Language of document : ECLI:EU:F:2014:247

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)

18 ta’ Novembru 2014

Kawża F‑156/12

Robert McCoy

vs

Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Aġir ħażin — Fastidju mis-superjuri diretti — Mard ikkaġunat mix-xogħol — Kumpens mogħti abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal li ma jkoprix id-dannu kollu subit — Talba għal kumpens komplementari”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih R. McCoy jitlob, essenzjalment, li l-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jiġi kkundannat iħallas somma ta’ EUR 354 000, liema ammont huwa ffissat b’mod provviżorju, bħala kumpens għad-dannu materjali li dan iqis li sofra minħabba l-aġir ħażin tal-Kumitat tar-Reġjuni, u somma ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali.

Deċiżjoni:      Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat iħallas lil R. McCoy is-somma ta’ EUR 20 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż ta’ R. McCoy.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Tul u bidu tad-dekorrenza tat-terminu — Talba għal kumpens komplementari għal mard ikkaġunat mix-xogħol

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

2.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kundizzjonijiet kumulattivi — Talba għal kumpens komplementari għal mard ikkaġunat mix-xogħol — Oneru tal-prova

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għal annullament li ma ġiex ippreżentat fit-termini — Rikors għad-danni intiż għal riżultat identiku — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Portata — Obbligu msaħħaħ f’każ ta’ impatt fuq is-saħħa tal-uffiċjal

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

1.      Fin-nuqqas ta’ terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-preżentata ta’ talba għad-danni li tirriżulta mir-rabta ta’ impjieg bejn l-uffiċjal u l‑istituzzjoni li jiddependi fuqha, l-imsemmija talba għandha titressaq f’terminu raġonevoli li huwa ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. F’każ ta’ skiet mit-testi applikabbli fir-rigward, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa element ta’ paragun rilevanti biex tiġi deċiża l-ammissibbiltà tat-talba għad-danni ta’ uffiċjal mingħajr madankollu ma jikkostitwixxi limitu riġidu u mhux tanġibbli.

Barra minn hekk, uffiċjal vittma ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol għandu biss id-dritt li jitlob kumpens komplementari meta l-iskema legali stabbilita mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq. Konsegwentement u fil-prinċipju, tali talba ma tkunx ammissibbli kemm-il darba l-proċedura miftuħa abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tkunx spiċċat.

(ara l-punti 81 u 82)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Eagle et. vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2004:290, punti 66 u 71

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: u Allen et. vs Il-Kummissjoni, T‑433/10 P, EU:T:2011:744, punt 45

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza A vs Il-Kummissjoni, F‑142/12, EU:F:2013:193, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-kuntest ta’ talba għal kumpens ippreżentata minn uffiċjal, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tippresupponi s-sodisfazzjon ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ilmentat lill-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat. Peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed biex jiġi miċħud rikors għad-danni.

Fir-rigward ta’ uffiċjal vittma ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, li għandu biss id-dritt li jitlob kumpens komplementari abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni meta l-iskema legali stabbilita mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq, ikun l-uffiċjal ikkonċernat li jkollu jipprova li ġew sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet biex tiskatta r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni u li l-kumpens mogħti abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jiżgurax il-kumpens sħiħ tad-dannu subit minħabba l-aġir illegali tal-amministrazzjoni.

(ara l-punti 88 sa 90)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza N vs Il-Parlament, F‑26/09, EU:F:2010:17, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet A vs Il-Kummissjoni, F‑50/13, EU:F:2014:78, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Uffiċjal ma jistax, permezz ta’ talba għal kumpens, jipprova jikseb riżultat identiku għal dak li kien jikseb kieku rebaħ rikors għal annullament li naqas milli jippreżenta fi żmien utli.

B’hekk, huma inammissibbli t-talbiet għal kumpens ta’ uffiċjal sa fejn dawn ikunu intiżi għall-kumpens tad-dannu allegatament subit minħabba fatti, aġiri u ksur li huma l-istess bħal dawk invokati insostenn ta’ talbiet għal assistenza u għal kumpens tad-dannu subit, meta t-talbiet imsemmija jkunu ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni li kontriha l-uffiċjal ma ppreżentax rikors.

(ara l-punti 96, 102 u 103)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, EU:C:1989:59, punti 32, 34 u 35

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑547/93, EU:T:1996:27, punti 174 u 175

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet Andersen vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑1/12, EU:F:2013:46, punti 29, 34 u 35

4.      Il-kunċett ta’ dmir ta’ premura jimplika, b’mod partikolari, li meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, din għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz iżda anki dak tal-uffiċjal ikkonċernat. Barra minn hekk, l-obbligi li jirriżultaw għall-amministrazzjoni mid-dmir ta’ premura jiġu sostanzjalment imsaħħa meta tkun inkwistjoni s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li fil-konfront tiegħu jiġi kkonfermat li s-saħħa tiegħu, fiżika jew mentali, tkun ġiet affettwata. F’tali każ, l-amministrazzjoni għandha teżamina t-talbiet tiegħu fi spirtu ta’ ftuh partikolari.

(ara l-punt 106)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza BN vs Il-Parlament, F-24/12, EU:F:2014:165, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata