

61      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li d-dispożizzjoni kkontestata li ma hijiex dissoċjabbli mir-regolament definittiv. Għalhekk, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni la dwar it-talba biex jingħaqqad dan ir-rikors mal-Kawża T-507/13, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, u mal-Kawża T-142/14, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, u lanqas dwar it-talba għal miżuri ta’ organizazzjoni tal-proċedura sabiex jiġi eżaminat jekk l-intervent ta’ Canadian Solar ma għadux ammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

62      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok, kif mitlub mill-Kunsill, li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

63      Skont l-Artikolu 136(1) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk il-parti l-oħra tagħmel talba f’dan is-sens fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti u, fin-nuqqas ta’ talba dwar l-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

64      Peress li ma saret l-ebda talba dwar l-ispejjeż marbuta mat-talba għal intervent ta’ Canadian Solar, għandu jiġi deċiż li din tal-aħħar għandha tbati l-ispejjeż tagħha u li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mal-imsemmija talba għal intervent.

65      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

66      Skont l-Artikolu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Hemm lok għaldaqstant li jingħad li ċ-CCCME għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Inc., Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Inc., Csi Cells Co. Ltd u Csi Solar Power (iċ-Ċina), Inc. għandhom jitħassru mill-Kawża T-141/14 fil-kwalità tagħhom ta’ intervenjenti.

3)      SolarWorld AG, Brandoni solare SpA u Solaria Energia y Medio Ambiente, SA huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea, Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Inc., Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Inc., Csi Cells Co. Ltd, Csi Solar Power (Iċ-Ċina), Inc. u ċ-China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Frar 2016.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       A. Dittrich


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.