Language of document : ECLI:EU:T:2010:209

Kawża T-181/08

Pye Phyo Tay Za

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Mjanmar — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Bażi legali konġunta tal-Artikoli 60 KE u 301 KE — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv — Dritt għar-rispett tal-proprjetà — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Regolament li jġedded u jsaħħaħ miżuri restrittivi meħuda kontra pajjiż terz

(Artikoli 60 KE u 301 KE; Pożizzjonijiet Komuni tal-Kunsill 2006/318 u 2007/750; Regolament tal-Kunsill Nru 194/2008)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolament li jġedded u jsaħħaħ miżuri restrittivi meħuda kontra pajjiż terz

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 194/2008, Artikolu 11(1))

3.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Regolament li jġedded u jsaħħaħ miżuri restrittivi meħuda kontra pajjiż terz

(Artikolu 249 KE; Pożizzjonijiet Komuni tal-Kunsill 2006/318 u 2007/750; Regolament tal-Kunsill Nru 194/2008, Artikolu 11(1))

4.      Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Sanzjonijiet ekonomiċi adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE

(Artikolu 6 UE; Artikoli 60 KE u 301 KE; Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 194/2008)

5.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ġġustifikati mill-interess ġenerali — Sanzjonijiet kontra pajjiż terz

(Regolament tal-Kunsill Nru 194/2008)

1.      Abbażi tal-Artikolu 60(1) KE, il-Kunsill, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 301 KE, jista’, fir-rigward tal-pajjiżi terzi kkonċernati, jieħu l-miżuri urġenti neċessarji fir-rigward tal-moviment tal-kapital u tal-pagamenti. L-Artikolu 301 KE jipprevedi espressament il-possibbiltà ta’ azzjoni mill-Komunità intiża li tinterrompi jew li tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż jew pajjiżi terzi.

F’dan ir-rigward, il-miżura li tikkonsisti fl-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ persuna abbażi tar-Regolament Nru 194/2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar, tikkostitwixxi miżura meħuda kontra pajjiż terz, peress li, minn naħa, il-kunċett ta’ pajjiż terz, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, teżisti konnessjoni suffiċjenti, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, bejn l-imsemmija persuna u r-reġim militari tal-Mjanmar.

Barra minn hekk, peress li r-Regolament Nru 194/2008 ġie adottat mill-Kunsill bil-għan li jiġu implementati l-Pożizzjoni Komuni 2006/318, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/il-Mjanmar, u l-Pożizzjoni Komuni 2007/750, il-miżuri restrittivi pprovduti f’dan ir-regolament jistgħu jitqiesu li huma miżuri urġenti u neċessarji fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE.

(ara l-punti 54, 56, 61, 73, 76, 79, 82)

2.      Sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità jew tal-Istati Membri tagħha jew il-kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux dan, il-Kunsill għandu l-obbligu li jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-ġustifikazzjoni legali ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jadotta tali miżura. Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ tali miżura għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-persuna kkonċernata.

Dan ir-rekwiżit huwa sodisfatt fil-każ fejn, meta jadotta regolament bħar-Regolament Nru 194/2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar, il-Kunsill jesponi r-raġunijiet għalfejn huwa jikkunsidra li, b’mod ġenerali, il-miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar u, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw konkretament il-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati huma jew jibqgħu ġġustifikati. Sa fejn l-imsemmi regolament għandu biss bħala għan li jżomm dawn il-miżuri, fin-nuqqas ta’ emendi sostanzjali ta’ fatt u ta’ dritt li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem ta’ dawn il-persuni jew entitajiet fost dawk ta’ persuni li jibbenefikaw mill-politika ekonomika tal-Gvern tal-Mjanmar u ta’ persuni l-oħra li huma assoċjati miegħu, il-Kunsill ma kienx obbligat li jfakkar espliċitament ir-raġunijiet għalfejn ċerti miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar jikkonċernaw b’mod konkret tali jew tali persuna.

