Language of document : ECLI:EU:C:2023:341

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

27 ta’ April 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Artikolu 20 TFUE – Tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fil-pajjiż – Artikoli 5, 11 u 13 – Effett dirett – Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv – Deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin Ewropew minuri – Theddida għas-sigurtà nazzjonali – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz – Rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tissospendi l-effetti ta’ din id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni – Konsegwenzi”

Fil-kawża C‑528/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Awwissu 2021, fil-proċedura

M. D.

vs

Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Budapesti és Pest Megyei Regionális Igazgatósága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, L. S. Rossi, S. Rodin u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti, assistiti minn K. A. Jáger, bħala espert,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, A. Katsimerou, E. Montaguti, Zs. Teleki u M. A. Tokár, bħala aġenti

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikoli 5, 11 u 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M.D. u l-Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Budapesti és Pest Megyei Regionális Igazgatósága (id-Direttorat Reġjonali f’Budapest u fir-reġjun ta’ Pest tad-Direttorat Ġenerali Nazzjonali tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità tal-pulizija tal-barranin”) dwar il-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha din l-awtorità adottat deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront ta’ M.D.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IlKIFS

3        L-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU 2000, L 239, p. 19), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 85. p. 1) (iktar ’il quddiem il-“KIFS”), jipprovdi:

“1.      Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza, huwa għandu jwettaq tiftixa sistematika fis-Sistema tal-Informazzjoni ta’ Schengen. Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza għal persuna aljena li fil- konfront tagħha inħarġet twissija bil-għan li jiġi rifjutat id-dħul, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Istat Memrbu li jkun ħareġ it-twissija u għandu jieħu kont tal-interessi tiegħu; il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ għal raġunijet sostantivi biss, notevolment fuq raġunijet umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali.

Meta jinħareġ permess ta’ residenza, l-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jirtira t-twissija iżda jista’ jpoġġi lill-persuna aljena kkonċernata fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet.

[…]

2.      Meta jirriżulta li nħarġet twissija bil-għan li aljen li għandu permess ta’ residenza valida ma jitħalliex jidħol minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tikkonsulta lill-Parti li tkun ħarġet il-permess ta’ residenza sabiex tistabbilixxi jekk hemmx biżżejjed raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta’ residenza.

Jekk il-permess ta’ residenza ma jkunx irtirat, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tirtira t-twissija imma tista’ madankollu tpoġġi lill-aljen in kwestjoni fuq il-lista nazzjonali tagħha ta’ twissijiet.

[…]”

 IrRegolament (KE) Nru 1987/2006

4        L-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006, L 381, p. 4; rettifika fil-ĠU 2021, L 23, p. 19), jipprovdi:

“1.      Stat Membru li jkun qed joħroġ allert għandu jkun responsabbli li jassigura li d-data hi eżatta, aġġornata u hi mdaħħla fis-SIS II b’mod legali.

2.      L-Istat Membru li jkun ħareġ allert biss għandu jkun awtorizzat li jimmodifika, iżid ma’, jikkoreġi, jaġġorna jew iħassar data li jkun daħħal hu.

[…]”

 IdDirettiva 2008/115

5        Il-premessi 2, 22 u 24 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l‑4 u l‑5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(22)      F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal [adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta’ Novembru 1989,] “l-aħjar interessi tat-tfal” għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva. F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, ir-rispett għall-ħajja tal-familja għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva.

[…]

(24)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

6        L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)      huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.”

7        Il-punti 3 u 6 tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [din id-direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

[…]

6)      ‘projbizzjoni fuq id-dħul’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn”.

8        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)      l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)      il-ħajja familjari,

(c)      l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

9        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

[…]

6.      Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi [tal-Unjoni] u nazzjonali.” 

10      Skont l-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva:

Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

11      L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.”

12      L-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)      jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)      jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.”

13      L-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 huwa fformulat kif ġej:

“1.      “Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.”

2.      L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.”

 Iddritt Ungeriż

 IlLiġi I

14      L-Artikolu 33 tal‑2007. évi I. törvény a szabad mozgás és tartózkodás jogával rendelkező személyek beutazásáról és tartózkodásáról (il-Liġi Nru I tal‑2007, dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Persuni Li Jgawdu minn Dritt ta’ Moviment Liberu u ta’ Residenza), tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (Magyar Közlöny 2007/1.) (iktar ’il quddiem il-“Liġi I”), jipprovdi:

“Id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza tal-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jista’ jiġi ristrett biss, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, abbażi ta’ aġir personali tal-persuna kkonċernata li tirrappreżenta theddida reali, diretta u serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika, għas-sigurtà nazzjonali jew għas-saħħa pubblika.”

15      L-Artikolu 42(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“It-tkeċċija mill-pulizija tal-barranin ma tistax tiġi ordnata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ Stat Membru taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] jew ta’ membru tal-familja tiegħu li:

(a)      jirrisjedi legalment għal iktar minn għaxar snin fit-territorju tal-Ungerija,

(b)      huwa minuri, ħlief jekk it-tkeċċija ssir fl-interess tal-minuri.”

 IlLiġi II

16      L-Artikolu 43 tal-a harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi Nru II tal‑2007 dwar id-Dħul u r-Residenza ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi), tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (Magyar Közlöny 2007/1.) (iktar ’il quddiem il-“Liġi II”), jipprevedi:

“1.      L-awtorità tal-pulizija tal-barranin għandha tordna projbizzjoni awtonoma ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi f’post mhux magħruf jew barra mill-pajjiż,

(a)      li fir-rigward tiegħu l-Ungerija impenjat ruħha, fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali, li tiżgura l-osservanza tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza;

(b)      li l-projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ residenza tiegħu tkun ġiet imposta mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

(c)      li d-dħul u r-residenza tiegħu jippreġudikaw jew jipperikolaw is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku;

[…]

3.      L-inizjattiva tal-projbizzjoni awtonoma ta’ dħul u ta’ residenza għar-raġuni stabbilita fil-paragrafu 1(c) […] tista’ tittieħed ukoll mill-korpi taż-żamma tal-ordni indikati fid-digriet tal-Gvern, fl-isfera ta’ kompetenza tagħhom, sabiex iwettqu l-kompiti marbuta mal-protezzjoni tal-interessi ddefiniti fil-liġi. Jekk il-projbizzjoni awtonoma ta’ dħul u ta’ residenza u t-tkeċċija mill-pulizija tal-barranin huma imposti għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1(c) […] il-korpi ta’ żamma tal-ordni indikati fid-digriet tal-Gvern, fil-każijiet li jaffettwaw il-kompiti u l-kompetenzi tagħhom, għandhom jifformulaw proposta dwar it-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza. L-awtorità tal-pulizija tal-barranin ma tistax tiddevja mill-kontenut tal-proposta.”

17      L-Artikolu 44(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“It-tul tal-projbizzjoni awtonoma ta’ dħul u ta’ residenza skont l-Artikolu 43(1)(a) u (b) għandu jkun allinjat mat-tul tal-obbligu jew tal-projbizzjoni li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni. It-tul tal-projbizzjoni awtonoma ta’ dħul u ta’ residenza skont l-Artikolu 43(1)(c) sa (f) huwa ddefinit mill-awtorità tal-pulizija tal-barranin li tieħu d-deċiżjoni u huwa ta’ tul massimu ta’ mhux iktar minn tliet snin, li jista’, jekk ikun il-każ, jiġi estiż b’massimu ta’ tliet snin addizzjonali. Il-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza għandha tintemm immedjatament jekk ir-raġuni li għaliha tkun inħarġet ma tkunx għadha teżisti.”

18      Skont l-Artikolu 45(1) tal-imsemmija liġi:

“1)      Qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-pulizija tal-barranin fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza fid-dawl tar-rabtiet familjari tiegħu, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti li ġejjin:

(a)      It-tul tar-residenza;

(b)      l-età u s-sitwazzjoni tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u l-konsegwenzi possibbli tat-tkeċċija tiegħu għall-membri tal-familja tiegħu;

(c)      ir-rabtiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mal-Ungerija kif ukoll l-assenza ta’ relazzjonijiet mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.”

19      L-Artikolu 87/B(4) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-awtorità tal-pulizija tal-barranin adita bil-każ hija marbuta mill-opinjoni tal-awtorità speċjalizzata fir-rigward tal-kwistjoni tal-perizja kkonċernata.”

 IlLiġi Emendatorja

20      L-Artikolu 17 tal-Liġi tal‑2018. Évi CXXXIII. törvény az egyes migranciós tárgyú és kapcsolódó törvények módosításáról (il-Liġi Nru CXXXIII tal‑2018, li Emendat Ċerti Liġijiet fil-Qasam tal-Migrazzjoni u Dispożizzjonijiet Oħra Relatati), tal‑21 ta’ Diċembru 2018 (Magyar Közlöny 2018/208.) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja”), daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019. Huwa jipprevedi:

“Il-Liġi I hija kkompletata permezz tal-Artikolu 94 li ġej:

“94. § 1)      Fil-proċeduri dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini Ungeriżi li nbdew jew inbdew mill-ġdid wara d-dħul fis-seħħ tal-[Liġi Emendatorja], għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Liġi II.

[…]

4)      Il-permess ta’ residenza jew il-permess ta’ residenza permanenti taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu permess ta’ residenza jew permess ta’ residenza permanenti validu bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Ungeriż ser jiġi rtirat mingħandu:

[…]

(b)      jekk ir-residenza taċ-ċittadin ta’ Stat terz tikkomprometti l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tal-Ungerija.

5)      Fil-kwistjonijiet ta’ perizja ddefiniti fil-paragrafu 4(b), l-awtoritajiet speċjalizzati maħtura għandhom jiġu kkuntattjati, skont ir-regoli tal-Liġi II dwar il-ħruġ ta’ permess ta’ stabbiliment, sabiex jitolbu opinjoni esperta.

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

21      M. D. huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, li wasal fl-Ungerija matul is-sena 2002. Huwa stabbilixxa ruħu f’dan l-Istat Membru ma’ ommu kif ukoll mas-sieħba tiegħu u mal-wild minuri tagħhom, li twieled fl‑2016, it-tnejn li huma ta’ nazzjonalità Ungeriża. Dawn it-tliet persuni kollha jiddependu fuq M. D. Huwa kien jaħdem f’forn li kien imexxi. Huwa għandu erba’ fran oħra fl-Ungerija u stabbilixxa l-kumpannija tiegħu fis-Slovakkja.

22      Fil‑31 ta’ Mejju 2003, M. D. ingħata permess ta’ residenza fit-territorju Ungeriż. Dan il-permess ta’ residenza ġie estiż diversi drabi.

23      Fit‑12 ta’ Ġunju 2018, M. D. ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza permanenti, li ġiet miċħuda mill-awtorità tal-pulizija tal-barranin. Peress li M. D. ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija għal reat ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti mwettaq bl-għoti ta’ għajnuna għall-qsim tal-fruntiera, din l-awtorità ppreżentat rikors fil-qasam ta’ sigurtà nazzjonali, li sussegwentement għalih l-Alkotmányvédelmi Hivatal (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, l-Ungerija), qies li l-aġir ta’ M. D. kellu jitqies li jikkostitwixxi theddida reali, diretta u serja għas-sigurtà nazzjonali.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2018, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin ikkonstatat li d-dritt ta’ residenza ta’ M. D. kien intemm. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2018 tal-istess awtorità, li tiddeċiedi fit-tieni istanza. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu bbażati fuq l-opinjoni tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni msemmi fil-punt preċedenti.

25      Fit‑3 ta’ Jannar 2019, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin adottat deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ M. D. u imponiet fuqu projbizzjoni ta’ dħul u residenza għal ħames snin. Madankollu, din id-deċiżjoni ġiet irtirata fit‑18 ta’ Frar 2019, minħabba li tmur kontra l-Artikolu 42(1) tal-Liġi I.

