Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Marzu 2013 - HK Intertrade vs Il-Kunsill

(Kawża T-159/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: HK Intertrade Co. Ltd (Wanchai, Ħong Kong) (rappreżentanti: J. Grayston, Solicitor, P. Gjørtler, G. Pandey, D. Rovetta, N. Pilkington u D. Sellers, lawyers)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta' Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 71), u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta' Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 55), sa fejn l-atti kkontestati jikkonċernaw lir-rikorrenti; u,

tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż ta' din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha li jikkonċernaw il-ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali, kif ukoll ksur tat-Trattati u tar-regoli tad-dritt li jikkonċernaw l-applikazzjoni tagħhom: ksur tad-dritt għal smigħ, ksur tal-obbligu ta' notifika, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tad-drittijiet tad-difiża u żball manifest ta' evalwazzjoni.

Ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill naqas milli jisma' lir-rikorrenti u kiser l-obbligu tiegħu li jinnotifika lir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kunsill naqas milli jagħti motivazzjoni suffiċjenti, liema nuqqas ġie inkrementat bin-nuqqas tal-Kunsill li jwieġeb għat-talbiet tar-rikorrenti għal aċċess għal dokumenti u għal żvelar ġenerali. Permezz ta' dawn in-nuqqasijiet, il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, li ġiet imċaħħda l-possibbiltà li targumenta b'mod effettiv kontra l-konstatazzjonijiet tal-Kunsill, ġaladarba dawn il-konstatazzjonijiet ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti. Bil-kontra tal-allegazzjoni tal-Kunsill, ir-rikorrenti ma hijiex "kumpannija fittizja ta' kopertura" għan-National Iranian Oil Company (NIOC), u fi kwalunkwe każ il-Kunsill ma ssostanzjax l-argument li s-sempliċi fatt li r-rikorrenti ġiet stabbilita bħala sussidjarja ta' NIOC huwa suffiċjenti sabiex jinħoloq benefiċċju ekonomiku għall-Istat Iranjan kontra l-għan tal-miżuri kkontestati. Barra minn hekk, il-Kunsill kiser b'mod ċar id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u fl-aħħar nett wettaq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni.

____________