Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta' Frar 2013 minn Giorgio Lebedef mid-digriet mogħti fit-12 ta' Diċembru 2012 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-109/11, Lebedef vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-117/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Giorgio Lebedef (Senningerberg, il-Lussemburgu) (rapprezentant: F. Frabetti, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-109/11, Lebedef vs Il-Kummissjoni li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-karriera tar-rikorrent għall-perijodu 01.01.2009-31.12.2009 u b'mod iktar preċiż il-parti tar-rapport stabbilit mill-EUROSTAT għal dak l-istess perijodu;

tilqa' t-talbiet tar-rikorrent imressqa fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, tirrinvijja l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż u tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea għal ħlas tagħhom.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt aggravji li fosthom l-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt aggravju huma essenzjalment identiċi jew simili għal dawk invokati fil-kuntest tal-Kawża T-116/13 P, Lebedef vs Il-Kummissjoni.

Ir-raba' aggravju huwa bbażat fuq żball ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li r-rapport li jkopri l-attività tar-rikorrent fi ħdan organizzazzjoni sindakali jew professjonali (ir-rapport OSP) kellu jkun sempliċement dokument anness mar-rapport li jikkonċerna il-funzjonijiet tar-rikorrent fi ħdan l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) (li jikkonċerna l-punti 68 sa 70 tad-digriet ikkontestat).

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-appellant, ikkonstata li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jattakka r-rapporti tiegħu ta' evalwazzjoni tal-karriera ta' qabel l-2009 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtihx il-promozzjoni (li jikkonċerna l-punti 74 u 75 tad-digriet ikkontestat).

____________