Language of document : ECLI:EU:C:2024:341

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 7(4) – Eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa – Rilaxx għall-konsum – Qerda totali jew telf irrimedjabbli ta’ prodott imqiegħed taħt arranġament ta’ sospensjoni – Kunċett ta’ ‘każ fortuwitu’ – Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru – Telf irrimedjabbli kkawżat minn nuqqas mhux serju mwettaq minn impjegat tad-depożitarju awtorizzat”

Fil-Kawża C‑509/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli

vs

Girelli Alcool Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, Z. Csehi, M. Ilešič (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Girelli Alcool Srl, minn P. Castellano, avvocata,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Parlament Ewropew, minn E. Paladini u A. Tamás, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. d’Ursel u G. Rugge, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Björkland u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija tad-Dwana”) u Girelli Alcool Srl (iktar ’il quddiem “Girelli”), dwar l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa relatati ma’ kwantità ta’ alkoħol etiliku pur irrimedjabbilment mitlufa matul operazzjoni ta’ żnaturament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/118

3        Il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2008/118 jiddikjaraw:

“(8)      Billi jibqa’ meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-Komunità meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum u liema hija l-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-sisa.

(9)      Billi d-dazju tas-sisa huwa taxxa fuq il-konsum ta’ ċerti prodotti, id-dazju m’għandux jitħallas fir-rigward ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li, taħt xi ċirkostanzi, jkunu ġew meqruda jew mitlufa għal kollox.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“      Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[...]

(b)      alkoħol u xorb alkoħoliku koperti mid-Direttivi [tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206)] u [tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213)];

[...]”

5        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118:

“Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fil-ħin ta’:

(a)      il-produzzjoni tagħhom, inkluż, fejn applikabbli, l-estrazzjoni tagħhom, ġewwa t-territorju tal-Komunità;

(b)      l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Komunità.”

6        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ir-‘rilaxx għall-konsum’ għandu jfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(b)      iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Komunitarju u l-leġislazzjoni nazzjonali;

(ċ)      il-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluża l-produzzjoni irregolari, barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(d)      l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

[...]

4.      Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li tqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, b’riżultat tan-natura inerenti ta’ dawk il-prodotti, ta’ ċirkostanzi mhux previdibbli, jew forza maġġuri, jew b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, m’għandhomx jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-prodotti għandhom ikunu kkunsidrati meqruda totalment jew mitlufa għal kollox meta ma jkunux jistgħu jintużaw bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa.

Il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kkonċernati għandu jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun saret il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli, jew, meta ma jkunx possibbli li jiġi determinat fejn seħħ it-telf, fejn ġie żvelat.

5.      Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet tiegħu stess li taħthom ikun iddeterminat it-telf imsemmi fil-paragrafu 4.”

 Id-Direttiva 92/12/KEE

7        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, u rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39), tipprovdi:

“Il-magazziniera awtorizzati għandhom ikunu eżentati mid-dazju dwar it-telf li jseħħ taħt l-arranġamenti ta’ sospensjoni li huma attribwibbli għal ġrajjiet aċċidentali jew ta’ force majeure u stabbiliti mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konċernat. [...]”

 Id-Direttiva 92/83

8        L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:

(a)      Meta mqassam fil-forma ta’ alkoħol denaturalizzat skont il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru, u dawn il-ħtiġijiet kienu notifikati u aċċettati kif xieraq skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu. Din l-eżenzjoni għandha tkun kondizzjonali għal meta jkunu applikati d-disposizzjonijiet tad-Direttiva 92/12/EEC liċ-ċaqliq kummerċjali ta’ l-alkoħol denaturalizzat;

[...]”

 Il-Kodiċi Doganali

9        Skont l-Artikolu 204(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”):

“Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz ta’:

(a)      tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu

[...]

f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.”

10      L-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 202 u 204(1)(a), ebda dejn doganali fuq l-importazzjoni m’għandu jitqies li hu dovut fir-rigward ta’ merkanziji speċifiċi fejn il-persuna interessata tipprova li n-nuqqas ta’eżekuzzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu:

–        mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 38 sa 41 u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 177, jew

–        miż-żamma tal-merkanziji konċernati f’ħażna temporanja, jew

–        mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha tqiegħdu l-merkanziji,

li jirrizulta mid-distruzzjoni totali jew telf għal kollox ta’ l-imsemmija merkanziji bħala riżultat tan-natura reali tal-merkanziji jew ċirkostanzi imprevedibbli jew forza maġġuri, jew bħala konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali.

