Language of document : ECLI:EU:T:2014:1096

Kawża T‑201/11

(publikazzjoni f’estratti)

Si.mobil telekomunikacijske storitve d.d.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq Sloven tat-telefonija ċellulari — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Trattament tal-każ minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru — Nuqqas ta’ interess tal-Unjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2014

1.      Kompetizzjoni — Tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Dritt tal-Kummissjoni li tiċħad ilment li jirrigwarda każ li jkun qed jiġi ttrattat minn awtorità nazzjonali — Kundizzjonijiet

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal‑Kunsill Nru 1/2003, premessa 18 u Artikolu 13(1))

2.      Kompetizzjoni — Tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni — Dritt tal-impriżi li jkollhom il-każ tagħhom trattat minn awtorità tal-kompetizzjoni partikolari — Assenza

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal‑Kunsill Nru 1/2003, premessa 18 u Artikolu 13(1); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/03, punti 4 u 31)

3.      Kompetizzjoni — Tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Dritt tal-Kummissjoni li tiċħad ilment li jirrigwarda każ li jkun qed jiġi ttrattat minn awtorità nazzjonali — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, premessa 18 u Artikolu 13(1))

4.      Kompetizzjoni — Tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Dritt tal-Kummissjoni li tiċħad ilment li jirrigwarda każ li jkun qed jiġi ttrattat minn awtorità nazzjonali — Kunċett ta’ “trattament” — Portata

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal‑Kunsill Nru 1/2003, premessi 1, 6, 8, 18, 35 u Artikolu 13(1))

5.      Kompetizzjoni — Tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Dritt tal-Kummissjoni li tiċħad ilment li jirrigwarda każ li jkun qed jiġi ttrattat minn awtorità nazzjonali — Kunċett ta’ “l-istess prattika” — Portata — Limiti

(Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal‑Kunsill Nru 1/2003, premessa 18 u Artikolu 13(1))

1.      Mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni hija intitolata li tiċħad ilment abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk hija tikkonstata, minn naħa waħda, li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru “tieħu ħsieb [tittratta]” il-każ li jitressaq quddiemha u, min-naħa l-oħra, li dan il-każ jirrigwarda l-“istess ftehim” jew l-“istess deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni” jew “l-istess prattika”.

Fi kliem ieħor, il-fatt li jiġu ssodisfatti dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jikkostitwixxi, għall-Kummissjoni, “bażi suffiċjenti” sabiex jinċaħad l-ilment li tressaq quddiemha. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet oħra għajr dawk imsemmijin qabel.

Skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom kompetenzi paralleli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] u l-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 hija bbażata fuq kooperazzjoni stretta bejniethom. Min-naħa l-oħra, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-Komunikazzjoni war il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma jipprevedu regola ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni tajba sabiex tittratta l-każ u li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma hijiex f’pożizzjoni sabiex tagħmel dan, l-impriża kkonċernata ma għandha l-ebda dritt li tara l-każ ittrattat mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 33, 34, 36, 37, 40)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 39)

3.      L-Artikolu 13 u l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003 jittraduċu s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali miġbura fin-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-aħjar attribuzzjoni tal-każijiet fi ħdana. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol rikonoxxut lilha mit-trattat u mir-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha a fortiori, hija wkoll, setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta tapplika l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003.

Għalhekk, sa fejn il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat sabiex tivverifika l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll tal-eżatezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Ainsi, dans la mesure où la Commission dispose d’un large pouvoir d’appréciation aux fins de la mise en œuvre de l’article 13 du règlement nº 1/2003, le contrôle du juge de l’Union doit se limiter à la vérification du respect des règles de procédure et de motivation, ainsi que de l’exactitude matérielle des faits, de l’absence d’erreur manifeste d’appréciation et de détournement de pouvoir.

(ara l-punti 43, 44)

4.      It-terminu “tieħu ħsieb” li jissemma fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma għandux ifisser sempliċiment li lment jitressaq quddiem awtorità oħra jew li każ jitressaq quddiemha ex officio. Fil-fatt, it-tressiq tal-ilment minn lanjant jew tressiq tal-ilment ex officio minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru huwa att li, fih innifsu, ma jippruvax la l-użu tas-setgħat tagħħa mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, u lanqas, a fortiori, ta’ eżami tal-punti ta’ fatt relatati mal-każ inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tkunx qed twettaq il-missjoni ġenerali ta’ sorveljanza tagħha li tirriżulta mill-Artikolu 105(1) TFUE jekk hija tkun awtorizzata li tiċħad ilment biss minħabba l-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru jkun tressqilha lment quddiemha jew li hija tressaq quddiemha stess l-ilment mingħajr ma dawn l-atti jirriżultaw fi kwalunkwe trattament tal-każ inkwistjoni.

Madankollu, meta l-Kummissjoni tapplika l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għal każ bħal dan, din id-dispożizzjoni ma timponilha bl-ebda mod li twettaq evalwazzjoni tal-fondatezza tal-orjentamenti magħmula mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru li tkun qed tittratta l-każ.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-Kummissjoni tiċħad ilment magħmul skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003, din l-istituzzjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni li jkollha disponibbli fid-data li fiha hija tagħti d-deċiżjoni tagħha, tkun żgurat ruħha, b’mod partikolari, li l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tkun qed tittratta l-investigazzjoni fuq il-każ.

Barra minn hekk, mill-motivi tar-Regolament Nru 1/2003 u, b’mod partikolari, mill-premessi tagħha 1, 6, 8 u 35, jirriżulta li l-parteċipazzjoni l-iktar stretta tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] u l-obbligu impost fuq dawn tal-aħħar sabiex japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet meta l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi effettwat huma intiżi preċiżament sabiex jiżguraw l-għan ta’ effikaċja li għandu jintlaħaq mill-imsemmi regolament. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ effikaċja ma jistax iwassal, bir-riskju li tiġi kkontestata l-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003, għall-obbligu għall-Kummissjoni li tivverifika, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni partikolari, jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha mezzi istituzzjonali, finanzjarji u tekniċi sabiex twettaq il-missjoni li ġiet fdata lilha bir-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 47-50, 56, 57)

5.      Mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiċħad ilment minħabba li tkun tresqitilha quddiemha “l-istess prattika” bħal dik li tkun qed tiġi ttrattata minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, meta din il-prattika tirrigwarda “l-istess ksur allegat kommess fl-istess ħin fl-istess suq” li bih tkun ġiet adita l-Kummissjoni.

Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tikkunsidra li tiċħad ilment abbażi tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha b’mod partikolari tiżgura ruħha li l-każ ittrattat mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru jkun jinkludi l-istess punti fattwali bħal dawk denunċjati f’dan l-ilment. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta la bil-għan u l-każ tat-talbiet ifformulati mil-lanjanti u lanqas mill-kwalifiki mogħtija minn dawn tal-aħħar għal-fatti li huma jiddenunzjaw.

(ara l-punti 69, 73, 75, 76)