Language of document : ECLI:EU:C:2022:899

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

17 ta’ Novembru 2022 (1)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni (PAK) – Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (KE) Nru 1698/2005 – Artikolu 40 – Programm nazzjonali ta’ żvilupp rurali 2007‑2013 – Pagamenti li jippromwovu l-benesseri tal-annimali – Żbalji ta’ kalkolu – Tnaqqis fil-pagamenti mill-awtoritajiet nazzjonali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża C‑443/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Piteşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Piteşti, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

SC Avicarvil Farms SRL

vs

Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale,

Agenţia pentru Finanţarea Investiţiilor Rurale,

Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură (APIA),

Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură (APIA) – Centrul Judeţean Vâlcea,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, li qiegħed jaġixxi bħala l-President tal-Awla, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SC Avicarvil Farms SRL, minn C. S. Strătulă u O. Strătulă, avocați,

–        għall-Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale, minn A. I. Chesnoiu, bħala aġent,

–        għall-Gvern Rumen, minn L.-E. Baţagoi u E. Gane, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6, u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 310 TFUE, mal-Artikolu 40(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 30, p. 100) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1698/2005”), kif ukoll mal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, SC Avicarvil Farms SRL (iktar ’il quddiem “Avicarvil Farms”), bħala s-suċċessura ta’ Avicarvil SRL, u, min-naħa l-oħra, il-Ministerul Agriculturii și Dezvoltării Rurale (il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, ir-Rumanija), l-Agenția pentru Finanțarea Investițiilor Rurale (l-Aġenzija għall-Finanzjament tal-Investimenti Rurali, ir-Rumanija), l-Agenția de Plăți și Intervenție în Agricultură (l-Aġenzija tal-Pagamenti u tal-Interventi fl-Agrikoltura (APIA), ir-Rumanija), kif ukoll l-APIA Centrul Județean Vâlcea (APIA – iċ-Ċentru Dipartimentali ta’ Vâlcea, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“APIA Vâlcea”), dwar tnaqqis ta’ pagamenti li jippromwovu l-benesseri tal-annimali.

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament Nru 1698/2005

3        L-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Pagamenti għat-trattament xieraq tal-annimali”, kien jipprovdi:

“1.      Il-pagamenti għat-trattament xieraq tal-annimali previsti fl-Artikolu 36(a)(v) għandhom jingħataw lill-bdiewa li jieħdu impenji għat-trattament xieraq tal-annimali fuq bażi volontarja.

2.      Il-pagamenti għat-trattament xieraq tal-annimali jkopru biss dawk l-impenji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti skont l-Artikolu 4 u l-Anness III tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1782/2003 [tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269)] u rekwiżiti obbligatorji rilevanti oħra stabbiliti mil-leġislazzjoni nazzjonali u identifikati fil-programm.

Dawn l-impenji għandhom jittieħdu bħala regola ġenerali għal perijodu ta’ bejn ħames u seba’ snin. Fejn meħtieġ u ġustifikat, perijodu itwal għandu jiġi determinat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) għal tipi partikolari ta’ impenji.

3.      Il-pagamenti għandhom jingħataw kull sena u għandhom ikopru l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenn magħmul. Fejn meħtieġ, dawn jistgħu jkopru ukoll l-ispiża tat-transazzjoni.

L-appoġġ għandu jkunu limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness I.”

 IrRegolament (UE, Euratom) Nru 966/2012

4        L-Artikolu 59 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), intitolat “Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri”, kien jipprevedi:

“1.      Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’ġestjoni kondiviża, il-kompiti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu delegati lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni […]. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu l-obbligi rispettivi tagħhom tal-kontroll u l-awditjar u jassumu r-responsabbiltajiet li jirriżultaw u li huma stabbiliti f’dan ir-Regolament. […]

2.      Meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha, inklużi dawk leġislattivi, regolatorji u amministrattivi, biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġiferi:

(a)      jiżguraw li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit ikunu implimentati b’mod korrett u effikaċi u f’konformità mar-regoli applikabbli speċifiċi għas-settur u għal dak l-iskop jagħżlu skont il-paragrafu 3, u jissorveljaw korpi responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi tal-Unjoni;

[…]”

5        Dan ir-regolament tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mit‑2 ta’ Awwissu 2018, bir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36), li l-Artikolu 63(1) u (2)(a) u (b) tiegħu jikkorrispondu għall-Artikolu 59(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 966/2012.