Għall-iskop ta’ dan il-paragrafu, il-merkanziji għandhom ikunu mitlufa għal kollox meta jsiru mhux tajbin għall-użu minn xi persuna.”

 Id-dritt Taljan

11      Id-decreto legislativo n. 504 – Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le abete sulla produzione e sui consumi e relatif sanzioni penali e amministrative (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, Test Ikkonsolidat tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi dwar Dazji fuq il-Produzzjoni u l-Konsum u Sanzjonijiet Kriminali u Amministrattivi Relatati) tas-26 ta’ Ottubru 1995 (GURI Nru 279, tad-29 ta’ Novembru 1995, Suppliment Ordinarju Nru 143), kif emendat bid-decreto legislativo n. 48 – Attuazione della direttiva 2008/118/CE relativa al regime generale delle sisa e che abroga la direttiva 92/12/CEE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 li Jimplimenta d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-Arranġamenti Ġenerali għad-Dazju tas-Sisa u li Jħassar id-Direttiva 92/12/KEE) tad-29 ta’ Marzu 2010 (GURI Nru 75 tal-31 ta’ Marzu 2010) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 504”), jipprevedi, fl-Artikolu 2(2) tiegħu:

“Id-dazju tas-sisa huwa dovut fil-mument meta l-prodott jiġi rrilaxxat għall-konsum fit-territorju tal-Istat. [...]”

12      L-Artikolu 4(1) u (5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504 huwa redatt kif ġej:

“1.      F’każ ta’ telf irrimedjabbli jew ta’ qerda totali ta’ prodotti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, għandha tingħata eżenzjoni fejn il-persuna responsabbli li tħallas id-dazju tipproduċi prova, b’mod meqjus sodisfaċenti mill-awtorità tat-taxxa, li t-telf jew il-qerda tal-prodotti seħħ bħala riżultat ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Bl-eċċezzjoni tat-tabakk manifatturat, fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju li huma attribwibbli lil partijiet terzi jew lill-persuna responsabbli li tħallas id-dazju hija stess għandhom jiġu ttrattati bħala każ fortuwitu u forza maġġuri.

[...]

5.      Għall-finijiet ta’ dan it-test ikkonsolidat, il-prodott għandu jitqies li huwa totalment meqrud jew mitluf irrimedjabbilment meta jsir inutilizzabbli bħala prodott suġġett għad-dazju tas-sisa.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Girelli hija impriża stabbilita fl-Italja li l-attività tagħha hija l-iżnaturament tal-alkoħol etiliku. Dan huwa l-proċess li bih l-alkoħol isir mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Għal dan l-għan, hija għandha depost approvat ta’ alkoħol etiliku u workshop ta’ żnaturament u ta’ ppakkjar.

14      Fis-26 ta’ Marzu 2014, filwaqt li Girelli kienet twettaq operazzjonijiet ta’ tagħbija ta’ tank tal-installazzjoni ta’ żnaturament tal-alkoħol fil-preżenza ta’ uffiċjal tal-Aġenzija tad-Dwana, alkoħol etiliku pur infirex fuq l-art minħabba tnixxija kkawżata minn valv li tħalla miftuħ minn wieħed mill-impjegati tagħha. Parti mill-prodott seta’ jiġi rkuprat, filwaqt li l-bqija ntilef irrimedjabbilment.

15      Fil-31 ta’ Marzu 2014, Girelli talbet, skont l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, li tingħata l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fir-rigward tal-kwantità ta’ alkoħol li kien intilef aċċidentalment.

16      Fil-5 ta’ Ġunju 2014, l-Aġenzija tad-Dwana ċaħdet din it-talba għar-raġuni li t-telf inkwistjoni ma kienx dovut għal każ fortuwitu jew għal każ ta’ forza maġġuri, iżda għall-imprudenza u l-ħtija ta’ impjegat ta’ Girelli li, b’nuqqas ta’ ħsieb, kien ħalla l-valv tat-tank miftuħ.

