Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Awwissu 2013 – Arrow Group u Arrow Generics vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-467/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Arrow Group ApS (Roskilde, id-Danimarka) u Arrow Generics Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Kon, C. Firth, u C. Humpe, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3803 finali, tad-19 ta’ Ġunju 2013, fil-Każ COMP/39226 – Lundbeck, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Arrow ; jew

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3803 finali, tad-19 ta’ Ġunju 2013, fil-Każ COMP/39226 – Lundbeck, sa fejn jimponi multa fuq Arrow skont il-Ftehim Brittaniku u Daniż ; jew

iktar sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3803 finali, tad-19 ta’ Ġunju 2013, fil-Każ COMP/39226 – Lundbeck, sa fejn jimponi multa fuq Arrow skont il-Ftehim Daniż, u konsegwentement tnaqqas il-multa ; jew

ħafna iktar sussidjarjament, tnaqqas il-multa inmposta skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3803 finali, tad-19 ta’ Ġunju 2013, fil-Każ COMP/39226 – Lundbeck; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali fil-kuntest tal-proċedura tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, billi hija naqset milli (i) tibda l-proċeduri u tmexxi l-investigazzjoni tagħha fi żmien raġjonevoli, (ii) tagħti aċċess tempestiv u xieraq għall-fajl, u (iii) tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq li l-Kummissjoni ma urietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li Arrow u Lundbeck kienu kompetituri potenzjali meta kkonkludew kull wieħed mill-ftehim.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq li l-Kummissjoni ma urietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li kull wieħed mill-ftehim kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq li billi imponiet multa fuq Arrow, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ nullum crimen nulla poena sine lege, u ta’ ċertezza legali.

Il-ħames motiv huwa bbażat, sussidjarjament, fuq li l-Kummissjoni wettqet żball billi kklassifikat il-Ftehim Brittaniku u l-Ftehim Daniż bħala li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE, u kisret l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/20031 billi imponiet multa fuq Arrow skont il-Ftehim Daniż wara l-iskadenza tat-terminu tal-preskrizzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi.

Is-sitt motiv huwa bbażat, iktar sussidjarjament, fuq li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kalkolu tal-ammont tal-multa billi imponiet multa sproporzjonata fir-rigward tal-gravità tal-ksur allegat tal-Artikolu 101 TFUE.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).