26      Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2019, il-Fġvárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) annullat id-deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2018 tal-awtorità tal-pulizija tal-barranin u estendiet l-effetti ta’ dan l-annullament għad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2018 ta’ din l-awtorità, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx uriet li l-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 33 tal-Liġi I kienu ssodisfatti, peress li hija kienet ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq opinjoni tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni, li ma kienx intervjena fil-proċedura inkwistjoni bħala awtorità speċjalizzata. Barra minn hekk, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin ma kinitx evalwat iċ-ċirkustanzi tal-każ, ħaġa li hija kellha tagħmel, minkejja li M.D. kien jikkostitwixxi theddida reali, diretta u serja għas-sigurtà nazzjonali u għall-ordni pubbliku. Minbarra dan, l-imsemmija qorti ordnat lill-istess awtorità tevalwa, fil-kuntest ta’ proċedura ġdida, iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari l-fatt li M.D. u s-sieħba tiegħu kienu stabbilixxew ħajja tal-familja fl-Ungerija mal-wild minuri tagħhom, li huwa ċittadin Ungeriż.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2019, wara din il-proċedura ġdida, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin irtirat il-permess ta’ residenza ta’ M.D., billi bbażat ruħha fuq opinjoni tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni u tal-Pest Megyei Rendőr-főkapitányság (il-Kummissarju Prinċipali tal-Kontea ta’ Pest, l-Ungerija), li abbażi tagħha l-aġir personali ta’ M.D. kien jirrappreżenta theddida reali, diretta u serja għas-sigurtà nazzjonali. L-awtorità tal-pulizija tal-barranin, li ddeċidiet fit-tieni stanza, ikkonfermat din id-deċiżjoni, billi enfasizzat b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 87/B(4) tal-Liġi II, applikabbli mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja, hija ma setgħetx tinjora din l-opinjoni.

28      Il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn M.D. kontra l-imsemmija deċiżjoni.

29      Il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) ikkonfermat din is-sentenza, billi qieset li d-data ppreżentata kienet suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li r-residenza ta’ M.D. fl-Ungerija kienet tikkostitwixxi theddida reali, diretta u serja għas-sigurtà nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru u li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ din it-theddida, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni personali ta’ M.D. ma setgħetx twassal għal evalwazzjoni pożittiva tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

30      Fl‑14 ta’ Ottubru 2020, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin adottat deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, għal perijodu ta’ tliet snin, fir-rigward ta’ M.D. u daħħlet allert dwar din il-projbizzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen (iktar ’il quddiem is-“SIS”).

31      Din l-awtorità qieset li, b’mod konformi mal-Artikolu 94(1) tal-Liġi I, inkluż f’din tal-aħħar permezz tal-Liġi Emendatorja, M.D. kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi II. Hija indikat ukoll li l-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni kien jirrakkomanda t-tkeċċija ta’ M.D. kif ukoll l-adozzjoni, fil-konfront tiegħu ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ta’ perijodu ta’ għaxar snin. L-imsemmija awtorità rrilevat ukoll li kien ingħata permess ta’ residenza lil M.D. mill-awtoritajiet Slovakki għal perijodu ta’ sentejn, mis‑26 ta’ Frar 2019.

32      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin qieset li l-aġir ta’ M.D. kien jirrappreżenta theddida għas-sigurtà nazzjonali tal-Ungerija.

33      Id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza adottata fir-rigward ta’ M.D., imsemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, ma kinitx ippreċeduta mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, peress li M.D. kien telaq mit-territorju Ungeriż fl‑24 ta’ Settembru 2020.

34      Adita minn M. D. b’rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fl-ewwel lok, li l-imsemmija deċiżjoni, minkejja li ġiet adottata meta M. D. ma kienx għadu jirrisjedi fl-Ungerija, għandha titqies bħala projbizzjoni ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115.

35      Din il-qorti tindika, minn naħa, li l-permess ta’ residenza mogħti lil M. D. mill-awtoritajiet Slovakki ma setax jiġi estiż, minħabba l-istess deċiżjoni u minħabba l-allert dwar M. D. fis-SIS, u, min-naħa l-oħra, li, fid-data tat-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, M. D. kien jirrisjedi fl-Awstrija u ma setax jirritorna fl-Ungerija, peress li l-awtorità tal-pulizija tal-barranin irrifjutat li teżegwixxi d-digriet definittiv li permezz tiegħu l-imsemmija qorti kienet issospendiet l-effetti tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza inkwistjoni.

36      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fit-tieni lok, li l-Liġi I, filwaqt li tittrasponi d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5 p. 46), kellha kamp ta’ applikazzjoni li kien jestendi, b’mod partikolari, għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin Ungeriż li ma jkunx eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu. Għalhekk, din il-liġi kienet tippermetti lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jirrisjedu fl-Ungerija taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ Stati Membri taż-ŻEE li għamlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom. Madankollu, il-Liġi Emendatorja, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019, eskludiet liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin Ungeriż, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi I u għamlet applikabbli għad-dħul u għar-residenza tagħhom il-Liġi II, li, sa dak iż-żmien, kienet tirregola biss id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kinux membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru taż-ŻEE.

37      Skont l-Artikolu 17 ta’ din il-Liġi Emendatorja, il-Liġi II hija applikabbli wkoll għall-proċeduri li, bħal f’dan il-każ, inbdew mill-ġdid wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija Liġi Emendatorja. Issa, skont din il-Liġi II, il-permess ta’ residenza jew ta’ residenza permanenti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi rtirat iktar faċilment milli taħt il-Liġi I, b’mod partikolari fil-każ fejn l-aġir ta’ dan iċ-ċittadin jippreġudika l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali tal-Ungerija. Għalhekk, f’tali każ, it-tkeċċija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandha tiġi ordnata, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-familja jew personali ta’ dan iċ-ċittadin.

