Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 taʼ Frar 2013 - Whirlpool Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-118/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Whirlpool Europe BV (Breda, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: F. Wijckmans u H. Burez, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta' Lulju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat ta' Franza favur l-impriża FagorBrandt [SA.23839 Nru C-44/2007];

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta' Lulju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat ta' Franża favur l-impriża FagorBrandt [SA.23839 Nru°C44/2007].

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE u l-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà. Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożittiv tad-deċiżjoni huwa żbaljat skont il-liġi minħabba l-fatt li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet (kumulattivi) tal-linji gwida msemmija iktar ʼil fuq ma humiex sodisfatti jew li, f'kull każ, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi li kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija sodisfatta. L-argumenti invokati insostenn ta' tali motiv jirrigwardaw in-nuqqas ta' osservanza (i) tal-obbligu li tiġi evalwata waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet tal-linji gwida msemmija iktar ʼil fuq sad-data tad-deċiżjoni; (ii) tal-kundizzjoni ta' "l-ewwel u l-aħħar darba ˮ; (iii) tal-kundizzjoni li għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma għandhiex isservi sabiex iżżomm l-impriżi attivi b'mod artifiċjali; (iv) tal-kundizzjoni dwar l-evalwazzjoni ta' għajnuna illegali preċedenti; (v) tal-kundizzjoni li l-kumpannija li tibbenefika mill-għajnuna trid tkun kumpannija f'diffikultà; (vi) tal-kundizzjoni li l-kumpannija li tibbenfika mill-għajnuna ma tridx tkun kumpannija li għadha kemm ġiet inkorporata; (vii) tal-kundizzjonai li l-kumpannija li tibbenfika mill-għajnuna għandha tkun tista' terġa' tikseb il-vijabbiltà fit-tul tagħha; (viii) tal-kundizzjoni li jiġu imposti miżuri ta' kumpens sabiex tiġi evitata distorsjoni indebita li tirriżulta mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, u (ix) tal-kundizzjoni li l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu u li l-grupp kummerċjali għandu jagħmel kontribuzzjoni reali (ħielsa minn kull għajnuna).

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tikser l-obbligu ta' motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE b'diversi modi. Ir-rikorrenti ssostni b'mod partikolari li d-deċiżjoni ma hijiex suffiċjentement motivata għal dak li jirrigwarda (i) il-kundizzjoni li jiġu imposti miżuri ta' kumpens sabiex tiġi evitata distorsjoni indebita li tirriżulta mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, u (ii) obbligu li tiġi rrimborsata l-għajnuna illegali preċedenti.

____________