 IrRegolament Nru 1303/2013

6        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1303/2013, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli komuni applikabbli għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li joperaw fl-ambitu ta’ qafas komuni (‘il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej’ – ‘Fondi ESI’). Huwa jistipula wkoll id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-Fondi ESI u l-koordinazzjoni tagħhom ma’ xulxin u ma’ strumenti oħrajn tal-Unjoni. Ir-regoli komuni li japplikaw għall-Fondi ESI huma stabbiliti fit-Tieni Parti.

It-Tielet Parti tistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw il-FEŻR, il-FSE (li flimkien jissejħu bħala l-‘Fondi Strutturali’) u l-Fond ta’ Koeżjoni li jikkonċerna l-kompiti, l-objettivi ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni (il-‘Fondi’), il-kriterji li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jissodisfaw sabiex ikunu eliġibbli għal sostenn mill-Fondi ESI, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-kriterji għall-allokazzjoni tagħhom.

Ir-Raba’ Parti tistabbilixxi r-regoli ġenerali applikabbli għall-Fondi u l-FEMS dwar il-ġestjoni u kontroll, ġestjoni finanzjarja, kontabilità u korrezzjonijiet finanzjarji.

[…]”

7        L-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 1303/2013, intitolat “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri”, jaqa’ taħt ir-Raba’ Parti ta’ dan ir-regolament, li min-naħa tagħha hija intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-Fondi u l-FEMS”. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu huma fformulati kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom qabel xejn jerfgħu r-responsabilità biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, u biex jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u jsegwu l-irkupri. F’każ ta’ irregolarità sistematika, l-Istat Membru għandu jestendi l-investigazzjoni tiegħu b’mod li jkopri l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu milquta.

2.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b’konnessjoni mal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operazzjonali. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew ta’ parti minnha f’operazzjoni jew fil-programm operazzjonali. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju li jġarrbu l-Fondi jew il-FEMS u għandu japplika korrezzjoni proporzjonata. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet għas-sena ta’ kontabilità li fiha tkun ittieħdet id- deċiżjoni dwar il-kanċellazzjoni.”

 IrRegolament (UE) Nru 1305/2013

8        L-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1), intitolat “Trattament xieraq tal-annimali”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-pagamenti għandhom jingħataw kull sena u għandhom jikkumpensaw lill-bdiewa għall-ispejjeż addizzjonali kollha jew parti minnhom u dħul mitluf li jirriżultaw mill-impenn meħud. Fejn ikun meħtieġ, dawn jistgħu jkopru wkoll spejjeż ta’ transazzjoni sal-valur massimu ta’ 20 % tal-primjum imħallas għall-impenji relatati mat-trattament xieraq tal-annimali.

L-appoġġ għandu jkun limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness II.”

9        L-Artikolu 88 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regolament [Nru 1698/2005]”, jipprovdi:

“Ir-Regolament [Nru 1698/2005] għandu jitħassar.

Ir-Regolament [Nru 1698/2005] għandu jibqa’ japplika għal operazzjonijiet implimentati skont il-programmi approvati mill-Kummissjoni taħt dak ir-Regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2014.”

 IrRegolament (UE) Nru 1306/2013

10      L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), intitolat “Fondi li jiffinanzjaw l-infiq agrikolu”, jipprevedi:

“1.      Biex jinkisbu l-objettivi tal-[politika agrikola komuni (PAK)] kif stabbilit[i] fit-TFUE, il-finanzjament tad-diversi miżuri li jaqgħu taħt dik il-politika, inkluż l-iżvilupp rurali għandu jsir:

(a)      mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG);

(b)      mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

2.      Il-FAEG u l-FAEŻR […] għandhom jaqgħu taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (il-‘baġit tal-Unjoni’).”

11      L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Infiq tal-FAEŻR”, jipprovdi:

“Il-FAEŻR għandu jiġi implimentat b’ġestjoni komuni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni. Huwa għandu jiffinanzja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programmi ta’ żvilupp rurali implimentati skont il-liġi tal-Unjoni dwar għajnuna għal żvilupp rurali.”