38      Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod partikolari, li, permezz tas-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri) (C‑112/20, EU:C:2021:197), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tal-Karta, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild qabel ma jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, anki meta d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni ma jkunx minuri, iżda missier il-minuri.

39      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fit-tielet lok, li ċ-ċittadini Ungeriżi, membri tal-familja ta’ M. D., ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għal moviment liberu fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li, konsegwentement, M. D. ma jista’ jinvoka dritt ta’ residenza dderivat la fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38 u lanqas fuq l-Artikolu 21 TFUE.

40      Madankollu, din il-qorti tosserva li, fil-każ ta’ eżekuzzjoni immedjata tat-tkeċċija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ordnata għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, il-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin li jkollhom, bħal f’dan il-każ, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandhom, huma wkoll, jitilqu mit-territorju Ungeriż, peress li, fin-nuqqas ta’ dan, l-unità tal-familja tinkiser b’mod permanenti, peress li r-raġuni marbuta mas-sigurtà nazzjonali tipprekludi wkoll il-ħruġ ta’ viża. Issa, l-imsemmija qorti tfakkar li r-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jqiegħed inkwistjoni l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza li twassal sabiex dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja tiegħu, u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni.

41      L-istess qorti tqis li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Ungeriż ma tipprevedi li ċ-ċirkustanzi personali u familjari għandhom ikunu eżaminati qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jkollhomx permess ta’ residenza. M. D. jinsab, għalhekk, f’sitwazzjoni inqas favorevoli mhux biss minn dik taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt għal moviment liberu tiegħu, iżda wkoll minn dik taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma humiex membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, peress li s-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar ċittadini ta’ pajjiż terz hija rregolata mid-direttivi trasposti permezz tal-Liġi II, imma ma humiex applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiż terz li, bħal M. D., huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

42      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-leġiżlazzjoni l-ġdida Ungeriża tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika oħra, jistax jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 42(1) tal-Liġi I, li kien japplika għal M. D. sal‑1 ta’ Jannar 2019, jew jekk hija tistax tiddevja mid-dritt nazzjonali u tibbaża d-deċiżjoni tagħha direttament fuq id-Direttiva 2008/115.

43      Fl-aħħar lok, din il-qorti tqis li ma teżistix ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rifjut tal-awtorità tal-pulizija tal-barranin li teżegwixxi digriet bħal dak li permezz tiegħu hija ordnat is-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza adottata fil-konfront ta’ M. D., imsemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115/KE u l-Artikolu 20 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 20, 24 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru fejn, anki fil-proċeduri mibdija mill-ġdid, fuq ordni, fi proċeduri mressqa preċedentement, tiġi ordnata l-applikazzjoni ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni bil-konsegwenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jitqiegħed taħt sistema proċedurali li hija ħafna iktar sfavorevoli, sa tali punt li jitlef l-istatus tiegħu, miksub abbażi tat-tul tas-soġġorn tiegħu sa dak il-punt, ta’ persuna li ma tistax tiġi mkeċċija anki għal raġunijiet relatati mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika u mas-sigurtà nazzjonali, u sussegwentement, abbażi tal-istess fatti u tal-istess raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, jara l-applikazzjoni tiegħu għal soġġorn permanenti tiġi rrifjutata u l-karta ta’ soġġorn li kienet inħarġitlu tiġi rtirata u, iktar minn hekk, ikun is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ xi proċedura, tas-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, u b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, tal-fatt li huwa responsabbli għal ċittadin Ungeriż minuri, fejn il-konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni tkun jew il-ksur tal-unità tal-familja, jew inkella li ċ-ċittadini tal-Unjoni membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, fosthom wild minuri, ikunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru?

2)      L-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115/KE u l-Artikolu 20 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika ta’ Stat Membru fejn is-sitwazzjoni personali u familjari taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma tiġix eżaminata qabel ma tiġi deċiża l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn, għar-raġuni li s-soġġorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi theddida reali, diretta u gravi għas-sigurtà nazzjonali tal-pajjiż?

Jekk ir-risposta [għall-ewwel u għat-tieni domanda] għandha tkun fl-affermattiv:

3)      L-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva [2008/115] u l-Artikolu 20 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta, kif ukoll il-premessa 22 tad-Direttiva 2008/115/KE li timponi l-obbligu li l-interess superjuri tal-wild jittieħed inkunsiderazzjoni bħala konsiderazzjoni primarja, u l-premessa 24 tal-istess direttiva, li timponi r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipji sanċiti fil-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk qorti nazzjonali, billi tibbaża ruħha fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkonstata li d-dritt ta’ Stat Membru jew il-prattika tal-awtorità tal-pulizija tal-barranin ibbażata fuq dan id-dritt tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija tista’, fil-kuntest tal-eżami tal-bażi legali tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn, tieħu inkunsiderazzjoni, inkwantu dritt kweżit tar-rikorrent fil-kawża preżenti, il-fatt li, taħt is-sistema [tal-Liġi I] ir-rikorrent jissodisfa r-rekwiżiti neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42 [ta’ din il-liġi], jiġifieri jkun issoġġorna legalment fl-Ungerija għal iktar minn 10 snin, jew inkella l-imsemmija qorti għandha, fil-kuntest tal-eżami tan-natura infondata tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn, tibbaża ruħha, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjari, fuq l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet f’dan is-sens fil-[Liġi II]?

