Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' April 2011 - El-Materi vs Il-Kunsill

(Kawża T-200/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Fahd Mohamed Sakher Ben Mohamed El-Materi (Doha, il-Qatar) (rappreżentanti: M. Lester, Barrister u G. Martin, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK, tal-4 ta' Frar 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2011 L 31, p. 40) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011, tal-4 ta' Frar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2011 L 31, p. 1), sa fejn japplikaw għar-rikorrent; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv isostni li l-kriterju għall-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK ma ġiex sodisfatt, peress li:

L-unika bażi li tippermetti li r-rikorrent jiġi inkluż fl-imsemmi anness hija li kieku huwa jissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK 1, jiġifieri li kieku kien persuna "responsabbli għal misapproprjazzjoni ta' fondi tal-Istat Tuneżin" jew xi ħadd assoċjat ma' din il-persuna, peress li, bħalma tippreċiża l-premessa 2, dawn il-persuni "b'hekk qed icaħħdu l-poplu Tuneżin mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jxekklu l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż".

It-tieni motiv isostni li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li:

Il-miżuri restrittivi ma jipprovdux proċedura li permezz tagħha r-rikorrent ikun jista' jirċievi l-evidenza li fuqha ġiet ibbażata d-deċiżjoni tal-iffriżar tal-assi tiegħu, jew li tippermettilu li jkun jista' jesprimi ruħu fuq dik l-evidenza;

Ir-raġunijiet mogħtija fil-miżuri kkontestati jinkludu allegazzjoni ġenerali, mhux sostnuta u vaga ta' investigazzjoni ġudizzjarja;

Il-Kunsill ma pprovdiex informazzjoni biżżejjed li tippermetti li r-rikorrent effettivament jimmotiva r-risposta tiegħu u ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa jekk id-deċiżjoni u l-evalwazzjoni tal-Kunsill kinux fondati u bbażati fuq evidenza ċara.

It-tielet motiv, isostni li l-Kunsill naqas milli jipprovdi lir-rikorrenti b'motivazzjoni suffiċjenti li tispjega l-inklużjoni tiegħu fil-miżuri kkontestati, bi ksur tal-obbligu tiegħu li jipprovdi dikjarazzjoni ċara tar-raġunijiet attwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet speċifiċi u individwali li wasslu sabiex ir-rikorrent tqis bħala responsabbli għall-misappropriazzjoni tal-fondi tal-Istat Tuneżin.

Ir-raba' motiv, isostni li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew b'mod proporzjonali, id-dritt ta' proprjetà tar-rikorrent u d-dritt li jopera n-negozju tiegħu, peress li:

Il-miżuri li ffriżaw l-assi għandhom impatt sinjifikattiv u dewwiemi fuq id-drittijiet fundamentali tiegħu;

Ma humiex iġġustifikati fl-applikazzjoni tagħhom fuq ir-rikorrent; u

Il-Kunsill la wera li l-iffriżar totali tal-assi kien il-mezz l-inqas oneruż li bih jiġu żgurat dan l-għan, u lanqas li d-dannu sinjifikattiv miġrub mir-rikorrenti huwa ġġustifikat u proporzjonat.

5.    Il-ħames motiv isostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċieda li japplika dawn il-miżuri restrittivi fuq ir-rikorrent, peress illi ma jidhirx li l-Kunsill evalwa r-rikorrent jew, jekk din l-evalwazzjoni saret, il-Kunsill wettaq żball meta kkonkluda li l-inklużjoni tar-rikorrent fil-miżuri restrittivi kienet iġġustifikata.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, tal-31 ta' Jannar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2011 L 28, p. 62).