Language of document : ECLI:EU:T:2005:431

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

29 ta' Novembru 2005 (*)

"Kompetizzjoni – Artikolu 81 KE – Akkordju – Suq tal-fosfat taż-żingu – Ammenda – Linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammendi – Rikors għal annullament – Eċċezzjoni ta' illegalità – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Gravità tal-ksur – Prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali – Raġuni"

Fil-kawża T-64/02

Dr Hans Heubach GmbH & Co. KG, stabbilita f'Langelsheim (il-Ġermanja), irrappreżentata minn F. Montag u G. Bauer, avukati,

rikorrenti

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, bħala aġent, assistit minn H. J. Freund, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu, 

konvenut

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/437/KE tal-11 ta' Diċembru 2001, fuq proċedura mibdija skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ( Kawża COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, p. 1), jew, alternattivament, talba għat-tnaqqis ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' Lulju 2004

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti

1       Dr Hans Heubach GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti" jew "Heubach" hija kumpannija Ġermaniża li timmanifattura u tiddistribwixxi pigment organiku u minerali speċjalizzati, essenzjalment użati fil-manifattura tal-linka ta' l-istampa, tal-plastik u taż-żebgħa. Heubach kienet tipproduċi u tbiegħ il-fosfat taż-żingu, b'mod partikolari ta' kwalità immodifikata. Il-fatturat dinji tagħha kien ta' 71.02 miljun EUR fl-2000.

2       Għalkemm il-formuli kimiċi tagħhom jistgħu ivarjaw xi ftit, l-ortofosfati taż-żingu jikkostitwixxu prodott kimiku omoġenju, imsejjaħ b'mod ġeneriku "fosfat taż-żingu". Il-fosfat taż-żingu, li jinkiseb mill-ossidu taż-żingu u l-aċidu fosforiku, huwa ta' spiss użat bħala pigment minerali kontra l-korrużjoni fl-industrija taż-żebgħa. Huwa kkummerċjalizzat fis-suq kemm bħala fosfat taż-żingu standard, kif ukoll bħala fosfat taż-żingu mmodifikat jew "attivat".

3       Fl-2001, il-ħames produtturi Ewropej li ġejjin kellhom f'idejhom l-ikbar parti tas-suq dinji tal-fosfat taż-żingu: ir-rikorrenti, James M. Brown Ltd (iktar 'il quddiem "James Brown"), Société nouvelle des couleurs zinciques SA (iktar 'il quddiem "SNCZ"), Trident Alloys Ltd (iktar 'il quddiem "Trident") (li qabel kienet Britannia Alloys and Chemicals Ltd) (iktar 'il quddiem "Britannia") u Union Pigments AS (iktar 'il quddiem "Union Pigments") (li qabel kienet Waardals AS). Bejn l-1994 u l-1998, il-valur tas-suq tal-fosfat taż-żingu standard għola għal madwar 22 miljun EUR fis-sena fuq livell dinji u għal madwar 15 sa 16 il-miljun EUR fis-sena fuq il-livell taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Fiż-ŻEE, ir-rikorrenti, SNCZ, Trident (li qabel kienet Britannia) u Union Pigments kellhom ishma mis-suq tal-fosfat taż-żingu standard simili ħafja li kienu jammontaw għal madwar 20%. James Brown kellu f'idejh sehem mis-suq li kien konsiderevolment inferjuri. Ix-xerrejja tal-fosfat taż-żingu huma l-manifatturi kbar taż-żebgħa. Is-suq taż-żebgħa huwa ddominat minn xi gruppi kimiċi multinazzjonali.

4       Fit-13 u 14 ta' Mejju 1998, il-Kummissjoni pproċediet, simultanjament u mingħajr notifikazzjoni, għal verifiki fl-uffiċji tar-rikorrenti, ta' SNCZ u Trident, skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). Mit-13 sal-15 ta' Mejju 1998, fuq talba sussegwenti tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 8(3) tal-Protokoll 23 tal-Ftehim Ekonomiku Ewropew (ŻEE), l-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) ipproċediet, simultanjament u mingħajr notifikazzjoni, għal verifiki fl-uffiċċji ta' Union Pigments, skond l-Artikolu 14(2) tal-Kapitlu II tal-Protokoll 4 tal-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar l-istabbiliment ta' Awtorità tas-Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja.

5       Matul il-proċedura amministrattiva, Union Pigments u Trident infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jikkooperaw kompletament magħha, skond il-komunikazzjoni tat-18 ta' Lulju 1996 dwar in-non impożizzjoni ta' ammendi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni") u kull waħda għamlet dikjarazzjonijiet dwar is-suġġett ta' l-akkordju (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjoni ta' Union Pigments" u d-"dikjarazzjoni ta' Trident").

6       Fit-2 ta' Awwissu 2000, il-Kummisjsoni adottat dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet fir-rigward ta' l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors (ara punt 7 iktar 'il quddiem), inklużi r-rikorrenti.

7       Fil-11 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Nru 2003/437/KE rigward proċediment mibdi skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu) (ĠU 2003, L 153, p. 1). Id-deċiżjoni li ġiet ikkunsidrata għall-finijiet ta' din is-sentenza hija dik li ġiet innotifikata lill-impriżi kkonċernati u li hija mehmuża mar-rikors (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Din id-deċiżjoni hija, taħt ċerti aspetti, differenti minn dik li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

8       Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li akkordju li għaqqad lil Britannia (Trident sa mill-15 ta' Marzu 1997), Heubach, James Brown, SNCZ u Union Pigments eżista bejn l-24 ta' Marzu 1994 u t-13 ta' Mejju 1998. L-akkordju kien illimitat għall-fostat taż-żingu standard. Primarjament, il-membri ta' l-akkordju kienu stabbilixxew ftehim ta' tqassim tas-suq bi kwoti ta' bejgħ għall-produtturi. Fit-tieni lok, huma kienu ffissaw prezzijiet "minimi" jew "rakkomandati" f'kull laqgħa li kienu ġeneralment segwiti. Fit-tielet lok kien hemm ukoll fih, sa ċertu punt, it-tqassim tal-klijenti.

9       Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid kif ġej:

"L-Artikolu 1

Britannia […], […] Heubach […], James […] Brown […], [SNCZ], Trident […] u [Unioni Pigments] kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u ta' l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw fi ftehim kontinwu u/jew f'prattika miftehma fis-settur tal-fosfat taż-żingu.

It-tul ta' żmien tal-ksur kien is-segwenti:

a)     għal dak li jikkonċerna […] Heubach […], James […] Brown […], [is-SNCZ] u [Union Pigments] : mill-24 ta' Marzu 1994 sat-3 ta' Mejju 1998.

b) […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Article 3

L-ammendi li ġejjin huma imposti għall-ksur previst fl-Artikolu 1:

a) Britannia […]: 3.37 miljun EUR;

b) […] Heubach […] : 3.78 miljun EUR ;

c) James […] Brown […]: 940 000 EUR;

d) [is-SNCZ]:1.53 miljun EUR;

e) Trident […]: 1.98 miljun EUR ;

f) [Union Pigments] : 350 000 EUR.

[…] " [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     Għall-kalkolu ta' l-ammendi, il-Kummissjoni użat il-metodu msemmi fil-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi imposti b' appikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar 'il quddiem il-"linji gwida") u l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

11     Għalhekk, qabel kollox, il-Kummissjoni iffissat "ammont bażi" u dan skond il-gravità u tul ta' żmien tal-ksur (ara premessi 261 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata).

12     Fir-rigward ta' l-ewwel fattur, hija kkunsidrat li l-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala "serju ħafna" u dan b'rigward għan-natura ta' l-aġir in kwistjoni, għall-effetti reali tiegħu fuq is-suq tal-fosfat taż-żingu u għall-fatt li kien kopra s-suq komuni kollu u, wara l-istabbiliment, iż-ŻEE kollu (premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata). Indipendentement min-natura serja ħafna tal-ksur, il-Kummissjoni spjegat li hija kkunsidrat id-daqs limitat tas-suq in kwistjoni (premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata).

13     Il-Kummissjoni applikat "trattament differenzjali" għall-impriżi kkonċernati sabiex, min-naħa, tikkunsidra l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu serju lill-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi l-ammenda fuq livell li jiggarantixxi effett dissważiv biżżejjed (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontesta). Għal dan il-għan, hija qasmet l-impriżi kkonċernati f'żewġ kategoriji, skond l-obbligi ta' "l-importanza relattiva tagħhom fis-suq in kwistjoni" tagħhom. Hija għaldaqstant ibbażat ruħha fuq il-fatturat magħmul fiż-ŻEE matul l-aħħar sena tal-ksur mill-prodott ikkonċernat minn kull waħda minn dawn l-impriżi u kkunsidrat il-fatt li r-rikorrenti, Birtannia (Trident sa mill-15 ta' Marzu 1997), SNCZ u Union Pigments kienu "l-produtturi prinċipjali tal-fosfat taż-żingu fiż-ŻEE, u kellhom ishma mis-suq simili ħafna ta' aktar minn jew madwar 20%" (premessi 307 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata, flimkien ma' Britannia, SNCZ, Trident u Union Pigments, fl-ewwel kategorija ("punt ta' tluq" ta' 3 miljuni EUR). James Brown, li s-sehem mis-suq tagħha kien "bla dubju ta' xejn inferjuri" ġiet ikklassifikata fit-tieni kategorija ("punt tat-tluq" ta' 750 000 EUR) (premessi 308 u 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

14     Fir-rigward tal-fattur relatat mat-tul ta' żmien, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur imputat lir-rikorrenti kien ta' tul ta' żmien "medju", li kien mill-24 ta' Marzu 1994 sat-13 ta' Mejju 1998 (premessa 310 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, hija żiedet b'40% il-punt ta' tluq tar-rikorrenti, u għaldaqstant waslet għal "ammont bażi" ta' 4.2 miljun EUR (premessi 310 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata).

15     Sussegwentement, il-Kummissjoni sostniet f'dan il-każ li ma kienx hemm ċirkostnzi li setgħu jitqiesu bħala aggravanti jew attenwanti (premessi 314 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, hija ċaħdet l-argumenti bbażati fuq il-"kuntest ekonomiku ħażin" li fih kien sar l-akkordju u l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-impriżi kkonċernati (premessi 337 sa 343 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni, għaldaqstant, stabbili l-ammont ta' l-ammenda għal 4.2 miljun EUR "qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq [il-kooperazzjoni]" fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata).

16     Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret il-limitu li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammenda li għandha tiġi imposta fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati ma tissupera. L-ammont ta' l-ammenda tar-rikorrenti qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma ġiex effettwat minn dan il-limitu (premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

17     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħat lir-rikorrent tnaqqis ta' 10% skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, b'rigward għall-fatt li hija kienet iddikjarat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li hija ma kinitx qed tikkonteseta fis-sustanza l-fatti li kienu ġew esposti fiha (premessi 360, 363 u 366 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont finali ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti kien għaldaqstant 3.78 miljun EUR (premessa 370 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18     Permezz ta' talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-28 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

19     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skond il-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u jirrispondu għal ċerti domandi bil-miktub. Huma laqgħu dawn it-talbiet.

20     Is-sottomissjonijiet orali u r-risposti tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta li nżammet fl-1 ta' Lulju 2002.

21     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       primarjament tannulla l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata ;

–       alternattivament, tnaqqas l-ammont ta' l-ammenda li ġiet imposta fuqha;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

22     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 A -  Fuq l-eċċezzjoni ta' illegalità

 1. L-argumenti tal-partijiet

23     Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata huwa null, minħabba li l-ammenda prevista f'dan l-Artikolu ġiet fuq il-bażi ta' linji gwida, li jiksru l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

24     Hija tafferma li din l-eċċezzjoni ta' illegalità hija ammissibili u li l-argument tal-Kummissjoni, li l-illegalità tal-linji gwida ma twassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 biss jikkostitwixxi il-bażi ġuridika, għandu jiġi miċħud.

25     Fuq il-mertu, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 għandu jiġi kkunsidrat bħala li jistabbilixxi obbligu ġenerali li l-ammendi jiġu kkalkulati proporzjonalment mal-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, dan huwa l-uniku mezz li bih tista' tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika ta' l-impriża in kwistjoni. Il-linji gwida huma bbażati fuq kategoriji globali ta' ammendi iffissati indipendentment mill-fatturat u, konsegwentement ta' dan, mis-saħħa ekonomika ta' l-impriża kkonċernata. B'mod partikolari, dawn jipprovdu ammont fiss ta' mill-inqas 20 miljun EUR għall-ksur ikkwalifikat bħala gravi ħafna, irrispettivament mid-daqs ta' l-impriża kkonċernata.

26     Dan il-ksur jibqa jippersisti minkejja l-fatt li l-linji gwida jippermettu differenzjament skond ċerti elementi, fosthom in-natura tal-ksur mwettaq, il-kapaċità ekonomika effettiva ta' min iwettaq il li joħloq dannu konsiderevoli lill-operaturi l-oħra jew l-importanza mnaqqsa tas-suq in kwistjoni. Tali differenzjament huwa fil-fatt possibbli biss ġewwa kategoriji previsti mill-linji gwida.

27     Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li l-kapaċità ekonomika ta' impriża, li tirriżulta b'mod ċar mill-fatturat globali tagħha, hija biss waħda mill-kriterji li hija għandha tikkunsidra, ir-rikorrenti tirrispondi li hija ma tikkontestax li bosta kriterji għandhom jiġu kkunsdrati, imma takkuża lill-Kummissjoni li m'għamlitx dan favur tagħha. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-linji gwida ma jipprekludux li l-fatturat globali, u lanqas il-fatturat fis-suq tal-prodott in kwistjoni ta' l-impriżi kkonċernati "jiġu kkunsidrati fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan" (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 283).

28     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tressaq li, billi jikkalkolaw l-ammont ta' l-ammendi fuq il-bażi ta' ammonti determinati kollha kemm huma, il-linji gwida jimponu metodu ta' kalkolu li ma jqisx id-daqs ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) bħar-rikorrenti. Hija tosserva li hija kellha fatturat globali ta' 71 miljun EUR fl-2000 u li, fuq livell Ewropew fis-suq tal-fosfat ta' żingu standard, hija kellha biss 3.48 miljun EUR ta' fatturat fl-2000, jiġifieri madwar 4.9% tal-fatturat globali tagħha. Hija tgħid ukoll li grupp żgħir li ma kellux aktar minn sitt kollaboraturi, megħjuna minn xi impjegati, kien responsabbli għall-fatturat magħmul f'dan is-suq. Hija ma kienet prattikament għamlet ebda profitt bil-prodotti in kwistjoni u kienet fil-fatt ta' spiss għamlet telf.

29     L-ammonti bażi, inkluż l-ammont mill-inqas 20 miljun EUR għall-ksur ikkwalifikat bħala "gravi ħafna", huma applikati anke jekk l-impriżi kkonċernati huma SMEs. Il-konsegwenza ta' dan "l-ammont fiss", f'dan il-każ, hija li l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti hija sinifikament ikbar meta mqabbla mal-fatturat totali, minn dawk imposti f'kawżi oħra komparabbli fir-rigward tal-gravità tal-ksur. B'sostenn għal dan l-argument, ir-rikorrenti tirreferi għal bosta deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li fihom hija imponiet ammendi relattivament iktar baxxi (Deċiżjoni 98/273/KE tal-Kummisjsoni tat-28 ta' Jannar 1998, rigward proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.733 – VW) (ĠU L124, p. 60, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Volkswagen"); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/210/KE ta' l-14 ta' Ottubru 1998 (iktar 'il quddiem id-deċiżjoni British Sugar), dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (Kawża IV/F-3/33.708 – British Sugar plc, Kawża IV/F-3/33.709 – Tate & Lyle plc, Kawża IV/F-3/33.710 – Napier Brown & Company Ltd, Kawża IV/F-3/33.711 – James Budgett Sugars Ltd) (ĠU 1999, L76, p. 1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/60/KE tal-21 ta' Ottubru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E-4 – Pajpijiet diġa iżolati) (ĠU 1999 L 24, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Pajpijiet diġa iżolati")]. Għaldaqstant, l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti hija sa 280 darba iktar għolja meta mqabbla mal-fatturat tagħha, minn dik stabbilita fid-deċiżjoni British Sugar. Fi kliem ieħor, il-linji gwida huma illegali f'dak illi dawn wasslu, f'kawżi li jistgħu jiġu mqabbla fir-rigward tal-gravità tal-ksur, għal ammendi sproporzjonati meta mqabbla mal-fatturat.

30     B'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li hija kienet ikkunsidrat id-daqs billi stabbililiet il-punt ta' tluq għal 3 miljun EUR (ara punt 13 iktar 'il fuq) u mhux għal 20 miljun EUR, ir-rikorrenti ssostni li l-"ammont fiss" xorta għandu effett fuq l-ammendi imposti u jwassal għal ammendi sproporzjonati.

31     Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tafferma li ż-żieda ta' l-ammont bażi minħabba t-tul ta' żmien tal-ksur, prevista fil-linji gwida hija wkoll illegali. Ċertu ksur, b'mod partikolari ta' akkordji fuq il-kwoti, jinfirex min-natura tiegħu stess, fuq bosta snin. Dan it-tul ta' żmien twil huwa ppenalizzat meta l-ksur huwa kkwalifikat bħala gravi ħafna. Billi jipprovdu żidiet għall-ksur skond it-tul ta' żmien tiegħu, il-linji gwida għaldaqstant iwasslu sabiex lill-impriża kkonċernata jippenalizzawha darbtejn.

32     Primarjament, il-Kummissjoni tesprimi dubji rigward l-ammissibbiltà ta' l-eċċezzjoni ta' illegalità ta' l-argument minħabba li l-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm hija użat il-metodu stipulat fil-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi f'dan il-każ, il-fatt jibqa' li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa l-uniku bażi ġurdika tad-deċiżjoni. Għaldaqstant anki jekk il-linji gwida kellhom jiġu ddikjarati illegali, dan ma jrendix id-deċiżjoni kkontestata illegali.

33     F'dak li jikkonċerna l-mertu, il-Kummissjoni tosserva li jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002 dwar l-akkordju fuq il-pajpijet diġa iżolati li l-linji gwida ma jiksrux l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, HFB et vs il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487; Brugg Rohrsysteme vs il-Kummissjoni, T-15/99, Ġabra p. II-1613; Lögstör Rör vs il-Kummissjoni, T-16/99, Ġabra p. II-1633; KE KELIT vs il-Kummissjoni, T-17/99, Ġabra p. II-1647; Dansk Rørindustri vs il-Kummissjoni, T-21/99, Ġabra p. II-1681; Sigma Tecnologie vs il-Kummissjoni, T-28/99, Ġabra p. II-1845; ABB Asea Brown Boveri vs il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, u b'mod partikolari, LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punti 223 sa 232 u 278 sa 291). Għaldaqstant, din l-eċċezzjoni ta' illegalità għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

34     Il-Kummissjoni tikkontesta, b'mod partikolari, il-fondatezza ta' l-argument tar-rikorrenti li hija kien imissha kkunsidrat il-fatt li fatturat tagħha kien bax u li hija ma qisitx ir-rabta bejn il-fatturat globali u l-ammenda stabbilita f'deċiżjonijiet oħra. F' dak li jikkonċerna il-paragrun mad-deċiżjoni British Sugar, hija ssostni li r-rikorrenti tidher li tikkunsidra li jew il-Kummissjoni kien imissha iffissat il-punt tat-tluq skond il-gravità tal-ksur għal 18 miljun EUR (il-punt ta' tluq f'British Sugar) multiplikat b'280 jiġifieri 5.04 biljun EUR, jew li kien imissha qasmet b'280 il-punt ta' tluq ta' 3 miljun EUR stabbilit fil-każ tar-rikorrenti u tasal għall-punti ta' tluq ta' 10 000 EUR. Ir-rikorrenti qed tinsa li, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha f'kull każ tiffissa ammont li għandu effett dissważiv biżżejjed.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

35     Għandu jiġi kkonstatat, primarjament, li għalkemm il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din ta' l-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 17, dawn jiddeterminaw, b'mod ġenerali u astratt, il-metodu li l-Kummissjoni imponiet sabiex tistabbilixxi l-ammont ta' l-ammendi (sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 274). B'rigward ta' l-effetti ġuridiċi li jistgħu jirriżultaw mir-regoli ta' kondotta bħall-linji gwida u peress illi dawn fihom dispożizzjonijiet f'portata ġenerali li huwa aċċettat li ġew applikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li teżisti konnessjoni diretta bejn din id-deċiżjoni u l-linji gwida. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta' illegalità hija ammissibbli.

