Language of document : ECLI:EU:T:2014:547

Kawża T‑286/09

(ippubblikata fil-forma ta’ estratti)

Intel Corp.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq tal-mikroproċessuri — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE — Tnaqqis għal fedeltà — Restrizzjonijiet ‘ovvji’ — Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva — Analiżi ta’ kompetitur daqstant effiċjenti — Ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Kummissjoni — Obbligu ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni — Limiti — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Strateġija ġenerali — Multi — Ksur uniku u kontinwat — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tat-12 ta’ Ġunju 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Inkartament mehmuż mar-rikors — Volum ta’ att jew ta’ dokument — Produzzjoni parzjali fil-forma ta’ estratti — Ammissibbiltà — Rekwiżit tal-preżentata tad-dokument sħiħ quddiem ir-Reġistru — Portata — Nuqqas ta’ osservanza — Possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni

(Regolamenti tal-persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 43(5))

2.      Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà

(Artikolu 6(2) UE; Artikolu 82 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikoli 47 u 48(1))

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ sensiela ta’ indizji — Applikabbiltà tal-proċedura fil-qasam ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ sensiela ta’ indizji — Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment — Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw ir-realtà tal-ksur

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

5.      Pożizzjoni dominanti — Għoti ta’ tnaqqis minn impriża f’pożizzjoni dominanti — Tliet kategoriji ta’ tnaqqis — Tnaqqis għal kwantità — Tnaqqis għal esklużività jew għal fedeltà — Tnaqqis bil-għan li possibbilment tinkiseb il-fedeltà — Natura abbużiva — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 82 KE)

6.      Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis għal esklużività jew għal fedeltà — Natura inerentement abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis — Kapaċità li tiġi ristretta l-kompetizzjoni u effett ta’ esklużjoni — Rwol ta’ soċju kummerċjali inevitabbli — Evalwazzjoni — Obbligu ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ — Assenza — Ċirkustanzi mhux rilevanti

(Artikolu 82 KE)

7.      Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis għal esklużività jew għal fedeltà — Natura inerentement abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis — Kapaċità li tiġi ristretta l-kompetizzjoni u effett ta’ esklużjoni — Analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti

(Artikolu 82 KE)

8.      Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Restrizzjonijiet ovvji — Għoti ta’ ħlasijiet bħala korrispettiv għar-restrizzjonijiet imposti fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ta’ kompetitur — Natura abbużiva mill-għan tagħha — Kapaċità li tiġi ristretta l-kompetizzjoni

(Artikolu 82 KE)

9.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni territorjali — Kompetenza tal-Kummissjoni — Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku — Implementazzjoni jew effetti kklassifikati bħala prattiki abbużivi fiż-ŻEE — Mezzi alternattivi — Kriterju tal-effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli — Evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-implementazzjoni tal-imsemmija prattiki mill-klijent tal-impriża f’pożizzjoni dominanti — Ammissibbiltà

(Artikolu 82 KE)

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Terminu stabbilit għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet bil-miktub — Talba tardiva għal seduta — Dekadenza — Obbligu li tiġi awtorizzata seduta — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 27(1) u (2), u 33(1)(ċ); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikoli 10(2) u 12)

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Suġġett — Dokumenti utli għad-difiża — Evalwazzjoni mill-Kummissjoni biss — Inammissibbiltà — Obbligu li l-fajl isir aċċessibbli kollu kemm hu — Portata fid-dawl tad-dokumenti interni jew kunfidenzjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 15(2))

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità — Obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba ta’ impriża suġġetta għal investigazzjoni — Kundizzjonijiet

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004)

13.    Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Tnaqqis għal esklużività jew għal fedeltà — Assenza ta’ kundizzjoni formali ta’ esklużività — Modalità ta’ prova — Previżjonijiet interni ta’ klijent — Ammissibbiltà — Kundizzjoni

(Artikolu 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

14.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Setgħat tal-Kummissjoni — Setgħa li jinġabru dikjarazzjonijiet — Dikjarazzjonijiet marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni — Distinzjoni bejn l-intervisti formali u l-intervisti informali — Konsegwenzi — Obbligu jinżammu d-dikjarazzjonijiet riċevuti matul laqgħat u intervisti telefoniċi — Kundizzjonijiet

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 19(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, Artikolu 3(1) u (3))

15.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Modalità ta’ prova — Dikjarazzjoni ta’ impriża terza, klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti — Valur probatorju

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Pluralità tal-ksur — Impożizzjoni ta’ multa waħda — Ammissibbiltà — Obbligu tal-Kummissjoni li tindividwalizza t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi abbużivi differenti — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2006/C 210/02)

