Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Ottubru 2010 - MOL vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-499/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: MOL Magyar Olaj- és Gázipari Nyrt. (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentanti: N. Niejahr, avukat, F. Carlin, Barrister u C. van der Meer, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni kkontestata; jew

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru ta' ammonti mingħand ir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrenti sostnuti f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 3553 finali, tad-9 ta' Ġunju 2010, li tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi lil Hungarian Oil & Gas Plc ('MOL') bħala riżultat ta' ftehim bejn MOL u l-Istat Ungeriż li jippermetti lill-kumpannija li tkun fil-fatt eżentata mill-ħlas ta' drittijiet f'livell ogħla fil-qasam tal-minjieri wara emenda għall-Att Ungeriż dwar il-Minjieri f'Jannar 2008 [Għajnuna mill-Istat C 1/09 (ex NN 69/08)]. Fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti hija identifikata bħala benefiċjarja tal-allegata għajnuna mill-Istat u d-deċiżjoni tordna lill-Ungerija tirkupra l-għajnuna, flimkien mal-interessi, mingħand ir-rikorrenti.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi:

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-konvenuta għamlet żball ta' liġi meta kkonkludiet li l-estensjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti marbuta max-xogħol tal-minjieri fl-2005 flimkien mal-emenda sussegwenti fl-2008 tal-Att Ungeriż dwar il-Minjieri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli u ordnat l-irkupru ta' din l-allegata għajnuna mill-Istat bl-interessi mingħand ir-rikorrenti. B'mod speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 107(1) TFEU meta kkonkludiet li:

il-ftehim ta' estensjoni tal-2005 u l-emenda tal-Att dwar il-Minjieri tal-2008 jikkostitwixxu flimkien miżura waħda ta' għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFEU;

l-allegata miżura ta' għajnuna hija selettiva fuq il-bażi ta' konklużjoni żbaljata li s-sistema xierqa ta' riferiment hija l-iskema ta' awtorizzazzjoni minflok l-Att dwar il-Minjieri;

l-allegata miżura ta' għajnuna tat vantaġġ lir-rikorrenti minkejja l-fatt li r-rikorrenti ħallset drittijiet u imposti marbuta mal-minjieri li kienu ogħla minn dawk li kienu jitħallsu fin-nuqqas tal-allegata miżura ta' għajnuna jew skont l-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri u, fi kwalunkwe każ, l-Ungerija aġixxiet bħala operatur tas-suq u l-ftehim ta' estensjoni kien iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi;

l-allegata miżura tal-għajnuna ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni anki jekk parteċipanti oħra fis-suq ma ħallsux drittijiet ogħla skont l-Att dwar il-Minjieri kif emendat.

Fit-tieni lok, u sussidjarjament, ir-rikorrenti tissottometti li l-konvenuta kisret l-Artikolu 108(1) TFEU meta naqset li teżamina l-ftehim ta' estensjoni (li ma kienx għajnuna mill-Istat fil-perijodu bejn l-2005, meta dan ġie konkluż, u l-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri u sar għajnuna mill-Istat biss meta daħlet fis-seħħ l-emenda tal-2008 tal-Att dwar il-Minjieri) taħt ir-regoli applikabbli għal għajnuna eżistenti.

Fit-tielet lok, u sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna ġdida, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Proċedurali meta ordnat l-irkupru, peress li l-irkupru ta' ammonti mir-rikorrenti jikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fir-rigward tal-istabbiltà tal-ftehim ta' estensjoni u l-prinċipju ta' ċertezza legali.

____________