17      Fil-25 ta’ Lulju 2014, Girelli ppreżentat quddiem l-Aġenzija tad-Dwana osservazzjonijiet li fihom hija kkontestat l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa relatati mal-kwantità ta’ alkoħol etiliku mitlufa billi sostniet li r-rilaxx għall-konsum tiegħu kien impossibbli.

18      Fit-3 ta’ Ottubru 2014, l-Aġenzija tad-Dwana ċaħdet dawn l-osservazzjonijiet u ħarġet avviż ta’ ħlas tad-dazji tas-sisa għal ammont totali ta’ EUR 17 476.24.

19      Girelli ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Milano (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Milano, l-Italja), li insostenn tiegħu hija argumentat, b’mod partikolari, li ma kienx hemm fatt li jagħti lok għad-dazji tas-sisa kontenzjużi minħabba li l-parti tal-prodott li ntilfet ma kinitx is-suġġett ta’ rilaxx għall-konsum, kif ukoll li l-avveniment dannuż kien imputabbli għal każ fortuwitu jew, sussidjarjament, għal nuqqas mhux serju.

20      Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors billi qieset fis-sentenza tagħha li t-telf tal-prodott inkwistjoni, ikkawżat minn nuqqas ta’ diliġenza li madankollu ma setax jiġi kklassifikat “serju”, kien jikkostitwixxi nuqqas mhux serju, li huwa simili, skont l-Artikolu 4(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, għall-każ fortuwitu u għall-forza maġġuri.

21      L-Aġenzija tad-Dwana appellat minn din is-sentenza quddiem il-Commissione tributaria regionale della Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Lombardia, l-Italja) li qieset li ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jingħata l-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa mitluba, jiġifieri li t-telf tal-prodott ikkonċernat ikun irrimedjabbli u li jkun dovut għal każ fortuwitu jew għal każ ta’ forza maġġuri, kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

22      L-Aġenzija tad-Dwana ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Commissione tributaria regionale della Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Lombardia) li insostenn tiegħu hija ssostni li, billi qieset li l-aġir negliġenti tal-impjegat ikkonċernat kien jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “każ fortuwitu” u li, fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ dan l-impjegat kellu jiġi kklassifikat bħala “mhux serju”, din il-qorti kisret l-Artikolu 4 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504.

23      Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li t-tilwima pendenti quddiemha tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u ta’ “forza maġġuri”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jinkludux aġir illegali u, jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ dan, hija tistaqsi jekk il-fatt li Stat Membru jqis li aġir li jikkostitwixxi nuqqas li jista’ jiġi kklassifikat bħala “mhux serju” jaqa’ taħt dawn il-kunċetti huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

24      Dik il-qorti tirrileva li jistgħu jiġu identifikati żewġ approċċi differenti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “każ fortuwitu” fil-ġurisprudenza tagħha. Skont l-ewwel approċċ, li huwa ta’ natura suġġettiva, il-persuna marbuta bl-obbligu għandha turi li hija ma wettqet ebda nuqqas u li d-dannu seħħ b’mod li ma setax jiġi previst jew evitat bl-eżerċizzju tad-diliġenza meħtieġa fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ. Skont it-tieni approċċ, li huwa ta’ natura oġġettiva, huwa irrilevanti jekk din il-persuna tkunx aġixxiet b’diliġenza jew le.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône (C‑314/06, EU:C:2007:817, punti 24, 25 u 40), u tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 61), il-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u ta’ “forza maġġuri”, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, inkwantu huma kkaratterizzati t-tnejn li huma minn element oġġettiv, relatat maċ-ċirkustanzi anormali u imprevedibbli, u element suġġettiv, relatat mal-obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tipproteġi ruħha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi, ma jidhirx li jirrigwardaw aġir illegali u, b’mod partikolari, aġir ikkaratterizzat minn sempliċi nuqqasijiet ta’ inattenzjoni, prevedibbli min-natura tagħhom u faċilment evitabbli.

26      Dik il-qorti tqis għalhekk li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tqis in-nuqqas ħafif simili għall-każ fortuwitu u għall-forza maġġuri twassal sabiex tipprevedi, bħala raġuni distinta ta’ eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, ipoteżi addizzjonali, li madankollu ma tidhirx li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

27      Madankollu, hija tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, li jipprovdi li ma humiex ikkunsidrati bħala rilaxx għall-konsum “[i]l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti [...] b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru”, jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jiddefinixxu kategoriji ġenerali oħra minbarra l-każ fortuwitu u l-forza maġġuri li jagħtu lok għal eżenzjoni mit-taxxa.

28      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni li ssemmi, suċċessivament, il-“kawża li tiddependi min-natura stess tal-prodotti”, il-“każ fortuwitu” u l- “forza maġġuri”, tagħti x’tifhem li l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru” għandha valur limitattiv u residwu, b’tali mod li hija tirreferi għal avvenimenti speċifiċi oħra minbarra dawk relatati mal-każ fortuwitu u mal-forza maġġuri, mhux identifikabbli a priori, iżda relatati ma’ fatti partikolari li, meta jkunu suġġetti għal evalwazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti, jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qerda tal-prodott.

29      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “każ fortuwitu” jistax ikollu portata differenti minn dik ta’ “forza maġġuri”, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-element suġġettiv karatteristiku ta’ dawn iż-żewġ kunċetti fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:

“(1)      Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ każ fortuwitu bħala l-kawża ta’ telf li jseħħ taħt-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva [2008/118], għandu jiġi interpretat jew le, bħall-każ ta’ forza maġġuri, fis-sens li ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat, mhux normali u imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minnu, b’tali mod li kwalunkwe possibbiltà ta’ kontroll tiegħu hija oġġettivament eskluża?

(2)      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni mir-responsabbiltà fil-każ ta’ każ fortuwitu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, u skont il-każ, b’liema mod, id-diliġenza wżata fit-teħid tal-prekawzjonijiet neċessarji sabiex jiġi evitat il-fatt dannuż?

(3)      Sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi, dispożizzjoni bħall-Artikolu 4(1) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 504], li tassimila l-każ fortuwitu u l-każ ta’ forza maġġuri, għan-nuqqas mhux serju (tal-persuna kkonċernata stess jew ta’ terzi), hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, li ma jipprevedix każijiet oħra, b’mod partikolari fir-rigward tan-‘nuqqas’ tal-awtur tal-fatt jew tal-persuna kkonċernata?

(4)      Fl-aħħar nett, il-frażi ‘b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru’, li tinsab ukoll fl-Artikolu 7(4) [tad-Direttiva 2008/118] imsemmi iktar ’il fuq, tista’ tinftiehem li tikkostitwixxi possibbiltà għall-Istat Membru sabiex jistabbilixxi kategorija ġenerali addizzjonali (in-nuqqas żgħir) li tista’ taffettwa d-definizzjoni tar-rilaxx għall-konsum fil-każ ta’ qerda jew ta’ telf tal-prodott jew tali possibbiltà għandha tiġi eskluża, peress li tali frażi għandha tinftiehem, għall-kuntrarju, fis-sens li tirreferi għal sitwazzjonijiet speċifiċi awtorizzati fuq bażi ta’ każ b’każ jew, fi kwalunkwe każ, f’kategoriji ta’ każijiet iddefiniti minn qabel skont kriterji oġġettivi?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

31      Mingħajr ma teċċepixxi formalment l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, Girelli tikkontesta r-rilevanza tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju billi ssostni b’mod partikolari li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni marbuta mar-rilaxx għall-konsum, li għaliha hija suġġetta l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, ma hijiex issodisfatta peress li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntilef b’mod irrimedjabbli.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen, C‑286/22, EU:C:2023:767, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2023, KBC Verzekeringen, C‑286/22, EU:C:2023:767, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, speċifikament l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, hija intiża preċiżament sabiex jiġi ddeterminat jekk, meta prodott suġġett għad-dazju tas-sisa jkun intilef b’mod irrimedjabbli f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, dan il-prodott għandux jitqies, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li ma jkunx ġie “rrilaxxat għall-konsum”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li d-dubji espressi minn Girelli ma jikkonċernawx l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula iżda r-risposta għalihom fil-mertu.

35      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu, bħal dak ta’ “forza maġġuri”, jinftiehem bħala li jkopri ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata.

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jipprovdi l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2008/118 hija intiża li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali tad-dazji tas-sisa li jolqtu direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, li fosthom hemm l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku.