17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Il-kuntest ġuridiku — Artikolu 23(2) u (3), tar-Regolament Nru 1/2003 — Setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-imsemmi artikolu — Introduzzjoni mill-Kummissjoni ta’ linji gwida ġodda għall-kalkolu tal-multa — Ksur tal-prinċipji ta’ legalità tal-pieni u taċ-ċertezza legali — Assenza

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

18.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Twettiq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza — Kunċett — Impriża f’pożizzjoni dominanti li timplementa prattiki abbużivi li jikkonsisti fl-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività u f’restrizzjonijiet ovvji — Inklużjoni

(Artikolu 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

19.    Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni — Stħarriġ tal-legalità u ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt — Ksur — Assenza

(Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(3); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

20.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni — Natura indikattiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

21.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Assenza ta’ lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji — Marġni diskrezzjonali rriżervat għall-Kummissjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 22)

1.      Mill-Artikolu 43(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, jekk, minħabba t-tul ta’ att jew ta’ dokument, jiġu annessi biss estratti mal-att proċedurali, l-att jew id-dokument kollu jew kopja sħiħa tiegħu għandha tiġi ddepożitata fir-Reġistru.

Għall kuntrarju, dan l-artikolu ma jirrikjedix il-preżentazzjoni fir-Reġistru tad-dokumenti kollha l-oħra li jsir riferiment għalihom fid-dokument anness ma’ att proċedurali.

Barra minn hekk, anki jekk l-imsemmija dispożizzjoni kellha tiġi interpretata bħala li tobbliga lill-partijiet jippreżentaw quddiem ir-Reġistru verżjoni sħiħa ta’ kull dokument li huma jipproduċu l-estratti tiegħu fl-anness ta’ att proċedurali, il-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ fi kwalunkwe każ jiġi rregolarizzat.

(ara l-punti 53, 55, 57)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 62, 63)

3.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura marbuta ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għalkemm huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur twettaq, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-sensiela ta’ ħjiel invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit, kif ġie deċiż fir-rigward tal-implementazzjoni tal-Artikolu 81 KE. Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-kawżi li jikkonċernaw l-implementazzjoni tal-Artikolu 82 KE.

(ara l-punt 64)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 65-67, 542, 1525, 1528, 1529, 1547)

5.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, għal impriża li ssib ruħha f’pożizzjoni dominanti fis-suq, il-fatt li torbot xerrejja — anki jekk fuq talba tagħhom — b’obbligu jew wegħda li jiksbu l-bżonnijiet kollha jew parti sostanzjali mill-bżonnijiet tagħhom esklużivament mingħand l-imsemmija impriża jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, kemm jekk l-obbligu inkwistjoni jkun stipulat mingħajr iktar kwalifiki, u kemm jekk dan ikollu l-korrispettiv tiegħu fl-għoti ta’ tnaqqis. Dan japplika wkoll meta l-imsemmija impriża, mingħajr ma torbot ix-xerrejja b’obbligu formali, tapplika, skont ftehim magħmul ma’ dawn ix-xerrejja, jew unilateralment, sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà, jiġifieri l-iskontijiet marbuta mal-kundizzjoni li l-klijent — indipendentement mill-ammont, kunsiderevoli jew minimu, tax-xiri tiegħu — tixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tagħha jew għal parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni, bħala abbużiv, tal-għoti ta’ tnaqqis minn impriża f’pożizzjoni dominanti, hemm lok li ssir distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ tnaqqis.

Fl-ewwel lok, is-sistemi ta’ tnaqqis għal kwantità (tnaqqis għal kwantità), marbuta esklużivament mal-volum ta’ xiri li sar mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, huma ġeneralment ikkunsidrati li ma għandhomx effett ta’ esklużjoni pprojbit mill-Artikolu 82 KE. Jekk iż-żieda fil-kwantità pprovduta tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan fil-fatt għandu d-dritt li jagħti benefiċċju lill-klijent tiegħu b’dan it-tnaqqis permezz ta’ tariffa iktar favorevoli. It-tnaqqis għal kwantità għalhekk suppost għandu jirrifletti ż-żieda ta’ effiċjenza u tal-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

Fit-tieni lok, jeżisti tnaqqis li l-għoti tiegħu huwa marbut mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri esklużivament għall-bżonnijiet kollha tiegħu jew għal parti kbira tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Dan huwa “tnaqqis għal fedeltà fis-sens tal-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche”, fi kliem ieħor “tnaqqis għal esklużività”. Din il-kategorija ma hijiex ristretta għal tnaqqis marbut ma’ provvista 100 %, iżda tinkludi dawk marbuta mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri għal parti kbira tal-bżonnijiet tiegħu mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Tali tnaqqis għal esklużività, applikat minn impriża f’pożizzjoni dominanti, huwa inkompatibbli mal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni peress li dan ma huwiex ibbażat — ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali — fuq prestazzjoni ekonomika li tiġġustifika dan il-vantaġġ finanzjarju, iżda li għandu t-tendenza li jċaħħad lix-xerrej, jew li jillimita fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tas-sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakola l-aċċess tas-suq lill-produtturi l-oħra.

