Language of document : ECLI:EU:T:2013:275





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Mejju 2013 — Al Matri vs Il-Kunsill

(Kawża T‑200/11)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi — Nuqqas ta’ bażi legali”

1.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi tal-persuni involuti f’użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom — Deċiżjoni li tagħmel parti minn kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda kontriha — Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja — Limiti — Motivazzjoni li ma tistax tikkonsisti f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata (Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/79) (ara l-punti 29-35)

2.                     Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi tal-persuni involuti f’użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom — Iffriżar ta’ fondi għal ħasil tal-flus impost minn deċiżjoni ta’ implementazzjoni — Sovrappożizzjoni tal-kunċetti ta’ użu ħażin minn fondi pubbliċi u ta’ ħasil tal-flus — Assenza — Preżunzjoni ta’ rabta neċessarja bejn l-atti ta’ ħasil tal-flus imwettaq mill-membri tal-familja tal-mexxejja tal-pajjiż mal-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi — Assenza — Nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni ta’ implementazzjoni — Annullament (Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72, Artikolu 1(1), u Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/79) (ara l-punti 41-50, 61-64, 66, 69)

3.                     Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Iffriżar ta’ fondi tal-persuni involuti f’użu ħażin ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi assoċjati magħhom — Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni (Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/79) (ara l-punt 72)

4.                     Proċedura ġudizzjarja — Deċiżjoni li fil-mori tal-kawża tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)) (ara l-punt 80)

5.                     Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Kunċett — Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent — Interess li għandu jibqa’ sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja — Dekadenza fil-mori tal-kawża tal-att ikkontestat — Telf tal-interess ġuridiku tar-rikorrent — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni (Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/79) (ara l-punt 83)

6.                     Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija — Annullament f’żewġ mumenti differenti ta’ żewġ atti li jinkludu miżuri restrittivi identiċi — Probabbiltà ta’ preġudizzju serju fuq iċ-ċertezza legali — Żamma tal-effetti tal-ewwel wieħed minn dawn l-atti sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tat-tieni wieħed (Artikolu 264 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 60; Regolament tal-Kunsill Nru 101/2011; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/79) (ara l-punti 86-89)

Suġġett

Talba għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta’ Frar 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 31, p. 40), it-tieni nett, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011, tal-4 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 31, p. 1), u, it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/50/PESK, tas-27 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK (ĠU L 27, p. 11), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent.

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta’ Frar 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011, tal-4 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija huma annullati sa fejn dawn jirrigwardaw lil Fahed Mohamed Sakher Al Matri.

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/79 fir-rigward ta’ F. Al Matri huma miżmuma sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament Nru 101/2011 sa fejn dan jikkonċerna lil F. Al Matri.

3)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kumplament tar-rikors.

4)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn F. Al Matri.

5)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.