36     Ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-linji gwida f'dak illi, kuntrarjament għall-kliem ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 li jipprovdi, skond ir-rikorrenti, li l-ammendi għandhom jiġu kkalkulati proporzjonaliment mal-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati, huma kellhom bħala punt ta' tluq kategoriji globali ta' ammendi stabbiliti indipendentement mill-fatturat. Għaldaqstant il-fatt li r-rikorrenti hija SME mhuwiex ikkunsidrat. Barra minn hekk, it-tul ta' żmien tal-ksur huwa kkunsidrat darbtejn mill-linji gwida.

37     Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-linji gwida ma jmorrux lil hinn mill-kuntest ġurdiku tas-sanzjonijiet kif definit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, il-metodu ġenerali għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammendi stipulat fil-linji gwida huwa bbażat fuq iż-żewġ kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri l-gravità tal-ksur u t-tul ta' żmien tiegħu, u jirrispetta l-limitu massimu fir-rigward tal-fatturat ta' kull impriża, stabbilit mill-istess dispożizzjoni (sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punti 231 u 232, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' April 2004, Tokai Carbon et vs il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 189 u 190).

38     Il-linji gwida jikkostitwixxu deskrizzjoni, mill-Kummissjoni, tal-mod kif hija tevalwa l-fatturi relatati mal-gravità u t-tul ta' żmien kif ukoll il-metodu tagħha sabiex tevalwa l-ksur fir-rigward tan-natura tagħhom u taċ-ċirkostanzi in kwistjoni. L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jeħtieġx li l-ammont ta' l-ammenda jkun porporzjonat mal-fatturat ta' l-impriża kkonċernata. Jirriżulta sempliċement li jekk l-ammenda taqbeż il-miljun Euro, din ma tistax taqbeż il-limitu ta' 10% tal-fatturat ta' l-impriża kkonċernata (sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 278).

39     Minbarra dan, il-linji gwida jippermettu lill-Kummissjoni tikkunsidra, meta ċ-ċirkustanzi jirrikjedu dan, is-sitwazzjoni partikolari li fija jinsabu l-SMEs meta mqabbla ma' impriżi li għandhom, fis-suq in kwistjoni jew globalment, fatturat superjuri. Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġa ddeċidiet f'dan ir-rigard li, fl-applikazzjoni tal-linji gwida, il-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati jista jiġi kkunsidrat meta tkun qiegħda tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika ta' min iwettaq il-ksur li jagħmel ħsara kunsiderevoli lil operaturi oħra u n-neċiessità li jkun żgurat li jkollha effett dissważiv biżżejjed jew meta jkun qed jitqies il-fatt li l-impriżi kbar ikollhom normalment tagħrif legali u ekonomiku li jippermettilhom jevalwaw li l-aġir tagħhom jikkostitwixxi ksur u l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan il-ksur taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Il-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati jista' wkoll jiġi kkunsidrat meta jkun qed jiġi ddeterminat il-valur speċifiku, u b'hekk ta' l-impatt reali, ta' l-aġir ta' kull impiża li ma jikkostitwixxix ksur fuq il-kompetizzjoni, b'mod partikolari meta jkun hemm differenza bejn id-daqs ta' l-impriżi li jkunu wettqu ksur ta' l-istess natura. Bl-istess mod, il-fatturat ta' l-impriżi jista' jagħti indikazzjoni tal-benefiċċju ekonomiku jew finanzjarju possibbli li min ikun wettaq il-ksur ikun kiseb jew ta' karatteristiċi oħra speċifiċi li għandhom, skond iċ-ċirkostanzi, jiġu kkunsidrati (sentenzi Lögstör Rör vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punti 295 u 296, u Dansk Rørindustri vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 203).

40     Fir-rigward ta' l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-linji gwida jiksru l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 f'dak illi dawn jipprevedu ammont fiss mill-inqas 20 miljun EUR għall-ksur gravi ħafna ħafna anki jekk l-impriża kkonċernata hija SME, għandu jiġi kkonstat li l-ammonti bażi previsti fil-linji gwida biss huma "applikabbli" (punt I A). Il-Kummissjoni għaldaqstant għandha l-libertà kollha li tiffissa ammont bażi li huwa aktar minn 20 miljun EUR. Għaldaqstant, għalkemm ir-rikorrenti wettqet ksur gravi ħafna f'dan il-każ, il-Kummissjoni iffissat il-punt ta' tluq ta' l-ammenda tagħha għal 3 miljun EUR, ammont konsiderevolment inferjuru għall-ammont ta' 20 miljun EUR previst fil-linji gwida għall-ksur gravi ħafna (premessa 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

41     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-linji gwida jwasslu għall-impożizzjoni ta' ammendi ikbar, fil-proporzjon mal-fatturat, għal dawk imposti fuq impriżi oħra f'kawżi preċedenti komparabbli, għandu jiġi enfasizzat li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix minnha nfisha bħala kuntest ġuridiku għall-ammendi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 234). Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet fil-passat imponiet ammendi ta' ċertu livell għal ċerti tipi ta' ksur ma tistax iċċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan huwa meħtieġ sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni tal-politka Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Europa Carton vs il-Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II-869, punt 89).

42     Fejn il-Kummissjoni timponi, għall-impriżi involuti fl-istess ksur, ammendi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, fir-rigward tal-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur, ma tistax tiġi akkużata li, għal uħud minn dawn l-impriżi, l-ammont ta' l-ammenda huwa ikbar, fir-rigward tal-fatturat, minn dak ta' impriżi oħra f'kawżi preċedenti (ara, b'analoġija, LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 278).

43     Għandu jingħad ukoll li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta' bosta elementi bħal, b'mod partikolari, iċ-ċirkostanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv ta' l-ammendi, u dan, mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati (sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33, u s-sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 236). L-informazzjoni relevanti bħas-suq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jvarjaw skond kull kawża. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata timponi ammendi li jirrappreżentaw l-istess proporzjon ta' fatturat fil-kawżi kollha li jixxiebħu fuq il-livell ta' gravità (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Jannar 2004, JCB Service vs il-Kummissjoni, T-67/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 187 sa 189).

44     Għandu jiġi mfakkar, fi kwalunkwe każ, li l-ammonti "fissi" previsti mill-linji gwida huma biss indikattivi u ma jistgħux għaldaqstant jirriżultaw fi ksur, per se, tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

45     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-linji gwida jwasslu sabiex jikkunsdiraw darbtejn il-fattur relatat mat-tul ta' żmien tal-ksur, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprevedi espressament li għandu jiġi kkunsidrat, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta' l-ammenda, "minnbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta' żmien tagħha". Fid-dawl ta' dan it-test u anki fuq l-assunzjoni li, intrinsikament, ċerti ksur huma kkonċepiti sabiex idumu fiż-żmien, il- Kummissjoni ma tistax tiġi mwaqqfa milli tikkunsidra t-tul ta' żmien effettiv tagħhom f'kull każ partikolari. Għaldaqstant, l-effett dannuż ta' akkordji li, minkejja l-fatt li huma suppost idumu għal żmien twil, huma skoperti mill-Kummissjoni jew irraportati minn parteċipant wara żmien qasir ta' funzjoni effettiva huwa neċessarjament inqas milli f'sitwazzzjoni fejn huma kellhom żmien twil ta' funzjoni effettiva. Għaldaqstant, b'konsekwenza ta' dan, f'kull każ, għandha ssir distinzjoni bejn it-tul ta' żmien ta' ksur u l-gravità tiegħu kif tirriżulta min-natura tiegħu stess (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Tokai Carbon et vs il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 259).

46     Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta' illegalità għandha tiġi miċħuda.

 B – Fuq ir-raġunijiet għall-annullament

47     Ir-rikorrenti tinvoka ħames raġunijiet. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-linji gwida. It-tieni raġuni hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. It-tielet raġuni hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali. Ir-raba' raġuni hija bbażata fuq ksur ta' l-Artikou 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem il-"KEDB"). Il-ħames raġuni hija bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 253 KE.

 1. Fuq l-ewwel parti, rigward il-ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-linji gwida

48     Ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-linji gwida jiġu kkunsidrati bħala legali, ikun hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni applikathom b'mod żbaljat. Skond hija, l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni kkontestata jikser kemm l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll il-linji gwida. Din ir-raġuni hija komposta minn tliet partijiet, li fihom ir-rikorrenti ssostni li:

–       il-Kummissjoni ma evalwatx b'mod korrett il-gravità tal-ksur;

–       il-Kummissjoni naqqset milli tikkunsidra l-fatt li parti żgħira biss tal-fatturat tagħha kkonċernat kien jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-linji gwida;

–       il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-kapaċita ekonomika tagħha.

1.     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur

49     Skond ir-rikorrenti, hija l-gravità tal-ksur li hija determinanti għall-kalkolu ta' l-ammenda skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. F'dan il-każ, il-kwalifika, mill-Kummissjoni, tal-ksur bħala "gravi ħafna" minħabba n-natura tiegħu u r-riperkussjonijiet tiegħu fuq is-suq (premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata) hija żbaljata. Ir-rikorrenti tgħid li l-Kummissjoni, min-naħa, naqqset milli tikkunsidra l-fatti kollha relevanti, b'mod partikolari in-natura moderata tal-ksur, u, min-naħa l-oħra, ma analizzatx b'mod korrett l-elementi li hija kkunsidrat. Kieku hija kienet evalwat korrettament il-ksur, kien imissha imponiet ammenda iktar baxxa.

50     Din l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni tinkludi erba' lmenti, bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma evalwatx b'mod korrett:

–       in-natura tal-ksur;

–       l-effetti tal-ksur fuq is-suq;

–       il-kriżi fis-settur tal-fosfat taż-żingu bħala ċirkostanza attenwanti;

–       il-fatti li l-ksur jiddistingwi ruħu minn akkordji oħra kkwalifikati bħala serji ħafna.

 Fuq in-natura tal-ksur

–       L-argumenti tal-partijiet

51     Ir-rikorrenti ssostni li l-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala moderat mill-Kummissjoni u li ammenda iktar baxxa kellha għaldaqstant tiġi imposta fuqha. Filwaqt li tammetti li l-akkordju kien ksur serju tal-liġi tal-kompetizzjoni, hija ssostni li r-riskju għall-kompetizzjoni kien relattivament limitat minħabba l-iskop limitat ta' l-akkordju. Hija tindika li, skond ġurisprudenza kostanti, "fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammendi għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi kollha ta' natura li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur" (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 4949 u s-sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punti 120 u 129). Fil-passat, il-Kummissjoni segwiet din il-ġurisprudenza. Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, għalkemm, fid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet, hija rrikonoxxiet l-eżistenza ta' elementi li jipprovaw in-natura moderata tal-ksur, wara bidla ċara fil-politika tagħha fil-qasam ta' l-ammendi, hija kienet ulterjorment warrbet dawn l-istess elementi fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fir-risposta tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni biddlet l-opinjoni tagħha għal dak li jikkonċerna l-importanza ta' l-iskop limitat. Fil-fatt, hija fiha ammettiet li dawn l-aspetti kienu relevanti għall-analiżi tagħha tal-gravità tal-ksur, imma li dawn bl-ebda mod ma biddlu l-fatt li l-ksur kellu jiġi kkwlaifikat bħala "gravi ħafna".

52     Sussegwentement, ir-rikorrenti tesponi r-raġunijiet li għalihom, skond hija, il-ksur ma kellux jiġi kkwalifikat bħala "gravi ħafna".

53     Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-ksur kien jikkonsisti fi ftehim informali li ma kienx akkumpanjat minn ebda mekkaniżmu speċjali ta' implimentazzjoni mill-impriżi kkonċernati. Għalkemm hija kienet irrikonoxxiet dan il-fatt fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, mdankollu, ma naqqsitx l-ammenda fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni tagħha Polypropylène, il-Kummissjoni kienet imponiet ammenda mhux għolja ħafna minħabba l-fatt li l-impriżi kkonċernati ma kinux ipprovdew mekkaniżmu ta' implimentazzjoni [Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 86/398/KEE tat-23 ta' April 1986 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.149 – Polypropylène) (ĠU L 230, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Polypropylène"), punt 108]. Min-natura tiegħu, ksur ikollu effetti inqas dannużi fuq is-suq ma jkollux mekkaniżmu ta' implimentazzjoni. Ir-rikorrenti ma taċċettax il-fondatezza ta' l-argument tal-Kummissjoni li din il-kawża tiddistingwi ruħha minn dik li wasslet għad-deċiżjoni Polypropylène f'dak illi l-partijiet għal dawn il-ftehim kienu soġġetti għal pressjonijiet li għandhom l-istess funzjoni u l-istess effetti bħal mekkaniżmu ta' implimentazzjoni formali. Hija tikkunsidra li l-fatt li ebda miżura restrittiva li tista' tassigura r-rispett tal-kwoti ma kienet ipprovudta, kemm fil-kawża Polypropylène kif ukoll f'dan il-każ, huwa element determinanti.

54     B'risposta għall-argument li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tikkunsidra l-prassi preċedenti tagħha, ir-rikorrenti tafferma li l-ġurisprudenza tobbliga lill-Kummissjoni li tikkunsidra l-elementi kollha li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenza Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punt 4949). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tonqos milli tikkunsidra "b'mod arbitrarju u mingħar motiv konklużiv" il-kriterji li hija kkunsidrat relevanti fid-deċiżjonijiet preċedenti sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma nterpretatx b'mod korrett is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs il-Kummissjoni (T-347/94, Ġabra p. II-1751). Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikkjarat li "il-fatt biss li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħħi, li ċerti elementi jikkostitwixxu ċirkostanzi attenwanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda ma jimplikax li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni f'deċiżjoni ulterjuri" (punt 368). Hija tikkunsidra, madankollu, li din id-dikjarazzjoni ma taffettwax l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-elementi kollha relevanti. Ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta' ostakoli ta' implimentazzjoni, in-nuqqas ta' ostakoli għall-kompetizzjoni bejn l-Istati (ara punt 56 iktar 'il quddiem) u r-rwol sekondarju tal-prezzijiet (ara punt 57 iktar 'il quddiem) huma elementi essenzjali għall-evalwazzjoni korretta tal-gravità tal-ksur. Hija żżid tgħid li l-Kummissjoni naqset milli tqis l-elementi kollha favorevoli għall-impriżi kkonċernati anki jekk dawn kienu essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Hija tippreċiża li fil-kawża li tagħat lok għas-sentenza Mayr-Melnhof vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, kien hemm kriżi settorjali, li kellha fuq kollox tiġi kkunsidrata bħala ċirkostanza attenwanti jew bħala fattur oġġettiv skond il-punt 5 tal-linji gwida, u li huwa inqas importanti għall-evalazzjoni tal-gravità tal-ksur mill-elementi mressqa mir-rikorrenti f'dan il-każ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta li s-sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, tippermetti lill-Kummissjoni ma ssegwix il-prassi deċiżjoniali preċedenti tagħha. Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza f'din is-sentenza jikkostitwixxu risposta għall-affermazzjoni ta' LR AF li l-bdil tal-livell preċedenti ta' l-ammendi li l-linji gwidi jistabbilixxu kien jikkostitwixxi bidla għall-kuntest ġuridiku li jiddetermina l-ammendi li jistgħu jiġu imposti. Din is-sentenza ma tippermettix lill-Kummissjoni ma tqisx l-elementi relevanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

55     Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fis-sentenza tagħha ta' l-14 ta' Mejju 1998, Enso Española vs il-Kummissjoni (T-348/94, Ġabra p. II-1875), li n-nuqqas ta' miżuri ta' kontroll ta' l-implimentazzjoni, ma setax, minnu nnifsu, jikkostitwixxi ċirkostanza attenwanti, ir-rikorrenti tosserva li din il-ġurisprudenza mhijiex relevanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Hija żżid tgħid li, fis-sentenza tagħha tas-17 ta' Diċembru 1991, Enichem Anic vs il-Kummissjoni (T-6/89, Ġabra p. II-1623, punti 269 sa 271), il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li n-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' implimentazzjoni kien jikkostitwixxi ċirkostanza attenwanti.

56     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kwoti ffissati mill-akkordju kienu stabbiliti biss fuq livell Ewropew. L-impriżi kkonċernati ma kienux ippruvaw jiffissaw kwoti skond il-pajjiż u għaldaqstant ma kienx hemm qsim tas-swieq nazzjonali. B'konsekwenza ta' dan, ir-riksju għall-kompetizzjoni kien ġiet limitat ab initio. Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, kuntrarjament għad-Deċiżjoni 94/815/KE tagħha tat-30 ta' Novembru 1994, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (Kawża IV/33.126 u 33.322 – Climent) (ĠU L 343, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Ciment"), fejn hija kienet tagħat importanza partikolari għall-fatt li l-impriżi kkonċernati kienu ffissaw kwoti skond il-pajjiżi u kienu għaldaqstant qasmu s-swieq nazzjonali ma kkunsidratx, madankollu din iċ-ċirkustanza f'dan il-każ meta ddeterminat l-ammont ta' l-ammenda.

57     Fit-tielet lok u kuntrarjament għall-ksur oħra kkwalifikati bħala "gravi ħafna", il-ftehim fuq il-prezzijiet kellu rwol sekondarju. Ir-rikorrenti tammetti li, matul bosta laqghat, kienet saret referenza għall-prezzijiet imma tippreċiża li d-diskussjoni dwar dan is-suġġett kien limitat, speċjalment fil-bidu tal-ksur, għal ilmenti li jikkonċernaw il-livell mhux għoli ħafna tal-prezzijiet kif ukoll id-differenzi fil-prezz bejn l-Istati Membri. In-noti miktubin bl-idejn meħuda matul il-laqgħat fl-1994 u fl-1995 ma fihom ebda indikazzjoni dwar il-prezzijiet minħabba li l-prezzijiet ma kinux ġew iffissati fil-bidu ta' l-akkordju. Hija ssostni li, kif il-Kummissjoni ssemmi fil-punt 99 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, l-akkordju kien ibbażat fuq il-prinċipju "tal-kwantitajiet biss, u mhux tal-prezz". Xi prezzijiet minimi kienu, madankollu, ġew iffissati. Ir-rikorrenti żżid tgħid li l-impriżi kkonċernati kienu iffissaw biss prezzijiet ta' referenza u li dawn il-prezzijiet għandhom, min-natura tagħhom, bħal ma rrikonoxxit il-Kummissjoni, riperkussjonijiet aktar limitati milli prezzijiet fissi. Ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma tikkontestax il-fatti stabbilti imma l-evalwazzjoni tagħhom.

58     Ir-rikorrenti tikkritika l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li mhemmx differenza vera ta' livell bejn l-akkordju in kwistjoni u l-akkordji l-oħra, li fihom ftehim preċiżi ta' ffissar tal-prezzijiet u ta' kwoti, b'implimentazzjoni effikaċi, kienu previsti. Hija tinsisti fuq il-fatt li r-riskji ta' restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ta' ostakli għall-integrazzjoni huma konsiderevolment inqas għoljin f'dan il-każ.

59     Fir-raba' lok, ir-rikorrenti tallega li, bl-eċċezzjoni ta' klijent wieħed, Tekno Winter, u ta' okkażjoni waħda fejn James Brown kienet assenjata xi impriżi żgħar mir-Renju Unit, ma kienx hemm assenjazzjoni ta' klijenti.

60     Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tisħaqx li hija eċċediet id-diskrezzjoni tagħha jew għamlet żbalji oħra ta' evalwazzjoni. Hija tillimita ruħha li tafferma b'mod ġenerali li l-Kummissjoni "arbitrarjament u mingħar raġuni konklużiva" ma segwitx il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

61     Il-Kummissjoni tafferma li, skond il-prinċipji stipulata mill-ġurisprudenza, hija kkunsidrat li l-elementi kollha relevanti sabiex tevalwa n-natura tal-ksur u kkonkludiet li dan kellu, min-natura tiegħu, jiġi kkwalifikat bħala "gravi ħafna".

62     Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma fehmitx sewwa il-ġurisprudenza f'dan il-qasam. Hija tammetti li hija obbligata li tikkunsidra l-elementi relevanti kollha, imma tafferma li l-ġurisprudenza ma tirrikjedix madankollu li ċerti elementi ta' fatt, b'mod partikolari dawk invokati mir-rikorrenti f'dan il-każ, għandhom sistematikament iwasslu għal tnaqqis tal-punt ta' tluq ta' l-ammenda. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li ma teżistix lista vinkolanti jew eżawrjenti ta' kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati. Barra minn hekk, l-importanza ta' kull wieħed mill-kriterji fl-analiżi tal-gravità tal-ksur kien jiddependi miċ-ċirkostanzi tal-każ.