Fit-tielet lok, jeżistu forom oħra ta’ tnaqqis fejn l-għoti ta’ inċentiv finanzjarju ma huwiex marbut direttament ma’ kundizzjoni ta’ xiri esklużiv jew kważi esklużiv mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, iżda fejn il-mekkaniżmu tal-għoti ta’ tnaqqis jista’ wkoll jinkludi effett ta’ fedeltà. Din il-kategorija ta’ tnaqqis tinkludi b’mod partikolari sistemi ta’ tnaqqis li jiddependu fuq it-twettiq ta’ għanijiet ta’ bejgħ individwali li ma jikkostitwixxux tnaqqis għal esklużività, peress li ma jinkludu l-ebda obbligu ta’ esklużività jew ta’ kopertura ta’ ċerta kwota tal-bżonnijiet tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti. Bil-għan li jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ tali tnaqqis tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, hemm lok li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari l-kriterji u l-modalitajiet tal-għoti tat-tnaqqis, u li jiġi eżaminat jekk dan it-tnaqqis għandux it-tendenza, permezz ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda prestazzjoni ekonomika li tiġġustifikah, li jċaħħad lix-xerrej, jew li jillimita fir-rigward tiegħu, il-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tas-sorsi ta’ provvista tiegħu u li jostakola l-aċċess tas-suq għal kompetituri jew li jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta.

(ara l-punti 72-78)

6.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, a contrario ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-klassifikazzjoni ta’ tnaqqis għal esklużività bħala abbużiv ma jiddependix fuq analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ maħsub sabiex jiġi stabbilit effett potenzjali ta’ esklużjoni.

Għalhekk, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huwa biss fil-każ ta’ tnaqqis bil-għan li possibbilment tinkiseb il-fedeltà li huwa neċessarju li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha, u mhux fil-każ ta’ tnaqqis għal esklużività. Dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-fatt li t-tnaqqis għal esklużività mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti għandu min-natura tiegħu stess il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

Fil-fatt, il-kapaċità li l-klijenti jintrabtu mal-impriża f’pożizzjoni dominanti hija inerenti għat-tnaqqis għal esklużività. Il-fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti tagħti tnaqqis bħala korrispettiv għax-xiri esklużiv jew li jikkonċerna parti kbira mill-bżonnijiet tal-klijent jimplika li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tagħti vantaġġ finanzjarju intiż li jipprekludi x-xiri tal-klijenti mingħand produtturi kompetituri. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dan it-tnaqqis huwiex intiż li jipprekludi lill-klijenti milli jixtru mingħand kompetituri oħra. Effett ta’ esklużjoni ma jiġix prodott biss meta l-aċċess għas-suq isir impossibbli għall-kompetituri, iżda wkoll meta dan l-aċċess isir iktar diffiċli. Inċentiv finanzjarju mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti bil-għan li tinċentiva lil klijent sabiex ma jixtrix, għall-parti tad-domanda tiegħu li hija kkonċernata mill-kundizzjoni ta’ esklużività, mingħand il-kompetituri tagħha, huwa min-natura tiegħu stess kapaċi li jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għal dawn il-kompetituri. L-eżistenza ta’ tali inċentiv ma tiddependix fuq il-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis huwiex effettivament imnaqqas jew annullat f’każ ta’ ksur tal-kundizzjoni ta’ esklużività li huwa suġġett għalih l-għoti. Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li l-impriża dominanti tagħti l-impressjoni lill-klijent li dan ikun il-każ. Dak li huwa importanti, huma ċ-ċirkustanzi li l-klijent għandu jistenna fil-mument li huwa jagħmel l-ordnijiet tiegħu, b’mod konformi ma’ dak li jkun ġie indikat lilu mill-impriża f’pożizzjoni dominanti, u mhux ir-reazzjoni effettiva ta’ din tal-aħħar għad-deċiżjoni tal-klijent li jbiddel is-sors tal-provvista tiegħu.