12      L-Artikolu 52 tal-imsemmi regolament, intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 ma jkunx sar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u, fir-rigward tal-FAEŻR, ma jkunx sar f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali msemmija fl-Artikolu 85 tar-[Regolament Nru 1303/2013], il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni. […]”

13      L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, jispeċifika, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-PAK, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex:

(a)      jivverifikaw il-legalità u r-regolarità ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-[FAEG u mill-FAEŻR];

(b)      jiżguraw prevenzjoni effikaċi kontra l-frodi, l-aktar f’oqsma b’livell ogħla ta’ riskju, u li sservi ta’ deterrent, waqt li jqisu l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll il-proporzjonalità tal-miżuri;

(c)      ma jħallux li jseħħu, jikxfu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;

(d)      jimponu pieni li jkunu effikaċi, dissważivi u proporzjonati skont il-liġi tal-Unjoni, jew, fin-nuqqas ta’ din, skont id-dritt nazzjonali, u jressqu l-proċedimenti legali għal dak il-għan, kif meħtieġ;

(e)      jirkupraw pagamenti mhux dovuti flimkien mal-imgħaxijiet, u jressqu proċediment legali għal dak il-għan, kif meħtieġ.”

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomanda preliminari

14      Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3831 tas‑16 ta’ Lulju 2008 li tapprova l-programm ta’ żvilupp rurali għar-Rumanija għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007‑2013 (iktar ’il quddiem il- “PNŻR 2007‑2013”), dan l-Istat Membru adotta dispożizzjonijiet favur it-titjib tal-benesseri tal-annimali. Permezz tad-Deċiżjoni C (2012) 3529 tal‑25 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni, fuq talba tal-imsemmi Stat Membru, inkludiet fil-PNŻR 2007‑2013 miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ pagamenti intiżi li jikkumpensaw it-telf ta’ dħul kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali sostnuti mill-bdiewa li kienu assumew volontarjament l-implimentazzjoni ta’ standards intiżi għat-titjib tal-benesseri tal-annimali (iktar ’il quddiem il-“miżura 215”). Fir-rigward tat-tjur, huwa previst, b’applikazzjoni ta’ din il-miżura, pagament annwali ta’ EUR 14.29 għal kull “unità grossa ta’ bhejjem” (iktar ’il quddiem “UGB”) bħala għajnuna għat-titjib tal-benesseri tal-annimali matul it-trasport (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għat-titjib tat-trasport”), u pagament annwali ta’ EUR 29.49/UGB bħala għajnuna għall-korrezzjoni tal-livell tan-nitriti u tan-nitrati fl-ilma użat (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għat-titjib tal-ilma”).

15      Fl‑14 ta’ Novembru 2012, Avicarvil talbet lill-APIA Vâlcea għajnuna mhux rimborsabbli għat-titjib tat-trasport u għat-titjib tal-ilma, inkambju għall-impenn tagħha li tirrispetta fl-azjendi tagħha, għal mill-inqas ħames snin, miżuri favur il-benesseri tat-tjur.

16      Fl‑14 ta’ Novembru 2014, Avicarvil ressqet quddiem l-APIA Vâlcea talba għall-ħlas ta’ din l-għajnuna mhux rimborsabbli għall-perijodu bejn is‑16 ta’ Ottubru 2014 u l‑15 ta’ Ottubru 2015, li jikkorrispondi għat-tielet sena tal-impenn tagħha. Fl‑10 ta’ Frar 2015, Avicarvil ippreżentat quddiem l-APIA Vâlcea rendikont parzjali dwar l-ewwel trimestru ta’ din it-tielet sena, fl-ammont ta’ EUR 806 544.72.

17      Fis‑16 ta’ Frar 2015, Avicarvil informat lill-APIA Vâlcea bit-trasferiment lil Avicarvil Farms ta’ tnejn mill-azjendi tagħha kkonċernati mit-talba tagħha għall-għajnuna.

18      Żjara ta’ awditu mwettqa fir-Rumanija bejn it‑18 u d‑29 ta’ Mejju 2015 mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri żvelat l-eżistenza ta’ żbalji li kienu wasslu għal livelli eċċessivi ta’ pagamenti fir-rigward tal-għajnuna mħallsa b’applikazzjoni tal-miżura 215.

19      Minħabba dawn l-iżbalji u sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ pagamenti mhux dovuti, il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, permezz ta’ nota tal‑20 ta’ Jannar 2016, ippropona li jsiru pagamenti parzjali kkalkolati abbażi ta’ ammonti provviżorji, imnaqqsa għal EUR 3.92/UGB għall-għajnuna għat-titjib tat-trasport, u għal EUR 10.91/UGB għall-għajnuna għat-titjib tal-ilma.