38      Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, id-dazji tas-sisa jsiru eżiġibbli fil-mument tar-rilaxx għall-konsum u fl-Istat Membru fejn dan iseħħ. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rilaxx għall-konsum”. Dan jinkludi, b’mod partikolari, il-ħruġ irregolari ta’ prodott suġġett għad-dazju tas-sisa minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.

39      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 jispeċifika madankollu li l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li tqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju, għal raġuni marbuta man-natura stess tal-prodotti, bħala riżultat ta’ każ fortiwitu jew ta’ forza maġġuri jew b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, ma għandhomx jitqiesu bħala rilaxx għall-konsum. Minn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien ma’ dan l-Artikolu 7(1), jirriżulta li d-dazji tas-sisa fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma humiex eżiġibbli fil-każijiet elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni.

40      Issa, filwaqt li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet tiegħu stess għad-determinazzjoni tat-telf imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, la l-Artikolu 7(5) u lanqas l-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva ma jirreferu għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda s-sens u l-portata li għandhom jingħataw lill-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u ta’ “forza maġġuri”.

41      Barra minn hekk, il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118 tenfasizza li l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa għandhom jiġu identifikati fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għal dan l-għan, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-mument li fih il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu rrilaxxati għall-konsum. Issa, sa fejn il-portata tal-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u ta’ “forza maġġuri” jista’ jkollha effetti fuq l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, dawn huma neċessarjament ta’ natura awtonoma u l-uniformità tal-interpretazzjoni tagħhom fl-Istati Membri kollha għandha tiġi żgurata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône (C‑314/06, EU:C:1997:817, punt 22).

42      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, għandu, skont ġurisprudenza stabbilita, jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni li jagħmlu parti minnha, iżda wkoll il-kuntest li fih jaqgħu u l-għanijiet imfittxija mill-att li jagħmlu parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Lufthansa Technik AERO Alzey (C‑393/21, EU:C:2023:104, punt 33).

43      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “forza maġġuri”, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu ġeneralment jinftiehem, fl-oqsma differenti tad-dritt tal-Unjoni li fihom huwa japplika, fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokah, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 23, u tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-kunċett ta’ “forza maġġuri” jinkludi ġeneralment element oġġettiv, marbut maċ-ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u estranji għall-persuna kkonċernata, u element suġġettiv, marbut mal-obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tipproteġi lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment inkwistjoni billi tieħu miżuri xierqa mingħajr sagrifiċċji eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône (C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 24).

44      B’dan stabbilit, skont ġurisprudenza stabbilita, sa fejn il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma għandux neċessarjament kontenut identiku fid-diversi kampijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tifsira tiegħu għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kuntest legali li fih huwa jkun maħsub li jipproduċi l-effetti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 25, u tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar id-dazji tas-sisa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tal-kunċett ta’ “forza maġġuri” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12, li l-istruttura u l-għan ta’ din id-direttiva ma kinux jimponu interpretazzjoni jew applikazzjoni partikolari tal-elementi karatteristiċi tal-forza maġġuri stabbiliti mill-ġurisprudenza f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône (C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 26 sa 31).

46      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma hekk suġġetti għas-sempliċi fatt tal-produzzjoni tagħhom jew tal-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, li d-dazji tas-sisa huma, bħala prinċipju, eżiġibbli wkoll fil-każ ta’ nuqqasijiet u ta’ telf li għalihom eżenzjoni ma ngħatatx mill-awtoritajiet kompetenti u li l-eżenzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 għat-telf dovut għal każijiet ta’ forza maġġuri tikkostitwixxi deroga minn din ir-regola ġenerali li, konsegwentement, għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 30).

47      Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi applikata għall-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mill-istruttura ta’ dan l-artikolu, eżaminata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 jikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali li d-dazji tas-sisa relatati mal-prodotti li ġew meqruda jew mitlufa huma bħala prinċipju eżiġibbli, b’tali mod li din id-dispożizzjoni għandha, bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12, tiġi interpretata b’mod strett.

48      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “forza maġġuri”, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi estranji għal dak li jinvokah, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 31).

