Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta' Frar 2013 minn Giorgio Lebedef mid-digriet mogħti fit-12 ta' Diċembru 2012 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-70/11, Lebedef vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-116/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Giorgio Lebedef (Senningerberg, il-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Frabetti, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-70/11, Lebedef vs Il-Kummissjoni li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-karriera tar-rikorrent għall-perijodu 01.01.2008-31.12.2008 u b'mod iktar preċiż il-parti tar-rapport stabbilit mill-EUROSTAT għal dak l-istess perijodu;

tilqa' t-talbiet tar-rikorrent imressqa fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, tirrinvijja l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż u tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea għal ħlas tagħhom.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba' aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li r-rikorrent ma kienx innominat sabiex jipparteċipa f'laqgħat u li l-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmija laqgħat kienet koperta mill-eżenzjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu għal nofs il-ħin lavorattiv għal finijet sindakali li kien jibbenefika minna (li jikkonċerna l-punti 41 sa 45 tad-digriet ikkontestat).

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li s-sistema speċifika għall-evalwazzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal tkopri l-attivitajiet sindakali kollha u peress li interpreta b'mod żbaljat ir-raġunijiet li abbażi tagħhom ir-rikorrent ma kienx qiegħed jaħdem għad-dipartiment li kien assenjat fih, biex b'hekk ikkonkluda li r-rikorrent ma setgħax jikkontesta l-kompetenza tal-evalwaturi (li jikkonċerna l-punti 50 u 51 tad-digriet ikkontestat).

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku beda minn kunsiderazzjonijiet żbaljati li jirrigwardaw b'mod partikolari l-awtorizzazzjoni tal-evalwaturi li jevalwaw lir-rikorrent sempliċement abbażi tax-xogħol tiegħu għad-dipartiment li kien assenjat fih u li jirrigwardaw ukoll il-fatt li r-rikorrent kien ipprevalixxa ruħu mill-eżenzjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu għal nofs il-ħin lavorattiv għal finijiet sindakali sabiex jiġġustifika l-fatt li ma kienx ħadem għad-dipartiment li kien assenjat fih (li jikkonċerna l-punti 59 u 60 tad-digriet ikkontestat)

Ir-raba' aggravju huwa bbażat fuq żball ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda li l-fatti tal-kawża odjerna huma differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta' Mejju 2008, Lebedef vs Il-Kummissjoni (F-36/07, ĠabraSP p. I-A-1-00143 u II-A-1-00759) u li l-livell ta' prestazzjoni IV seta', ġustament, jiġi attribwit lir-rikorrent (li jikkonċerna l-punti 69 sa 70 tad-digriet ikkontestat).

____________