20      Konformement ma’ din in-nota, l-APIA Vâlcea naqqset l-ammont dovut lil Avicarvil Farms għat-tielet sena tal-impenn tagħha għal 4 175 442.65 leu Rumen (RON) (madwar EUR 844 700) permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Frar 2016 u tat‑2 ta’ Marzu 2016.

21      Peress li l-ilment amministrattiv tagħha kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie miċħud, Avicarvil Farms ippreżentat rikors quddiem it-Tribunalul Vâlcea (il-Qorti tal-Kontea ta’ Vâlcea, ir-Rumanija) intiż b’mod partikolari għall-annullament tagħhom u ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda kif ukoll għall-kumpens ta’ dannu ta’ ammont ekwivalenti għad-differenza bejn is-somma li hija tqis li hija dovuta lilha u dik li effettivament ingħatatilha, jiġifieri RON 1 285 221.42 (madwar EUR 286 700).

22      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Frar 2019, it-Tribunalul Vâlcea (il-Qorti tal-Kontea ta’ Vâlcea) ċaħdet ir-rikors ta’ Avicarvil Farms.

23      Dik il-qorti kkonstatat li r-rati ta’ għajnuna stabbiliti mill-PNŻR 2007‑2013 kienu kważi tliet darbiet ogħla mill-ispejjeż u mit-telf sostnuti minn Avicarvil Farms sabiex tosserva l-impenn meħud fil-qasam tal-benesseri tal-annimali. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-korrezzjoni ta’ dan l-iżball ma tippreġudikax l-aspettattivi leġittimi ta’ Avicarvil Farms. Hija fakkret li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni u li l-aġir ta’ awtorità nazzjonali ma jistax joħloq, fi ħdan operatur ekonomiku, aspettattivi leġittimi li ser jibbenefika minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Issa, f’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti qieset li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1698/2005, dwar il-pagamenti li jippromwovu l-benesseri tal-annimali, huma ċari ħafna.

24      Avicarvil Farms appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tas-soluzzjoni adottata mill-qorti tal-ewwel istanza. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-legalità tat-tnaqqis mill-awtoritajiet Rumeni tal-ammont tal-pagamenti previsti fil-PNŻR 2007‑2013, li abbażi tagħhom il-benefiċjarju kien impenja ruħu għal ħames snin li jwettaq ċerti spejjeż, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat‑13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 152, p. 29), inklużi dawk marbuta mal-għajnuna għat-titjib tat-trasport u dawk marbuta mal-għajnuna għat-titjib tal-ilma.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Pitești (il-Qorti tal-Appell ta’ Pitești, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 143 tar-[Regolament Nru 1303/2013], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 310 TFUE (prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba) u mal-Artikolu 40(3) tar-[Regolament Nru 1698/2005] (meħud mill-Artikolu 33(3) tar-[Regolament Nru 1305/2013], meqjus fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u dak ta’ ċertezza legali, jipprekludi prassi amministrattiva tal-awtoritajiet nazzjonali involuti fl-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ appoġġ finanzjarju mhux rimborsabbli li, bħala riżultat ta’ żball ta’ kalkolu kkonstatat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ħarġu dokumenti li jordnaw it-tnaqqis tal-ammont ta’ appoġġ finanzjarju rrikonoxxut mill-[PNŻR 2007‑2013], approvat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2012) 3529 tal‑25 ta’ Mejju 2012, qabel ma ġiet adottata deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni Ewropea li teskludi mill-finanzjament is-somom li jaqbżu l-ispejjeż addizzjonali u t-telf mid-dħul ikkawżat mill-impenji meħuda, li jirriżultaw minn żbalji ta’ kalkolu?”

 Fuq iddomanda preliminari

26      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Rumeni li jnaqqsu ċerti pagamenti ffinanzjati mill-FAEŻR favur miżuri meħuda għat-titjib tal-benesseri tal-annimali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-PNŻR 2007‑2013, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 1303/2013. Issa, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-Raba’ Parti tiegħu, li fiha jinsab dan l-Artikolu 143, tistabbilixxi r-regoli ġenerali applikabbli għall-FEŻR, għall-FSE, għall-Fond ta’ Koeżjoni u għall-FEMS f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni u l-kontroll, il-ġestjoni finanzjarja, il-kontijiet u l-korrezzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, l-Artikolu 143 tal-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli għall-FAEŻR. Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti għall-finijiet tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

27      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, li tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014 bir-Regolament Nru 1305/2013. Madankollu, mill-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 1305/2013 jirriżulta li r-Regolament Nru 1698/2005 jibqa’ japplika għall-operazzjonijiet implimentati skont il-programmi approvati mill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ dan ir-regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2014.