4)      Prattika ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, fil-kuntest ta’ kontenzjuż dwar ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandu dritt għal rimedju, l-awtorità tal-pulizija tal-barranin ma teżegwixxix deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tordna protezzjoni ġudizzjarja immedjata kontra l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, billi tinvoka l-fatt li hija diġà ħarġet allert dwar projbizzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn fis-[SIS], bil-konsegwenza li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita fiżikament id-dritt tiegħu għal rimedju u li jidħol fl-Ungerija għat-tul tal-proċedura, qabel ma tittieħed deċiżjoni definittiva fil-kawża tiegħu, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 u mad-dritt għal smigħ xieraq sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

45      Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Settembru 2021, il-Ħames Awla ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ t-talba intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

47      Fl‑1 ta’ Ottubru 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li din il-kawża għandha tiġi deċiża bi prijorità, konformement mal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà

48      Skont il-Gvern Ungeriż, id-domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn dawn huma intiżi, minn naħa, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-irtirar tad-dritt ta’ residenza ta’ M. D. fit-territorju Ungeriż, meta dan l-irtirar ma huwiex is-suġġett tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju u, min-naħa l-oħra, għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, meta d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li hija ġiet adottata wara li M. D. telaq mit-territorju Ungeriż.

49      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija responsabbli li tiddefinixxi, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Eżami ex officio tad-detenzjoni), C‑704/20 u C‑39/21, EU:C:2022:858, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mir-risposta mogħtija mill-qorti tar-rinviju għat-talba għal informazzjoni li saritilha, minn naħa, jirriżulta li din il-qorti hija mitluba tistħarreġ biss ir-regolarità tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza adottata fil-konfront ta’ M. D., peress li d-deċiżjoni li rtirat id-dritt ta’ residenza ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju Ungeriż saret definittiva u, min-naħa l-oħra, li din il-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza tapplika għat-territorju kollu tal-Unjoni.

51      Minn dan isegwi li, kif isostni l-Gvern Ungeriż, id-domandi preliminari huma utli għas-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss sa fejn dawn jikkonċernaw id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza li għaliha M. D. kien suġġett u li, għaldaqstant, huma ammissibbli biss f’dan ir-rigward.

52      Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-utilità li d-Direttiva 2008/115 tiġi interpretata fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, meta, bħal f’din il-kawża, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, ASADE, C‑436/20, EU:C:2022:559, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ilmertu

 Fuq lewwel u ttieni domanda

53      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 7, 20, 24 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, minħabba li l-aġir ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi theddida reali, diretta u serja għas-sigurtà nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru, mingħajr ma tiġi eżaminata s-sitwazzjoni personali u familjari tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz.

54      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-Gvern Ungeriż, il-leġiżlazzjoni Ungeriża applikabbli tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni personali u familjari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz qabel ma tiġi adottata fil-konfront tiegħu deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni.

55      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu. Għaldaqstant, l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jitwettaq fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mogħtija mill-qorti tar-rinviju u mhux fid-dawl ta’ dik invokata mill-Gvern ta’ Stat Membru (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn), C‑825/21, EU:C:2022:810, punt 35).

56      Minn dan isegwi li hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda billi wieħed jitlaq mill-premessa, li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li d-dritt nazzjonali ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni personali u familjari taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni fil-konfront tiegħu.

–       Fuq lArtikolu 20 TFUE

57      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 42, u tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni), C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 37).

58      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, b’tali mod li jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 43 u 44, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja–Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 45).

59      Madankollu, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreġudika l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza li twassal sabiex dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fl-intier tiegħu (sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 52, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja –Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fit-tieni lok, bħar-rifjut jew it-telf ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni, imposta fuq ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, tista’ twassal sabiex dan iċ-ċittadin jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija mill-istatus tiegħu, meta, minħabba r-relazzjoni ta’ dipendenza eżistenti bejn dawn il-persuni, din il-projbizzjoni ta’ dħul tobbliga, fil-fatt, lill-imsemmi ċittadin jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, sabiex jakkumpanja l-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett tal-imsemmija projbizzjoni (ara b’analoġija s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 32).

61      F’dan il-każ, il-wild minuri ta’ M. D., bħal ommu, jibbenefikaw, bħala ċittadini tal-Unjoni, mid-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 TFUE. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza imposta fuq M. D. twassal sabiex dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu, fil-fatt, imċaħħda mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali li huma jisiltu mill-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni. Dan ikun il-każ jekk ikun hemm, bejn M. D. u l-wild minuri tiegħu jew is-sieħba tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jġiegħel lil dan il-wild minuri jew lil din is-sieħba jitilqu, huma wkoll, fil-fatt, mit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punti 65 u 71 sa 75, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja –Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 56 kif ukoll punti 64 sa 69).

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-qorti tar-rinviju, M. D. kellu dritt ta’ residenza fis-Slovakkja fid-data li fiha l-permess ta’ residenza tiegħu fit-territorju Ungeriż ġie rtirat. Għaldaqstant, tali rtirar ma jidhirx li seta’ ġiegħel, fil-fatt, lill-wild minuri ta’ M. D. u s-sieħba tiegħu, omm dan il-wild, jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, peress li xejn ma jindika li kien impossibbli għal dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu legalment fis-Slovakkja.

63      Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex għalhekk ċert li l-irtirar tal-permess ta’ residenza ta’ M. D. mill-awtoritajiet Ungeriżi seta’ kiser l-Artikolu 20 TFUE (ara b’analoġija s-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punti 34 u 35).

64      Għall-kuntrarju, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-effetti tagħha għandhom dimensjoni Ewropea, l-awtoritajiet Ungeriżi ċaħħdu lil M. D. minn kull dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E, C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 42).

65      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Stat Membru ma jistax jipprojbixxi d-dħul fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li membru tal-familja tiegħu huwa ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, mingħajr ma tkun ġiet ivverifikata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, kif deskritta fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u dan il-membru tal-familja. Għall-kuntrarju, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw, b’mod partikolari, abbażi tal-elementi li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jipprovdulhom liberament u billi jwettqu, jekk ikun hemm bżonn, ir-riċerki neċessarji, jekk teżistix, bejn dawn iż-żewġ persuni, tali relazzjoni ta’ dipendenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni), C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 53).