63     Sussegwentement, il-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni ta' l-allegati skopijiet limitati invokati mir-rikorrenti u tikkunsidra li dawn ma jnaqqsux il-gravità tal-ksur. Hija ssostni, f'dan ir-rigward, li bl-ebda mod mhija obbligata ssegwi l-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

64     Għandu jiġi mfakkar, primarjament, li r-rikorrenti trid tikseb biss it-tneħħija ta' l-ammenda jew tnaqqis ta' l-ammont tagħha. Hija ma tikkontestax l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant tirrikonoxxi l-fondatezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u l-ksur ta' l-Artikolu 81KE. Hija ddikjarat, fir-risposta tagħha għall-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li hija sostanzjalment ma kkontestax il-fatti li kienu ġew esposti fiha u għaldaqstant ibbenefikat minn tnaqqis ta' 10% mill-ammont ta' l-ammenda tagħha skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (premessi 360 u 363 tad-deċiżjoni kkontestata).

65     Sussegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ħbiet, fid-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċirkostanzi kollha li jistabbilixxu in-natura moderata tal-ksur u li kienu msemmija fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni fil-fatt, ħadet in kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi kollha in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li "l-ftehim fuq il-bejgħ u l-kwoti kellu pjuttost il-forma ta' ftehim informali li fir-rigward tiegħu il-membri ma kienu applikaw ebda mekkaniżmu ta' implimentazzjoni speċjali" (punt 67 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijet) hija, fil-fatt, fis-sustanza riprodotta fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata. L-affermazzjoni, li r-rikorrenti tattribwixxi lill-Kummissjoni meta din fil-fatt saret minn Union Pigments, li l-akkordju kien ibbażat fuq il-prinċipju "ta' kwantitajiet biss, mhux ta' prezz" (punt 99 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet) hija reputat fil-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li l-kwoti kienu ġew applikati esklużivament fuq livell Ewropew u li l-impriżi kkonċernati ma kinux qasmu s-swieq nazzjonali rispettivi tagħhom (premessi 267 u 273 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija wkoll ikkunsidrat l-argument li klijent wieħed biss kien ġie assenjat minn fost il-membri ta' l-akkordju (premessi 270 u 277). Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq l-argumenti tagħha fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 104, 274, u 290 sa 298).

66     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha ssir b'kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, tan-natura tar-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 11, u l-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq).

67     Ir-rikorrenti ma tiċħadx li l-akkordju iffissa prezzijiet u stabbilixxa kwoti fuq livell Ewropew, u li mill-inqas klijent wieħed ġie assenjat. Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-ewwel eżempji ta' akkordji msemmija fl-Artikolu 81(1)(a)(b)(c)KE li huma espressament iddikjarati li huma inkompatibbli mas-suq komuni, huma preċiżament dawk li jinvolvu:

b)     "a) l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta' kundizzjonijiet oħra tan-negozju;


c)     il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni tas-swieq, ta' l-iżvilupp tekniku jew ta' l-investiment;


d)     it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta' fonti ta' provvista;

[…] "

68     Dan għaliex il-ksur ta' dan it-tip, b'mod partikolari fil-każ ta' akkordji orizzontali, huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala "partikolarment gravi" (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, Thyssen Stahl vs il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 675), jew ta' "ksur ċar tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni" (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Tréfilunion vs il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 109, u ta' l-14 ta' Mejju 1998, BPB de Eendracht vs il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punti 303 u 338).

69     Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-ksur "gravi ħafna" skond il-linji gwida, huwa magħmul "l-aktar minn restrizzjonijiet orizzontali ta' tip 'kartell ta' prezz' u minn kwoti ta' tqassim tas-swieq, jew prattiċi oħra li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħal dawk intiżi li jaqsmu s-swieq nazzjonali jew ta' abbuż ċar minn pożizzjoni dominanti ta' impriżi f'sitwazzjoni ta' kważi monopolju" (punt 1A, it-tieni paragrafu, it-tielet inċiż).

70     Jirriżulta minn dan kollu li ntqal li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat il-ksur in kwistjoni bħala gravi ħafna b'rigward tan-natura tiegħu. Madankollu għandhom xorta waħda jiġu eżaminati l-allegati skopijiet limitati invokati mir-rikorrenti.

71     Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-ksur kien jikkonsisti fi ftehim informali li fir-rigward tiegħu l-impriżi kkonċernati ma kinux applikaw ebda mekkaniżmu ta' implimentazzjoni speċjali, għandu jiġi osservat li sabiex akkordju bejn impriżi jkun projbit mhuwiex neċessarju li dan ikun fin-natura tiegħu vinkolanti. Huwa biżżejjed li l-impriżi kkonċernati ikun urew ir-rieda tagħhom li jġibu ruħhom b'ċertu mod fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 2003, Ventouris vs il-Kummissjoni, T-59/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 52). In-nuqqas ta' miżuri formali ta' kontroll ta' l-implimentazzjoni mhux neċessarjament jaffettwa l-gravità tal-ksur. Il-fatt li akkordju illegali huwa implimentat b'mod informali ma jeskludix l-effikaċità tiegħu.

72     Għalkemm il-Kummissjoni kienet immoderat l-ammenda fid-deċiżjoni Polpropylène, kif indikat fil-punt 41 iktar 'il fuq, il-prassi deċiżjonali preċedenti ma sservix fiha nnifisha bħala kuntest ġuridiku għall-ammendi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

73     F'dan il-każ, għal dak li jirrigwarda l-ftehim fuq il-bejgħ u l-kwoti, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ammettiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan il-ftehim kellu, "aktar in-natura ta' "gentlemen's agreement" f'dak illi li l-membri ta' l-akkordju ma implimentaw ebda mekkaniżmu partikolari ta' eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet" (premessa 72). Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat li "r-rispett tal-kwoti ta' bejgħ kien inkiseb permezz tal-pressjoni eżerċitata fuq il-membri matul il-laqgħat ta' l-akkordju" (premessi 72 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ma tikkontestatx il-fatt li saru sittax il-laqgħa bejn il-membri ta' l-akkordju matul il-perijodu bejn Marzu 1994 sa Mejju 1998 (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, matul dawn il-laqgħat, l-impriżi kkonċernati għamlu skambju ta' informazjzoni li tikkonċerna l-bejgħ u ddiskutew l-ishma mis-suq rispettivi tagħhom. Fil-fatt, dawn l-impriżi għamlu skambju ta' l-informazzjoni tagħhom dwar il-bejgħ tal-fosfat taż-żingu billi użaw assoċjazzjonijiet ta' produtturi taż-żingu bħala intermedjarji, u b'dan il-mod, huma setgħu jivverifikaw li kull wieħed jirrispetta s-sehem tiegħu mis-suq (premessi 69 u 284). Minbarra dan, Union Pigments indikat li l-membri ta' l-akkordju kienu jillitikaw bejniethom ta' spiss matul il-laqgħat u kienu jakkużaw lil xulxin li qabżu l-kwoti miftehma u li, għaldaqstant, ir-rispett ta' dawn il-kwoti kien ġie assigurat minn pressjonijiet li saru matul dawn il-laqgħat (punt 67 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Għalkemm Trident tenfasizza li ma kien hemm ebda sistema ta' kumpens, hija tikkonferma li l-parteċipanti akkużaw lil xulxin matul il-laqgħat ta' l-akkordju u ilmentaw jekk is-sehem tagħhom mis-suq kien niżel (punt 2.4.19 tad-dikjarazzjoni ta' Trident).

74     Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li "[l]-qsim tal-klijenti kien utilizzat bħala forma ta' kumpens jekk impiża ma tkunx laħket eżawriet il-kwota tagħha" (premessa 72). Din l-affermazzjoni hija korroborata mid-dikjarazzjoni ta' Union Pigments li, fl-1995, il-klijenta Tekno Winter (iktar 'il quddiem "Teknos") kienet ġiet allokata lil SNCZ sabiex jiġi żgurat li din ta' l-aħħar ikollha l-kwota tagħha ta' 24% (punt 67). Union Pigments tikkonstata wkoll li hija ma ppruvatx ikollha klijenti ġodda f'ċertu mument minħabba li dan kien jimplika ritaljazzjoni mill-impriżi l-oħra kkonċernati (punt 77 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments).

75     Minbarra dan, ir-rikorrenti ma tikkontestax, li fuq bażi annwali, l-ishma mis-suq reali ta' l-impriżi kkonċernati kienu qrib ħafna ta' l-ishma mis-suq li kien ġie assenjat lilhom (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-fatt juri li s-sistema ta' implimentazzjoni tal-ftehim fuq il-bejgħ kien effikaċi anke jekk dan ma kellux miegħu sistema ta' sanzjonijiet formali.

76     Fir-rigward tal-ftehim fuq il-prezzijiet u l-assenjazzjoni tal-klijienti, huwa veru Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara, per eżempju, premessi 285 u 286) la fil-komunikazzjonijiet tagħha ma identifikat ebda mekkaniżmu partikolari ta' implimentazzjoni. Għandu madankollu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni għandha marġni ta' evalwazzjoni fl-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammendi sabiex tkun tista' torjenta l-aġir ta' l-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' April 1995, Martinelli vs il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punt 56). Fid-dawl tan-natura tal-ksur ikkonċernat u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 68 u 74 iktar 'il fuq, kif ukoll tal-konsegwenzi u r-riperkussjonijiet tiegħu (ara iktar 'il quddiem punti 111 sa 118 u 129), il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ma qabżitx dan il-marġni ta' evalwazzjoni f'dan il-każ.

77     Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li r-riskju għall-kompetizzjoni kien limitat f'dak illi l-kwoti ffissati mill-akkordju kienu stabbiliti biss fuq livell Ewropew, għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida jsemmu biss b'mod indikattiv li l-ksur huwa intiż sabiex jaqsam is-swieq nazzjonali, bħal per eżempju ksur li jista' jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna (punt 1 A., it-tieni paragrafu, it-tielet inċiż). Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġa ddeċidiet, fis-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, li akkordju li fih, b'mod partikolari, l-iffissar ta' objettivi ta' prezz ma jistax ma jiġix ikkwalifikat bħala ksur gravi ħafna għar-raġuni biss li kien jittratta ma' akkordju dinji li ma kienx iwassal għal qsim tas-swieq nazzjonali fi ħdan is-suq komuni (punti 123 sa 125). L-istess raġunament japplika f'dan il-każ.

78     Għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni Ciment invokata mir-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat bħala gravi ħafna il-qsim tas-swieq nazzjonali f'din id-deċiżjoni mhuwiex relevanti f'dan il-każ. Jekk l-akkordju kkonċernat f'din il-kawża kellu bħala konsegwenza l-qsim tas-swieq nazzjonali, il-Kummissjoni setgħet imponiet ammenda aktar għolja. Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-linji gwida jipprovdu b'mod partikolari li "[ġ]ewwa kull waħda minn dawn il-kategoriji, u b'mod partikolari għall-kategoriji kkunsidrati bħala gravi u gravi ħafna, il-livell tas-sanzjonijiet propost jippermetti li jiġi applikat trattament differenzat lill-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq " (punt 1 A, it-tielet paragrafu).

79     Fuq kollox, għandu jiġi nnutat li, skond Union Pigments, matul l-ewwel laqgħa ta' l-akkordju ta' l-24 ta' Marzu 1994, kien ġie deċiż li "l-prezzijiet m'għandhomx ivarjaw wisq minn pajjiż għall-ieħor, b'tali mod li l-prodotti ma jgħaddux mill-fruntieri" (punti 51 u 74 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Jidher, għaldaqstant, li l-impriżi kkonċernati wasslu, sa ċertu punt, li jaqsmu s-swieq nazzjonali f'dan il-każ..

80     Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-argument li l-ksur ma kellux jiġi kkwalifikat bħala gravi ħafna minħabba li l-ftehim fuq il-prezzijiet kellu biss rwol sekondarju u kien jikkonċerna biss il-prezzijiet ta' referenza li għandhom, fin-natura tagħhom, riperkussjonijiet aktar limitati mill-prezzijiet iffissati, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-membri ta' l-akkordju kienu ftehmu fuq prezz "minimu" u/jew "rakkomandat" għall-fosfat taż-żingu (premessa 65).

81     L-iffissar ta' prezz, anke jekk sempliċement indikattiv, jaffettwa l-kompetizzjoni minħabba l-fatt li jippermetti lill-parteċipanti kollha ta' l-akkodju li jipprevedu kważi b'ċertezza liema ser tkun il-politka ta' prezz tal-kompetituri tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 21). B'mod aktar ġenerali, tali akkordji jammontaw għal intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza Thyssen Stahl vs il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punt 675). Fil-fatt, billi esprimew rieda komuni li japplikaw ċertu livell ta' prezz għall-prodotti tagħhom, il-produtturi kkonċernati ma jiddeterminawx iktar b'mod indipendenti il-politka tagħhom fis-suq, u għaldaqstant jippreġudikaw il-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni (sentenza BPB de Eendracht vs il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punt 192).

82     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet l-akkordju in kwistjoni ma jistax ma jiġix ikkwalifikat bħala ksur gravi ħafna għar-raġuni biss li huwa ffissa prezzijiet ta' referenza (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punti 118 sa 120).

83     Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-ftehim fuq il-prezzijiet kellu biss rwol "sekondarju", il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-fatt li l-Kummissjoni kienet iddikkjarat li l-iffissar ta' kwoti ta' bejgħ kien "il-bażi" tal-ftehim (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jwassalx għall-konsegwenza li l-ftehim fuq il-prezzijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala sekondarju. Fil-fatt, il-ftehim fuq il-kwoti, il-ftehim fuq il-klijenti u l-ftehim fuq l-iffissar tal-prezzijiet jikkostitwixxi tlett aspetti minn akkordju wieħed. Il-gravità ta' l-akkordju għandha tiġi evalwata f'perspettiva totali. Fir-rigward tan-natura tal-ksur f'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkwalifikat dan bħala gravi ħafna.

84     F'kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsdra li l-ftehim fuq il-prezzijiet kien aspett importanti ta' l-akkordju. Il-Kummissjoni, minbarra dan, ġabret provi bil-miktub li juru li l-prezzijiet rakkomandati kienu ġew diskussi matul bosta laqgħat ta' l-akkordju (premessi 134, 139, 140, 162, 178, u 186 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-ftehim fuq il-prezzijiet jikkostitwixxi wieħed mill-elementi ta' l-akkordju mill-1994. Fil-fatt, fost l-imprisi kkonċernati, ir-rkorrenti biss sostniet matul il-proċedura amministrattiva li dan il-ftehim kien beda jseħħ biss mill-1996 (premessa 268 tad-deċiżjoni kkontestata). Kif indikat iktar 'il fuq, skond Union Pigments, l-impriżi kkonċernati kienu ddeċidew, matul l-ewwel laqgħa ta' l-24 ta' Marzu 1994, li l-prezzijiet ma kellhomx ivarjaw wisq minn pajjiż għall-ieħor (punt 51 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Jirrizulta wkoll mid-dikjarazzjoni ta' Trident (punt 2.4.24) li l-akkordju ffissa l-prezzijiet f'kull laqgħa. Il-provi dokumentarji ta' l-ewwel laqgħat mhumiex daqshekk voluminużi ħlief għal-laqgħat sussegwenti. Madankollu, il-minuti tal-laqgħa tas-27 ta' Marzu 1995 juru l-intenzjoni li tiġi diskussa l-evoluzzjoni tal-prezzijiet fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Benlux, fir-Renju Unit, fil-pajjiżi tat-Tramuntana, fl-Istati Uniti u fil-bqija tad-dinja (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

85     Fir-raba' lok, ma jistax jiġi konkluż miċ-ċirkustanza li, bl-eċċezzjoni ta' klijent wieħed, Teknos, u minn okkażjoni waħda fejn James Brown kienet ġiet assenjata xi impriżi żgħar fir-Renju Unit, ma kienx hemm assenjazzjoni ta' klijenti, li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt tikkwalifika dan il-ksur bħala gravi ħafna.

86     Ir-rikorrenti ma tikkontestax li kien hemm assenjazzjoni ta' Teknos, li kienet tidħol fost it-tmien produtturi prinċipali taż-żebgħa fl-Ewropa tal-Punent (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

87     L-impriżi kkonċernati kellhom diskussjonijiet regolari dwar l-assenjazzjoni ta' dan il-klijent, u b'rotazzjoni assiguraw li ssirlu l-kunsinna (premessi 68, 96 sa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, punti 63 u 67 u d-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Huma kellhom sistema flessibbli ta' assenjament sabiex jassiguraw li Teknos "ma jkollha ebda dubju rigward il-ftehim" (premessi 99 u 100 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li l-prezz li kellu jiġi fatturat lil Teknos kien l-għan ta' dan il-ftehim u kien ġie miftiehem li ebda produttur minnbara dak li kien "imissu" ma seta' jagħti prezz inferjuri għal dak li kien ġie miftiehem (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 2.4..22 tad-dikjarazzjoni ta' Trident).

88     Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax lanqas li James Brown kienet ġiet assenjata xi impriżi żgħar (premessi 180 u 277 tad-deċiżjoni kkontestata). James Brown stess ma tiċħadx dawn l-assenjazzjonijiet.

89     Għandu jiġi mfakkar minbarra dan li l-Kummissjoni tafferma, fuq il-bażi tan-nota ta' Union Pigments tat-30 ta' Marzu 1995, li l-assenjazzjoni ta' Jotun kien ġie diskuss (premessa 277 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm din in-nota ma tirreferix direttament għall-assenjazzjoni ta' Jotun, ir-rikorrenti ma tikkontestax direttament din l-affermazzjoni. Jotun tinsab ukoll fost it-tmien produtturi prinċipali taż-żebgħa fl-Ewropa tal-Punent (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

90     Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonstatat li ċerti klijenti kienu ġew assenjati. Il-fatt li dan l-assenjazzjoni kien jikkonċerna biss ċerti klijenti, u mhux il-klijenti kollha preżenti fis-suq, mhuwiez tali natura li jqajjem dubju fuq il-konklużjoni li l-akkordju in kwistjoni kien ta' natura gravi ħafna.

91     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ilment tar-rikorrenti li l-ksur ikkonċernat mhuwiex, min-natura tiegħu, ksur gravi ħafna għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-effetti tal-ksur

–       L-argumenti tal-partijiet

92     Primarjament, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni prinċipalment ibbażat il-konklużjoni tagħha dwar in-natura gravi ħafna tal-ksur fuq l-effetti tiegħu fuq is-suq. Hija ssostni li l-Kummissjoni għamlet żbalji ta' evalwazzjoni f'dan ir-rigward. Skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kellha, matul l-evalwzzjoni tal-gravità tal-ksur, tikkunsidra ċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jkunu relevanti għall-effetti fuq is-suq (sentenza Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punt 4949). Il-Kummissjoni, skond din il-ġurisprudenza, kellha, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, tikkonferma li r-riperkussjonijiet limitati fuq is-suq kif ukoll in-nuqqas ta' applikazzjoni integrali tal-ftehim kienu elementi ta' natura li għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (deċiżjoni Polypropylène, punt 108, u Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/271/KE tad-9 ta' Diċembru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/34.466 – Laneċ Griegi) (ĠU L 109, p. 24, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Laneċ Griegi"), punt 162]. Fid-deċiżjoni Laneċ Griegi, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-fatt li l-partijiet ma kinux applikaw integralment il-ftehim speċifiċi fuq il-prezz u li huma kienu kkompetew fuq il-prezzijiet billi raħsu l-prezzijiet b'mod differenzjat kienet raġuni sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala gravi u mhux bħala gravi ħafna. Min-naħa l-oħra, f'dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat la l-fatt li l-akkordji in kwistjoni ma kinux ġew implimentati b'mod skrupluż lanqas tal-fatt li kellhom biss riperkussjonijiet limitati fuq is-suq.