28      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-impenji favur il-benesseri tal-annimali li taw lok għall-ħlas tal-għajnuna kontenzjuża fil-kawża prinċipali ttieħdu matul is-sena 2012, b’applikazzjoni tal-miżura 215 li ġiet inkluża fil-PNŻR 2007‑2013 wara deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni tal‑25 ta’ Mejju 2012. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1698/2005 huwa applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

29      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, J. Sch. Omnibusunternehmen u K. Reisen, C‑416/21, EU:C:2022:689, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1306/2013 jirrigwarda speċifikament il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-kuntest tal-finanzjament tal-PAK, filwaqt li l-paragrafu 1 tiegħu jelenka speċifikament ċerti obbligi tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 u l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqrija flimkien mal-Artikolu 310(5) TFUE, kif ukoll mal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna finanzjarja mhux rimborsabbli jiddeċiedu, minħabba żball ta’ kalkolu kkonstatat mill-Qorti tal-Awdituri, li jnaqqsu l-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-PNŻR 2007‑2013, kif approvat mill-Kummissjoni, mingħajr ma jistennew l-adozzjoni minn din tal-aħħar ta’ deċiżjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somom li jirriżultaw minn dan l-iżball ta’ kalkolu.

31      Konformement mal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PAK, il-finanzjament tad-diversi miżuri li jaqgħu taħt din il-politika, inklużi dawk tal-iżvilupp rurali, huwa żgurat b’mod partikolari mill-FAEŻR. L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-FAEŻR għandu jiġi implimentat b’ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni.

32      L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 966/2012 kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’ġestjoni kondiviża, il-kompiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit huma ddelegati lill-Istati Membri u dawn tal-aħħar, kif ukoll il-Kummissjoni, huma b’mod partikolari obbligati li josservaw il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u li jissodisfaw l-obbligi rispettivi tagħhom ta’ kontroll u ta’ verifika. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 59, l-Istati Membri, meta jwettqu kompiti marbuta mal-implimentazzjoni tal-baġit, għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi kollha neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jiżguraw li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit jitwettqu korrettament, konformement mar-regoli settorjali applikabbli.

33      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni meta tikkonstata li l-infiq ma sarx konformement mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 58(1) tal-istess regolament, l-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-kuntest tal-PAK, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi kollha, kif ukoll kull miżura oħra neċessarja sabiex tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jiġu korretti l-irregolaritajiet u sabiex jiġu rkuprati l-pagamenti mhux dovuti.

34      Dawn id-dispożizzjonijiet jimplimentaw il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, kif stabbilit fl-Artikolu 310(5) TFUE, li jipprovdi li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jikkooperaw sabiex l-approprjazzjonijiet inklużi fil-baġit jintużaw konformement ma’ dan il-prinċipju.

35      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jobbligawx lill-Istati Membri jistennew deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somom li jirriżultaw minn żball fil-kalkolu tal-għajnuna qabel ma jirkupraw il-pagamenti mhux dovuti. Barra minn hekk, huwa diffiċli li tali obbligu jiġi rrikonċiljat mal-kompiti ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 966/2012 jagħti lill-Istati Membri meta l-baġit tal-Unjoni jiġi implimentat b’ġestjoni kondiviża, jew mal-obbligi imposti fuqhom mill-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull eżerċizzju, minn Stat Membru, ta’ setgħa diskrezzjonali dwar jekk huwiex opportun li jintalab jew le l-ħlas lura tal-fondi tal-Unjoni mogħtija indebitament jew irregolarment ikun inkompatibbli mal-obbligu li għandhom, fil-kuntest tal-PAK, l-amministrazzjonijiet nazzjonali li jirkupraw il-fondi mħallsa indebitament jew irregolarment (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jitfakkar ukoll li t-tilwimiet dwar l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament skont id-dritt tal-Unjoni għandhom, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni, jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħhom, bla ħsara għal-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta jadottaw miżuri li permezz tagħhom jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, li jinkludu fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju japplika għal kull individwu li fir-rigward tiegħu awtorità amministrattiva nazzjonali tkun ħolqot aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tatu (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk l-atti tal-awtorità amministrattiva kkonċernata ħolqux, għall-individwu kkonċernat, aspettattivi raġonevoli u, jekk dan ikun il-każ, għandha tiġi stabbilita n-natura leġittima ta’ dawn l-aspettattivi (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni u li l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq, għal individwu, aspettattivi leġittimi li ser jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 jistabbilixxi r-regoli dwar il-pagamenti li għandhom jingħataw kull sena lill-bdiewa għall-ispejjeż addizzjonali kollha jew parti minnhom u għat-telf tad-dħul kollu jew parti minnu li jirriżultaw mill-impenji li jkunu ħadu favur il-benesseri tal-annimali. Issa, din id-dispożizzjoni tipprevedi espliċitament li “[i]l-pagamenti għandhom jingħataw kull sena u għandhom ikopru l-ispejjeż addizzjonali u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenn magħmul [u, f]ejn meħtieġ, dawn jistgħu jkopru ukoll l-ispiża tat-transazzjoni”.