66      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li M. D. ġie mċaħħad mid-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju Ungeriż minħabba li l-aġir tiegħu kien jikkostitwixxi theddida reali, diretta u serja għas-sigurtà nazzjonali u li l-adozzjoni, fil-konfront tiegħu, ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-istess motiv.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, mid-dritt ta’ residenza dderivat, li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE, għall-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmi fil-punt 58 ta’ din is-sentenza sabiex tiġi ggarantita ż-żamma tal-ordni pubbliku jew il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Dan jista’ jkun il-każ meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta theddida reali, attwali u serja biżżejjed għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika jew nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni ta’ tali deroga ma tistax tkun ibbażata biss fuq il-fedina penali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Din tista’ tirriżulta biss, jekk ikun il-każ, minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom u, fost oħrajn, tal-aħjar interess tal-wild minuri, li huwa ċittadin tal-Unjoni. Għalhekk, jistgħu b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti l-gravità tal-ksur imwettaq u l-grad ta’ severità ta’ dawn il-kundanni kif ukoll it-terminu bejn id-data tal-għoti tagħhom u d-data li fiha din l-awtorità tiddeċiedi. Meta r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni minuri tirriżulta mill-fatt li tal-ewwel huwa l-ġenitur tat-tieni, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni l-età ta’ dan il-wild u l-istat ta’ saħħa tiegħu, kif ukoll is-sitwazzjoni familjari u ekonomika ta’ dan iċ-ċittadin minuri tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja–Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għaldaqstant, meta relazzjoni ta’ dipendenza, kif deskritta fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, tiġi stabbilita bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u l-membru tal-familja tiegħu, li huwa ċittadin tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jipprojbixxi d-dħul u r-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Unjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali biss wara li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, l-aħjar interessi tal-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni.

70      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, mingħajr ma jkun eżamina, preċedentement, jekk teżistix, bejn dawn il-persuni, relazzjoni ta’ dipendenza li ġġiegħel, fil-fatt, lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, sabiex jakkumpanja lil dan il-membru tal-familja tiegħu, u, jekk iva, jekk ir-raġunijiet li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni tiġi adottata jawtorizzaw li ssir deroga mid-dritt ta’ residenza dderivat ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

–       Fuq idDirettiva 2008/115

71      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju kollu tal-Unjoni meħuda, minn Stat Membru, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, meta, bħal f’dan il-każ, din id-deċiżjoni tittieħed wara li dan iċ-ċittadin ikun telaq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma tkun ġiet adottata ebda deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah.

72      F’dan ir-rigward, l-ewwel, mill-premessa 2 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li din tal-aħħar hija ntiża sabiex tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni, abbażi ta’ standards komuni għar-ritorn tal-persuni kkonċernati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom u tad-dinjità tagħhom. Kif jirriżulta kemm mit-titolu tagħha, kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi għal dan il-għan “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115, li ma jidhrux li huma applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din id-direttiva tapplika għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, peress li ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, huwa għandu, bħala prinċipju, ikun suġġett għall-istandards u għall-proċeduri komuni previsti minnha għar-ritorn tiegħu, u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, skont il-każ, ġiet irregolarizzata (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija –Cannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi, min-naħa tiegħu, li ladarba tiġi stabbilita n-natura irregolari tar-residenza, kull ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu u fl-osservanza stretta tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li għandha tidentifika, fost il-pajjiżi terzi msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-direttiva, dak li lejh għandu jitneħħa (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija –Cannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Madankollu, mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li hemm lok li ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru filwaqt li jkollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, jitħalla jmur f’dan tal-aħħar minflok tiġi adottata, mill-bidu nett, fil-konfront tiegħu, deċiżjoni ta’ ritorn, sakemm l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali ma jeżiġux tali deċiżjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2021, M et (Trasferiment lejn Stat Membru), C‑673/19, EU:C:2021:127, punt 35).

76      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, ma jkunx osserva l-obbligu tiegħu ta’ ritorn jew meta l-ebda terminu ta’ tluq volontarju ma jkun ingħata lilu, li jista’ jkun il-każ, konformement mal-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva, meta l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi periklu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K. A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 86). Fil-każijiet l-oħra, minn dan l-Artikolu 11(1) jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw tali projbizzjoni ta’ dħul flimkien mad-deċiżjonijiet ta’ ritorn.

77      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li projbizzjoni ta’ dħul tikkostitwixxi għalhekk mezz intiż sabiex tiżdied l-effikaċja tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-ritorn, billi tiggarantixxi li, għal ċertu perijodu wara t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, tali ċittadin ma jkunx jista’ jidħol mill-ġdid fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, JZ (Piena ta’ priġunerija fil-każ ta’ projbizzjoni ta’ dħul), C‑806/18, EU:C:2020:724, punt 32).

78      It-tieni, il-fatt li, bħal f’dan il-każ, ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul mingħajr ma kien, preċedentement, id-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma jimplikax neċessarjament li din id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

79      Ċertament, mill-punt 6 tal-Artikolu 3 u mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, bħala prinċipju, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma hijiex konċepibbli mingħajr ma tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin.

80      Madankollu, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Ungerija pprojbixxiet lil M. D. milli jidħol fit-territorju tal-Unjoni, minħabba li l-aġir tiegħu kien jikkostitwixxi theddida reali, diretta u serja għas-sigurtà nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, ġiet adottata fl-estensjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-imsemmi Stat Membru rtiralu, għal raġuni identika, id-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju tal-istess Stat Membru.

81      Issa, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li, f’tali każ, l-Istat Membru li fih jirrisjedi irregolarment iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa obbligat li jadotta deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu, anki meta dan tal-aħħar ikollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2018, E, C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 48).

82      F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, kif sostna l-Gvern Ungeriż, l-assenza ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn hija spjegata, f’dan il-każ, mill-kumplessità tal-proċess deċiżjonali stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw għalih mid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 69, u tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Direttiva dwar id-data personali – Qasam kriminali), C‑658/19 EU:C:2021:138, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83      Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-għan u għall-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2008/115 li jitqies li deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal raġuni ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, minħabba l-fatt li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma kienx is-suġġett, preċedentement, ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

84      Li jitqies, f’tali każ, li d-Direttiva 2008/115 ma tapplikax għal din id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, iċaħħad indebitament lill-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz mill-garanziji sostanzjali u proċedurali li l-Istati Membri huma obbligati josservaw, skont din id-direttiva, meta jkollhom l-intenzjoni li jadottaw tali deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul.

