Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta' Marzu 2011 minn Guido Strack kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-20 ta' Jannar 2011 fil-Kawża F-132/07, Strack vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-199/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Guido Strack (Köln, il-Ġermanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-20 ta' Jannar 2011 fil-Kawża F-132/07 u tilqa' t-talbiet tar-rikorrent f'dawk il-proċeduri;

tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-17 ta' Settembru 2009 fil-Kawża F-132/07 sa fejn ġiet miċħuda t-talba tar-rikorrent għal proċeduri fil-kontumaċja;

tannulla d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, fejn il-Kawża F-132/07, li kienet inizjalment assenjata lill-Ewwel Awla, ġiet sussegwentement assenjata lit-Tieni Awla;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2007 u d-deċiżjonijiet supplementari taċiti tad-9 ta' Awwissu 2007 u tal-11 ta' Settembru 2007 u d-deċiżjoni tad-9 ta' Novembru 2007, sa fejn jiċħdu t-talbiet tal-appellant tad-9 ta' April 2007, tal-11 ta' Mejju 2007 u tal-11 ta' Ottubru 2007 għall-awtorizzazzjoni għal pubblikazzjoni ta' dokumenti (fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet legali kollha, b'mod partikolari l-Artikoli 17, 17a, 19 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' data) u tirrapporta (ex) Kummissarji u uffiċjali tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni;

tordna lill-Kummissjoni tħallas danni lill-appellant fl-ammont ta' minn tal-inqas EUR 10 000 għal dannu mhux materjali u dannu lis-saħħa kkawżat lill-appellant bid-deċiżjonijiet li għandhom jiġu annullati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha;

l-appellant jitlob, barra minn hekk, abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kumpens għal dewmien eċċessiv tal-proċeduri fl-ammont ta' EUR 2 000, il-figura eżatta għandha tiġi deċiża skont id-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka għoxrin aggravju.

L-appellant jinvoka, inter alia: nuqqas ta' ġurisidizzjoni tal-formazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li adotta d-deċiżjonijet taħt appell, iċ-ċaħda illegali tat-talba għal proċeduri fil-kontumaċja, id-deċiżjoni illegali li tingħata proroga lill-Kummissjoni tat-termini stabbiliti, iċ-ċaħda tat-talba li l-proċeduri jingħaqdu ma' proċeduri oħra bejn il-partijiet, il-fatti żbaljati tal-kawża fir-rapport preparatorju għas-seduta u fis-sentenza taħt appell, il-parzjalità tal-Imħallef Relatur, il-ksur tar-regoli lingwistiċi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u diskriminazzjoni kontra l-appellant abbażi tal-lingwa u nuqqas ta' traduzzjoni ta' dokumenti proċedurali.

Barra minn hekk, l-appellant isostni wkoll li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żbalji ta' liġi u naqas milli jagħti raġunijiet suffiċjenti għas-sentenza tiegħu: inter alia, fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikoli 11, 17, 17a, 19 u 25, u 90 et seq tar-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 6, 10 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u tal-Artikoli 11, 41, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________