43      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis li hija stabbilita l-eżistenza ta’ kumpens żejjed. Fil-fatt, minħabba żbalji fil-kalkolu tal-pagamenti kumpensatorji kkonstatati mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-għajnuna taħt il-miżura 215 dwar it-tjur, dawn il-pagamenti kienu inizjalment iffissati b’rati li jeċċedu dawk neċessarji sabiex jikkumpensaw it-telf tad-dħul u l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-implimentazzjoni tal-miżura 215, bi ksur tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005. Sabiex tirrimedja għal dan il-kumpens żejjed, l-APIA Vâlcea naqqset l-ammonti inizjalment iffissati fil-PNŻR 2007‑2013.

44      Peress li dawn l-ammonti kienu ġew stabbiliti b’mod mhux konformi mal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-awtoritajiet Rumeni ma setgħux joħolqu favur Avicarvil Farms, irrispettivament mill-bona fide ta’ din tal-aħħar, aspettattivi leġittimi li kienet ser tibbenefika minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punti 53 sa 56, u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse, C‑516/16, EU:C:2017:1011, punti 70 sa 74).

45      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-fatt li Avicarvil, il-predeċessura legali tar-rikorrenti, kienet inizjalment impenjat ruħha li tosserva rekwiżiti speċifiċi għal perijodu minimu ta’ ħames snin inkambju għall-għajnuna taħt il-miżura 215 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Krücken, 316/86, EU:C:1988:201, punti 22 sa 24, u tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 56).

46      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li dan jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-individwi, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu b’ċertezza l-portata tal-obbligi imposti fuqhom mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u sabiex ikunu jistgħu jagħrfu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fid-dawl ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Teglgaard u Fløjstrupgård, C‑239/17, EU:C:2018:597, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 319).

47      Issa, kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 hija mingħajr ambigwità, peress li dan jindika b’mod ċar u preċiż l-ispejjeż addizzjonali u t-telf tad-dħul li l-pagamenti favur il-benesseri tal-annimali previsti f’dan l-Artikolu 40 għandhom l-għan li jkopru. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix li awtoritajiet nazzjonali, bħalma huma l-awtoritajiet Rumeni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jadottaw, minħabba żbalji ta’ kalkolu kkonstatati mill-Qorti tal-Awdituri, li wasslu għal kumpens żejjed ta’ dawn l-ispejjeż u ta’ dan it-telf, atti li jimponu modifika tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-PNŻR 2007‑2013 b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u dan minkejja li l-Kummissjoni tkun għadha ma adottatx deċiżjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somom li jaqbżu l-imsemmija spejjeż u telf u li jirriżultaw minn dawn l-iżbalji ta’ kalkolu.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 u l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqrija flimkien mal-Artikolu 310(5) TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna finanzjarja mhux rimborsabbli jadottaw, minħabba żball ta’ kalkolu kkonstatat mill-Qorti tal-Awdituri, atti li jimponu tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-PNŻR 2007‑2013, kif approvat mill-Kummissjoni, mingħajr ma jistennew l-adozzjoni minn din tal-aħħar ta’ deċiżjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somom li jirriżultaw minn dan l-iżball ta’ kalkolu.

 Fuq lispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 40(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2009 tad19 ta’ Jannar 2009, u l-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, moqrija flimkien mal-Artikolu 310(5) TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li l-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna finanzjarja mhux rimborsabbli jadottaw, minħabba żball ta’ kalkolu kkonstatat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, atti li jimponu tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-programm ta’ żvilupp rurali tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għar-Rumanija għall-perijodu ta’ programmazzjoni 20072013, kif approvat mill-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma jistennew l-adozzjoni minn din tal-aħħar ta’ deċiżjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somom li jirriżultaw minn dan l-iżball ta’ kalkolu.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.