Barra minn hekk, huwa inerenti f’pożizzjoni dominanti qawwija li, għall-biċċa l-kbira tad-domanda, ma hemmx sostitut adatt għall-prodott ipprovdut mill-impriża dominanti. Għaldaqstant, il-fornitur f’pożizzjoni dominanti huwa, fil-biċċa l-kbira, soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat. Mill-pożizzjoni ta’ soċju kummerċjali inevitabbli jirriżulta li l-klijenti kienu jixtru fi kwalunkwe każ parti mill-bżonnijiet tagħhom mingħand l-impriża f’pożizzjoni dominanti (il-parti inkontestabbli). Għaldaqstant, il-kompetitur ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti ma huwiex f’pożizzjoni li jikkompeti għall-provvista totali ta’ klijent, iżda biss għall-kwota tad-domanda li teċċedi l-parti inkontestabbli (il-parti kontestabbli). Il-parti kontestabbli hija għalhekk il-parti tal-bżonnijiet ta’ klijent li tista’, b’mod reali, tiġi ttrasferita lil kompetitur tal-impriża f’pożizzjoni dominanti f’perijodu ta’ riferiment. L-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività minn impriża f’pożizzjoni dominanti jirrendi iktar diffiċli għal kompetitur il-provvista tal-prodotti tiegħu lill-klijenti ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, jekk klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jixtri mingħand kompetitur ieħor billi ma josservax il-kundizzjoni ta’ esklużività jew ta’ kważi esklużività, huwa jkun f’riskju li jitlef mhux biss it-tnaqqis għall-unitajiet li jkun ittrasferixxa lil dan il-kompetitur, iżda t-tnaqqis kollu għal esklużività.

Għaldaqstant, sabiex jippreżenta offerta attraenti, ma huwiex biżżejjed li l-kompetitur ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti joffri kundizzjonijiet attraenti għall-unitajiet li huwa stess jista’ jipprovdi lill-klijent, iżda għandu wkoll joffri lil dan il-klijent kumpens għat-telf tat-tnaqqis għal esklużività. Għaldaqstant, sabiex jippreżenta offerta attraenti, il-kompetitur għandu jagħmel tajjeb għat-tnaqqis li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tagħti għall-bżonnijiet kollha jew kważi kollha tal-klijent, inkluża l-parti inkontestabbli, limitatament permezz tal-parti kontestabbli. Għalhekk, l-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività minn soċju kummerċjali li ma jistax jiġi evitat jirrendi strutturalment iktar diffiċli l-possibbiltà ta’ kompetitur li jippreżenta offerta bi prezz attraenti u għaldaqstant li jikseb aċċess għas-suq. L-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività jippermetti lill-impriża f’pożizzjoni dominanti tuża s-setgħa ekonomika tagħha fuq il-parti inkontestabbli tad-domanda tal-klijent bħala lieva sabiex tiżgura li tikseb ukoll il-parti kontestabbli, u b’hekk tirrendi l-aċċess għas-suq iktar diffiċli għal kompetitur.

Fil-preżenza ta’ tali strument kummerċjali, ma huwiex neċessarju li ssir analiżi tal-effetti konkreti tat-tnaqqis fuq il-kompetizzjoni, u lanqas li tintwera rabta kawżali bejn il-prattiki allegati u l-effetti konkreti fuq is-suq.

Fl-aħħar, in-natura possibbilment żgħira tal-partijiet tas-suq ikkonċernati mit-tnaqqis għal esklużività mogħti minn impriża f’pożizzjoni dominanti ma hijiex ta’ natura li teskludi l-illegalità tagħhom, peress li l-kriterju ta’ sensittività jew ta’ livell de minimis ma jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, il-klijenti li jinsabu fil-parti eskluża tas-suq għandu jkollhom l-opportunità japprofittaw minn kull grad ta’ kompetizzjoni li hija possibbli fis-suq u l-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il-mertu għas-suq kollu u mhux għal parti minnu biss. Għaldaqstant, impriża dominanti ma tistax tiġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis għal esklużività lil ċerti klijenti permezz taċ-ċirkustanza li l-kompetituri jibqgħu liberi li jixtru mingħand klijenti oħra. Bl-istess mod, impriża f’pożizzjoni dominanti ma tistax tiġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis bil-kundizzjoni ta’ provvista kważi esklużiva minn klijent f’settur determinat tas-suq permezz taċ-ċirkustanza li dan il-klijent huwa liberu li jixtri mingħand kompetituri sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu fis-setturi l-oħra.