85      Tali konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Westerwaldkreis (C‑546/19, EU:C:2021:432), peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet distinta minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul inkwistjoni fl-imsemmija sentenza kienet inżammet, minkejja li d-deċiżjoni ta’ ritorn, li din id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul kienet takkumpanja, kienet ġiet irtirata.

86      It-tielet, il-fatt li, fid-data li fiha ġiet adottata deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, dan tal-aħħar ma kienx għadu jinsab f’residenza irregolari fit-territorju tal-Istat Membru li adotta din id-deċiżjoni lanqas ma huwa biżżejjed sabiex din id-deċiżjoni tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115.

87      Fil-fatt, minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, tali deċiżjoni ta’ projbizzjoni għandha l-għan li tipprojbixxi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat milli jirritorna fit-territorju tal-Unjoni wara li jkun telaq minnu. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti li deċiżjoni ta’ ritorn u deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul jiġu adottati fl-istess ħin, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma timponi dan. Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul tiġi adottata wara t-tluq taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mit-territorju ta’ Stat Membru sabiex din id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni awtomatikament ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

88      Għaldaqstant, għandu jitqies li deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies bħala projbizzjoni ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115, u li l-adozzjoni tagħha hija suġġetta għall-osservanza tal-garanziji previsti minn din id-direttiva.

89      Fit-tieni lok, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li jikkostitwixxi regola ġenerali li għandha tiġi imposta fuq l-Istati Membri hekk kif jimplimentaw din id-direttiva (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija) – Cannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 55), jobbligahom jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, tal-ħajja tal-familja u tal-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Għaldaqstant, tali obbligu huwa impost ukoll fuqhom meta għandhom l-intenzjoni jadottaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

90      Għandu jiġi speċifikat ukoll li skont dan l-Artikolu 5, l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild qabel ma jadottaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, anki meta d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni ma jkunx minuri, iżda jkun missieru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri), C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 43).

91      Għaldaqstant, l-imsemmi Artikolu 5 jipprekludi li tiġi adottata deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115, fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, mingħajr ma jkun ittieħed inkunsiderazzjoni, preċedentement, l-istat ta’ saħħa tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-ħajja tal-familja tiegħu u l-aħjar interessi tal-wild minuri tiegħu.

92      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun kif ġej:

–        L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, mingħajr ma jkun eżamina, preċedentement, jekk teżistix, bejn dawn il-persuni, relazzjoni ta’ dipendenza li ġġiegħel, fil-fatt, lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq minn dan it-territorju, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, sabiex jakkumpanja lil dan il-membru tal-familja tiegħu, u, jekk iva, jekk ir-raġunijiet li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni tiġi adottata jawtorizzaw li ssir deroga mid-dritt ta’ residenza dderivat ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

–        l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz, li kellu jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, ikun is-suġġett, fl-estensjoni immedjata tad-deċiżjoni li rtiratlu, għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali, id-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni, adottata għal raġunijiet identiċi, mingħajr ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni, preċedentement, l-istat ta’ saħħa tiegħu kif ukoll, skont il-każ, il-ħajja tal-familja tiegħu u l-aħjar interessi tal-wild minuri tiegħu.

 Fuq ittielet domanda

93      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikoli 5 u 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija flimkien mal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti nazzjonali tkun adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, adottata skont leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’ dan l-Artikolu 5, din il-qorti tista’ tibbaża ruħha fuq leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti jew jekk għandhiex tapplika direttament l-imsemmi Artikolu 5.

94      Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront tal-Istat meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 103, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun biżżejjed preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi. Barra minn hekk, anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies li għandha natura inkundizzjonata u preċiża meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (sentenza tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, EU:C:1982:7, punt 25, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 18 u 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96      F’dan il-każ, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li l-leġiżlatur Ungeriż kiser il-garanziji previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 billi ma talabx lill-awtorità nazzjonali kompetenti tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, kif ukoll, skont il-każ, il-ħajja tal-familja tiegħu u l-aħjar interessi tal-wild tiegħu qabel l-adozzjoni minnha, fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin, ta’ projbizzjoni ta’ dħul għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu debitament inkunsiderazzjoni dawn l-elementi meta jimplimentaw din id-direttiva, dan l-Artikolu 5 huwa suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat sabiex jitqies li għandu effett dirett. L-imsemmi artikolu jista’ għalhekk jiġi invokat minn individwu u applikat mill-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll mill-qrati tal-Istati Membri.

98      B’mod partikolari, meta Stat Membru jmur lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi jadotta leġiżlazzjoni li ma tiggarantixxix li l-awtorità nazzjonali kompetenti tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kif ukoll, skont il-każ, il-ħajja tal-familja tiegħu u l-aħjar interessi tal-wild tiegħu, dan iċ-ċittadin għandu jkun jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva kontra tali leġiżlazzjoni (ara b’analoġija s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 30).

99      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi, b’mod partikolari, fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti u ma jistax b’mod partikolari jservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 47, u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

100    Għandu jitfakkar ukoll li l-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq il-qorti nazzjonali responsabbli li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-kawża li tkun adita biha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 58 u 61, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Effett dirett), C‑205/20, EU:C:2022:168, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għaldaqstant, meta l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jiġi invokat minn individwu quddiem qorti nazzjonali kontra Stat Membru li jkun għamel traspożizzjoni inkorretta tiegħu, hija din il-qorti li għandha tiżgura l-effettività sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni u, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi ma’ dan l-Artikolu 5, ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma inkompatibbli mal-imsemmi Artikolu 5.