93     Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-ksur, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bi żball ikkonstatat li l-ftehim li jikkonċerna l-prezzijiet kien ġie b'mod metikoluż implimentat mill-impriżi kkonċernati. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kienet ibbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim fuq il-prezz fuq id-dikjarazzjoni ta' Trident li l-lista tal-prezzijiet interna tagħha kienet tirrifletti l-prezzijiet miftiehma (premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata). Meta għamlet dan, hija kienet għawġet din id-dikjarazzjoni. Fil-fatt, Trident kienet ukoll ikkonstatat li, skond l-esperjenza tagħha, "il-prezzijiet diskussi matul il-laqgħat ma kinux ġew rispettati u kien ġeneralment ammess li kien qed isir bejgħ b'prezzjijiet inferjuri mill-prezzijiet ta' referenza li kienu ġew miftiehma" (punt 2.4.25 tad-dikjarazzjoni ta' Trident). Din l-affermazzjoni hija kkonfermata mid-dikjarazzjoni ta' Union Pigments li, min-naħa, kien pratikament impossibbli li jiġu ffissati l-prezzijiet u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet ta' referenza ma kinux rispettati fil-pajjiżi Skandinavi (punt 60). Il-fatt biss li Trident kienet irriproduċiet il-prezzijiet indikattivi fil-katalogu intern tagħha tal-prezzijiet ma jippermettix li jiġi konkluż, b'kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi, li l-ftehim in kwistjoni kienu ġew metikolożament applikati.

94     Fit-tieni lok, l-impriżi kkonċernati kienu biegħu il-fosfat taż-żingu standard b'prezz iktar baxx mill-prezzijiet miftehma u tnaqqis fil-prezz kien ġie regolarment mogħti. B'mod partikolari, il-prezzijiet imposti mir-rikorrenti kienu b'nettament inferjuri mill-prezzijiet ta' referenza ffissati mill-akkordju. Fil-fatt, il-prezzijiet ta' l-ossidu taż-żingu, b'hekk taż-żingu, kienu jiddeterminaw b'mod predominanti l-prezzijiet tal-fosfat taż-żingu, minħabba li dawn kienu jikkostitwixu il-komponent essenzjali ta' l-ispejjeż ta' produzzjoni. Il-prezz taż-żingu kien subixxa oxxillazzjoniijiet konsiderevoli matul il-perijodu bejn l-1990 u l-2000. Ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda fil-prezzijiet tagħha fl-1997 huwa marbut maż-żieda konsiderevoli fil-prezz taż-żingu u mhux ma' l-osservanza tal-prezzijiet ta' referenza. Barra minn hekk, Trident kienet għaddiet lill-Kummissjoni dokumenti li kienu jippruvaw li l-impriżi kkonċernati kienu jbiegħu regolarment b'prezzijiet ikbar baxxi mill-prezzijiet miftehma. Fit-tielet lok, l-impriżi kkonċernati kienu ġew obbligati li jżommu l-prezzijiet fuq livell baxx minħabba, b'mod partikolari, tar-riskju ta' importazzjonijiet minn pajjiżi Terzi. Fil-qosor, kuntrarjament għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-impriżi kkonċernati ma kinux irrispettaw il-ftehim fuq il-prezzijiet. Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma ddeċidietx fuq l-argumenti msemmija iktar 'il fuq fir-risposta tad-difiża tagħha.

95     Fid-deċiżjoni Laneċ Griegi, il-Kumissjoni kienet iddeċidiet li tnaqqas l-ammenda u li tikkwalifika l-ksur bħala gravi u mhux bħala gravi ħafna għar-raġuni li l-ftehim ma kinux ġew kompletamnet implimentatati. Il-Kummissjoni kellha ssegwi din il-prassi f'dan il-każ. B'risposta għall-argument li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta bil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ir-rikorrenti tafferma mill-ġdid li din ta' l-aħħar għandha tieħu in konsiderazzjoni l-elementi kollha ta' natura li jistgħu jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, inklużi l-fatturi li hija kkunsidrat relevanti fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonferma li l-impatt konkret ta' l-effetti ta' ksur fuq is-suq għandu jiġi kkunsdirat fil-kalkolu ta' l-ammenda (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Cascades vs il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punti 172 u segwenti). Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li ammenda għandha titnaqqas biss jekk ebda parti mill-ftehim ma jkunx ġie applikat, ir-rikorrenti ssostni li anki jekk parti biss minn ftehim ma jkunx ġie implimentat, dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat. F'dan il-każ, il-fatt li l-ftehim fuq il-prezzijiet ma kienx ġie applikat kellu jiġi kkunsidrat sabiex jitnaqqas l-ammont ta' l-ammenda.

96     Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna r-riperkussjonijiet ta' l-akkordju fuq is-suq, il-Kummissjoni kienet ukoll għamlet żbalji ta' evalwazzjoni. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ksur kellu riperkussjonijiet effettivi minħabba li l-impriżi kkonċernati kienu joperaw fuq 90% tas-suq taż-ŻEE. Għalkemm l-impriżi implikati jkopru parti kbira mis-suq, il-ksur qatt ma kien ikkonċerna l-fosfat taż-żingu mmodifikat imma biss il-fosfat taż-żingu standard, li jirrappreżenta biss 55% tas-suq Ewropew tal-fosfat taż-żingu. Il-ksur b'hekk kellu effetti biss fuq parti mis-suq Ewropew tal-fosfat taż-żingu. Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li l-bidla min-naħa tax-xerrejja lejn il-fosfat taż-żingu mmodifikat għandu jiġi kkunsidrat bħala riperkussjoni effettiva fuq is-suq, ir-rikorrenti tirrispondi, min-naħa, li dan l-argument ma ġiex invokat fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li din il-konstatazzjoni ma tbiddel xejn mill-fatt li l-ksur kien jikkonċerna biss parti mis-suq u li, għaldaqstant, ir-riperkussjonijiet kienu a fortiori limitati.Fit-tieni lok, l-impriżi kkonċernati ma kinux laħqu l-għanijiet essenzjali tagħhom. Ir-rikorrenti tindika, f'dan ir-rigward, li min-naħa, peress li s-suq qatt ma tqassam skond il-pajjiżi, kien hemm, fl-Istati Membri differenti, "kompetizzjoni qawwija fir-rigward tal-klijenti u, minnħabba dan il-fatt, ta' l-ishma mis-suq". Hija tippreżenta grafiċi sabiex turi l-eżistenza ta' varjazzjonijiet sinjifikanti fil-bejgħ tagħha fl-Istati Membri differenti u, b'hekk, il-kompetizzjoni qawwija li kienet teżisti fis-suq in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, it-tqassim tal-klijenti kellu jkun eċċezzjonali fl-akkordju. Fl-aħħar nett, il-prezzijiet ta' referenza qatt ma kienu ġew milħuqa, li jagħti prova ta' l-eżistenza ta' kompetizzjoni qawwija.

97     Ir-rikorrenti tallega li r-riperkussjonijiet ta' l-akkordju kienu limitati għal bosta raġunijiet. Primarjament, ix-xerrejja tal-fosfat taż-żingu huma impriżi kbar li għandhom poter kbir li jinnegozjaw il-prezzijiet u li jfittxu sistematikament l-aħjar offerti. B'risposta għall-argument tal-Kummissjoni li dan il-poter ta' xiri ma jnaqqasx ir-riperkussjonijiet ta' l-akkordju, ir-rikorrenti ssostni li l-ksur għandu riperkussjonijiet ħafna iktar limitati meta l-parti opposta fis-suq hija b'saħħitha milli meta x-xerrejja huma iktar dgħajfa. Fit-tieni lok, il-preżenza fis-suq ta' kompetituri terzi, u l-eżistenza ta' prodotti ta' sostituzzjoni, inkluż il-fosfat tal-kalċju, importat mill-pajjiżi terzi, kienu għamlu pressjoni konsiderevoli fuq il-prezz tal-fosfat taż-żingu standard. Fit-tielet lok, ir-rikkorrenti tirrepeti li, matul it-tul ta' żmien tal-ksur, il-prezz tal-fosfat taż-żingu kien jiddependi ħafna minn dak taż-żingu u li l-oxxillazzjonijiet konsiderevoli tal-prezz taż-żingu influenzaw dak tal-fosfat taż-żingu. Għaldaqstant, ftheim fuq il-prezz tal-fosfat taż-żingu ma jistax verament ikollu ebda effett. Fir-raba' lok, il-fosfat taż-żingu kien jirrappreżenta biss parti żgħira ta' l-ispejjeż tal-prodott finali, jiġifieri 0.08%. Għaldaqstant il-bidliet żgħar li l-ftehim għamlu ma kellhom pratikament ebda riperkussjonijiet negattivi fuq il-prezz taż-żebgħa, jew fuq il-konsumaturi. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li, kuntrarjament għall-prassi preċedenti tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx eżaminat, f'dan il-każ, jekk il-konsumaturi kienu ssubixxew dannu.

98     B'risposta 111 B'risposta għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-riperkussjonijiet limitati jikkostitwixxu element importanti fl-analiżi tal-gravità tal-ksur, ir-rikorrenti ssostni li dan ma jbiddel xejn mill-fatt li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq fid-determinazzjoni tal-gravità tiegħu. Iktar ma l-impatt fuq is-suq huwa limitat, anqas il-ksur għandu jiġi kkwalifikat bħala gravi (sentenza Cascades vs il-Kummissjoni, punt 95 iktar 'il fuq, punti 172 u segwenti).

99     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li għandu "fuq kollox" jiġi kkunsidrat in-nuqqas ta' applikazzjoni effettiva tal-ftehim bħala ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis ta' l-ammenda skond il-punt 3 tal-linji gwida. Min-naħa l-oħra, fir-replika tagħha, hija ssostni li l-argumenti li hija tiżviluppa b'sosten ta' din il-parti ta' l-ewwel raġuni il-kwistjoni tittratta "dwar jekk in-nuqqas ta' applikazzjoni integrali tal-ftehim u l-karattru limitat ta' l-effetti ta' ksur għandhomx jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur" u mhux il-kwistjoni ta' nuqqas ta' applikazzjoni effettiva tal-ftehim bħala ċirkustanza attenwanti.

100   Il-Kummissjoni tafferma li hija m'għandhiex obbligu li tnaqqas l-ammont bażi ta' l-ammenda meta l-partijiet kollha tal-ftehim ma jkunux ġew implimentati u li r-riżultati li jkunu jridu jintlaħqu ma jkunux ġew kompletament milħuqa fis-suq. Hija żżid li ma teżistix lista eżawrjenti ta' kriterji ta' evalwazzjoni tal-gravità ta' ksur.

101   Sussegwentement, il-Kummissjoni tiċħad li l-konklużjonijet tagħha huma vvizzjati b'żbalji. Fl-ewwel lok, hija tfakkar li l-konklużjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-ksur ma kinitx illimitata għall-iffissar ta' prezz iżda kienet tinkludi wkoll it-tqassim ta' l-ishma mis-suq u l-assenjazzjoni ta' mill-inqas klijent wieħed (premssi 72, 284, 286 u 287 tad-deċiżjoni kkontestata), elementi li r-rikorrenti ma tikkontestax. L-implimentazzjoni effettiva tal-prezzijiet indikattivi hija murija mhux biss permezz tad-dikjarazzjoni ta' Trident li l-lista tal-prezzijiet interni tagħha kienet tirrifletti l-prezzijiet miftiehma (premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata), imma wkoll mill-fatt li l-prezzijiet medji tar-rikorrenti kienu jaqblu mal-prezzijiet rakkomandati għall-Ġermanja b'diskrepanza biż-żmien. F'kwalunkwe każ, anke jekk il-prezzijiet indikattivi ma kinux kompletament ġew milħuqa, dan ma kienx ifisser li r-rikorrenti ma kkontribwitx għall-implimentazzjoni tal-ftehim. Billi ftehmu fuq kwoti tas-suq u prezz li għandu jintlaħaq, l-impriżi kkonċernati kellhom marġni ta' manuvra sabiex jisfruttaw il-klijenti tagħhom. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li impriża li ma taġixxix skond dak miftiehm fl-akkordju tista' sempliċement tippruva tuża dan għall-profitt tagħha (sentenza Cascades vs il-Kummissjoni, punt 95 iktar 'il fuq, punt 230). B'hekk f'din il-kawża ma jistax ikun hemm kwistjoni ta' "non-applikazzjoni effettiva ta' l-akkordji illegali" skond il-linji gwida.

102   Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad li għamlet żbalji ta' evalwazzjoni fir-rigward tar-riperkussjonijiet ta' l-akkordju fuq is-suq. Primarjament, għalkemm il-ksur kien jirrigwarda biss il-fosfat taż-żingu standard u mhux il-varietà mibdula tiegħu, jibqa' l-fatt li l-akkordju kien jikkontrolla fil-prattika il-produzzjoni dinjija tal-fosfat taż-żingu. Anke jekk il-ksur kien inkoraġixxa lill-klijenti jużaw il-fosfat taż-żingu mmodifikat, din ir-rejazzjoni għandha xorta waħda tiġi kkunsidrata bħala effett reali tal-ksur. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tfakkar li hija ammettiet, fid-deċiżjoni kkuntestata, li r-riżultati li l-impriżi kkonċernati ma kinux ġew kompletament milħuqa (premessa 297). Madankollu, ir-riperkussjoniijet tal-ksur fuq is-suq kienu sinifikanti. Dawn ir-riperkussjonijiet kienu ntwerew, min-naħa, mill-fatt li l-ishma mis-suq li effettivament miksuba mill-impriżi kkonċernati kienu prattikament identiċi għall-ishma li kienu ġew assenjati lilhom fil-kuntest tal-ftehim tagħhom fuq il-kwantitajiet (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-prezzijiet medji tar-rikorrenti kienu jaqblu eżattament mal-prezzijiet rakkomandati, b'diskrepanza biż-żmien. Din l-evoluzzjoni tal-prezzijiet medji kienet turi wkoll li, anke jekk l-oxxillazzjonijiet tal-prezz taż-żingu kienu influenzaw il-prezz tal-fosfat taż-żingu, dan ma kien biddel xejn mill-effetti tal-miżuri addizzjonali adottati mill-membri ta' l-akkordju. F'kwalunkwe każ, jekk il-prezz tal-fosfat taż-żingu kien iddeterminat biss mill-prezz taż-żingu, ir-rikorrenti ma tispjegax għalfejn l-akkordju ffissa prezzijiet rakkomandati matul perijodu ta' erba' snin (premessi 92 sa 94, 104, 274 u 285 tad-deċiżjoni kkontestata).

103   Għal dak li jikkonċerna r-raġunijiet tar-riperkussjonijiet limitati tal-ksur invokati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li xi effetti anki jekk limitati, bħal dawk li r-rikorrenti tammetti li jeżistu, huma sinifikanti meta tkun trid tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur. Hija tikkontesta madankollu l-argumenti mressqa mir-rikorrenti f'dan ir-rigward.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

104   Fil-punt 1A tal-linji gwida, il-Kummissjoni espliċitament ikkommettiet ruħha tikkunsidra, għall-evalwazzjoni tal-gravita tal-ksur, minbarra n-natura propja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista' jitkejjel. Fil-każ preżenti, dawn il-kriterji kollha huma msemmija fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata.

105   Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx "prinċipalment" il-konklużjoni tagħha dwar il-gravità tal-ksur fuq l-effetti tiegħu. Hija ma tagħtx aktar importanza lill-effetti tal-ksur milli lill-elementi l-oħra. Fil-fatt, hija għarfet l-importanza ta' l-impatt konkret, min-naħa, billi osservat li kien "estremament diffiċli" li jsiru konklużjonijiet fuq l-effetti ta' dan it-tip ta' akkordju (premessa 279) u, min-naħa l-oħra, billi kkunsidrat il-fatt li l-impriżi kkonċernati ma kienux kisbu l-għanijiet kollha tagħhom (premessa 297).

106   Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta' ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li normalment teżisti fin-nuqqas ta' ksur (ara sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punt 150, u l-ġurispurdenza ċċitata fiha).

107   Fir-rigward tal-ftehim fuq il-kwoti ta' bejgħ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li dan kien ġie implimentat "b'mod skrupluż" (ara punti 73 u 74 iktar 'il fuq u premessi 72, 284 u 287 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, kif indikat fil-punt 75 iktar 'il fuq, huwa kostanti li, fuq bażi annwali, "l-ishma mis-suq reali tal-ħames produtturi kienu qrib ħafna ta' l-ishma li kienu ġew assenjati lilhom" (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li l-ftehim fuq il-kwoti ta' bejgħ kellu riperkussjonijiet fuq is-suq. Għandu jingħad ukoll li, matul is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li dan il-ftehim kellu effett fuq il-kompetizzjoni f'dak illi wassal għal stabbiltà aħjar fil-livell tal-prezzijiet (ara, wkoll, premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant l-istabbiltà ta l-ishma mis-suq kellha bħala effett li ma kienx neċessarju li tiġi applikata politka ħarxa ta' tnaqqis ta' prezz li kien hemm matul il-gwerra tal-prezzijiet fis-snin li jippreċedu l-akkordju (ara l-premessi 74 u 75, 114 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

108   Ir-rikorrenti tallega li l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-bejgħ fis-swieq nazzjonali juru li l-ftehim ma kellux effett. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kwoti kienu stabbiliti għal-livell Ewropew. Għaldaqstant, anki jekk il-prezzijiet tal-bejgħ nazzjonali varjaw, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li l-kwoti Ewropej kienu ġew rispettati.

109   F'dawn il-kundizzjonijiet, l-impatt konkret tal-ftehim fuq il-kwoti, l-"bażi" ta' l-akkordju (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata) għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit biżżejjed mill-aspett legali.

110   Għal dak li jikkonċerna il-ftehim fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni tafferma, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan kien ukoll ġie implimentat b'mod skrupluż (premessi 283 u 285). Ir-rikorrenti tikkontesta din l-affermazzjoni.

111   Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ġustament osservat, li l-ftehim in kwistjoni kien jirrigwarda l-għanijiet ta' prezz (ara punt 80 iktar 'il fuq). L-implimentazzjoni ta' ftehim dwar għanijiet ta' prezz, u mhux dwar prezzijiet iffissati, ma jimplikax li għandu jiġi applikat prezz li jikkorrispondi għall-għan tal-prezz mifiehem, imma pjuttost li l-partjiet jippruvaw jersqu lejn l-objettivi tagħhom ta' prezz (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punt 271).

112   Il-Qorti tikkunsidra li, f'dan il-każ, il-partjijet kienu għamlu ħilithom sabiex jippruvaw jersqu lejn l-għanijiet tagħhom ta' prezz. Il-livell ta' prezz kien ġie diskuss matul kull laqgħa u prezzijiet rakkomandati ġew iffissati (ara punt 84 iktar 'il fuq). Iffissar bħal dan bilfors biddel il-kompetizzjoni fuq fis-suq. Ix-xerreja għaldaqstant raw il-marġni tagħhom ta' negozjati tal-prezzijiet jiġi llimitat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' April 1999, Limburgse Vinyl Maastschappij et vs il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 745). Minbarra dan, kif indikat fil-punt 81 iktar 'il fuq, l-iffissar ta' prezz, anki jekk b'mod sempliċement indikattiv, l-mekkaniżmu tal-kompetizzjoni minħabba l-fatt li jippermetti lil parteċipanti kollha ta' l-akkordju li jipprevedu b'livell raġonevoli ta' ċertezza dak liema ser tkun il-politka ta' prezz tal-kompetituri tagħhom (sentenza Vereeniging van Cementhandelaren vs il-Kummissjoni, punt 81 iktar 'il fuq, punt 21).

113    Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet tinvoka l-istruzzjonijiet mogħtija minn Britannia u Trident rigward it-tariffi interni tagħhom sabiex issostni l-konklużjoni tagħha li l-ftehim fuq il-prezzijiet kien ġie implimentat. Dawn l-istruzzjonijiet isegwu, fil-fatt, kważi b'mod preċiż, il-pezzijiet minimi stabbiliti matul il-laqgħat (ara wkoll punt 2.4.25 tad-dikjarazzjoni ta' Trident u premessi 92 u 285 tad-deċiżjoni kkontestata). Trident ammettiet li dawn l-istruzzjonijiet kienu jservu ta' bażi jiġu negozjati il-prezzijiet mal-klijenti (punt 2.4.26 tad-dikjarazzjoni ta' Trident). Fil-fatt, jirriżulta minn dawn it-tariffi li l-prezzijiet li jinsabu fl-istruzzjonijiet jikkorrispondu għal "livelli ta' prezz minimi" u li m'għandhomx jitnaqqsu mingħajr diskussjoni preliminari ma' [isem ta' impjegat]", jiġifieri l-persuna li attendiet għall-laqgħat ta' l-akkordju għan-nom ta' Trident (li qabel kienet Britannia). Għalkemm il-Kummissjoni ma wrietx li l-impriżi kkonċernati kollha kienu taw istruzzjonijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Prim'Istanzza tikkunsidra li l-istruzzjonijiet ta' Trident u ta' Britannia jikkostitwixxu element ta' prova importanti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II-1711, punti 340 sa 342, u Cascades vs il-Kummissjoni, punt 95 iktar 'il fuq, punt 194).

