Language of document : ECLI:EU:F:2008:112

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

11 ta’ Settembru 2008


Kawża F-51/07


Philippe Bui Van

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grad u fi skala – Klassifikazzjoni irregolari – Irtirar ta’ att ivvizzjat b’illegalità – Aspettattivi leġittimi – Terminu raġonevoli – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal amministrazzjoni tajba”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Bui Van qed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Ottubru 2006, li tikklassifikah mill-ġdid fil-grad AST 3, skala 2, meta inizjalment kien ġie kklassifikat fil-grad AST 4, skala 2, u tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tal-5 ta’ Marzu 2007, li ċaħdet l-ilment tiegħu, kif ukoll l-għoti ta’ euro simboliku bħala kumpens għad-danni morali allegatament subiti.

Deċiżjoni: Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 1 500 għad-danni. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż tar-rikorrent.


Sommarju

1.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Irtirar – Atti illegali – Kundizzjonijiet – Terminu raġonevoli – Kalkolu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

3.      Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))


1.      Għalkemm għandu jiġi rikonoxxut favur kull istituzzjoni Komunitarja li tikkonstata li l-att li għadha kemm adottat huwa vvizzjat minn illegalità d-dritt li tirtirah f’terminu raġonevoli bl-effett retroattiv marbut ma’ tali rtirar, dan id-dritt jista’ jiġi limitat mill-ħtieġa li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jafda fil-legalità tiegħu, meta ma jkunx ipprovoka l-adozzjoni tiegħu permezz ta’ indikazzjonijiet foloz jew inkompleti. F’dan ir-rigward, id-data rilevanti sabiex jingħata bidu għall-aspettattivi leġittimi tad-destinatarju ta’ att amministrattiv hija dik tan-notifikazzjoni tal-att u mhux dik tal-adozzjoni jew l-irtirar tiegħu.

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed spunt mill-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-irkupru ta’ ħlas indebitu mill-amministrazzjoni, stipulati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-kundizzjoni li l-irregolarità tal-ħlas tkun evidenti.

Barra minn hekk, anki meta d-destinatarju tal-att illegali jkollu aspettattivi leġittimi, interess pubbliku perentorju, b’mod partikolari dak tal-amministrazzjoni tajba u l-protezzjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-istituzzjoni, jista’ jkun tali li jipprevali fuq l-interess tal-benefiċjarju biex tinżamm fis-seħħ sitwazzjoni li huwa seta’ jikkunsidra bħala stabbli.

(ara l-punti 51, 53, 54, 56 u 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L‑Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, Ġabra p. 99, 159 u 160; 12 ta’ Lulju 1962, Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L‑Awtorità Għolja, 14/61, Ġabra p. 485, 516 u 518; 3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punti 10 sa 12; 26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il‑Kummissjoni, 15/85, Ġabra p. 1005, punti 12 sa 17; 20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il‑Kummissjoni, C‑248/89, Ġabra p. I‑2987, punt 20; 20 ta’ Ġunju 1991, Cargill, C‑365/89, Ġabra p. I‑3045, punt 18; 17 ta’ April 1997, De Compte vs Il‑Parlament, C‑90/95 P, Ġabra p. I‑1999, punti 35 sa 37 u 39; 17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, Ġabra p. I‑4315, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Frar 1994, Stahlschmidt vs Il‑Parlament, T‑38/93, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑227, punt 19; 5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il‑Kummissjoni, T‑205/01, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1065, punt 47; 15 ta’ Lulju 2004, Gouvras vs Il‑Kummissjoni, T‑180/02 u T‑113/03, ĠabraSP p. I‑A‑225 u II‑987, punt 110; 27 ta’ Settembru 2006, Kontouli vs Il‑Kunsill, T‑416/04, ĠabraSP p. II‑A‑2‑897, punti 161, 162 u 167; 16 ta’ Mejju 2007, F vs Il‑Kummissjoni, T‑324/04, Ġabra p. I‑0000, punt 142


2.      L-irtirar ta’ att amministrattiv illegali għandu jsir fi żmien raġonevoli, li għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, bħall-importanza tal-każ għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tiegħu, l-aġir tal-partijiet ikkonċernati, il-fatt jekk l-att inkwistjoni joħloqx drittijiet suġġettivi jew le, kif ukoll il-bilanċ tal-interessi. Bħala regola ġenerali, terminu għall-iritar li jikkorrispondi għat-terminu ta’ tliet xhur biex jintalab rimedju, previst mill-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli. Billi dan it-terminu japplika għall-amministrazzjoni nfisha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala l-punt tat-tluq, id-data tal-adozzjoni tal-att li din tal-aħħar biħsiebha tirtira.

(ara l-punti 63 u 67 sa 69)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja Snupat vs L‑Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. 159; Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L‑Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. 520; De Compte vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35; 15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 187; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Novembru 1997, Pascall vs Il‑Kummissjoni, T‑20/96, ĠabraSP p. I‑A‑361 u II‑977, punti 72 u 77; 5 ta’ Diċembru 2000, Gooch vs Il‑Kummissjoni, T‑197/99, ĠabraSP p. I‑A‑271 u II‑1247, punt 53; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punt 66; Kontouli vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 161


3.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tinfetaħ kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lilha jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat anki jekk ma tkun teżisti ebda leġiżlazzjoni dwar il-proċedura inkwistjoni. Dan il-prinċipju, li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-fatturi li jistgħu jintużaw kontriha fl-att li jkun se jiġi adottat. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000, jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba “jinkludi […] id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament […]”.

Madankollu, mhux kull vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tiġi ppenalizzata bl-annullament tal-att ikkontestat. Dan japplika meta l-illegalità ma setgħetx tinfluwenza l-kontenut tal-imsemmi att. Illegalità li tikkostitwixxi żball amministrattiv, tista’ madankollu tiġġustifika l-għoti ta’ kumpens.

B’hekk, uffiċjal li ma jkunx instema’ mill-amministrazzjoni qabel ma tadotta deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, isofri dannu morali bħala riżultat tas-sensazzjoni li jkun sab ruħu quddiem fait accompli u għalhekk għandu jingħata kumpens xieraq.

(ara l-punti 72 sa 74, 81, 84 u 92 sa 94)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27; 14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 31; 21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 48; 3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99; 5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punti 99 u 101; Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 318 u 324; 9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punti 37 u 38; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il‑Kummissjoni, T‑372/00, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑223, punt 31; 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il‑Kummissjoni, T‑277/03, ĠabraSP p. I‑A‑57 u II‑243, punt 64