49      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, dan, bħall-kunċett ta’ “forza maġġuri”, ma għandux neċessarjament kontenut identiku fid-diversi kampijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li t-tifsira tiegħu għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kuntest legali li fih huwa jkun maħsub li jipproduċi l-effetti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš, C‑154/16, EU:C:2017:392, punti 60 sa 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “każ fortuwitu” fis-sens tal-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, bħall-kunċett ta’ “forza maġġuri”, dan kien ikkaratterizzat minn element oġġettiv, marbut maċ-ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u estranji għall-persuna kkonċernata, u element suġġettiv, marbut mal-obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tipproteġi lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment inkwistjoni billi tieħu miżuri xierqa mingħajr sagrifiċċji eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš, C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Skont din id-dispożizzjoni, b’deroga mill-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, ebda dejn doganali fuq l-importazzjoni ma għandu jinħoloq fir-rigward ta’ merkanzija speċifika, meta l-persuna kkonċernata tipproduċi l-prova li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha din il-merkanzija tkun tqiegħdet ikun riżultat tad-distruzzjoni totali jew tat-telf irrimedjabbli tal-imsemmija merkanzija għal raġuni marbuta man-natura stess tal-merkanzija jew minħabba każ fortuwitu jew forza maġġuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš, C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 58).

52      Peress li qieset li l-Artikolu 206(1) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 204(1)(a) tal-imsemmi kodiċi, li tgħid li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha titqiegħed merkanzija tnissel dejn doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeduċiet minn dan li l-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 62).

53      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 huwa fformulat f’termini simili għal dawk tal-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali u li, bħal din id-dispożizzjoni, huwa jistabbilixxi deroga mir-regola ġenerali li d-dazji tas-sisa relatati mal-prodotti li ġew meqruda jew mitlufa jibqgħu eżiġibbli.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tas-similaritajiet li jeżistu bejn id-dazji doganali u d-dazji tas-sisa, bl-għan li tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti tad-dritt tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, għandu jingħata portata identika għal dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 206(1) tal-Kodiċi Doganali, imfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Dansk Transport og Logistik (C‑230/08, EU:C:2010:231, punt 84).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu, bħal dak ta’ “forza maġġuri”, jinftiehem bħala li jkopri ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata.

 Fuq it-tieni domanda

56      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi li taw lok għad-distruzzjoni totali jew għat-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeżiġi li jiġi kkonstatat li l-operatur ikkonċernat ikun eżerċita diliġenza suffiċjenti sabiex jevita li jseħħ il-fatt dannuż.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabelxejn li, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, huwa kkaratterizzat kemm minn element suġġettiv, relatat mal-obbligu, għall-persuna kkonċernata, li tipproteġi ruħha mill-konsegwenzi tal-avveniment inkwistjoni billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi, u minn element oġġettiv, relatat maċ-ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u estranji għall-persuna kkonċernata.

58      Konsegwentement, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ każ fortuwitu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jimplika mhux biss li l-operatur ikkonċernat ikun wera d-diliġenza normalment meħtieġa fil-kuntest tal-attività tiegħu sabiex jipproteġi ruħu kontra tali riskju, li jippreżupponi aġir attiv kontinwu, orjentat lejn l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riskji potenzjali, kif ukoll il-kapaċità li jieħu miżuri adegwati u effikaċi sabiex jipprevjeni li tali riskji jseħħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée u Rhône, C‑314/06, EU:C:2007:817, punt 37), iżda wkoll li l-okkorrenza ta’ dan ir-riskju tkun il-konsegwenza ta’ ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u estranji għal dan l-operatur.

59      Minn dan isegwi li, meta ċ-ċirkustanzi li taw lok għall-qerda totali jew għat-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu jaqgħu taħt l-isfera ta’ responsabbiltà tal-magazzinier awtorizzat, il-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ ċirkustanzi esterni għall-operatur ikkonċernat ma tkunx issodisfatta u, għaldaqstant, l-element oġġettiv li jikkostitwixxi l-każ fortuwitu jkun nieqes, b’mod li ma tkunx tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ każ fortuwitu.

