Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' April 2011 - Si.mobil telekomunikacijske storitve vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-201/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Si.mobil telekomunikacijske storitve (Ljubljana, is-Slovenja) (rappreżentanti: P. Alexiadis u E. Sependa, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2011) 355 finali tal-24 ta' Jannar 2011 fil-Każ COMP/39.707 - Si.mobil/Mobitel; u

Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob, b'applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2011) 355 finali tal-24 ta' Jannar 2011 fil-Każ COMP/39.707 - Si.mobil/Mobitel, li tiċħad l-ilment imressaq minnha b'applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE fl-14 ta' Awwissu 2009 għal aġir allegatament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni ta' Mobitel, f'diversi swieq tat-telefonija ċellulari bl-ingrossa u bl-imnut.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni manifestament żbaljata min-naħa tal-Kummissjoni tar-regoli dwar l-attribuzzjoni ta' kompetenza stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 1 u mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU C 101, p. 43), peress li:

-    bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tapplika b'mod effettiv id-dritt tal-Unjoni, billi injorat il-prinċipji primarji ta' ordni pubbliku li għandhom prijorità fuq ir-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll ir-regoli li hija stabbiliet għaliha stess fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni;

-    il-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, peress li hija ma intervenietx meta awtorità tal-kompetizzjoni "pprolongat proċedura b'mod eċċessiv", liema ħaġa seħħet meta t-terminu ta' sentejn impost mil-liġi Slovena skada mingħajr ma l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma ppreżentat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni injorat provi ċari li juru li hija l-awtorità "fl-aħjar pożizzjoni" sabiex tiddeċiedi l-każ inkwistjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa improbabbli ħafna li l-awtorità Slovena tal-kompetizzjoni tkun "kapaċi li twaqqaf il-ksur" b'mod raġonevoli u fi żmien qasir. Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ huwa ċar li d-"dispożizzjonijiet Komunitarji [jistgħu jkunu] applikati b'mod iktar effettiv mill-Kummissjoni".

2.    It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest tal-Kummissjoni fl-ibbilanċjar stabbilit mill-ġurisprudenza Automec 2, peress li:

-    Ir-rikorrenti tqis li l-marġni ta' diskrezzjoni li s-sentenza Automec tħalli lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara ruħha kompetenti jew le ma huwiex assolut. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ppreżentat numru kbir ta' provi li juru li l-eżerċizzju min-naħa tal-Kummissjoni tal-kompetenza relattiva għall-ilmenti ta' Si.mobil jippreżenta "interess Komunitarju", li l-Kummissjoni injorat mingħajr ġustifikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni injorat il-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta' infurzar tagħha stess fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU C 45, p. 7), sa fejn abbażi ta' dan id-dokument, iż-żewġ tipi ta' ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (pressjoni fuq is-suq u prezz predatorju) li hija esposta għalihom ir-rikorrenti għandhom jiġu ttrattati b'mod prijoritarju. Finalment, huwa dejjem iktar neċessarju li jiġi ppreċiżat il mod li bih il-Kummissjoni tapplika dawn ir-regoli, b'mod partikolari fis-settur tat-telefonija ċellulari fejn tali preċedenti għadhom nieqsa.

____________

1 - - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2 - - Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta' Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T-24/90, Ġabra p. II-2223.