(ara l-punti 80, 84-86, 88, 91-93, 103, 104, 116, 117, 132, 527)

7.      L-analiżi ekonomika fuq il-kapaċità tat-tnaqqis li jeskludi kompetitur li jkun effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti (“as efficient competitor test” jew “test AEC”), imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata jieħu bħala punt tat-tluq iċ-ċirkustanza l-kompetitur daqstant effiċjenti, li jfittex li jikseb il-parti kontestabbli tal-ordnijiet li sa dak il-punt ikunu sodisfatti minn impriża dominanti li hija soċju kummerċjali inevitabbli, għandu joffri kumpens lill-klijent għat-tnaqqis għal esklużività li huwa jitlef jekk huwa jixtri parti inqas minn dik definita mill-kundizzjoni ta’ esklużività jew ta’ kważi esklużività. It-test AEC huwa maħsub sabiex jiddetermina jekk il-kompetitur daqstant effiċjenti bħall-impriża f’pożizzjoni dominanti, li jsostni l-istess spejjeż bħal din tal-aħħar, jistax ikopri l-ispejjeż tiegħu f’dan il-każ.

Anki jekk jiġi preżunt li hija neċessarja evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li jintwerew l-effetti antikompetittivi potenzjali tat-tnaqqis għal esklużività, xorta ma huwiex neċessarju li dawn tal-aħħar jintwerew permezz ta’ test AEC. Dan it-test jippermetti biss li tiġi vverifikata l-ipoteżi ta’ aċċess għas-suq li sar impossibbli u mhux li tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ aċċess għall-imsemmi suq li sar iktar diffiċli. Ċertament, riżultat negattiv jimplika li huwa ekonomikament impossibbli għal kompetitur daqstant effiċjenti li jiżgura l-parti kontestabbli tad-domanda ta’ klijent. Fil-fatt, bil-għan li joffri lil klijent kumpens għat-telf tat-tnaqqis għal esklużività, l-imsemmi kompetitur ikun kostrett ibigħ il-prodotti tiegħu bi prezz li ma jippermettilux li jkopri l-ispejjeż tiegħu. Madankollu, riżultat pożittiv ifisser biss li kompetitur daqstant effiċjenti jkun f’pożizzjoni li jkopri l-ispejjeż tiegħu. Din iċ-ċirkustanza ma tfissirx li ma jeżistix effett esklużjoni. Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis għal esklużività jibqa’ ta’ natura li jirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għall-kompetituri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, anki jekk dan l-aċċess ma huwiex ekonomikament impossibbli.

(ara l-punti 141, 146, 150)

8.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, prattiki msejħa “restrizzjonijiet ovvji”, li jikkonsistu fl-għoti, suġġett għal kundizzjonijiet, ta’ ħlasijiet lill-klijenti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti bil-għan dawn jipposponu, jannullaw jew jirrestrinġu b’mod jew b’ieħor il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott ta’ kompetitur, jirrendu iktar diffiċli l-aċċess għas-suq għal dan il-kompetitur u jippreġudikaw l-istruttura tal-kompetizzjoni. L-implementazzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-prattiki tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

Qabel xejn, effett ta’ esklużjoni ma jiġix prodott biss meta l-aċċess għas-suq isir impossibbli għall-kompetituri, iżda wkoll meta dan l-aċċess isir iktar diffiċli. Sussegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, id-determinazzjoni tal-għan u tal-effett antikompetittiv tista’, skont il-każ, titqies li hija l-istess ħaġa. Fil-fatt, jekk jintwera li l-għan tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti huwa li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, dan l-aġir jista’ jwassal ukoll li jkollu tali effett. Impriża f’pożizzjoni dominanti tkun issegwi għan antikompetittiv meta hija tostakola l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mgħammra bi prodott ta’ kompetitur determinat, peress li l-uniku interess li jista’ jkollha huwa li tagħmel ħsara lil dan tal-aħħar.

Fl-aħħar, impriża f’pożizzjoni dominanti għandha r-responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, b’aġir li ma jaqax fil-parametri tal-kompetizzjoni fuq il-merti, kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq komuni. Issa, l-għoti ta’ ħlasijiet lil klijenti bħala korrispettiv għar-restrizzjonijiet imposti fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mgħammra bi prodott ta’ kompetitur iddeterminat jaqa’ b’mod ċar barra mill-kamp ta’ kompetizzjoni fuq il-merti.

Il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni ovvja bħala abbużiva tiddependi biss fuq il-kapaċità li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, b’tali mod li din la tirrikjedi l-wiri ta’ effett konkret fis-suq u lanqas rabta kawżali.