60      Issa, it-telf irrimedjabbli ta’ prodott likwidu suġġett għad-dazju tas-sisa kkawżat minn tnixxija, hija stess ikkawżata min-nuqqas ta’ attenzjoni ta’ impjegat li naqas milli jagħlaq il-valv ta’ tank wara operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dan il-likwidu, ma jistax jitqies bħala ċirkustanza anormali jew estranja għall-operatur li l-attività tiegħu hija l-iżnaturament tal-alkoħol etiliku. Għall-kuntrarju, tali telf għandu jitqies li jaqa’ fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ dan l-operatur u bħala l-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tad-diliġenza normalment meħtieġa fil-kuntest tal-attività ta’ dan tal-aħħar, b’tali mod li kemm l-element oġġettiv kif ukoll l-element suġġettiv li jikkaratterizza l-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, ikunu, f’tali ċirkustanzi, nieqsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 63).

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeżiġi, minn naħa, li l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa tkun dovuta għal ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u estranji għall-operatur ikkonċernat, liema każ ikun eskluż meta dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar ikun wera d-diliġenza normalment meħtieġa fil-kuntest tal-attività tiegħu sabiex jipproteġi ruħu mill-konsegwenzi ta’ tali avveniment.

 Fuq it-tielet domanda

62      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru li tqis il-fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju, imputabbli lill-persuna li tħallas id-dazju kkonċernat, simili għall-każ fortuwitu u għall-forza maġġuri.

63      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, kif jirriżulta mir-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, il-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa kkaratterizzat mill-eżistenza ta’ ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u estranji għall-operatur ikkonċernat, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati anki jekk dan tal-aħħar kien wera d-diliġenza normalment meħtieġa fil-kuntest tal-attività tiegħu.

64      Issa, nuqqas, anki mhux serju, imwettaq minn impjegat tal-operatur ikkonċernat, sa fejn jaqa’ taħt l-isfera ta’ responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar u jikkostitwixxi nuqqas tad-diliġenza normalment meħtieġa fil-kuntest tal-attività tiegħu, jeskludi l-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ każ fortuwitu fis-sens tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118.

65      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni telenka b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ma titqiesx bħala rilaxx għall-konsum, b’mod li tkun għalhekk ostakolata l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa. Dan huwa l-każ, l-ewwel nett, meta l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tirriżulta minn kawża inerenti għan-natura stess tal-prodotti inkwistjoni, it-tieni nett, meta l-qerda jew it-telf tkun dovuta għal każ fortuwitu jew forza maġġuri u, it-tielet nett, meta l-qerda jew it-telf isseħħ wara awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

66      Issa, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas mhux serju mwettaq minn impjegat tal-operatur ikkonċernat manifestament la jaqa’ taħt l-ewwel każ, la jaqa’ taħt it-tieni każ, u lanqas, bħala prinċipju, ma jaqa’ taħt it-tielet każ.

67      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, sa fejn jikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali li d-dazji tas-sisa relatati ma’ prodotti li ġew meqruda jew mitlufa jibqgħu bħala prinċipju eżiġibbli, għandu jiġi interpretat b’mod strett.

68      Mill-punti 65 sa 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistax tinqara fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu li d-dazji tas-sisa ma jkunux eżiġibbli f’ċirkustanzi differenti minn dawk elenkati fl-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari meta t-telf jew il-qerda tal-prodott suġġett għad-dazju tas-sisa ikun dovut għal nuqqas mhux serju mwettaq minn impjegat tal-operatur ikkonċernat.

69      Barra minn hekk, interpretazzjoni differenti tista’ tippreġudika l-għan ta’ uniformità stabbilit fil-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118, li skontu l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

70      Madankollu, meta l-fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju li jkunu wasslu għall-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodott suġġett għad-dazju tas-sisa jkunu twettqu fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ żnaturament ta’ dan il-prodott li tkun hija stess ġiet awtorizzata minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli għandha titqies li tkun seħħet bħala konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li din il-qerda jew dan it-telf ma għandhiex titqies li hija rilaxx għall-konsum, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-imsemmi prodott tkun ġiet ipprovata għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, prodott jitqies li ġie totalment meqrud jew mitluf b’mod irrimedjabbli meta jsir inutilizzabbli bħala prodott suġġett għad-dazju tas-sisa.

72      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83 jirriżulta li l-alkoħol żnaturat huwa, bħala prinċipju, eżentat mid-dazju tas-sisa.

