Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-17 ta’ Novembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Piteşti - ir-Rumanija) – SC Avicarvil Farms SRL vs Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale, Agenţia pentru Finanţarea Investiţiilor Rurale, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură - Centrul Judeţean Vâlcea

(Kawża C-443/21) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni (PAK) – Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (KE) Nru 1698/2005 – Artikolu 40 – Programm nazzjonali ta’ żvilupp rurali 2007-2013 – Pagamenti li jippromwovu l-benesseri tal-annimali – Żbalji ta’ kalkolu – Tnaqqis fil-pagamenti mill-awtoritajiet nazzjonali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ ċertezza legali)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Piteşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SC Avicarvil Farms SRL

Konvenuti: Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale, Agenţia pentru Finanţarea Investiţiilor Rurale, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură - Centrul Judeţean Vâlcea

Dispożittiv

L-Artikolu 40(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009, u l-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, moqrija flimkien mal-Artikolu 310(5) TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li l-awtoritajiet nazzjonali li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna finanzjarja mhux rimborsabbli jadottaw, minħabba żball ta’ kalkolu kkonstatat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, atti li jimponu tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-programm ta’ żvilupp rurali tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għar-Rumanija għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, kif approvat mill-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma jistennew l-adozzjoni minn din tal-aħħar ta’ deċiżjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somom li jirriżultaw minn dan l-iżball ta’ kalkolu.

____________

1     ĠU C 452, 8.11.2021