(ara l-punti 198, 201-207, 212)

9.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, sabiex tiġi ġġustifikata l-kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku, huwa suffiċjenti li jiġu stabbiliti kemm l-effetti kklassifikati bħala abbużivi (jiġifieri immedjati, sostanzjali u prevedibbli) kif ukoll l-implementazzjoni tagħhom fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Għaldaqstant dawn huma mezzi alternattivi u mhux kumulattivi.

Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effetti konkreti bil-għan li tiġġustifika l-kompetenza tagħha fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku. Il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkundannata għal pożizzjoni passiva fil-każ tal-eżistenza ta’ theddida li tolqot l-istruttura tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern u tista’ għalhekk tintervjeni wkoll fil-każ fejn it-theddida ma tkunx jew tkun għadha ma mmaterjalizzatx.

Bil-għan li jiġi eżaminat jekk l-effetti tal-prattiki abbużivi fl-Unjoni humiex sostanzjali, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat b’mod iżolat l-aġir differenti li jifforma parti minn ksur uniku u kontinwat. Għall-kuntrarju, huwa suffiċjenti li l-ksur uniku, fl-intier tiegħu, ikun kapaċi jkollu effetti sostanzjali. Fil-fatt, ma jistax jiġi permess li impriżi jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni billi jgħaqqdu aġir differenti li jsegwu għan identiku, li meta jiġu kkunsidrati b’mod iżolat ma jistgħux jipproduċu effett sostanzjali fl-Unjoni, iżda li, meta jiġu kkunsidrati flimkien, jistgħu jipproduċu tali effett.

Barra minn hekk, modifika fl-istruttura tas-suq meta jkun meħtieġ li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ effetti sostanzjali fi ħdan iż-ŻEE. F’dan il-kuntest, mhux l-esklużjoni ta’ kompetitur biss jista’ jkollha effett fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq intern, iżda aġir li jista’ jdgħajjef l-uniku kompetitur kbir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fuq livell dinji jista’ wkoll ikollu tali effetti. Għaldaqstant, l-effetti potenzjali tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, li jikkonsisti fl-ostakolar fuq livell dinji tal-aċċess tal-kompetitur tiegħu għal mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti, għandhom jitqiesu li huma sostanzjali minħabba l-effetti potenzjali fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern.

Barra minn hekk, l-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni fl-Unjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-kompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku. F’każ fejn l-abbuż minn pożizzjoni dominanti jkun jikkonsisti fl-għoti ta’ inċentiv finanzjarju bil-għan li jinkoraġixxi klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tipposponi l-varar, kullimkien fid-dinja, ta’ ċertu prodott mgħammar bi prodott tal-kompetitur tal-imsemmija impriża u meta din il-kundizzjoni li għaliha kienu suġġetti l-ħlasijiet, mogħtija mill-imsemmija impriża kienet maħsuba li tiġi implementata mill-klijent tagħha kullimkien fid-dinja, inkluż fiż-ŻEE, ikun artifiċjali li tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-implementazzjoni tal-prattiki inkwistjoni mill-impriża f’pożizzjoni dominanti nnifisha. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-implementazzjoni tagħhom mill-klijent ta’ din tal-aħħar. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-klijent ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jiddeżisti milli jbigħ ċertu prodott fiż-ŻEE għal ċertu żmien għandu jitqies li huwa implementazzjoni tar-restrizzjoni ovvja.

(ara l-punti 236, 243, 244, 251, 252, 268, 270, 273-275, 301, 305-307)

10.    Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, li fil-konfront tagħha l-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija prekluża mid-dritt tagħha għal seduta meta hija ma tkun ressqet it-talba fit-terminu stabbilit għall-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

(ara l-punti 323-326)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 350-357, 623)

12.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-mod kif tixtieq tmexxi l-investigazzjoni u li tiddeċiedi liema dokumenti għandha tiġbor bil-għan li jkollha stampa suffiċjentement sħiħa tal-każ. Konsegwentement, ma hemmx lok li din tiġi obbligata li tiġbor kemm jista’ jkun dokumenti sabiex tiżgura li tikseb kull prova potenzjali li tiskaġuna.

Fil-preżenza ta’ talba li tikseb ċerti dokumenti, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi dwar jekk jeħtieġx li jinkisbu d-dokumenti inkwistjoni. Il-partijiet fi proċedura ma għandhom l-ebda dritt inkundizzjonat sabiex il-Kummissjoni tikseb ċerti dokumenti, peress li hija din tal-aħħar u mhux l-impriżi kkonċernati, li għandha tiddeċiedi fuq il-mod kif tmexxi kawża.

F’ċerti ċirkustanzi, jista’ jkun hemm obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba ta’ impriża suġġetta għal investigazzjoni. Tali obbligu tal-Kummissjoni għandu madankollu jkun limitat għal ċirkustanzi eċċezzjonali.

