Language of document : ECLI:EU:T:2016:67

Kawża T‑141/14

SolarWorld AG et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Dumping – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u tal-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw jew li jintbagħtu miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Eżenzjoni ta’ importazzjonijiet li huma suġġetti għal impenn aċċettat – Indissoċjabbiltà – Inammissibbiltà”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-1 ta’ Frar 2016

1.      Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati – Kriterju oġġettiv

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati – Dispożizzjoni ta’ regolament tal-Kunsill li teżenta minn dazji antidumping lil ċerti importazzjonijiet li huma suġġetti għal impenn aċċettat mill-Kummissjoni – Annullament li jagħti lok għal bidla fis-sustanza tar-regolament – Kundizzjoni mhux sodisfatta

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1238/2013, Artikoli 1(2) u 3)

1.      L-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss meta l-elementi li fuqhom jintalab l-annullament ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-kumplament tal-att. Dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma jkunx sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jemenda s-suġġett tal-att. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk annullament parzjali jemendax is-sustanza tal-att ikkontestat tikkostitwixxi kriterju oġġettiv, u mhux kriterju suġġettiv marbut mal-intenzjoni politika tal-awtorità li tkun adottat l-imsemmi att.

Barra minn hekk, il-verifika tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet li tagħhom jintalab l-annullament tippreżupponi l-eżami tal-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom ibiddilx l-ispirtu u s-sustanza tal-att li jinsabu fih

(ara l-punti  48-51)

2.      Għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli rikors għal annullament dirett kontra l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1238/2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin tagħhom (ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Fil-fatt, l-annullament ta’ dan l-artikolu, li jeżenta minn dazji antidumping l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li ġej minn produtturi-esportaturi Ċiniżi li daħlu għal impenji fil-prezzijiet, jagħti lok għal bidla fl-effetti tar-Regolament Nru 1238/2013, peress li l-imsemmija importazzjonijiet ma jiġux eżentati iżjed, f’ċerti limiti annwali, mid-dazji antidumping previsti mill-Artikolu 1(2) tiegħu. Jekk tintlaqa’ t-talba għall-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata, mill-eżami tal-portata tad-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispirtu u s-sustanza stess tar-Regolament Nru 1238/2013 jinbidlu.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1238/2013 jagħti, sa ċertu limitu kwantitattiv, eżenzjoni mid-dazji antidumping lil operaturi ekonomiċi msemmija individwalment, dment li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li hija tipprevedi li jiġu osservati. L-annullament ta’ dan l-artikolu jkollu bħala konsegwenza, filwaqt li jneħħi l-eżenzjoni tad-dazji applikabbli f’dan il-limitu kwantitattiv, li jagħti portata iktar wiesgħa lid-dazji antidumping minn dik tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1238/2013 kif adottat mill-Kunsill, peress li, f’din l-ipotezi, l-imsemmija dazji jolqtu l-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat li ġej miċ-Ċina, filwaqt li, fl-applikazzjoni tal-imsemmi regolament kollu kemm hu, dawn id-dazji jolqtu biss l-importazzjonijiet li jintbagħtu minn esportaturi Ċiniżi li ma jkunux daħlu għall-impenn aċċettat mill-Kummissjoni. Riżultat bħal dan jikkostitwixxi tibdil fis-sustanza tal-att li fih tidħol id-dispożizzjoni li fuqha l-annullament qed jintalab.

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-artikoli kollha tar-Regolament Nru 1238/2013 jistgħux japplikaw mingħajr l-Artikolu 3 ma għandux rilevanza għall-evalwazzjoni tal-portata tal-emenda li saret fl-imsemmi regolament fil-każ ta’ annullament ta’ din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni li għandha tkun it-test li jistabbilixxi jekk is-sustanza tal-att ġuridiku li jinkludi d-dispożizzjonijiet li fuqhom l-annullament mitlub hijiex mibdula. L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanża li l-artikoli tar-Regolament Nru 1238/2013 ma jkunux ambigwi, ħaġa li tirrendi inutli l-interpretazzjoni tagħhom fid-dawl tal-premessi, għar-raġuni li xejn fl-imsemmi regolament ma jissuġġetta l-impożizzjoni tad-dazji antidumping għall-Artikolu 3 u għar-raġuni li l-impenn offrut ma kienx kundizzjoni għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1238/2013.

(ara l-punti 54, 55, 60, 61)