114   Għandu jingħad ukoll li Trident tafferma li l-impriżi kkonċernati kienu ta' spiss jilmentaw matul il-laqgħat dwar il-livelli tal-prezzijiet ta' bejgħ. Huma użaw il-prezzijiet rakkomandati bħala punt ta' referenza f'dan ir-rigward (punti 2.4.27 u 3.1.2 tad-dikjarazzjoni ta' Trident).

115   Minn dan isegwi li anke jekk il-Kummissjoni ma b'mod ċirkostanzjali li l-ftehim fuq il-prezz kien ġie implimentat b'mod "skrupluż", u anki jekk hija ma identifikatx il-mekkaniżmu ta' implimentazzjoni partikolari (ara punt 76 iktar 'il fuq), hija setgħet tikkonkludi li dan l-ftehim kien ġie implimentat.

116   Fir-rigward tar-riperkussjonijiet tal-ftehim fuq il-prezzijiet, il-Qorti tal-Prim'Isanza tenfasizza li Union Pigments u Trident, li huma l-impriżi kkonċernati ikkooperaw mal-Kummissjoni (premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkonstataw diversi drabi li dan il-ftehim kien kemm tejjeb il-"koerenza" tal-prezzijiet, kif ukoll wassal għal żieda tal-prezzjiet li jingħataw fis-suq. Dawn l-impriżi ammettew li wieħed mill-vantaġġi tal-partċipazzjoni għall-akkodju kien it-tmiem tal-gwerra tal-prezzijiet [punt 49 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments u punt 3.1.1(c) tad-dikjarazzjoni ta' Trident; ara wkoll premessi il-84 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata]. Minn dan isegwi li l-akkordju kellu bħala effett li żied il-prezzijiet fis-suq. Għandu jiġi mfakkar ukoll li jirriżulta min-nota ta' Union Pigments tat-30 ta' Marzu 1995, datata għaldaqstant għaż-żmien tal-fatti, li l-inizjattivi fil-qasam tal-prezz kienu wasslu għaż-żieda tal-prezzijiet mogħtija fis-suq. Fl-istess nota, Union Pigments ssemmi fost il-vantaġġi ta' l-akkordju, il-fatt li hija setgħtet tikseb "prezzijiet iktar għolja fl-ewwel trimestru ta' l-1995". Barra minn hekk, Union Pigments affermat, fid-dikjarazzjoni tagħha, li, sena wara sena, ir-riżultat ta' l-akkordju kien "koerenza" aħjar tal-prezzijiet, minbarra fil-pajjiżi tat-Tramuntana (punt 73 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments). Ir-rikorrenti tafferma li kien "prattikament impossibbli", skond Union Pigments, li jiġu ffissati l-prezzijiet u li l-prezzijiet ta' referenza ma kinux ġew rispettati fil-pajjiżi Skandinavi. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fid-dikjarazzjoni tagħha, Union Pigments indikat li kien "diffiċli" u mhux "pratikament impossibbli" li liġi assigurat li l-prezzijiet ma jvarjawx minn pajjiż għall-ieħor għar-raġuni ta' oxxillazzjonijiet tal-munita (punt 60 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments).

117   Kif ir-rikorrenti indikat, Trident ikkonstatat li l-prezzijiet diskussi matul il-laqgħat ma kinux perfettament rispettati u li kien ġeneralment ammess li kien qed isir il-bejgħ għal inqas mill-prezzijiet ta' referenza li kienu ġew miftehma (punt 2.4.25 tad-dikjarazzjoni ta' Trident). Il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-argument li l-prezzijiet ta' bejgħ ma rrispettawx perfettament il-prezzijiet rakkomandati (premessi 275, 291 u 297). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-akkordju stabbilixxa biss għanijiet ta' prezz, u mhux prezzijiet iffissati. Ma jistax jiġi konkluż mill-fatt li l-impriżi kienu biegħu għal inqas mill-prezzijiet ta' referenza li l-akkordju ma kellux effetti. Il-benefiċċju li minnu bbenefikaw il-membri tal-kartell kien jirriżulta mill-konoxxenza ta' l-approċċ li kull wieħed minnhom kellu fil-qasam tal-prezz li kienet tirregola n-negozjati rispettivi tagħhom mal-klijenti tagħhom. Minbarra dan, għandu jiġi osservat li Trident tammetti li t-tabelli mehmuża mad-dikjarazzjoni juri li, mill-bidu ta' l-1995, il-prezzijiet medji tagħha kienu aktar għola minn qabel. Skond Trident, jista' jiġi konkluż l-stabbiltà tal-prezzijiet fuq livell għola tirriżulta mill-laqgħat ta' l-akkordju (punt 3.2.7 tad-dikjarazzjoni ta' Trident). Trident tafferma wkoll li l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha segwew il-prezzijiet rakkomandati mill-akkordju (punti 2.4.26 u 3.2.5 tad-dikjarazzjoni ta' Trident).

118   Jirriżulta għaldaqstant mill-konstatazzjonijiet oġġettivi fformulati mill-impriżi prinċipali li kienu kkooperaw mal-Kummissjoni, li l-inizjattivi fil-qasam tal-prezz ipproduċew effett fuq il-livell tal-prezzijiet tas-suq (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatshappij et vs il-Kummissjoni, punt 112 iktar 'il fuq, punti 746 u 747).

119   Ir-rikorrrenti ssostni, barra minn hekk, li r-riperkussjonijiet ta' l-akkordju kienu limitati għal diversi raġunijiet oħra..

120   Primarjament, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li x-xerrejja tal-fosfat taż-żingu huma impriżi kbar li għandhom poter kbir ta' negozjar fuq il-prezzijiet u li jftittxu sistematikament l-aħjar offerti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma allegatx il-kuntrarju fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 51, 52 u 339). Minkejja l-poter tax-xerrejja, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkonkludi li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kienu ġew distorti mill-akkordju in kwistjoni.

121   Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tafferma li l-preżenza fis-suq ta' kompetituri terzi u l-eżistenza ta' prodotti ta' sostituzzjoni, inkluż il-fosfat tal-kalċju, importat minn pajjiżi terzi, għamlu pressjoni konsiderevoli fuq il-prezz tal-fosfat taż-żingu standard. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li l-fosfat taż-żingu standard jirrappreżenta biss 55% tas-suq Ewropew tal-fosfat taż-żingu u li għaldaqstant il-ksur seta' ikollu effetti biss fuq parti mis-suq. Fir-risposta tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni tammetti li hija m'għamlitx analiżi profonda tas-suq in kwistjoni u tikkonferma li d-deċiżjoni tirrigwarda biss il-fosfat taż-żingu standard. Għalkemm il-Kummissjoni tagħmel referenza għal sostituti parzjali fid-deċiżjoni kkontestata, inkluż il-fosfat tal-kalċju u l-fosfati taż-żingu mmodifikati (premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata), hija ma teżaminax l-importanza ta' dawn is-sostituti u, b'mod partikolari, ma tistabbilixxix jekk il-fosfat taż-żingu standard jifformax parti mill-istess suq bħal dawn is-sostituti.

122   Għandu mal-ewwel jiġi mfakkar li l-obbligu li tiddefenixxi is-suq f'deċiżjoni adottata b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE hija imposta lil Kummissjoni meta, mingħajr tali definizzjoni, mhuwiex possibbli li jiġi determinat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta' assoċjazzjoni bejn impriżi jew il-prattika miftiehma in kwistjoni tistax taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandhiex bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, European Night Services et vs il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punti 93 sa 95 u 105, u tas-6 ta' Lulju 2000, Volkswagen vs il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 230). Għandu jingħad ukoll li l-fatturat magħmul fuq il-prodotti kienu is-suġġett ta' prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti miżura ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Marzu 1999, British Steel vs il-Kummissjoni, T-151/94, Ġabra p. II-629, punt 643, u tad-9 ta' Lulju 2003, Cheil Jedang vs il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 91).

123   F'dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta biss l-estent preċiż ta' l-effetti tal-ksur (ara punt 94 iktar 'il fuq). Fil-fatt, hija ammettiet, kemm fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub kif ukoll matul is-seduta (ara punt 107 iktar 'il fuq), li l-ksur kellu xi effetti.

124   Minbarra dan, huwa paċifiku li l-impriżi kkonċernati kienu jikkontrollaw 90% tal-produzzjoni tal-fosfat taż-żingu standard. Anki kieku wieħed kellu jissupponi li s-suq tal-prodotti in kwistjoni jinkludi wkoll prodotti oħra, parti kbira minn dan is-suq kien taħt il-kontroll ta' l-impriżi kkonċernati. Peress li l-Kummissjoni kienet ġabet provi konkreti ta' l-effetti tal-ksur (ara punti 107 sa 118 iktar 'il fuq), b'mod partikolari kostatazzjonijet oġġettivi tal-produtturi stess fiż-żmien tal-fatti, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li hija wriet biżżejjed l-effetti tal-ksur. Hemm lok li jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni attenwat l-importanza ta' l-effetti tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata (ara punt 105 iktar 'il fuq).

125   Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, b'risposta għall-argument ta' SNCZ li s-sostwibbiltà potenzjali ta' prodotti oħra għall-fosfat taż-żingu jagħti prova li l-ksur ma kellux effett reali, il-Kummissjoni tikkonstata, min-naħa, li din is-sostitwibbiltà ma ntwerietx u, min-naħa l-oħra, li SNCZ ammettiet li l-kalċju tal-fosfat huwa dejjem użat biss f'kwantitajiet relattivament żgħar (premessa 297 tad-deċiżjoni kkontestata). F'dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma ġabitx il-prova li l-allegati prodotti ta' sostituzzjoni kienu għamlu "pressjoni konsiderevoli fuq il-prezz tal-fosfat taż-żingu standard". Min-naħa l-oħra, Union Pigments ċarament ikkonstatat li r-rikorrenti riedet iġġib prezzijiet għola għall-fosfat taż-żingu standard sabiex tagħmel aktar kompetittiv il-fosfat taż-żingu mmodifikat (punt 59 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments u nota ta' Union Pigments tal-25 ta' Marzu 1995). Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li r-riskju ta' sostituzzjoni llimata r-riperkussjonijiet ta' l-akkordju ma jistax jiġi aċċettat. Minbarra dan, għandu jiġi osservat li jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta' Union Pigments li l-importazzjonijiet ta' provenjenza minn pajjiżi terzi jibqgħu limitati (punti 33 u 34 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments).

126   Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ż-żieda fil-prezzijiet tagħha fl-1997 hija marbuta maż-żieda qawwija fil-prezz taż-żingu u mhux ma' l-osservanza tal-prezzijiet ta' referenza, għandu jingħad li l-Kummissjoni tafferma espressament, fid-deċiżjoni kkontestata, li bosta fatturi jistgħu jaffettwaw l-evoluzzjoni tal-prezz tal-prodott in kwistjoni (premessa 279 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tammetti b'mod partikolari li l-fosfat taż-żingu jiddependi ħafna mill-prezz tal-metall taż-żingu (premessa 339). Il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkonkludi li dan il-fattur m'għandux jingħata wisq importanza. Fil-fatt kien hemm żieda waħda sostanzjali biss fil-prezz tal-metall taż-żingu fl-1997, filwaqt li l-akkordju kien japplika mill-1994 (premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, għalkemm kien hemm żieda sostanzjali fil-prezz taż-żingu fl-1997, jirriżulta mill-Anness 6 tar-rikors li kien hemm ukoll tnaqqis sostanzjali f'dan il-prezz fit-tmiem ta' 1997 mingħajr madankollu li l-prezz miżmum mir-rikorrenti għall-fosfat taż-żingu mingħajr, madankollu, tnaqqis korrispondenti (ara wkoll premessa il-340 tad-deċiżjoni kkontestata).

127   Fi kwalunkwe każ, l-effetti li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat il-livell ġenerali ta' l-ammendi mhumiex dawk li jirriżultaw mill-aġir effettiv li tallega li adottat impriża, imma dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu li fih hija pparteċipat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Lulju 1999, Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 152, u s-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punti 160 u 167).

128   Fir-raba' lok, ir-rikorrenti tisħaq li l-fosfat taż-żingu jirrappreżenta biss parti żgħira ta' l-ispejjeż tal-prodott finali, jiġifieri 0.08%, u li għaldaqstant il-modifiki minuri li l-ftehim għamlu prattikament ma kellhomx riperkussjonijiet negattivi fuq il-prezz taż-żebgħa, jew saħansitra fuq il-konsumaturi. Għalkemm il-Kummissjoni ma kkontestatx li l-fosfat taż-żingu jirrappreżenta biss parti żgħira ta' l-ispiża tal-prodott finali (premessi 48 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li hija kkunsidrat dan il-fattur sabiex tiddetermina l-ammont ta' l-ammendi. Skond il-ġurisprudenza, il-valur tal-prodott jista', skond il-każ, jkun wieħed mill-elementi ta' evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenza Musique diffusion fraçaise et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punti 120 u 121). F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tikkunsidrax li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra dan il-fattur sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur u, b'mod partikolari, sabiex tistima l-effetti tal-ksur. Il-fatt li l-fosfat taż-żingu jirrappreżenta biss parti żgħira ta' l-ispiża tal-prodott finali m'għandhiex effett fuq il-gravità tal-ksur u, bħalma tosserva l-Kummissjoni, ma jbiddel xejn mill-fatt li l-kundizzjonijiet tas-suq kienu distorti għall-klijenti. Kieku l-fosfat taż-żingu kien fattur ta' spiża ikbar, il-ksur kien ikollu effetti anki iktar serji. Minbarra dan, il-Kummissjoni m'hijiex obbligata turi li akkordju huwa ta' dannu għall-konsumaturi sabiex ikollha d-dritt tikkwalifika l-ksur bħala gravi ħafna.

129   Fir-rigward tal-ftehim fuq il-klijenti, għalkemm il-Kummissjoni ma identifikatx mekkaniżmu partikolari ta' implimentazzjoni (ara l-punt 76 iktar 'il fuq), il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li dan il-ftehim ġie implimentat, ta' l-anqas sa ċertu punt. B'mod partikolari, il-prezz li kellu jingħata lil Teknos kien is-suġġett ta' dan il-ftehim u kien ġie miftiehem li ebda prodottur minbarra dak li kien "imissu" ma seta' jagħti prezz inferjuri għal dak li kien ġie miftiehem (ara punt 87 iktar 'il fuq). Il-fatt li huwa projbit il-bejgħ lil klijent b'prezz inqas minn dak miftiehem minħabba li dan il-klijent kien ġie assenjat lil impriża oħra għandu bla dubju ta' xejn effetti fuq il-kompetizzjoni li normalment ikun hemm.

130   Għal dak li jikkonċerna l-ftehim kollha, u kif il-Kummissjoni enfasizzat fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 298), il-prattiċi li fir-rigward tagħhom qed issir l-akkuża ġew applikati matul iktar minn erba' snin. Għaldaqstant ma tantx huwa probabbli li l-produtturi kienu, f'dak iż-żmien, ikkunsidraw li dawn kienu totalment ineffettivi jew inutli (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs il-Kummissjoni, punt 112 iktar 'il fuq, punt 748). Għandu jingħad ukoll, f'dan ir-rigward, li huwa paċifiku li l-akkordju oriġina minn gwerra tal-prezzjijiet u kellu bħala għan, fost oħrajn, it-tmiem tagħha. Kif indikat fil-punt 116 iktar 'il fuq, wieħed mill-vantaġġi tal-parteċipazzjoni fl-akkordju għall-impriżi kkonċernati kien it-tmiem ta' din il-gwerra tal-prezzijiet [punt 49 tad-dikjarazzjoni ta' Union Pigments u punt 3.1.1(c) tad-dikjarazzjoni ta' Trident; ara wkoll premessi il-84 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata]. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-parteċipazzjoni fl-akkordju għal aktar minn erba' snin juri wkoll li l-impriżi kkonċernati rnexxielhom, prinċipalment, jtemmu din il-gwerra tal-prezzijiet. Minn dan isegwi li l-impriżi kkonċernati kienu bidlu l-prezzijiet tagħhom sabiex jilħqu livell ta' prezz ta' transazzjoni akbar minn dak li kien ikun hemm fin-nuqqas ta' akkordju.

131   Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti invokat in non-applikazzjoni effettiva tal-ksur fir-rikors tagħha bħala ċirkostanza attenwanti.

132   Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta ksur ikun sar minn bosta impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta' kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 1975, Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 127 iktar 'il fuq, punt 150), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkostanzi aggravanti jew attenwanti.

133   Taħt il-punt 3 ("ċirkostanzi attenwanti") tal-linji gwida tinsab lista mhux eżawrjenti ta' ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta' l-ammont bażi ta' l-ammenda, inkluża n-non-applikazzjoni effettiva tal-ftehim (punt 3, it-tieni subinċiż). Għandu jiġi vverifikat, f'dan ir-rigward, jekk iċ-ċirkostanzi mressqa mir-rikorrenti humiex tali li jstabbilixxu li, matul il-perijodu li fih hija segwiet il-ftehim li jiksru l-liġi, hija effettivament evitat l-applikazzjoni tagħhom billi adottat imġieba kompetittiva fis-suq (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punti 4872 sa 4874, u Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punt 268).

134   Ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet effettivament evitat l-applikazzjoni ta' l-akkordju billi adottat imġieba kompetittiva fis-suq. Hija ma tikkontestax la l-parteċipazzjoni tagħha għall-laqgħat ta' l-akkordju u lanqas li għamlet skambju ta' informazzjoni li tikkonċerna bejgħ ma' l-impriżi l-oħra kkonċernati. Hija pparteċipat fil-ftehim fuq il-bejgħ u fil-ftheim fuq l-assenjament tal-klijenti. Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġa ċaħdet l-affermazzjoni tar-rkorrenti li hija ma kinitx applikat il-ftehim fuq il-prezzijiet. Minn dan isegwi li dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

135   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li l-akkordju kellu effetti konkreti.

 Fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjonijiet tal-kriżi tas-settur bħala ċirkostanza attenwanti

–       L-argumenti tal-partijiet

136   Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx, bħala ċirkostanza attenwanti, il-kriżi fis-settur Ewropew tal-fosfat taż-żingu. Fil-passat, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-eżistenza ta' kriżi strutturali tikkostitwixxxi ċirkostanza attenwanti fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/382/KE tat-8 ta' Diċembru 1999, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (IV/E-1/35.860-B – Tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU 2003, L140, p. 1, iktar 'il quddiem id-deċiżjoni "Tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura"), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/247/KEFA tal-21 ta' Jannar 1998 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (Kawża IV-35.814 – Alloy surcharge) (ĠU 1998 L 100, p. 55, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni Alloy surcharge"), punt 83]. Is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija tal-fosfat taż-żingu hija direttament komparabbli mas-sitwazzjoni ta' kriżi deskritta fid-deċiżjoni Alloy surcharge fejn il-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tas-settur li kienet wasslet għal tnaqqis ta' l-ammenda minn 10% sa 30%. Il-kriżi fis-suq tal-fosfat taż-żingu kienet iktar importanti u kienet teżisti matul it-tul kollu tal-ksur. Il-prezz taż-żingu, universalment magħruf mill-kwotazzjoni tiegħu fil-borża tal-Materji Primi, huwa kontinwment soġġett għal oxxillazzjonijiet. Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-poter ekonomiku tax-xerrejja tal-fosfat taż-żingu, iż-żidiet frekwenti fil-prezz taż-żingu diffiċilment setgħu jiġu mgħoddija lil dawn ix-xerrejja, filwaqt li dawn ta' l-aħħar għamlu pressjoni kbira fuq il-produtturi tal-fosfat taż-żingu sabiex jassiguraw li t-tnaqqis fil-prezz taż-żingu jiġi mgħoddi lil dawn ix-xerrejja. Ir-rikorrenti tafferma li l-kriżi kienet ipprovokata minn ċerti elementi deskritti iktar 'il fuq, inkluż ir-riskju ta' importazzjonijiet bi prezz baxx minn pajjiżi li jinsabu barra ż-ŻEE u l-fatt li l-fosfat taż-żingu kien iktar u iktar ta' spiss jintuża minflok il-fosfat ta-żingu standard. B'konsegwenza ta' dan, il-fatturat tar-rikkorrenti magħmul mill-bejgħ tal-fosfat taż-żingu standard kien naqas għal madwar 20% matul is-snin 90.