73      Konsegwentement, għandu jitqies li operazzjoni ta’ żnaturament għandha l-effett li tirrendi l-alkoħol “inutilizzabbli bħala prodott suġġett għad-dazju tas-sisa”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 u, għaldaqstant, li tali tranżazzjoni twassal għal qerda totali ta’ dan il-prodott.

74      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li, meta l-fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju li jkunu wasslu għall-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodott suġġett għad-dazju tas-sisa jkunu twettqu fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ żnaturament ta’ alkoħol li tkun ġiet awtorizzata minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, hemm lok li jitqies li din il-qerda jew dan it-telf tkun seħħet bħala konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li l-imsemmija qerda jew l-imsemmi telf ma għandhiex titqies li hija rilaxx għall-konsum fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, hemm lok li għat-tielet domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru li fil-każijiet kollha tqis il-fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju, imputabbli lill-persuna taxxabbli kkonċernata, simili għall-każ fortuwitu u għall-forza maġġuri. Madankollu, meta l-fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju li jkunu wasslu għall-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodott suġġett għad-dazju tas-sisa jkunu twettqu fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ żnaturament li tkun ġiet awtorizzata minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, din il-qerda jew dan it-telf għandha titqies li seħħet bħala konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li l-imsemmija qerda jew l-imsemmi telf ma għandhiex titqies li hija rilaxx għall-konsum fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118.

 Fuq ir-raba’ domanda

76      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru”, li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tinftiehem bħala li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu b’mod ġenerali li l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma tikkostitwixxix rilaxx għall-konsum meta din tkun tirriżulta minn nuqqas mhux serju.

77      F’dan ir-rigward infakkar li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti.

78      Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, għandu jiġi rrilevat li l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru” tirreferi għall-possibbiltà, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jadottaw deċiżjonijiet amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni f’każijiet individwali, u mhux għall-possibbiltà, għal-leġiżlatur nazzjonali, li jistabbilixxi b’leġiżlazzjoni kategoriji ġenerali, li ma jkunux dawk previsti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, li għalihom ir-rilaxx għall-konsum u, konsegwentement, l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa jkunu sistematikament esklużi.

79      Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta li din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għaliha, kif ġie rrilevat fil-punti 47 u 67 ta’ din is-sentenza, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu każijiet, li ma jkunux dawk elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118, li għalihom ir-rilaxx għall-konsum u, konsegwentement, l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa jkunu sistematikament esklużi.

80      Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/118 li, konformement mal-premessa 8 tagħha, hija intiża b’mod partikolari sabiex tarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, hemm lok li għar-raba’ domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru”, li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tinftiehem bħala li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu b’mod ġenerali li l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma tikkostitwixxix rilaxx għall-konsum meta din tirriżulta minn nuqqas mhux serju.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

il-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu, bħal dak ta’ “forza maġġuri”, jinftiehem bħala li jkopri ċirkustanzi esterni għal dak li jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata.

2)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ “każ fortuwitu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeżiġi, minn naħa, li l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa tkun dovuta għal ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u estranji għall-operatur ikkonċernat, liema każ ikun eskluż meta dawn iċ-ċirkustanzi jkunu jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar ikun wera d-diliġenza normalment meħtieġa fil-kuntest tal-attività tiegħu sabiex jipproteġi ruħu mill-konsegwenzi ta’ tali avveniment.

3)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru li fil-każijiet kollha tqis il-fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju, imputabbli lill-persuna taxxabbli kkonċernata, simili għall-każ fortuwitu u għall-forza maġġuri. Madankollu, meta l-fatti li jikkostitwixxu nuqqas mhux serju li jkunu wasslu għall-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodott suġġett għad-dazju tas-sisa jkunu twettqu fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ żnaturament li tkun ġiet awtorizzata minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, din il-qerda jew dan it-telf għandha titqies li seħħet bħala konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li l-imsemmija qerda jew l-imsemmi telf ma għandhiex titqies li hija rilaxx għall-konsum fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118.

4)      L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2008/118

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-espressjoni “b’konsegwenza ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru”, li tinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tinftiehem bħala li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu b’mod ġenerali li l-qerda totali jew it-telf irrimedjabbli tal-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa mqiegħda taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju ma tikkostitwixxix rilaxx għall-konsum meta din tkun tirriżulta minn nuqqas mhux serju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.