F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li jintlaħaq bilanċ bejn minn naħa, l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproċessa każ b’diliġenza u imparzjalità, u min-naħa l-oħra, il-prerogattiva tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq il-mod kif hija tixtieq tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha u tuża r-riżorsi tagħha bil-għan li tiżgura b’mod effikaċi r-rispett tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Għaldaqstant, l-obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba ta’ impriża għandu jkun suġġett, minbarra għall-kundizzjoni ta’ talba f’dan is-sens waqt il-proċedura amministrattiva, tal-inqas għall-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin.

Fl-ewwel lok, tali obbligu huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkun effettivament impossibbli għall-impriża kkonċernata li tikseb hija stess d-dokumenti inkwistjoni jew li tiżvelahom lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi li hija ħadet il-passi kollha sabiex tikseb id-dokumenti inkwistjoni u/jew sabiex tikseb il-permess li tużahom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fit-tieni lok, hija l-impriża kkonċernata li għandha tidentifika d-dokumenti li hija titlob lill-Kummissjoni tikseb b’mod kemm jista’ jkun preċiż, u dan jippresupponi kooperazzjoni min-naħa ta’ din l-impriża.

Fit-tielet lok, l-obbligu tal-Kummissjoni li tikseb ċerti dokumenti fuq talba tal-impriża suġġetta għal investigazzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li d-dokumenti inkwistjoni jkunu probabbilment ta’ importanza kunsiderevoli għad-difiża tal-impriża kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk l-importanza tal-allegati provi li jiskaġunaw tiġġustifikax li hija tiksibhom u hija tista’, pereżempju, tiċħad talba peress li l-provi li potenzjalment jiskaġunaw ikunu jikkonċernaw kwistjonijiet li ma humiex importanti għall-konstatazzjonijiet neċessarji sabiex jiġi stabbilit ksur.

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tiċħad talba jekk il-volum tad-dokumenti inkwistjoni jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-effett li d-dokumenti jista’ jkollhom fil-kuntest tal-investigazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija libera li tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, il-fatt li l-kisba u l-analiżi tad-dokumenti inkwistjoni jistgħu jipposponu b’mod sostanzjali l-investigazzjoni tal-każ. Il-Kummissjoni għandha dritt li tilħaq bilanċ bejn il-volum tad-dokumenti mitluba u d-dewmien li l-kisba u l-istudju ta’ dawn id-dokumenti jistgħu jikkaġunaw għall-investigazzjoni tal-każ, minn naħa, u l-livell ta’ rilevanza potenzjali għad-difiża tal-impriża, min-naħa l-oħra.

(ara l-punti 360-362, 371, 373-378, 380, 382)

13.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, f’sistema ta’ tnaqqis għal esklużività u fl-assenza ta’ kundizzjoni formali ta’ esklużività, il-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta hija tieħu inkunsiderazzjoni previżjonijiet ta’ klijent tal-impriża dominanti bil-għan li tistabbilixxi aġir tal-imsemmija impriża, ġaladarba dawn il-previżjonijiet ma jkunux irraġonevoli.

(ara l-punti 521-523, 525)

14.    Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-Artikolu 19(1), tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tintervista kull persuna fiżika jew ġuridika li taċċetta li tiġi intervistata għall-finijiet tal-ġabra ta’ informazzjoni marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat KE, jissuġġetta dawn l-intervisti għall-osservanza ta’ ċerti formalitajiet.

Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jkoprix l-intervisti kollha marbuta mas-suġġett ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, hemm lok li ssir distinzjoni bejn intervisti formali mwettqa mill-Kummissjoni skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-intervisti informali.

Il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi jekk hija tissuġġettax intervista għar-rekwiżiti formali tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma japplikawx għal kull intervista marbuta mas-suġġett ta’ investigazzjoni, iżda biss għall-każijiet li fihom il-Kummissjoni jkollha l-għan li tiġbor informazzjoni, kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, li fuqha hija tkun tista’ tibbaża ruħha bħala prova fid-deċiżjoni li tagħlaq investigazzjoni partikolari.

Jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tuża, fid-deċiżjoni tagħha, prova inkriminanti li tkun ġiet trażmessa lilha waqt intervista informali, hija għandha tagħmilha aċċessibbli għall-impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn xieraq, billi tipproduċi għal dan l-għan dokument bil-miktub maħsub li jiġi inkluż fil-fajl tagħha.

Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu mill-informazzjoni miksuba waqt intervista informali, b’mod partikolari sabiex tikseb provi iktar konkreti, filwaqt li ma tirrendix l-informazzjoni miksuba waqt intervista informali aċċessibbli għall-impriża inkwistjoni.

Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jista’, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li żżomm id-dikjarazzjonijiet li tkun irċeviet matul il-laqgħat u l-intervisti telefoniċi. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ obbligu tal-Kummissjoni li żżomm l-informazzjoni li hija tirċievi matul il-laqgħat u l-intervisti telefoniċi kif ukoll in-natura u l-portata ta’ tali obbligu jiddependi mill-kontenut ta’ din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni hija obbligata li tistabbilixxi dokumentazzjoni adatta, fil-fajl li jkollhom aċċess għalih l-impriżi kkonċernati, fuq l-aspetti essenzjali marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-elementi kollha li huma ta’ ċerta importanza u li għandhom rabta oġġettiva mas-suġġett tal-investigazzjoni indipendentement min-natura favur jew kontra l-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà.

(ara l-punti 613-617, 619, 620)

15.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, ma hemmx lok li tiġi stabbilita regola ġenerali li d-dikjarazzjoni ta’ impriża terza, li tindika li impriża f’pożizzjoni dominanti adottat ċertu aġir, ma tista’ qatt tkun suffiċjenti waħedha sabiex turi l-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 82 KE. Il-fatt li tiġi stabbilita regola ġenerali jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa tal-provi. F’każ ta’ impriża li tiddikjara li pparteċipat f’akkordju li jikser l-Artikolu 81 KE, tali regola hija ġġustifikata, peress li impriża suġġetta għal investigazzjoni, jew li tippreżenta ruħha quddiem il-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika minn immunità jew minn tnaqqis ta’ multa, jista’ jkollha t-tendenza li tnaqqas ir-responsabbiltà tagħha fi ksur u li tenfasizza r-responsabbiltà ta’ impriżi oħra.

Is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ impriża terza li hija, essenzjalment, xhieda. Meta ma jkunx jidher li l-impriża terza għandha interess li tinkrimina b’mod falz l-impriża f’pożizzjoni dominanti, id-dikjarazzjoni tal-impriża terza tista’, fil-prinċipju, tkun suffiċjenti waħedha sabiex turi l-eżistenza ta’ ksur.

(ara l-punti 722-725)

16.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 1564-1591)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 1598)

18.    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni twettaqx b’mod intenzjonat jew b’negliġenza u jistax, b’hekk, jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, dik il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-impriża inkwistjoni ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, indipendentement minn jekk kinitx konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat.

Impriża tkun konsapevoli tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha meta hija tkun taf b’elementi fattwali li jiġġustifikaw kemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq ikkonċernat kif ukoll l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ abbuż ta’ din il-pożizzjoni.

Sa fejn il-qrati tal-Unjoni kkundannaw diversi drabi l-implementazzjoni, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ prattiki li jikkonsistu fl-għoti ta’ inċentivi finanzjarji li jiddependu fuq kundizzjonijiet ta’ esklużività, u sa fejn il-klassifikazzjoni tal-prattiki msejħa “restrizzjonijiet ovvji” bħala abbużivi ma tistax titqies li hija ġdida, impriża f’pożizzjoni dominanti li implementat tali prattiki ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha.

Peress li ġie stabbilit li impriża f’pożizzjoni dominanti implementat strateġija ta’ natura antikompetittiva u li hija għamlet sforzi sabiex tiddissimula n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħha ma’ ċerti impriżi, huwa permess li jiġi konkluż li l-ksur twettaq tal-inqas b’negliġenza.

(ara l-punti 1601-1603)

19.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 1609-1612, 1643)

20.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 1614, 1615, 1619)

21.    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ dan tal-aħħar. F’dan il-kuntest, l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq ma huwiex fil-prinċipju element obbligatorju, iżda biss element rilevanti fost oħrajn sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u jiġi stabbilit l-ammont tal-multa. Barra minn hekk, elementi li jirrigwardaw is-suġġett ta’ aġir jistgħu jkunu iktar sinjifikattivi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa minn dawk li jirrigwardaw l-effetti tiegħu.

Meta tistabbilixxi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-gravità, skont il-punt 22 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tal-effett konkret bħala fattur attenwanti, jekk l-imsemmi proporzjon ikun iġġustifikat minn elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-gravità.

Għall-kuntrarju, jekk il-Kummissjoni tqis opportun li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq bil-għan li żżid dan il-proporzjon, hija għandha tipproduċi evidenza konkreta, kredibbli u suffiċjenti li tippermettilha tevalwa l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq.

(ara l-punti 1622, 1624, 1625)