137   Ir-rikorrenti tfakkar li l-maġġoranza tal-produtturi attivi tal-fosfat taż-żingu kkonfermaw li s-settur kien għadda minn kriżi ekonomika (premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata). Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni stess tammetti li s-sitwazzjoni ekonomika tas-suq kienet diffiċli (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija kienet irrifjutat li tirrikonoxxi li din il-kriżi kienet ċirkostanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis ta' l-ammenda. Billi għamlet hekk il-Kummissjoni ma segwiex il-ġurisprudenza Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, Solvay vs il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907, punt 340), kif ukoll mal-prassi deċiżjonali preċedenti propja tagħha.

138   Il-Kummissjoni tiċħad din l-ilment billi tfakkar li hija qatt ma kienet ammettiet li s-suq tal-fosfat taż-żingu kien għaddej minn kriżi strutturali (premessi 339 u 340 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, hija ssostni li l-analiżi tagħha ta' kriżi fis-suq hija evalwazzjoni ekonomika kumplessa u li, għaldaqstant, l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-verifikazzjoni ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta' l-għotja ta' motivi, kif ukoll l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta' żball manifest ta' evalwazzjoni u ta' l-abbuż ta' poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Mejju 1998, Deere vs il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 34). Ir-rikorrenti ma kinitix qajmet tali motivi jew ilmenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

139   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li r-rikorrenti ma tistax tibbaża argument fuq l-allegata kriżi li kien jinsab fiha is-settur tal-fosfat taż-żingu. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fis-sentenza tagħha Lögstör Rör vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq (punti 319 u 320), mogħtija fil-kawża Pajpijiet diġa iżolati, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-istat finanzjarju batut tas-settur in kwistjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza wkoll ikkonfermat li l-fatt li l-Kummissjoni ikkunsidrat, fil-kważi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika tas-settur bħala ċirkostanza attenwanti ma jfissirx li hija kellha bilfors tkompli tosserva din il-prassi (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Marzu 1992, ICI vs il-Kummissjoni, T-13/89, Ġabra p. II-1021, punt 372). Fil-fatt kif il-Kummissjoni ġustament fakkret, bħala regola ġenerali, il-kartelli jsiru fil-mument fejn settur jiltaqa' ma' diffikultajiet (sentenza Tokai Carbon et vs il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 345).

140   Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ammettitx l-eżistenza ta' kriżi fis-settur tal-fosfat taż-żingu. Hija rrilevat biss li l-kuntest ekonomiku kien diffiċli minħabba l-maturità tas-suq, id-dipendenza qawwija tiegħu fuq il-prezz tal-metall taż-żingu u l-poter ta' akkwist tal-klijenti (premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija, min-naħa l-oħra, ma kkunsidratx li fuq is-suq kienu jeżistu problemi strutturali. Minbarra dan, kif indikat fil-premessa 340 tad-deċiżjoni, kien hemm żieda waħda konsiderevoli biss fil-prezz tal-metall taż-żingu fl-1997, filwaqt li l-akkordju kien japplika mill-1994. Għandu jingħad ukoll li mill-faxxiklu ma jirriżultax li s-suq in kwistjoni kien iltaqa' ma' diffikultajiet kbar ħafna.

 Fuq it-tqabbil ma' akkordji oħra

–       L-argumenti tal-partijiet

141   Ir-rikorrenti tosserva li jirriżulta minn eżami tal-kawżi reċenti li fihom xi ksur kien ġie kkwalifikat bħala gravi ħafna mill-Kummissjoni li l-ksur in kwistjoni fil-kawża preżenti ma jaqax taħt din il-kategorija. Dawn il-kawżi reċenti jiddistingwu ruħhom mill-kawża preżenti mill-livell ta' organizzazzjoni ħafna għola, mir-rikors għal mezzi konsiderevolment iktar effikaċi u minn riperkussjonijiet ikbar fuq is-suq [deċiżjoni Ciment, punt 56 iktar 'il fuq, punt 65, deċiżjoni Pajpijiet diġa iżolati, punt 29 iktar 'il fuq, punt 63, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE tal-21 ta' Novembru 2001 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/37.512 – Vitamini) (ĠU L 6, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni Vitamines")].

142   Il-Kummissjoni ma kellhiex tqiegħed il-kawża preżenti fl-istess kategorija bħal dawk deskritti iktar 'il fuq. Primarjament, l-impriżi kkonċernati f'dan il-każ qatt ma kienu ffissaw kwoti għall-pajjiżi differenti u ma kinux ipproteġu s-suq nazzjonali tagħhom. Fit-tieni lok, il-ksur in kwistjoni ma kienx ikkonċerna sensiela sħiħa ta' prodotti imma esklużivament il-fosfat taż-żingu normali. Fit-tielet lok, peress illi l-fosfat taż-żingu jirrappreżenta biss parti żgħira ta' l-ispejjeż taż-żebgħa, l-uniku prodott li fih il-fosfat taż-żingu jista' jiġi użat, l-importanza tiegħu fis-suq taż-żebgħa huwa limitat u ebda konsumatur ma kien sofra dannu. Fir-raba' lok, il-prezzijiet kellhom biss rwol sekondarju u ebda miżura ta' sanzjoni ma kienet ġiet prevista. Ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-ksur fil-kawżi msemmija fil-punt 141 iktar 'il fuq kien iktar gravi minn dak fil-kawża preżenti. Hija ma tifhimx, għaldaqstant, għalfejn il-Kummissjoni imponitilha fuqha ammenda ħafna għola minn dik imposta fuq l-impriżi fil-kawżi ċċitati iktar 'il fuq. Hija tirrileva, bħala eżempju, li l-ammenda li ġiet imposta fuqha hija, fir-rigward tal-fatturat globali tagħha, 21 għola minn dik imposta fuq il-"kap" ta' l-akkordju fil-kawża Pajpijiet diġa iżolati.

143   Il-Kummissjoni tirrifjuta dan l-ilment billi tosserva li l-ksur in kwistjoni kien diġa ġie kkwalifikat bħala gravi ħafna minħabba l-għan tiegħu, l-assenjament ta' kwoti ta' ishma mis-suq u l-iffissar ta' prezz li kien jikkonċerna ż-ŻEE kollu. Hija tafferma li hija segħtet, fi ħdan il-kategorija tal-ksur gravi ħafna, u skond il-linji gwida, tikkkunsidra l-fatt li l-akkordji ċċitati mir-rikorrenti kellhom karatteristiċi supplimentari li jikkontribwixxu għall-gravità tal-ksur mwettaq fil-kuntest tagħhom, mingħajr għaldaqstant ma jkollha tikklassifika l-ksur mwettaq mir-rikorrenti fil-kategorija tal-ksur gravi. Il-Kummissjoni tfakkar li l-punt ta' tluq stabbilit għar-rikorrenti jinsab l-isfel fl-iskala ta' l-ammonti possibbli previsti mill-linji gwida għall-ksur gravi. Għal dak li li jikkonċerna l-allegazzjoni tar-rikorrenti li kienet ġiet imposta fuqha ammenda iktar ħarxa milli lill-impriżi fil-kawżi l-oħra nvokati, il-Kummissjoni tirrispondi li l-iffissar ta' ammenda mhuwiex ir-riżultat ta' sempliċi kalkolu matematiku bbażat fuq il-fatturat u tirreferi, f'dan ir-rigward, għall-argumenti esposti iktar 'il fuq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

144   Għandu jiġi mfakkar li l-akkordju orizzonatli li fih ipparteċipat ir-rikorrenti fih restrizzjonijiet li jikkonsistu fl-iffissar ta' kwoti ta' bejgħ, l-iffissar ta' objettivi ta' prezz u l-assenjament ta' klijenti. Kif indikat fil-punti 67 sa 70 iktar 'il fuq, ksur li jinkludi kwoti u l-iffissar ta' prezz, anke jekk indikattiv, huwa ta' natura partikolarment gravi. Minbarra dan, dan il-ksur kellu effetti fuq is-suq (ara punt 107 sa 130 iktar 'il fuq) u kopra s-suq komuni kollu u, wara li nħolqot, iż-ŻEE kollha. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, għaldaqstant, li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkwalifikat il-ksur bħala gravi ħafna.

145   Ma jistax jiġi konkluż mill-eżistenza ta' kawżi oħra li jinvolvu ksur iktar gravi tal-liġi tal-kompetizzjoni li l-ksur kommess f'dan il-każ mhuwiex gravi ħafna. Għandu jiġi osservat li l-linji gwida jipprovdu li, ġewwa l-kategoriji ta' ksur mhux gravi ħafna, gravi u gravi ħafna, l-iskala ta' sanzjonijiet adottata tippermetti li jiġi ddifferenzjat it-trattament li għandu jiġi applikat lill-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq (punt 1 A, it-tielet paragrafu). Minbarra dan, l-ammendi imposti f'dan il-każ kienu ħafna aktar inferjuri għall-ammont minimu possibbli għall-ksur gravi ħafna (ara punt 40 iktar 'il fuq). Għalkemm il-Kummissjoni kienet għażlet li tikkwalifika dan il-ksur bħala serju ħafna, hija fil-fatt iddistingwiet din il-kawża minn kawżi oħra serji ħafna li fihom ammendi ħafna iktar għolja kienu ġew imposti.

146   Għal dak li jikkonċerna l-argument li l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti kienet iktar ħarxa minn dawk imposti fuq il-parteċipanti f'akkordju f'kawżi oħra preċedenti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, sakemm li tirrispetta l-għola limitu ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 mhijiex obbligata tipperpetwa prassi determinata fil-qasam ta' l-iffissar tal-livell ta' l-ammendi. Kif indikat fil-punt 41 iktar 'il fuq, il-fatt li l-Kummissjoni kienet applikat, fil-passat, ammendi ta' ċertu livell għal ċerti tipi ta' ksur ma jistax iċċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 109, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Europa Carton vs il-Kummissjoni, T-304/94, Ġabra p. II-869, punt 41 iktar 'il fuq, punt 89).

147   Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammendi skond il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur in kwistjoni, tagħmel il-kalkolu tagħha ta' l-ammenda mill-ammonti abbażi tal-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati (sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 278).

148   Għandu jingħad ukoll li l-gravità tal-ksur għandu jiġi stabbilit abbażi ta' bosta elementi bħal, b'mod partikolari, iċ-ċirkostanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-element dissważiv ta' l-ammendi, mingħajr ma tiġi stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta' kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati (sentenza Ferriere Nord vs il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, punt 33, u s-sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 236). Il-Kummissjoni m'hijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża, kemm fir-rigward ta' l-ammont totali ta' l-ammenda imposta kif ukoll fir-rigward tal-qsim tagħha f'elementi differenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs il-Kummissjoni, T-354/94, Ġabra p. II-2111, punt 119).

149   Jirriżulta minn dak kollu li jippreċedi li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

1.     b) Fuq it-tieni parti, rigward in-nuqqas ta' konsiderazzjoni tal-fatt li proporzjon żgħir biss tal-fatturat tar-rikorrenti kien ikkonċernat


 L-argumenti tal-partijiet

150   Ir-rikorrenti ssostni li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda, tikkunsidra l-każijiet li fihom il-fatturat li l-impriża in kwistjoni tagħmel mill-prodotti kkonċernati mill-ksur jirrappreżenta biss proporzjon żgħir tal-fatturat globali (sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 121, u l-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali M. Slynn f'din is-sentenza, Ġabra p. 1950; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Lulju 1994, Parker Pen vs il-Kummissjoni, T-77/92, Ġabra p. II-549, punt 94, u Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punt 5026). Hija tosserva li l-fatturat tagħha mill-bejgħ tal-fosfat taż-żingu standard fuq livell Ewropew fl-2000 kien jirrappreżenta biss 4.9% tal-fatturat globali tagħha, jiġifieri 3.48 miljun EUR. Madankollu, il-Kummissjoni ma kkunsidratx dan l-element meta ddeterminat l-ammont ta' l-ammenda u b'hekk hija kienet kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-linji gwida.

151   Ma kienx biżżejjed li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid-determinazzjoni tal-valur speċifiku ta' kull impriża, il-fatturat magħmul bil-prodott ikkonċernat fuq il-livell taż-ŻEE peress illi, skond il-ġurisprudenza, hija kellha tikkunsidra, għal kull impriża kkonċernata, il-fatturat fis-settur meta mqabbael mal-fatturat globali fil-kuntest tad-determinazzjoni ta' l-ammont assolut ta' l-ammenda. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni kienet esprimiet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-intenzjoni tagħha li tikkunsidra l-importanza mnaqqsa tas-suq tal-fosfat taż-żingu ma jsolvix il-problema.

152   Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li hija kkunsidrat id-diversifikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata u tosserva li dan l-element lanqas ma ġie msemmi fiha. Fir-rigward ta' l-interpretazzjoni li tagħti l-Kummissjoni fir-rigward tal-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Slynn fis-sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 150 iktar 'il fuq, u skond liema hija obbligata tikkunsidra d-diversifikazzjoni biss meta hija tiffissa l-ammenda fuq il-bażi ta' perċentwali tal-fatturat globali, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b'mod impliċitu ammettiet il-kuntrarju fir-risposta tad-difiża tagħha. F'din ir-risposta hija affermat, min-naħa, li hija xorta waħda kkunsidrat id-diversifikazzjoni f'dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li għalkemm id-diversifikazzjoni għandha biss "importanza żgħira", xorta waħda hija importanti.

153   Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. Hija ssostni b'mod partikolari li hija kkunsidrat il-fatt li proporzjon żgħir tal-fatturat tagħha kien ġej mill-fosfat taż-żingu standard, anki jekk hija ma ssemmiħx espliċitament fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-proporzjon tal-fatturat li jikkorrispondi għall-merkanzija kkonċernata mill-ksur jagħti indikazzjoni tal-kobor tal-ksur. Mandankollu, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tagħatx importanza disproporzjonata lill-fatturat magħmul minn prodotti li kienu s-suġġett tal-ksur meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra ta' evalwazzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 121, u sentenza Parker Pen vs il-Kummissjoni, punt 150 iktar 'il fuq, punti 89 u 94).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

154   Qabel kollox, għandu jiġi imfakkar li ġurisprudenza konsolidata tipprojbixxi li tiġi mogħtija importanza differenti lil wieħed jew lill-ieħor mill-fatturati differenti meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra ta' evalwazzjoni b'tali mod li ammenda adatta ma tistax tkun ir-riżultat ta' sempliċi kalkolu bbażat fuq fatturat globali, b'mod partikolari meta l-merkanziji kkonċernati jirrappreżentaw biss frazzjoni żgħira ta' dan il-fatturat (sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punti 120 u 121, u sentenza Parker Pen vs il-Kummissjoni, punt 150 iktar 'il fuq, punt 94). B'hekk il-Qorti tal-Prim'Istanza laqgħet, fis-sentenza Parker Pen vs il-Kummissjoni, ċċitata iktar 'il fuq, ir-raġuni bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat il-fatt li l-fatturat magħmul mill-prodotti kkonċernati bil-ksur kien relattivament żgħir meta mqabbel ma' dak tal-bejgħ kollu magħmul mill-impriża in kwistjoni.

155   F'dan il-każ, minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ibbażat il-kalkolu tagħha ta' l-ammont ta' l-ammenda li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti fuq il-fatturat globali tagħha, din ta' l-aħħar ma tistax tinvoka s-sentenza Parker Pen vs il-Kummissjoni, punt 150 iktar 'il fuq (sentenza ABB Asea Brown Boveri vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 156).

156   Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kkunsidrat sensiela sħiħa ta' elementi oħra minbarra l-fatturat globali sabiex tiffissa l-ammenda, fosthom in-natura tal-ksur, l-effetti reali tiegħu, l-importanza ta' l-imprizi kkonċernati fis-suq, l-element dissważiv ta' l-ammendi, u d-daqs limitat tas-suq in kwistjoni (ara l-premessi 262 sa 309; ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ABB Asea Brown Boveri vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 157; Tokai Carbon et vs il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 202 u tad-9 ta' Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs il-Kummissjoni, T-230, Ġabra p. II-2733, punt 60).

157   Għal dawn ir-raġunijiet, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel raġuni tat-tieni parti.

2.     c) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-iżball tad-dritt li jirriżulta min-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-kapaċità ekonomika tar-rikorrenti


 L-argumenti tal-partijiet

158   Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, kuntrarjament għall-linji gwida, naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika limitata tagħha meta hija kkalkulat l-ammenda. Hija tindika li, permezz ta' ittra tal-15 ta' Novembru 2001, hija talbet lill- Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni d-diffikultatjiet ekonomiċi tagħha fis-settur ikkonċernat, inkluż il-fatt li hija kienet subit telf konsiderevoli u tnaqqis ta' madwar 20% tal-fatturat tagħha fl-2000 u fl-2001. Il-karta tal-bilanċ tar-rikorrenti fil-31 ta' Diċembru 2000 turi li hija kellha somma fuq il-bilanċ ta' 40 miljun EUR, li minnhom 21 miljun EUR kien dejn li jirriżulta minn self bankarju. Il-kapital nett kien jirrappreżenta biss 5% tas-somma fuq il-bilanċ, li kienet sitwazzjoni prekarja. Il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikkunsidra dawn id-diffikultajiet fid-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-linji gwida, li fihom hija indikat li kellhom jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda, il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-impriżi in kwistjoni, inkluża l-"kapaċità kontributtiva reali tagħhom f'kuntest soċjali partikolari" [punt 5(b)], u għaldaqstant għamlet żball ta' dritt. Ir-rikorrenti żżid tgħid li jekk hija kellha tħallas l-ammenda, is-sopravvivenza tagħha tkun imqiegħda f'periklu.

159   Il-Kummissjoni tiċħad li għamlet żball ta' dritt f'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti. Din ta' l-aħħar ma kinitx tagħat informazzjoni biżżejjed dwar dan is-suġġet matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tal-15 ta' Novembru 2001, ir-rikorrent ma kinitx semmiet la li hija ma kinitx fil-pożizzjoni li tħallas ammenda ta' ċertu livell u lanqas il-"kuntest soċjali partikolari" li għalih il-linji gwida jagħmlu referenza. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kellha ebda raġuni, fil-mument li fih hija ħadet id-deċiżjoni kkontestata, li titlob informazzjoni aktar preċiża fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti kif hija għamlet fi Trident (premessi 367 u 368 tad-deċiżjoni kkontestata).

160   Anke jekk tiġi kkunsidrata l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fir-rikors tagħha, tnaqqis ta' l-ammenda, li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tagħmel fil-kuntest tal-kompetenza tagħha ta' ġurisdizzjoni assoluta, mhuwiex possibbli. Ir-rikorrenti ma kinitx uriet li s-sopravvivenza ta' l-impriża tagħha kienet serjament mheddha mill-ammenda in kwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

161   Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta' impriża kkonċernata, peress li r-rikonoxximent ta' tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 308; HFB et vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 596, u tad-19 ta' Marzu 2003, CMA CGM et vs il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, iktar 'il qudidem is-"sentenza FETTCSA", punt 351, u l-ġurisprudenza ċċitata).

162   Din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi ddubitata mill-punt 5(b) tal-linji gwida, skond liema l-kapaċità kontributtiva reali ta' impriża għandha tiġi kkunsidrata. Fil-fatt din il-kapaċità tapplika biss fil-"kuntest soċjali partikolari" tagħha, kkostitwit mill-konsegwenzi li l-ħlas ta' ammenda jkollu, b'mod partikolari, fuq il-livell ta' żieda fil-qgħad jew ta' deterjorament tas-setturi ekonomiċi fil-linja 'l fuq u fil-linja 'l isfel ta' l-impriża kkonċernata (sentenza Tokai Carbon et vs il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 371). Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda element li jippermetti li jiġi evalwat dan l-imsemmi "kuntest soċjali partikolari".

163   Barra minn hekk, il-fatt li miżura meħuda minn awtorità Komunitaja tipprovoka l-falliment jew l-istralċ ta' impriża determinata, minnu nnifisu, mid-dritt Komunitarju (ara f'dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1986, u l-Kummissjoni vs il-Belġju, 52/84, Ġabra p. 89, punt 14, u tat-2 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni vs Spanja, C-499/99, Ġabra p. I-6031, punt 38). Fil-fatt, l-istralċ ta' impriża taħt il-forma ġuridika tagħha in kwistjoni, għalkemm jista' jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-propjetarji, azzjonisti jew pussessuri ta' ishma, ma jfissirx madankollu li l-elementi personali, materjali jew immaterjali rappreżentati mill-impriża għandhom jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom (sentenza Tokai Carbon et vs il-Kummissjoni, punt 37 iktar 'il fuq, punt 372).