(ara l-punti 96-98, 102, 105)

3.      Regolament li jinkludi sanzjonijiet kontra pajjiż terz li jikkonċernaw ċerti kategoriji taċ-ċittadini tiegħu għandu n-natura ta’ att leġiżlattiv ġenerali anki jekk il-persuni kkonċernati jiġu identifikati b’isimhom. Huwa veru li tali regolament jippreġudikahom direttament u individwalment u jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors min-naħa tagħhom. Madankollu, fi proċedura leġiżlattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ sanzjonijiet kontra pajjiż terz li jikkonċernaw ċerti kategoriji taċ-ċittadini tiegħu, id-drittijiet tad-difiża ma humiex applikabbli għalihom. Fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ tali regolament, il-persuni ma jkollhomx drittijiet ta’ parteċipazzjoni anki jekk, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu individwalment ikkonċernati.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi meħuda kontra l-Unjoni tal-Mjanmar, ipprovduti fir-Regolament Nru 194/2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar, komunikazzjoni speċifika tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi inkwistjoni ma kinitx, fi kwalunkwe każ, neċessarja qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament, fid-dawl tal-fatt li dan tal-aħħar għandu bħala għan iż-żamma ta’ miżuri restrittivi li diġà ttieħdu. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 194/2008 jimplementa l-Pożizzjonijiet Komuni 2006/318 u 2007/750, li ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u li jesponu l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jiġġustifikaw l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi pprovduti fl-imsemmija pożizzjonijiet komuni, il-persuni u l-entitajiet li huma kkonċernati b’mod konkret minn tali miżuri setgħu validament isostnu l-fehma tagħhom lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 194/2008. Madankollu, il-possibbiltà tan-nuqqas ta’ seduta preliminari ta’ dawn il-persuni ma taffettwax il-legalità tal-imsemmi regolament, peress li hija ma setgħetx twassal għal riżultat differenti.

(ara l-punti 123, 124, 127, 130-132)

4.      L-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma għandhom taħt is-sistema legali Komunitarja, peress li d-dritt għal tali protezzjoni jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri u peress li ġie stabbilit mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u kkonfermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Għall-persuni u entitajiet li huma kkonċernati b’miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi permezz tar-Regolament Nru 194/2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar, il-garanzija relatata mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva hija żgurata mid-dritt li għandhom il-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra l-imsemmija deċiżjoni.

Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi ammess li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, b’mod konformi mal-pożizzjoni komuni adottata skont il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni. Peress li l-qorti ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar il-provi, fatti u ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri minflok dik tal-Kunsill, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ ffriżar tal-fondi għandu jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-abbuż ta’ poter.

(ara l-punti 141, 142, 144)

5.      L-importanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi sanzjonijiet kontra pajjiż terz tista’ tkun tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki sostanzjali, għal ċerti persuni kkonċernati, inkluż dawk li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li tkun wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati, iżda li jinsabu affettwati b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom.

Ir-Regolament Nru 194/2008, li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar, għandu bħala għan, fid-dawl tal-ksur gravi u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq għal żmien twil mir-reġim militari tal-Mjanmar, li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u għalhekk li jipproteġi l-prinċipji morali tas-soċjetà. Fid-dawl tal-importanza ta’ tali għan ta’ interess ġenerali, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha tal-membri tal-Gvern tal-Mjanmar u tal-persuni li huma assoċjati magħhom ma jistax, fih innifsu, jitqies li huwa inadegwat jew sproporzjonat.

Barra minn hekk, il-fatt li persuna titqies, permezz ta’ tali regolament, li hija persuna assoċjata mal-imsemmi reġim militari, ma għandux il-konsegwenza li, wara eżami mill-ġdid individwali mill-Kunsill tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimha ġie miżjud jew miżmum fuq il-lista ta’ persuni li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar tal-assi, isimha għandu jiġi awtomatikament miżmum fuq din il-lista, peress li hija dejjem tista’ turi li ddissoċjat ruħha minn tali reġim u ma tibbenefika b’ebda mod mill-politika ekonomika tal-imsemmi pajjiż terz.

(ara l-punti 160, 161, 163, 167)