Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 taʼ Frar 2013 - Oil Pension Fund Investment Company vs Il-Kunsill

(Kawża T-121/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Oil Pension Fund Investment Company (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: K. Kleinschmidt, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, b'effett immedjat, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta' Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta' Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tadotta miżura ta' organizzazzjoni tal-proċeduri taħt l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tordna lill-konvenut jipproduċi d-dokumenti kollha dwar id-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, tad-dritt tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

F'dan il-kuntest, fost affarijiet oħra, qiegħed jiġi allegat li lir-rikorrenti ma ġietx ikkomunikata, b'mod komprensibbli, il-motivazzjoni li tinsab fl-atti inkwistjoni u li l-konvenuta lanqas ma infurmat lir-rikorrenti separatament dwar motivazzjoni komprensibbli. Għal dawn ir-raġunijiet hemm ksur tad-dritt tad-difiża tagħha kif ukoll tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, hemm ukoll ksur tal-prinċipju ta' drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti tilmenta li l-konvenuta ma nnotifikathiex bl-atti kkontestati u li ma seħħ l-ebda smigħ. Barra minn hekk, argumentat ukoll li l-konvenut ma eżaminax korrettament iċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw ir-rikorrenti. Ir-rikorrenti hija tal-fehma li ġiet miċħuda minn proċess ġust skont ir-regola tad-dritt minħabba li ma kinitx informata bl-akkużi fir-rigward tagħha u bil-provi prodotti mill-Kunsill, ma setgħetx tesprimi ruħa dwarhom u lanqas tipproduċi provi kontra dan.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta adotta l-atti kkontestati. Il-Kunsill stabbilixxa b'mod inadegwat u żbaljat il-fatti li fuqhom huma bbażati l-atti kkontestati. F'dan ir-rigward, hija fost affarijiet oħra ssostni li r-raġunijiet imsemmija fl-atti kkontestati sabiex jiġu adottati l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti ma humiex eżatti. Għaldaqstant, l-atti kkontestati jiksru wkoll il-prinċipju ta' proporzjonalità.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

F'dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati jiksru d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p 389) (iktar 'il quddiem il-"Karta tad-Drittijiet Fundamentali"). F'dan ir-rigward, tallega l-ksur tal-libertà tal-impriża fl-Unjoni Ewropea (Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u tad-dritt għall-użu tal-proprjetà akkwistata minnhom legalment fl-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari li tiddisponi minnhom liberament (Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali (Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) u tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni (Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

____________