164   Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħat biss informazzjoni minima dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ma invokat ebda element relattiv għall-kapaċità kontributtiva reali tagħha jew għal xi "kuntest soċjali partikolari". Anki fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha f'dan ir-rikors preżenti, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element ta' prova ta' natura li jistabbilixxi li hija ma tkunx tista' tħallas l-ammenda in kwistjoni, li tirrappreżenta biss 5.3% tal-fatturat globali tagħha.

165   Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet, fil-kuntest tal-poter ta' evalwazzjoni tagħha, tikkunsidra li ma kellhomx jiġu kkunsidrati d-diffikultajiet finanzjarji tar-rikorrenti.

166   Minn dan isegwi li l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni raġuni, ibbażata -ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

 a) L-argumenti tal-partijiet

167   Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk kellu jiġi meqjus li d-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-linji gwida, l-ammenda imposta hija disproporzjonata meta mqabbla mal-ksur imwettaq, id-daqs tagħha u l-importanza tas-suq in kwistjoni.

168   Fl-ewwel lok, hija tafferma li l-Kummissjoni ma qisitx l-għanijiet ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u b'hekk kisret il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' adegwatezza. Meta tiffissa l-ammonti ta' l-ammendi, il-Kummissjoni għandha tipprova tilħaq finijiet kemm repressivi kif ukoll dissważivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, ACF Chemiepharma vs il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, p. 703). Id-dissważjoni tinkludi l-aspett dissważiv ġenerali kif ukoll il-prevenzjoni speċifika intiża sabiex tinkoraġixxi l-impriża kkonċernata tmur lura għal aġir konformi mal-liġi. Din il-prevenzjoni speċifika ma tintlaħaqx jekk l-ammenda taqbeż dak illi l-impriża kkonċernata għandha l-kapaċità ekonomika li tħallas. F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat la l-għanijiet ta' prevenzjoni speċifika u lanqas il-kapaċità ekonomika tar-rikorrenti, li hija b'mod sinifikanti limitata minħabba tal-kriżi eżistenti fis-suq. B'risposta għall-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija kkunsidrat id-daqs tas-suq u l-kapaċità ekonomika tar-rikorrenti, din ta' l-aħħar tisħaq li l-Kummissjoni ikkunsidrat biss id-daqs tas-suq tal-fosfat taż-żingu b'mod limitat u li hija m'analizzatx is-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti.

169   Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li r-rikorrenti m'għamlet ebda profitt bil-fosfat taż-żingu standard u li fil-fatt hija għamlet telf f'xi snin. Din l-omissjoni tmur kontra l-punt 5(b) tal-linji gwida, li fihom il-Kummissjoni tafferma l-intenzjoni tagħha li tikkunsidra n-nuqqas ta' qliegħ magħmul minn min iwettaq ksur fid-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda.

170   Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni tafferma kontinwament li hija mhijiex obbligata tikkunsidra elementi favorevoli għar-rikorrenti, anke jekk huma relevanti. In-nuqqas sistematiku ta' teħid in kunsiderazzjoni ta' dawn l-elementi jwassal għal ammenda b'ammont inadegwat u sproporzjonat.

171   Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tissottometti li minn eżami tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni jirriżulta li jeżisti sproporzjon bejn, min-naħa, l-ammenda imposta u, min-naħa l-oħra, il-ksur in kwistjoni u l-kapaċità ekonomika tagħha. Fid-deċiżjoni Alloy surcharge, il-Kummissjoni kienet iffissat il-punt ta' tluq għal 4 miljun EUR, għalkemm l-impriżi kkonċernati kienu għamlu fatturat ħafna akbar minn dak tar-rikorrenti (punt 76 tad-deċiżjoni Alloy surcharge). Fid-deċiżjoni Volkswagen, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li Vokswagen kienet ipparteċipat fi ksur gravi ħafna u li hija kienet kisret prinċipju tat-Trattat, jiġifieri l-ħolqien ta' suq komuni (punt 213). B'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni kienet imponiet ammenda ta' 102 miljun EUR fuq Volkswagen, ammenda li tirrappreżenta biss madwar 0.146% tal-fatturat globali tal-grupp Volkswagen. L-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti hija, meta mqabbla mal-fatturat tagħha, 60 darba aktar għola minn dik imposta fuq Volkswagen. Il-karattru manifestament sproporzjonat ta' l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti jidher b'mod aktar ċar jekk wieħed jikkunsidra l-fatt li l-ammenda imposta fuq Volkswagen kienet l-għola ammenda li qatt ġiet imposta fuq impriża individwali. Barar minn hekk, din l-aħħar ammenda kienet finalment ġiet imnaqqsa għal 90 miljun EUR mill-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenza Volkswagen vs il-Kummissjoni, punt 122 iktar 'il fuq). Barra minn hekk, fuq British Sugar, il-kap ta' akkordju dwar l-iffissar ta' prezz u li kellha ishma mis-suq partikolarment kbar, kienet ġiet impost punt ta' tluq ta' 18 miljun EUR, jiġifieri 0.015% tal-fatturat globali tagħha. Il-punt ta' tluq użat fir-rigward tar-rikorrenti kien, meta mqabbel mal-fatturat li hija għamlet fl-2000, madwar 280 darba iktar għoli mill-ammont impost fuq British Sugar. Xejn ma jiġġustifika dan l-isproporzjon. Ir-rikorrenti tinvoka deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni sabiex tenfasizza li l-ammenda li ġiet imposta fuqha tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità (deċiżjonijiet Pajpijiet mhux iżolati, punt 29 iktar 'il fuq, u Tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura, punt 136 iktar 'il fuq). Fil-qosor, il-Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed id-daqs globali tar-rikorrenti f'dan il-każ u, għaldaqstant, kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità. Anke jekk il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta' diskrezzjoni sabiex tgħolli l-livell ta' l-ammendi, hija ma tistax taġixxi mingħajr ma tirrispetta l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' adegwatezza.

172   Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li l-paragun mal-prassi preċedenti tagħha huwa żbaljat f'dak illi huwa llimitat għall-fatturat, ir-rikorrenti tirrispondi li, fuq il-mertu, il-kawżi li hija tinvoka jikkonċernaw ċirkostanzi ħafna aktar gravi milli f'dan il-każ. Minbarra dan, f'dawn il-kawżi, iċ-ċirkostanzi ma kinux ta' natura moderata, bħal f'dan il-każ. Madankollu, l-ammenda hija ħafna għola f'dan il-każ milli f'kawżi oħra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li dawn il-kawżi ma jikkostitwixxux preċedent, minħabba li huma datati għall-1998, billi tosserva li d-deċiżjonijiet kollha li hija tinvoka ġew adottati wara l-introduzzjoni tal-linji gwida li ġew segwiti minn żieda sinifikanti tal-livell ta' l-ammendi.

173   Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kumissjoni li hija qed tipparaguna "il-lanġas mat-tuffieħ". Hija tindika li l-Kummissjoni tisħaq li r-rikorrenti kkalkulat l-ammenda, min-naħa, fil-kuntest tal-ħames raġuni iktar 'il quddiem, ibbażata fuq in-nuqqas ta' raġuni, bħala perċentwali tal-fatturat relevanti magħmul bil-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE (punt 23 iktar 'il quddiem) u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta' din il-parti bħala perċentwali tal-fatturat totali dinji. Ir-rikorrenti tikkunsidra li ż-żewġ paraguni huma validi u jikkonfermaw li l-ammont ta' l-ammenda mhuwiex adegwat. Ċertament hija ma fixklitx iż-żewġ paraguni. Ir-rikorrenti, fir-replika tagħha, tressaq bħala evidenza, fil-kuntest tal-paragun mal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, ir-rabta bejn, min-naħa, l-ammenda imposta fuq Volkswagen u l-fatturat magħmul bil-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti u l-fatturat magħmul bil-prodott ikkonċernat. Fir-rigward tal-fatturat magħmul minn Volkswagen bil-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE, l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti hija madwar 450 darba għola minn dik imposta fuq Volkswagen, li tikkostitwixxi prova ċara li l-Kummissjoni għamlet żball ta' dritt billi naqset milli tikkunsidra d-diversifikazzjoni tar-rikorrenti.

174   Il-Kummissjoni tikkontesta li hija kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità u li għamlet żball ta' evalwazzjoni. Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' l-għanijiet ta' l-ammenda, hija tafferma li d-dissważjoni mhux biss ta' l-impriża kkonċernata imma wkoll ta' persuni terzi huwa għan leġittimu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ACF Chemiepharma vs il-Kummissjoni, punt 168 iktar 'il fuq, punti 172 sa 176; ta' l-14 ta' Lulju 1972, BASF vs il-Kummissjoni, 49/69, Ġabra p. 713, punt 38 u Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punti 106 u 109). Skond il-Kummissjoni, jekk minkejja l-prassi deċiżjonali kunsiderevoli tagħha, illum għadu jsir ksur tant manifest u sinifikanti għar-regoli tal-kompetizzjoni bħal f'dan il-każ, huwa ċar li l-effett dissważiv ta' l-ammenda huwa partikolarment importanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Lulju 2001, Tate & Lyle et vs il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punti 144 sa 145). Barra minn hekk, hija tafferma li hija kkunsidrat il-kapaċità ekonomika tar-rikorrenti billi ffissat il-punt ta' tluq għal 3 miljun EUR, jiġifieri għal livell konsiderevolment inferjuri għall-ammonti possibbli previsti mill-linji gwida f'każ ta' ksur gravi ħafna.

175   Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li jekk hija tista' tikkunsidra r-realizzazzjoni ta' profitt bħala ċirkostanza aggravanti, dan ma jfissirx madankollu li hija għandha tikkunsidra n-nuqqas ta' vantaġġ bħala element li jwassal għal tnaqqis ta' l-ammenda (sentenzi Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punti 4881 u 4882, u LRAF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 307).

176   Fit-tielet lok, ma jirriżutax minn paragun mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni li l-ammenda in kwistjoni tikser il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' adegwatezza. Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tipparaguna l-perċentwali ta' l-ammendi fir-rigward tal-fatturat ta' l-impriżi kkonċernati minkejja l-fatt li, skond il-ġurisprudenza, il-proporzjonalità ta' l-ammenda għandha tiġi evalwata fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha tal-ksur (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs il-Kummissjoni, punt 112 iktar 'il fuq, punt 1215). Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni msemmija mir-rikorrenti jikkonċernaw ammendi imposti fuq impriżi kbar. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma tistax timponi ammendi astronomiċi fuq impriżi kbar bil-għan biss li żżomm il-proporzjonalità fir-rigward tal-fatturat invokat mir-rikorrenti. Bl-istess mod, hija ma tistax timponi ammendi inferjuri għal-livell minimu, u li m'għandhom ebda effett dissważiv, fuq impriżi iżgħar bħar-rikorrenti.

177   Hija u tirreferi għall-argumenti tagħha b'risposta għar-raġunijiet l-oħra esposti iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tinnota l-paragun li r-rikorrenti tagħmel ma' deċiżjonijiet preċedenti li jimponu ammendi huma mill-bidu nett irrilevanti. Hija tressaq li huwa preċiżament minħabba li hija kellha tikkunsidra, fil-kalkolu ta' l-ammenda, differenzi ta' daqs bejn l-impriżi kkonċernati, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, li hija ma tistax serjament issostni li hija kien imissha qasmet b'450 l-ammenda ta' 3 780 000 EUR u tasal għal ammenda ta' 8 400 EUR sabiex iżżom il-proporzjonalità fir-rigward ta' l-ammenda imposta fuq Volkswagen obbligi tal-fatturat ikkonċernat magħmul fiż-ŻEE.

e)     b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

178   Fil-kuntest ta' l-ewwel parti ta' l-argument tagħha rigward il-ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' adegwatezza, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret dawn il-prinċipji, f'dak illi hija ma kinitx ikkunsidrat la l-għanijiet ta' prevenzjoni speċifika u lanqas il-kapaċità ekonomika tar-rikorrenti.

179   Skond il-ġurisprudenza, il-poter tal-Kummissjoni li timponi ammendi fuq impriżi li, intenzjonalment jew b'negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 81(1)KE jew ta' l-Artikolu 82 KE jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tkun tista' twettaq il-missjoni ta' sorveljanza li jagħtiha d-dritt Komunitarju. Din il-missjoni tinkludi ċertament id-dover li tinvestiga u li tikkastiga l-ksur individwali, imma tinkludi wkoll id-dover li ssegwi politika ġenerali intiża sabiex tapplika fil-qasam tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u sabiex tmexxi f'dan is-sens l-aġir ta' l-impriżi (sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 105).

180   Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha l-poter li tiddeċiedi l-livell ta' l-ammont ta' l-ammendi sabiex tirrinforza l-effett disswasiv tagħhom meta ksur ta' tip determinat ikun għadu relattivament frekwenti, għalkemm l-illegalità tiegħu tkun ġiet stabbilita fil-bidu tal-politka Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, minħabba l-profitt li ċerti impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jidderivaw minnu (sentenza Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 108).

181   Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar 'il fuq, l-għan ta' dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt issegwi fl-iffissar ta' l-ammont ta' ammenda intiż sabiex jiġi żgurat ir-rispett mill-impriżi tar-regoli ta' kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat fit-tmexxija tan-negozju tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-ŻEE. Minn dan isegwi li natura dissważiva ta' ammenda imposta minħabba ksur tar-regoli Komunitarji ta' kompetizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata abbażi biss tas-sitwazzjoni partikolari ta' l-impriża kkundannata (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punt 110).

182   Fuq kollox, ir-raba' paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jipprovdi, b'mod partikolari, li huwa neċessarju fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-gravità ta' ksur li "tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-ksur li jagħmlu ħsara kbira lill-operaturi l-oħra, b'mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont ta' l-ammenda fuq livell li jassigura effett dissważiv biżżejjed". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

183   Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat il-kapaċità ekonomika tar-rikorrenti li tikkaġuna dannu lill-kompetizzjoni, kif ukoll in-neċessità li tiffissa l-ammenda għal livell li jiggarantixxi effett dissważiv (premessi 304 sa 309). Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-ammenda imposta mhijiex sproporzionata meta mqabbla mad-daqs ta' l-impriża kkonċernata. Ir-rikorrenti għamlet fatturat dinji ta' 71.018 miljun EUR fl-2000. L-ammenda imposta, jiġifieri 3.78 miljun EUR tirrappreżenta biss 5.3% tal-fatturat globali tagħha. Barra minn hekk, ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti mhijiex fil-pożizzjoni li tħallas tali ammenda (ara l-punt 164 iktar 'il fuq). F'kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha ta' ġurisdizzjoni assoluta li, fir-rigward tal-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur, l-ammont ta' l-ammenda huwa xieraq.

184   Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni parti ta' din ir-raġuni, bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità f'dak illi hija ma kkunsidratx il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx prattikament għamlet ebda profitt permezz tal-prodott in kwistjoni u li hija kienet ukoll, matul ċerti snin, subiet telf f'dan is-settur tas-suq, għandu jiġi mfakkar li, jekk l-ammont ta' l-ammenda imposta għandu jkun in proporzioni mat-tul ta' żmien tal-ksur u ma' l-elementi oħra li jistgħu jaffettwa l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li fosthom hemm il-profitt li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu mill-prattiċi tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127), il-fatt li impriża ma kinitix ibbenefikat ebda qliegħ mill-ksur ma jistax, skond il-ġurisprudenza, jostakola li ammenda tiġi imposta, b'riskju li din ma jibqax ikollha effett dissważiv (sentenzi Ferriere Nord vs il-Kummissjoni, punt 43 iktar 'il fuq, u FETTCSA, punt 340).

185   Minn dan isegwi li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, sabiex tiffissa l-ammont ta' l-ammendi, li tieħu in konsiderazzjoni in-nuqqas ta' benefiċċju meħud mill-ksur in kwistjoni (sentenzi Cimenteries CBR. et vs il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punt 4881, u FETTCSA, punt 341).

186   Għalkemm il-Kummissjoni tista', skond il-linji gwida tagħha (punt 2, l-ewwel paragrafu, il-ħames subinċiż) u skond ċirkostanzi aggravanti, iżżid is-sanzjoni sabiex tissupera l-ammont ta' qliegħ illeċitu magħmul permezz tal-ksur, dan ma jfissirx madankollu li hija għaldaqstant għandha r-responsabbiltà li tistabbilixxi, fiċ-ċirkostanzi kollha, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda, il-vantaġġ finanzjarju marbut mal-ksur ikkonstatat (sentenza FETTSCA, punt 342 sa 343). Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta' tali benefiċċju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkostanza attenwanti.

187   F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tal-benefiċċju miksub mill-ksur għandu jiġi miċħud.

188   Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, l-argument ibbażat fuq paragun bejn id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, għandu jiġi miċħud minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 41 sa 43 iktar 'il fuq.

189   Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li t-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda.

3.     Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

 a) L-argumenti tal-partijiet

190   Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tisħaq li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi naqset li tieħu in kunsiderazzjoni il-fatturat li hija għamlet bil-prodott in kwistjoni meta mqabbel mal-fatturat globali tagħha fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-limitu ta' 10% imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Hija tosserva li l-ammont ta' l-ammenda impost fuq SNCZ kien ġie mnaqqas minn 4.2 għal 1.7 miljun EUR skond dan il-limitu peress illi din il-kumpannija kellha fatturat globali li kien biss ta' 17.08 miljun EUR fl-2000. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kinitx ibbenefikat minn tali tnaqqis minħabba l-fatturat globali tagħha ta' 71.018 miljun EUR. Ir-rikorrenti ssostni li dan it-trattament inugwali jirriżulta minn differenzi strutturali bejn iż-żewġ impriżi. Fil-fatt, hija żvantaġġjata inkwantu impriża tal-familja li tiġbor flimkien il-parti l-kbira tan-negozju ta' soċjetà in akkomandita (GmbH & Co. KG) peress illi hija għandha fatturat globali komparattivament għoli. Fid-determinazzjoni ta' l-ammenda li għandha tiġi imposta fuqha, il-Kummissjoni ibbażat ruħha esklużivament fuq dan il-fatturat globali għoli, filwaqt li l-biċċa l-kbira tan-negozju tagħha m'għandu ebda rabta mal-prodotti kkonċernati mill-ksur. Bil-kontra, il-grupp li minnu tifforma parti SNCZ kellu fatturat li kien ta' 278.8 miljun EUR, imma dan il-grupp kien qasam in-negozju l-ieħor tiegħu f'kumpanniji diversi u SNCZ għalhekk kellha fatturat li għola biss għal 17.08 milljun EUR. Il-fatturat magħmul minn SNCZ bil-prodott in kwistjoni jirrappreżenta xorta waħda madwar 22.9% tal-fatturat globali tagħha. Għaldaqstant, l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti, "meta mqabbla mal-fatturat magħmul bil-prodott ikkonċernat" huwa iktar minn darbtejn akbar minn dak impost fuq SNCZ. Skond ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza teħtieġ li r-rabta bejn il-fatturat magħmul mill-prodott ikkonċernat u l-fatturat globali jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex jiġi evitati tali inugwaljanzi.

191   Ir-rikorrenti tikkontesta r-relevanza tas-sentenzi nvokoti mill-Kummissjoni sabiex turi li ma kienx hemm trattament inugwali. Fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, ir-rikorrenti kienu kkontestaw il-fatt li l-ammonti tbażi ta' l-ammendi ta' ċerti impriżi kkonċernati kienu inġustamnet iffissati għal aktar mill-limitu ta' 10% tal-fatturat imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, filwaqt li dan ma kienx il-każ għal oħrajn (sentenzi Brugg Rohrysteme vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 155, u ABB Asea Brown Boveri vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 185). Min-naħa l-oħra, din il-kawża tikkonċerna trattament inugwali li jirriżulta min-nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni livelli differenti ta' diversifikazzjoni ta' l-impriżi kkonċernati li jikkonċernaw il-kalkolu ta' l-ammenda.

192   Fit-tieni lok, għalkemm erbgħa mis-sitt impriżi kkonċernati kellhom ishma mis-suq ekwivalenti, il-Kummissjoni adottat ammonti bażi totalment differenti għal kull waħda minn dawn l-impriżi. Fil-fatt, l-ammonti bażi qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kienu jvarjaw bejn 700 000 u 4 200 000 EUR. Il-livell għoli ta' diversifikazzjoni tar-rikorrenti kellu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi evitat dan it-trattament inugwali.