102    Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-obbligu li jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat kif ukoll, skont il-każ, tal-ħajja tal-familja tiegħu u tal-aħjar interess tal-wild, hija għalhekk il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, adottata abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, li għandha teżamina jekk tistax ma tapplikax biss il-parti ta’ din il-leġiżlazzjoni li minnha tirriżulta l-impossibbiltà li tieħu debitament inkunsiderazzjoni dawn ir-rekwiżiti. Fin-nuqqas ta’ dan, il-qorti nazzjonali tkun obbligata li ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni fl-intier tagħha u li tibbaża direttament id-deċiżjoni tagħha fuq dan l-Artikolu 5.

103    Għall-kuntrarju, l-effett dirett irrikonoxxut lill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 ma jistax jimponi fuq qorti nazzjonali li ma tkunx applikat leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għal dan l-Artikolu 5, l-obbligu li tapplika leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, li tagħti garanziji addizzjonali għal dawk li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 5.

104    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta qorti nazzjonali tkun adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, adottata skont leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’ dan l-Artikolu 5 u li ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti ma għandhiex tapplika din il-leġiżlazzjoni sa fejn din tikser l-imsemmi artikolu u, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ dan tal-aħħar, għandha tapplika direttament l-istess artikolu għat-tilwima li tkun adita biha.

 Fuq irraba’ domanda

105    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li abbażi tagħha l-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru jirrifjutaw li japplikaw deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, għar-raġuni li din id-deċiżjoni tal-aħħar diġà kienet is-suġġett ta’ allert fis-SIS.

106    F’dan il-każ, b’mod partikolari mill-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil‑31 ta’ Marzu 2021, il-qorti tar-rinviju ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm minħabba l-intenzjoni ta’ din il-qorti li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll minħabba l-konsegwenzi sfavorevoli, għal M. D. kif ukoll għall-wild minuri tiegħu u għas-sieħba tiegħu, tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni.

107    Madankollu, dan premess, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv sabiex jikkontesta, b’mod partikolari, ir-regolarità tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul li huwa s-suġġett tagħha. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità jew il-korp kompetenti adit b’tali rikors għandu jkun jista’ jissospendi temporanjament l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, sakemm sospensjoni ta’ din tal-aħħar ma tkunx diġà applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

108    Għaldaqstant, għalkemm l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2008/115 ma jimponix li rikors kontra deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul ikollu effett sospensiv, xorta jibqa’ l-fatt li, meta Stat Membru ma jipprevedix tali sospensjoni ipso jure, l-awtorità jew l-istanza kompetenti sabiex teżamina dan ir-rikors għandu jkollha l-possibbiltà li tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2021, CPAS de Liège, C‑641/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:374, punt 22).

109    Issa, ikun kuntrarju għall-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni li awtorità amministrattiva tkun awtorizzata tirrifjuta li tapplika deċiżjoni li permezz tagħha qorti, adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, ordnat is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 55 sa 59 u punt 66). Barra minn hekk, id-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u kkonkretizzat fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, ikun illużorju jekk l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jippermetti li deċiżjoni ġudizzjarja definittiva u obbligatorja tibqa’ ineffettiva għad-detriment ta’ parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 52, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punti 35 u 36).

110    Il-fatt li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali diġà kienet is-suġġett ta’ allert fis-SIS mill-Istat Membru kkonċernat ma jistax jinvalida l-konklużjoni stabbilita fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 1987/2006, dan l-Istat Membru huwa liberu li jħassar data mdaħħla fis-SIS, wara, b’mod partikolari, deċiżjoni ġudizzjarja li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul li ġġustifikat dan l-allert.

111    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effikaċja sħiħa tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li l-qorti adita bit-tilwima rregolata minn dan id-dritt tkun tista’ tadotta miżuri provviżorji sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, meta hija tiddeċiedi tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, l-effettività tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tiġi kompromessa jekk l-awtorità marbuta ma’ tali miżuri provviżorji tkun tista’ tiġi injorata, b’mod partikolari, minn awtorità pubblika li taqa’ taħt l-Istat Membru li fih ġew adottati dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.(Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 142).

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali li abbażi tagħha l-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru jirrifjutaw li japplikaw deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, għar-raġuni li din id-deċiżjoni tal-aħħar diġà kienet is-suġġett ta’ allert fis-SIS.

 Fuq lispejjeż

113    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, mingħajr ma jkun eżamina, preċedentement, jekk teżistix, bejn dawn il-persuni, relazzjoni ta’ dipendenza li ġġiegħel, fil-fatt, lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq minn dan it-territorju, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, sabiex jakkumpanja lil dan il-membru tal-familja tiegħu, u, jekk iva, jekk ir-raġunijiet li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni tiġi adottata jawtorizzaw li ssir deroga mid-dritt ta’ residenza dderivat ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

2)      L-Artikolu (5) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li ċittadin ta’ pajjiż terz, li kellu jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, ikun is-suġġett, fl-estensjoni immedjata tad-deċiżjoni li rtiratlu, għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali, id-dritt ta’ residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, adottata għal raġunijiet identiċi, mingħajr ma jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni, preċedentement, l-istat ta’ saħħa tiegħu kif ukoll, skont il-każ, il-ħajja tal-familja tiegħu u l-aħjar interessi tal-wild minuri tiegħu.

3)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta qorti nazzjonali tkun adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, adottata skont leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’ dan l-Artikolu 5 u li ma tistax tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, din il-qorti ma għandhiex tapplika din il-leġiżlazzjoni sa fejn din tikser l-imsemmi artikolu u, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ dan tal-aħħar, għandha tapplika direttament l-istess artikolu għat-tilwima li tkun adita biha.

4)      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi prattika nazzjonali li abbażi tagħha l-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru jirrifjutaw li japplikaw deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul, għar-raġuni li din id-deċiżjoni tal-aħħar diġà kienet is-suġġett ta’ allert fis-sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.