193   Il-Kummissjoni tikkuntesta fondatezza ta' din ir-raġuni. Hija tikkontesta partikolarment it-tentattiv magħmul mir-rikorrenti, fir-replika tagħha, li tiddistingwi l-kawżi li kienu wasslu għas-sentenzi Brugg Rohrysteme vs il-Kummissjoni u ABB Asea Brown Boveri vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, ta' din il-kawża. Bħal f'dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża li wasslet għal dawn is-sentenzi kienet ġiet adottata fil-konfront ta' impriża akbar u aktar diversifikata, li fiha l-limitu ta' 10% ma kienx ġie applikat, u ta' impriża iżgħar u inqas diversifikata, fejn l-ammenda ġiet imnaqqsa għal 10% tal-fatturat (sentenza Brugg Rohyrsysteme vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punti 155 sa 156).

194   Il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-argument tar-rikorrenti li hija imponiet ammendi differenti lil ħamsa mis-sitt impriżi kkonċernati li kellhom ishma mis-suq ekwivalenti mingħajr ma kkunsidrat id-diverisfikazzjonijiet ta' dawn l-impriżi. Jekk raġunament bħal dan kellu jiġi aċċettat, ir-riżultat tiegħu, fil-fatt ikun, li t-tul ta' żmien varjabbli tal-ksur u l-limitu ta' 10% tal-fatturat ma jistgħux jiġu kkunsidrati.

 b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

195   Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' trattament ugwali huwa miksur biss meta sitwazzjonijiet li jixxiebħu huma kkunsidrati b'mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma kkunsidrati b'mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs il-Kummissjoni, punt 66 iktar 'il fuq, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

196   Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-limitu massimu stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-ammendi jkunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-importanza ta' l-impriża kkonċernata. Peress illi l-fatturat biss jista' effettivament jagħti indikazzjoni appromissattiva f'dan ir-rigward, dan il-limitu għandu jiftiehem bħala li jirreferi għal fatturat globali (sentenzi Musique diffusion française et vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 119, u HFB et vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 541).

197   L-argument tar-rikorrenti dwar ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali ma jistax jiġi aċċettat. Il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 b'referenza għall-fatturat globali kemm fil-każ tar-rikorrenti kif ukoll f'dak ta' SNCZ. Il-fatt li s-SNCZ ibbenefikat minn tnaqqis ta' l-ammont bażi huwa oġġettivament iġġustifikat bħala applikazzjoni diretta ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 185).

198   Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti hija aktar minn tliet darbiet akbar f'dak li jirrigwarda il-fatturat globali minn SNCZ. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni imponiet ammenda ta' 1.53 miljun EUR fuq din ta' l-aħħar u ammenda ta' 3.78 miljun EUR fuq ir-rikorrenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

199   Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax lanqas tallega li subit trattament inugwali f'dak illi l-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-limitu ta' l-ammenda, ma kkunsidratx il-fatturat li hija għamlet bil-prodott in kwistjoni meta mqabbel mal-fatturat globali tagħha. Fir-rigward tal-paragun ma' SNCZ, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni attribwiet il-ksur lil SNCZ u mhux lill-grupp li hija kienet tifforma parti minnu (premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nuqqas ta' provi ta' implikazzjoni tal-grupp li minnu kienet tifforma parti SNCZ, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni għamlet diskriminazzjoni billi applikat, għal SNCZ, il-limitu ta' 10% tal-fatturat tagħha previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 181).

200   Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni imponiet ammonti bażi differetni fuq ħamsa mis-sitt impriżi kkonċernati minkejja l-fatt li huma kellhom l-istess ishma mis-suq ma jistax jintlaqa'. Fil-fatt, il-Kummissjoni imponiet l-istess punt ta' tluq fuq ir-rikorrenti, Britannia, SNCZ, u fuq Trident, jiġifieri 3 miljun EUR (premessa 309 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, minħabba t-tul ta' żmien differenti tagħhom fil-parteċipazzjoni għall-ksur u l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta' 10% tal-fatturat, l-ammonti bażi qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni varjaw. Dawn il-varjazzjonijiet jirriżultaw direttament mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ma setgħux b'hekk jiġu kkunsidrati bħala ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

4.     Fuq ir-raba' raġuni, rigward il-ksur ta' l-Artikolu 7 tal-QEDB (Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem)

 a) L-argumenti tal-partijiet

201   Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kisret l-Artikolu 7 tal-QEDB billi applikat żidiet konsiderevoli għall-ammendi li ma kinux jeżistu meta il-ksur kien sar. Skond l-Artikolu 7(1) mhija imposta "ebda piena aktar ħarxa minn dik li kienet applikabbli fil-mument li fih il-ksur kien sar". Il-prinċipju ta' l-Artikolu 7 jaqa' taħt il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Komunità li l-Unjoni Ewropea tirrispetta espressament u li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jirrispettaw ukoll fil-kawża li jikkonċernaw il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II-729, punti 60 u 77). F'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet ipproċediet għal żieda konsiderevoli tal-livell ta' l-ammendi meta adottat il-linji gwida fl-1998. Sussegwentement, fil-Ħarifa 2001, mingħajr ebda bażi legali u fin-nuqqas ta' kwalunkwe emendi tal-linji gwida, il-Kummissjoni kienet għolliet il-livell ta' l-ammendi b'mod li qatt ma kien sar qabel. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat dawn iż-żewġ żidiet fil-livell ta' l-ammendi filwaqt li l-akbar parti ta' l-atti in kwisjtoni kienu diġa saru qabel l-adozzjoni tal-linji gwida fl-1998. Dawn iż-żidiet jikkostitwixxu tibdiliet fil-kuntest tal-piena u l-applikazzjoni tagħhom għall-ksur in kwistjoni tmur kontra l-Artikolu 7 tal-QEDB.

202   Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma tistax tisħaq li l-ammendi in kwistjoni ma jissuperawx il-limitu ta' 10% tal-fatturat dinji previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni biss tiddetermina l-"kuntest veru tal-piena". Il-limitu tas-sanzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jeħtieġu konkretizzazzjoni permezz tal-prassi deċiżjonali sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta' previdibbiltà ta' sanzjoni penali. Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li hija għandha marġni ta' diskrezzjoni sabiex iżżid il-livell ta' l-ammendi, ir-rikorrenti tinsisti li tali żieda għandha tiġi limitata mil-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' adegwatezza.

203   Ir-rikorrenti tinnota wkoll li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata biss fil-11 ta' Diċembru 2001, jiġifieri iktar minn tliet snin u nofs wara t-tmiem tal-ksur (it-13 ta' Mejju 1998). Kieku il-Kummissjoni kienet tat id-deċiżjoni tagħha xi xhur qabel, l-ammenda imposta kienet tkun inqas għolja. Dan id-dewmien arbitrarju m'għandux jikkaġuna dannu lir-rikorrenti permezz ta' l-applikazzjoni retroattiva tal-politka ġdida tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-livell ta' l-ammendi.

204   Il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni tal-linji gwida f'dan il-każ ma jiksrux il-projbizzjoni ta' retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali. Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-introduzzjoni, mill-Kummissjoni, ta' metodu ġdid ta' kalkolu ta' l-ammendi, li jista' jwassal, f'ċerti każijiet, għal żieda fl-ammont ta' l-ammendi, mingħajr ma għaldaqstant jeċċedi l-limitu massimu stabbilit fl-istess Regolament, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala aggravazzjoni b'effett retroattiv, ta' ammendi kif inhuma ġuridikament previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 li tmur kontra l-prinċipji ta' legalità u ta' sigurtà ġuridika (sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punti 217 sa 224 u 233 sa 235). Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 ma jirrispettax l-eżiġenza ta' speċifiċità u l-obbligu ta' previdibbilità li ġie kkonkretizzat permezz tal-prassi amministrattiva.

f)     b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

205   Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' non-retroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali huwa prinċipju komuni fis-sistemi legali kollha ta' l-Istati Membri, inkluż ukoll fl-Artikolu 7 tal-QEDB, u jifforma parti integranti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-qorti Komunitarja tassigura l-osservanza tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Lulju 1984, Kirk, 63/83, Ġabra p. 2689, punt 22, u s-sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 219).

206   Anke jekk jirriżulta mill-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 17 li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu ammendi għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni mhumiex ta' natura kriminali (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 1994, Tetra Pak vs il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235), jibqa' l-fatt li l-Kummissjoni għandha obbligu li tirrispetta l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u b'mod partikolari dak tan-non-retroattività, fil-proċedura amministrattiva kollha li tista' twassal għal sanzjonijiet b'applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni tat-Trattat (ara, b'analoġija, għal dak li jikkonċerna d-drittijiet ta' difiża, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 7, u s-sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 220).

207   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipji previsti fl-Artikolu 7 tal-QEDB. L-impriżi implikati f'proċedura amminstrattiva li tista' tagħti lok għal ammenda għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li, fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell ta' l-ammont ta' l-ammendi meta mqabbel ma' dak applikat fil-passat (ara punt 42 iktar 'il fuq).

208   Dan japplika mhux biss meta l-Kummissjoni tipproċedi għal żieda fil-livell ta' l-ammont ta' l-ammendi f'deċiżjonijiet individwali, imma wkoll jekk din iż-żieda ssir permezz ta' l-applikazzjoni tar-regoli ta' imġieba ġenerali bħal mhuma l-linji gwida.

209   Għandu jiġi konkluż li l-metodu l-ġdid ta' kalkolu ta' l-ammendi li l-linji gwida jinkludu, anki kieku kellu effett aggravanti f'dak li jikkonċerna l-livell ta' l-ammendi imposti, kien raġonevolment prevedibbli għall-impriżi bħar-rikorrenti fiż-żmien meta il-ksur in kwistjoni kien sar.

210   Mhuwiex relevanti li l-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammendi li jsegwi metodu espost fil-linji gwida tista' jwassal lill-Kummissjoni timponi ammendi għola milli fil-prassi preċedenti tagħha, minħabba li hija kellha marġni ta' diskrezzjoni f'dak li jikkonċerna l-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammendi sabiex tmexxi l-aġir ta' l-impriżi lejn ir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 237, u HFB et vs il-Kummissjoni, punt 33 iktar 'il fuq, punt 494).

211   Għal dawn ir-raġunijiet, ir-raġuni bbażata fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta' non-retroattività għandha tiġi miċħuda.

5.     Fuq il-ħames raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 253 KE

 a) L-argumenti tal-partijiet

212   Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li jingħataw raġunijiet imsemmi fl-Artikolu 253 KE f'dak illi hija ma spejgatx għalfejn hija imponiet ammenda li kienet għola minn dawk li hija kienet imponiet fil-prassi preċedenti tagħha.

213   Jirriżulta mill-ġurisprudenza li r-raġuni għandha tkun adatta għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u mingħajr ekwivoku ir-raġunament ta' l-Istituzzjoni, li tkun ħejjiet l-att, b'mod li jippermetti lill-partijiet kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punt 4725). Huwa mixtieq li l-impriżi jistgħu jsiru jafu fid-dettal il-mod ta' kalkolu ta' l-ammenda li ġiet imposta fuqhom (sentenzi Tréfilunion vs il-Kummissjoni, punt 68 iktar 'il fuq, punt 142, u Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni, punt 51 iktar 'il fuq, punt 4734) u r-raġuni għandha tkun partikolarment iddettaljata meta din toħroġ barra mill-konfini tal-prassi deċiżjonali preċedenti (sentenza tal-Qorti tas-17 ta Novembru 1987, BAT u Reynolds vs il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 71). F'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet imponiet ammenda li għoliet ta' 4.2 miljun EUR qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, jiġifieri 111% tal-fatturat fuq il-livell taż-ŻEE magħmul bil-prodott in kwistjoni permezz tar-rikorrenti fl-1998. Is-somma ta' l-ammonti bażi applikata fir-rigward ta' l-impriżi kkonċernati kienet tammonta għal 129 sa 138% tal-valur globali tas-suq Eworpew tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri minn 15 sa 16 miljun EUR. Dawn l-ammonti huma ħafna għola mill-ammendi imposti mill-Kummissjoni fil-passat f'kawżi li jixxiebħu. Peress illi hija ma segwitx il-prassi preċedenti tagħha, minkejja bosta ċirkostanzi favorevoli f'dan il-każ, il-Kummissjoni kien imissa tat raġunijiet għall-ammendi b'mod iktar iddettaljat.

214   Minbarra dan, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax il-metodu u l-bażi ta' kalkolu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkula l-ammonti bażi. Din ta' l-aħħar kienet tirreferi, fid-deċiżjoni kkontesta, għall-fatturat magħmul bil-prodott in kwistjoni fuq il-livell taż-ŻEE (premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata), imma biss sabiex tiddetermina l-valur relattiv ta' l-impriżi differenti fis-suq. Fir-rigward ta' l-importanza assoluta tal-punt ta' tluq, il-Kummissjoni ma tindikax b'mod ċar jekk hija użatx il-fatturat magħmul mill-prodott in kwistjoni fuq il-livell taż-ŻEE jew fuq livell dinji jew jekk hija kkunsidrat il-fatturat globali tar-rikorrenti.

215   Il-Kummissjoni filwaqt li tirreferi għall-argumenti tagħha b'risposta għar-raġunijiet l-oħra iktar 'il fuq, issostni qabel kollox li l-argument tar-rikorrenti li l-kalkolu ta' l-ammenda kien ibbażat fuq livell mhux normalment għoli, joħloq konfużjoni konsiderevoli minħabba l-fatt li r-rikorrenti tqabbel valuri ta' referenza kompletament differenti, li jservu t-tnejn li huma sabiex jevalwaw il-livell ta' l-ammendi. Madankollu, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata twassal żieda konsiderevoli tal-livelli ta' l-ammendi, il-Kummissjoni ma naqsitx milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet.

216   Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax il-fatturat użat sabiex jiġi determinat il-livell assolut tal-punt ta' tluq, il-Kummissjoni ssostni li hija ma ddeterminatx dan l-ammont fuq il-bażi ta' wieħed mill-fatturati jew l-ieħor, iżda b'rigward għall-gravità tal-ksur li hija evalwat billi bbażat ruħha fuq in-natura tiegħu, l-effetti tiegħu fuq is-suq u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat kif ukoll fuq id-daqs limitat tas-suq tal-prodott ikkonċernat.

 b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

217   Skond ġurisprudenza kostanti r-raġunijiet mitluba mill-Artikolu 253 KE għandhom jiġu adattati għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandhom juru b'mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, li tkun ħejjiet l-att, b'mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Mhuwiex meħtieġ li r-raġunijiet jispeċifikaw l-elementi kollha ta' fatt u ta' dritt relevanti, safejn il-kwistjoni dwar jekk ir-raġunijiett għal att jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 għandha tiġi evalwata b'rigward mhux biss tal-kliem tagħhom, iżda wkoll b'rigward għall-kuntest tagħhom kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tal-Qorti tat-2 ta' April 1998, il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

218   Fil-każ ta' deċiżjoni li timponi ammendi fuq bosta impriżi għall-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, l-iskop ta' l-obbligu ta' raġunijiet għandu jiġi, b'mod partikolari, iddeterminat fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta' numru kbir ta' elementi bħal, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-element dissważiv ta' l-ammendi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta' kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Marzu 1996, SPO et vs il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54, u s-sentenza LR AF 1998 vs il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, punt 378).

219   Fil-kuntest tat-talbiet magħmula f'dan ir-rikors, li huma limitati ruħhom għal-legalità ta' l-ammenda, għall-ammont tagħha u għall-metodu ta' kalkolu tagħha, din ir-raġuni hija manifestament infondata. Id-deċiżjoni kkontestata fiha 370 premessa, li minnhom 118 (premessi 252 sa 370) jitrattaw l-ammendi. Fil-premessi 262 sa 303, il-Kummissjoni turi l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur. Sussegwentement, hija tindika kif hija kkonkludiet li għandu jiġi applikat trattament differenzjali għaż-żewġ kategoriji ta' impriżi (premessi 304 sa 309) u hija tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha tat-tul ta' żmien tal-ksur (premessi 310 sa 312) sabiex tasal għall-ammonti bażi (premssa 313). Hija teżamina jekk hemmx lok li xi ċirkustanzi jiġu kkunsidrati bħala aggravanti u attenwanti (premessi 314 sa 336) u tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (premessi 346 sa 366). Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata fiha indikazzjoni biżżejjed u relevanti ta' l-elementi ta' evalwazzjoni kkunsidrati sabiex jiġu determinati l-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur. Għandu jiġi kkonstatat, minbarra dan, li l-argument żviluppat mir-rikorrenti fil-kuntest ta' l-ewwel erba' raġunijiet ta' dan ir-rikors juri li hija fehmet perfettament ir-raġunament li hemm wara d-deċiżjoni kkontestata.

220   L-akkużi magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest ta' din ir-raġuni ma juru ebda diffikultà ta' ftehim tar-raġunament tal-Kummissjoni u lanqas ta' l-ispjegazzjoni ta' l-elementi kkunsidrati. Hija prinċipalment tressaq kritika li tikkonċerna l-ammont ta' l-ammenda tagħha meta mqabbla ma' dawk imposti fil-passat f'kawżi komparabbli. Dan il-paragun ma jimplikax nuqqas ta' raġunijiet. Sakemm dan ikun relevanti, dan ikun relatat ma' l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.

221   Anki jekk jiġi presunt li d-deċiżjoni tinvolvi żieda konsiderevoli tal-livell ta' l-ammenda meta mqabbla mad-deċiżjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni żviluppat b'mod kompletament espliċitu ir-raġunament li wassala tiffissa għal tali livell l-ammont ta' l-ammenda tar-rikorrenti (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tas-26 ta' Novembru 1975, Fabricants de papiers peints vs il-Kummissjoni, 73/74, Ġabra p. 1491, punt 31).

222   Ir-rikorrenti tosserva, ġustament, li d-deċiżjoni kkontestata ma turix la l-metodu u lanqas il-kalkolu li wassal lill-Kummissjoni tadotta, fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-punt ta' tluq ta' 3 miljuni EUR magħżul għall-grupp tal-"produtturi prinċipali" (premessi 308 u 309). Madankollu, r-rekwiżiti proċedurali essenzjali li jikkostitwixxu l-obbligu li jingħataw raġunijiet ma jobbligawx lill-Kummissjoni tindika fid-deċiżjoni tagħha l-figuri relatati għall-metodu ta' kalkolu ta' l-ammendi, iżda biss l-elementi ta' evalwazzjoni li ppermettewlha tikkalkula l-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2000, Sarrió vs il-Kummissjoni, C-291/98, Ġabra p. I-9991, punti 73 u 76, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 1558).

223   Din il-ħames raġuni għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

224   Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

225   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Lindh

 García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta' Novembru 2005

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

       President


Werrej


Il-fatti

Id-dritt

A -  Fuq l-eċċezzjoni ta' illegalità

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

B – Fuq ir-raġunijiet għall-annullament

1. Fuq l-ewwel parti, rigward il-ksur ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-linji gwida

1.  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-ksur

Fuq in-natura tal-ksur

b)  "a) l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta' kundizzjonijiet oħra tan-negozju;

c)  il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni tas-swieq, ta' l-iżvilupp tekniku jew ta' l-investiment;

d)  it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta' fonti ta' provvista;

Fuq l-effetti tal-ksur

Fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjonijiet tal-kriżi tas-settur bħala ċirkostanza attenwanti

Fuq it-tqabbil ma' akkordji oħra

1.  b) Fuq it-tieni parti, rigward in-nuqqas ta' konsiderazzjoni tal-fatt li proporzjon żgħir biss tal-fatturat tar-rikorrenti kien ikkonċernat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  c) Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-iżball tad-dritt li jirriżulta min-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-kapaċitŕ ekonomika tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq it-tieni raġuni, ibbażata -ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalitŕ

e)  a) L-argumenti tal-partijiet

f)  b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

3.  Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

g)  a) L-argumenti tal-partijiet

h)  b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

4.  Fuq ir-raba' raġuni, rigward il-ksur ta' l-Artikolu 7 tal-QEDB (Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem)

i)  a) L-argumenti tal-partijiet

j)  b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

5.  Fuq il-ħames raġuni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 253 KE

k)  a) L-argumenti tal-partijiet

l)  b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.